12.8.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 270/47
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2019 — Puigdemont i Casamajó and Comín i Oliveres vs Il-Parlament
(Kawża T-388/19)
(2019/C 270/49)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Carles Puigdemont i Casamajó (Waterloo, il-Belġju) u Antoni Comín i Oliveres (Waterloo) (rappreżentanti: P. Bekaert, lawyer, B. Emmerson QC, G. Boye u S. Bekaert, lawyers)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament dwar iċ-ċaħda tal-aċċess tar-rikorrenti għas-servizz speċjali ta’ akkoljenza implimentat għall-membri tal-Parlament eletti u l-istruzzjoni tal-President tal-Parlament tad-29 ta’ Mejju 2019, li pprekludewhom milli jissottomettu d-dikjrazzjoni bil-miktub meħtieġa skont l-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ Proċedura;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament, kif ikkonfermata bl-ittra mingħajr bażi legali tal-President tal-Parlament tas-27 ta’ Ġunju 2019, dwar in-nuqqas li tittieħed nota tar-riżultati tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Mejju 2019 li ġew iddikjarati uffiċjalment minn Spanja, u d-deċiżjoni sussegwenti li tittieħed nota ta’ lista differenti u inkompleta ta’ deputati eletti nnotifikata fis-17 ta’ Ġunju 2019 mill-awtoritajiet Spanjoli, li ma tinkludix lir-rikorrenti;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament li qieset li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali Spanjola tal-20 ta’ Ġunju 2019 iċċaħħad minn effett id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti bħala deputati tal-Parlament eletti, ewkiparabbli għal dikjarazjoni illegali ta’ post vakanti li tikser l-Artikolu 13 tal-Att Elettorali tal-1976, attribwibbli lill-Parlament;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament, kif ikkonfermata bl-ittra mingħajr bażi legali tal-President tal-Parlament tas-27 ta’ Ġunju 2019, dwar ir-rifjut li jiġi ggarantit, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, id-dritt lir-rikorrenti li jpoġġu fil-Parlament u fil-korpi tiegħu billi jgawdu d-drittijiet kollha marbuta magħhom b’effett mid-data tal-ewwel seduta u sakemm tingħata deċiżjoni dwar il-kontestazzjonijiet li tressqu kemm quddiem il-Parlament kif ukoll l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Spanja;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-Parlament, kif ikkonfermata bl-ittra mingħajr bażi legali tal-President tal-Parlament tas-27 ta’ Ġunju 2019, dwar ir-rifjut li jiġu kkonfermati l-privileġġi u l-immunitajiet tar-rikorrenti skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha tal-proċedura preżenti u tordnah jikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu mġarrab, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE: it-telf tas-salarju mensili mogħti lill-membri tal-Parlament Ewropew, flimkien ma’ 1 EUR simbolika għad-dannu morali.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Parlament dwar iċ-ċaħda tal-aċċess tar-rikorrenti għas-servizz speċjali ta’ akkoljenza implimentat għall-membri tal-Parlament eletti u l-istruzzjoni tal-President tal-Parlament tad-29 ta’ Mejju 2019, jiksru l-Artikoli 20, 21 u 39(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Parlament dwar in-nuqqas li tittieħed nota tar-riżultati tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Mejju 2019 li ġew iddikjarati uffiċjalment minn Spanja, u d-deċiżjoni sussegwenti li tittieħed nota ta’ lista differenti u inkompleta ta’ deputati eletti nnotifikata fis-17 ta’ Ġunju 2019 mill-awtoritajiet Spanjoli, li ma tinkludix lir-rikorrenti, jiksru l-Artikolu 12 tal-Att Elettorali tal-1976 u l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2018/937 (1), flimkien mal-Artikolu 39(2) tal-Karta, l-Artikolu 10(1) u (2) TUE, l-Artikolu 14(2) u (3) TUE u l-Artikolu 1(3) tal-Att Elettorali tal-1976.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Parlament li qieset li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali Spanjola tal-20 ta’ Ġunju 2019 iċċaħħad minn effett id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti bħala deputati tal-Parlament eletti, ewkiparabbli għal dikjarazjoni illegali ta’ post vakanti li tikser l-Artikolu 13 tal-Att Elettorali tal-1976, attribwibbli lill-Parlament, tikser l-Artikoli 6(2), (8) u 13 tal-Att Elettorali tal-1976, flimkien mal-Artikolu 39(2) tal-Karta, l-Artikolu 10(1) u (2) TUE, l-Artikolu 14(2) u (3) TUE u l-Artikolu 1(3) tal-Att Elettorali tal-1976.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Parlament dwar ir-rifjut li jiġi ggarantit, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, id-dritt lir-rikorrenti li jpoġġu fil-Parlament u fil-korpi tiegħu billi jgawdu d-drittijiet kollha marbuta magħhom b’effett mid-data tal-ewwel seduta u sakemm tingħata deċiżjoni dwar il-kontestazzjonijiet li tressqu kemm quddiem il-Parlament kif ukoll l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Spanja, tikser l-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew u l-Artikoli 5(1) u 12 tal-Att Elettorali tal-1976, flimkien mal-Artikolu 39(2) tal-Karta, l-Artikolu 10(1) u (2) TUE, l-Artikolu 14(2) u (3) TUE u l-Artikolu 1(3) tal-Att Elettorali tal-1976.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-President dwar ir-rifjut li jiġu kkonfermati l-privileġġi u l-immunitajiet tar-rikorrenti skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, tikser l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, l-Artikolu 6(2) tal-Att Elettorali tal-1976 u l-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll flimkien mal-Artikolu 39(2) tal-Karta, l-Artikolu 10(1) u (2) TUE, l-Artikolu 14(2) u (3) TUE u l-Artikolu 1(3) tal-Att Elettorali tal-1976.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2018/937 tat-28 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (ĠU L 165I, 2.7.2018, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy