16.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 312/31
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2019 — Weston Investment et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-490/19)
(2019/C 312/26)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Weston Investment Co. Ltd (Londra, ir-Renju Unit), Precis (1814) Ltd (Londra), British American Tobacco Holdings Belgium NV (Brussell, il-Belġju), British American Tobacco International Holdings (UK) Ltd (Londra) u British American Tobacco (GLP) Ltd (Londra) (rappreżentant: M. Anderson, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 2526 final, tat-2 ta’ April 2019, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit sa fejn tikkonċerna ċ-CFC Group Financing Exemption (eżenzjoni fuq il-finanzjament tal-gruppi fil-kuntest tar-regoli relatati mal-kumpanniji barranin ikkontrollati), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;
—
jekk id-deċiżjoni ma tiġix annullata kollha kemm hi, tordna li fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata, it-telf, it-tnaqqis u l-eżenzjonijiet li kienu disponibbli għal applikant fiż-żmien ta’ meta huwa uża l-eżenzjoni fuq il-finanzjament tal-gruppi (EFG), jew li kienu jkunu disponibbli għal applikant f’dak iż-żmien li kieku ma kienx għamel użu mill-EFG, għandhom fi kwalunkwe każ jittieħdu inkunsiderazzjoni anki jekk l-aċċess għal dak it-telf, tnaqqis jew eżenzjonijiet issa huwa preskritt skont id-dritt tar-Renju Unit;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-konvenuta naqset milli tistabbilixxi li l-eżenzjoni fuq il-finanzjament tal-gruppi (EFG) tikkostitwixxi vantaġġ. Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta naqset milli turi li hemm vantaġġ f’kull każ fejn intużat l-EFG. Barra minn hekk, kull rikorrent isostni li għażel li juża l-EFG mingħajr ma kkunsidra jekk l-ammont dovut minnu kienx ikun inqas li kieku kien għamel l-analiżi skont it-test tal-funzjonijiet umani sinjifikattivi li jinsab fit-Taqsima 371EB (iktar ’il quddiem it-“test FUS”) tal-Kapitolu 5 tal-Parti 9A tat-Taxation (International and Other Privisions) Act 2010.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq li ma kien hemm l-ebda intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta naqset milli tagħti prova li l-użu tal-EFG ċertament wassal għal tnaqqis fl-ammont dovut bħala taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq li l-EFG ma tiffavorixxix ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti. Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta wettqet żball meta (i) iddefinixxiet is-sistema ta’ referenza b’mod strett wisq, jiġifieri bħala r-regoli fil-Parti 9A tal-leġiżlazzjoni hawn fuq imsemmija minflok bħala s-sistema iktar wiesgħa ta’ taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit; (ii) naqset milli tifhem li l-Kapitolu 9 tal-imsemmija Parti 9A ma huwiex deroga mill-Kapitolu 5 tagħha; u (iii) naqset milli tirrikonoxxi li, anki jekk l-imsemmi Kapitolu 9A huwa deroga mill-Kapitolu 5, dan huwa ġġustifikat min-natura jew mill-istruttura ġenerali tal-Parti 9A tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-EFG ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta żbaljat meta kkonkludiet li l-EFG tista’ tinfluwenza l-għażliet magħmula minn gruppi multinazzjonali fir-rigward tal-post ta’ fejn jinsabu l-funzjonijiet finanzjarji tal-grupp u s-sede tagħhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-EFT ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ma thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta naqset milli tagħti prova li l-użu tal-EFG ċertament wassal għal tnaqqis fl-ammont dovut bħala taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq li l-irkupru tal-allegata għajnuna jkun imur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li t-test tal-funzjonijiet umani sinjifikattivi huwa nieqes minn ċertezza legali, ir-Renju Unit kellu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jindirizza dik l-inċertezza u li l-konvenuta kisret id-dmir tagħha li twettaq analiżi kompluta tal-fatturi rilevanti kollha. Billi ordnat l-irkupru tal-għajnuna, il-konvenuta aġixxiet kuntrarjament għall-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (1), li jipprojbixxi l-irkupru ta’ għajnuna meta l-irkupru jkun imur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq li l-vantaġġ selettiv ikun eliminat, u l-ebda rkupru ma jkun meħtieġ, li kieku r-Renju Unit kellu, b’mod retrospettiv, jestendi l-EFG għas-self upstream u għas-self lil terzi persuni. Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta naqset milli tirrikonoxxi li t-teħid ta’ tali azzjoni jelimina kwalunkwe vantaġġ selettiv (jekk għall-mument wieħed jassumi li hemm tali vantaġġ) u f’dan il-każ ma jkun hemm l-ebda għajnuna mill-Istat illegali li jkollha tiġi rkuprata skont id-dritt tal-Unjoni.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, it-telf, it-tnaqqis jew l-eżenzjonijiet li kienu disponibbbli għal applikant fiż-żmien ta’ meta dan uża l-EFG, jew li kienu jkunu disponibbli dak iż-żmien li kieku ma kienx uża l-EFT, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni anki jekk l-aċċess għal dak it-telf, it-tnaqqis jew l-eżenzjonijiet issa huwa preskritt taħt id-dritt tar-Renju Unit. Ir-rikorrenti jsostnu li din hija l-interpretazzjoni korretta tal-premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata iżda, sa fejn dan ma huwiex il-każ, id-deċiżjoni kkontestata hija inkorretta għaliex in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali telf, tnaqqis jew eżenzjonijiet iwassal għal kalkolu żejjed tal-ammont tal-għajnuna u jintroduċi distorsjoni fis-suq intern.
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9)
Full & Egal Universal Law Academy