2.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 295/77
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Lulju 2019 — Société générale et vs SRB
(Kawża T-466/19)
(2019/C 295/102)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Société générale (Pariġi, Franza), Crédit du Nord (Lille, Franza) u SG Option Europe (Puteaux, Franza) (rappreżentanti: A. Gosset-Grainville, M. Trabucchi u M. Dalon, avukati)
Konvenut: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
skont l-Artikolu 263 tat-TFUE, tannulla d-Deċiżjoni SRB/ES/SRF/2019/10 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2019 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni sa fejn hija tikkonċerna lir-rikorrenti;
—
skont l-Artikolu 277 tat-TFUE, tiddikjara d-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni u tar-Regolament Delegat inapplikabbli:
—
l-Artikoli 69(2), 70(1) u 70(2)(a) u (b) tar-Regolament SRM;
—
l-Artikoli 4(2), 6, 7 u 10 kif ukoll l-Anness I tar-Regolament Delegat;
—
l-Artikoli 4 u 8(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur manifest tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li t-testi li d-deċiżjoni kkontestata tapplika jippenalizzawhom direttament u b’mod qawwi, minħabba l-modalitajiet għall-kalkolu kemm tal-kontribuzzjoni bażika kif ukoll tal-fattur ta’ riskju li huma ddefiniti fiha. Skont ir-rikorrenti, dawn il-kriterji ma jirriflettux fil-fatt la d-daqs reali tagħhom, u lanqas ir-riskju reali tagħhom. Il-ksur manifest tal-prinċipju ta’ ugwaljanza li jirriżulta direttament mit-testi huwa barra minn hekk intensifikat mid-differenzi fit-trattament applikabbli għall-istabbilimenti l-kbar, li fosthom jinsabu r-rikorrenti, meta mqabbla mal-istabbilimenti żgħar u ta’ daqs medju.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur manifest tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont ir-rikorrenti, il-ksur, ukoll manifest, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità permezz tat-testi li d-deċiżjoni kkontestata tapplika jirriżulta b’mod mekkaniku mill-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. B’mod partikolari, peress li l-mekkaniżmu tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni huwa bbażat fuq l-iffissar ta’ livell mira globali ta’ kontribuzzjonijiet iddeterminat minn qabel, in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-tqassim ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet bejn l-istabbilimenti jwassal b’mod mekkaniku għal ħlasijiet sproporzjonati u għaldaqstant għal ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali permezz tat-testi li d-deċiżjoni kkontestata tapplika huwa marbut kemm mal-imprevedibbiltà tal-modalitajiet għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni dovuta mill-istabbiliment kif ukoll mal-fatt li din il-kontribuzzjoni hija dipendenti mhux tant fuq is-sitwazzjoni u l-profil ta’ riskju globali tal-istabbiliment inkwantu tali iżda fuq is-sitwazzjoni tiegħu meta mqabbla mal-istabbilimenti l-oħra.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba huwa kkaratterizzat mid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ma tapplikax, għall-kalkolu tal-varjabbli aġġustat skont ir-riskju, il-kriterji kollha ta’ riskju previsti mir-Regolament Delegat, minkejja li l-SRB kellu jkun f’pożizzjoni, erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tal-mekkaniżmu ta’ kontribuzzjonijiet, li japplika dawn il-kriterji kollha.
Full & Egal Universal Law Academy