16.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 312/28
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Lulju 2019 — Babcock International Group et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-485/19)
(2019/C 312/24)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Babcock International Group plc (Londra, ir-Renju Unit), Babcock Aviation Services (Holdings) Ltd (Londra) u Babcock Mission Critical Services Leasing Ltd (Londra) (rappreżentanti: J. Lesar, Solicitor, u K. Beal, QC)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2019) 2526, tat-2 ta’ April 2019, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit sa fejn tikkonċerna ċ-CFC Group Financing Exemption (l-eżenzjoni fuq il-finanzjament tal-gruppi fil-kuntest tar-regoli relatati mal-kumpanniji barranin ikkontrollati);
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(1) TFUE u/jew wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għażlet il-qafas ta’ referenza għall-analiżi tas-sistema fiskali. Il-Kummissjoni kellha tieħu s-sistema Brittanika ta’ ntaxxar tal-kumpanniji bħala qafas ta’ referenza, u mhux biss is-sistema tal-kumpanniji barranin ikkontrollati (KBK).
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat l-Artikolu 107(1) TFUE u/jew wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi segwiet approċċ żbaljat għall-analiżi tas-sistema tal-KBK. Fil-premessi 124 sa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 9 tal-Parti 9A tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 [il-Liġi dwar id-Dispożizzjonijiet Fiskali (Internazzjonali u Oħrajn) tal-2010] tar-Renju Unit bħala tip ta’ deroga għal taxxa ġenerali li tinsab fil-Kapitolu 5 ta’ din il-liġi.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat l-Artikolu 107(1) TFUE meta kkonstatat, fil-premessi 127 sa 151 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kriterju ta’ selettività kien issodisfatt sa fejn impriżi li kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet fattwali u legali paragunabbli kienu ttrattati b’mod differenti.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li l-eżenzjoni ta’ 75 % prevista fl-Artikolu 371ID tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 [il-Liġi dwar id-Dispożizzjonijiet Fiskali (Internazzjonali u Oħrajn) tal-2010] hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq li l-impożizzjoni ta’ piż fiskali fuq il-KBK tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet previsti fil-Kapitolu 9 tal-Parti 9A tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 [il-Liġi dwar id-Dispożizzjonijiet Fiskali (Internazzjonali u Oħrajn) tal-2010] tar-Renju Unit bħala klassi li tikser il-libertà ta’ stabbiliment tar-rikorrenti stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq it-twettiq ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jikkonċerna l-eżenjoni ta’ 75 % u l-kwistjoni tal-proporzjon fiss.
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tosservax il-prinċipju ġenerali tal-Unjoni ta’ nondiskriminazzjoni jew ta’ ugwaljanza.
8.
It-tmien motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat b’analoġija d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 (1) jew billi bbażat b’mod inġustifikat fuqhom, meta din ma kinitx applikabbli ratione temporis.
(1) Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU 2016, L 193, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy