16.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 312/29
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2019 — Spectris u Spectris Group vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-486/19)
(2019/C 312/25)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Spectris plc (Egham, ir-Renju Unit) u Spectris Group Holdings Ltd (Egham) (rappreżentanti: C. McDonnell, Barrister, B. Goren u K. Desai, Solicitors, u M. Peristeraki, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat illegali u (i) tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2019) 2526 tat-2 ta’ April 2019 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit sa fejn tikkonċerna ċ-CFC Group Financing Exemption (l-eżenzjoni fuq il-finanzjament tal-gruppi fil-kuntest tar-regoli relatati mal-kumpanniji barranin ikkontrollati), sa fejn jikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat illegali u (ii) tannulla l-obbligu għar-Renju Unit li jirkupra mingħand ir-rikorrenti l-allegata għajnuna mill-Istat illegali rċevuta f’dan il-kuntest (Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata);
—
sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jobbligaw lir-Renju Unit sabiex jirkupra mingħand rikorrenti l-allegata għajnuna mill-Istat illegali;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni fehmet ħażin il-funzjonament tar-regoli dwar il-kumpanniji barranin ikkontrollati kontenzjużi fir-rigward tat-trattament tal-profitti finanzjarji mhux relatati man-negozju. Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra b’mod żbaljat l-eżenzjoni fuq il-finanzjament tal-gruppi bħala eżenzjoni fiskali.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonstatat li r-regoli dwar il-kumpanniji barranin ikkontrollati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, għaldaqstant, li dawn ir-regoli jagħtu vantaġġ selettiv lil ċerti operaturi.
—
Iktar preċiżament, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni identifikat ħażin il-qafas ta’ referenza sabiex jiġu evalwati l-effetti tar-regoli dwar il-kumpanniji barranin ikkontrollati u kkunsidrat b’mod żbaljat li żewġ sitwazzjonijiet differenti huma paragunabbli mas-sitwazzjoni li fiha r-regoli dwar il-kumpanniji barranin ikkontrollati japplikaw. Dawn iż-żewġ żbalji jwasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra b’mod żbaljat li dawn ir-regoli jagħtu vantaġġ selettiv lil ċerti operaturi tas-suq. Minbarra dan, il-Kummissjoni tikkunsidra b’mod żbaljat li regoli dwar il-kumpanniji barranin ikkontrollati jiffurmaw ġabra ta’ regoli distinti mis-sistema Brittanika ġenerali ta’ taxxa fuq il-kumpanniji, filwaqt li tinjora karatteristiċi oħra tas-sistema Brittanika ta’ taxxa fuq il-kumpanniji ddestinati sabiex jiffunzjonaw b’rabta mar-regoli dwar il-kumpanniji barranin ikkontrollati. Konsegwentement, l-analiżi tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-paragunabbiltà u s-selettività hija vvizzjata minn żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq li, anki jekk jiġi preżuppost li l-miżuri dwar il-kumpanniji barranin ikkontrollati inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi b’mod żbaljat li xejn ma jista’ jiġġustifika l-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata hija irrazzjonali u inkoerenti, sa fejn il-Kummissjoni rrikonoxxiet korrettament li l-Kapitolu 9 tal-Parti 9A tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 [il-Liġi dwar id-Dispożizzjonijiet Fiskali (Internazzjonali u Oħrajn) tal-2010] huwa ġġustiifkat meta l-unika raġuni sabiex tiġi applikata taxxa fuq il-kumpanniji barranin ikkontrollati hija l-kriterju tal-“kapital konness Brittaniku”, minħabba li dan il-kriterju jista’ jkun eċċessivament diffiċli fil-prattika sabiex jiġi applikat, filwaqt li jiġi affermat, mingħajr ma tiġi pprovduta motivazzjoni xierqa, li dan il-Kapitolu 9 qatt ma huwa ġġustifikat meta l-kriterju tal-funzjonijiet umani sinjifikattivi jwassal għall-applikazzjoni ta’ taxxa fuq il-kumpanniji barranin ikkontrollati. Fir-realtà, il-kriterju tal-funzjonijiet umani sinjifikattivi huwa eċċessivament diffiċli sabiex fil-prattika jiġi applikat, b’mod li l-Kummissjoni kellha tikkonstata li l-Kapitolu 9 huwa wkoll iġġustifikat fir-rigward ta’ dan il-kriterju. Għalhekk il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li ma hemmx għajnuna mill-Istat.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata permezz tal-irkupru mingħand rikorrenti tal-allegata għajnuna mill-Istat, jekk din id-deċiżjoni hija kkonfermata, tikser prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi fil-każ tar-rikorrenti, il-kumpanniji barranin ikkontrollati inkwistjoni jinsabu fi Stati Membri oħra.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq li l-ordni ta’ rkupru li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex fondata u tmur kontra prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni li jikkonċerna ċerti elementi essenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, bħall-konklużjoni li t-taxxa fuq il-kumpanniji barranin ikkontrollati prevista fil-Kapitolu 5 tal-Parti 9A tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 [il-Liġi dwar id-Dispożizzjonijiet Fiskali (Internazzjonali u Oħrajn) tal-2010] tista’ tiġi applikata billi jintuża l-kriterju tal-funzjonijiet umani sinjifikattivi mingħajr diffikultà u mingħajr ma tirrappreżenta piż sproporzjonat.
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni kkontestata tikser ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jobbliga lill-Kummissjoni li tkun trasparenti u prevedibbli rigward il-proċeduri amministrattivi tagħha u li tagħti d-deċiżjonijiet tagħha f’terminu raġonevoli. Ma huwiex raġonevoli min-naħa tal-Kummissjoni li tieħu iktar minn erba’ snin sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ tal-investigazzjoni f’dan il-każ u li tagħti deċiżjoni iktar minn sitt snin wara d-dħul fis-seħħ tal-miżura kkontestata.
Full & Egal Universal Law Academy