16.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 312/35
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2019 — International Personal Finance Investments vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-493/19)
(2019/C 312/29)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: International Personal Finance Investments Ltd (Leeds, ir-Renju Unit) (rappreżentant: M. Anderson, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2019) 2526, tat-2 ta’ April 2019, dwar għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentat mir-Renju Unit f’dak li jirrigwarda ċ-CFC Group Financing Exemption (eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi fil-kuntest tar-regoli dwar il-kumpanniji kkontrollati barranin) kollu kemm hu sa fejn tikkonċerna lilha;
—
fin-nuqqas li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tiġix annullata kollha kemm hi a) tannullaha sa fejn hija applikabbli għall-eżenzjoni tal-interessi konkordanti previsti fil-Parti 9A, Kapitolu 9, tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 [Att dwar id-dispożizzjonijiet fiskali (internazzjonali u oħra) tal-2010] u b) tikkonstata li t-telf, tnaqqis u eżenzjonijiet li kienu possibbli għar-rikorrenti meta użufruwixxiet mill-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi jew li għaliha kienu jkunu possibbli kieku hija ma użatx l-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata anki jekk l-aċċess għal dan it-telf, tnaqqis u eżenzjonijiet issa hija preskritta taħt id-dritt Brittaniku;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta ma stabilixxitx li l-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi hija vantaġġ fil-każijiet kollha fejn tintuża. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li hija għażlet li tużufruwixxi mill-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi, peress li għall-bidu kienet ipprevediet eżenzjoni ta’ 75 %, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni li t-taxxa setgħet tkun inqas kieku kienet twettaq analiżi skont il-kriterju tal-funzjonijiet umani rilevanti prevista fl-Artikolu 371EB tal-parti 9A, Kapitolu 5, tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 [Att dwar id-dispożizzjonijiet fiskali (internazzjonali u oħra) tal-2010].
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li ma seħħet ebda għajnuna tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta ma pprovatx li l-użu tal-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi ċertament wassal għal tnaqqis tal-ammont dovut tat-taxxa Brittanika fuq il-kumpanniji.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi ma jiffavorixxix ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet. Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta wettqet żball meta i) iddefinixxiet il-kuntest ta’ riferiment strettament wisq, jiġifieri meta llimitat il-kuntest li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-Parti 9A minflok ma ħadet is-sistema tat-taxxa Brittanika fuq il-kumpanniji kollha kemm hi; ii) ma fehmietx li l-Kapitolu 9 tal-Parti 9A tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 [Att dwar id-dispożizzjonijiet fiskali (internazzjonali u oħra) tal-2010] ma huwiex deroga mill-Kapitolu 5 tagħha u iii) ma rrikonoxxietx li, anki jekk l-imsemmi kapitoli 9 kellu jkun deroga mill-imsemmi Kapitolu 5, ikun iġġustifikat min-natura jew l-istruttura ġenerali tal-Parti 9A tal-liġi.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta wettqet żball meta kkonkludiet li l-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi tista’ tinfluwenza l-għażliet tal-gruppi multinazzjonali dwar il-post tal-funzjonijet finanzjarji tagħhom u tas-sede fl-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-assenza ta’ kundizzjonijiet ekwi u l-assenza ta’ regoli fuq il-kumpanniji barranin ikkontrollati fi 15-il Stat Membru ieħor qabel l-2016.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi ma joħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni jew jimminaċċja li joħloqha. Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta ma pprovatx li l-użu tal-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi ċertament wasslet għal tnaqqis tal-ammont tat-taxxa Brittanika dovuta fuq il-kumpanniji u li l-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni fid-dawl tal-argumenti mressqa taħt ir-raba’ motiv.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-irkupru tal-għajnuna allegata tmur kontra l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni. Ir-rikorrenti ssostni li l-kriterju ta’ funzjonijiet umani ma għandux ċertezza legali, li r-Renju Unit kellu marġni diskrezzjonali wiesa’ biex jirrispondi għall-inċertezza u li l-konvenuta naqset mid-dmir tagħha li twettaq analiżi sħiħa tal-fatturi kollha rilevanti. Billi ordnat l-irkupru tal-għajnuna, il-konvenuta marret kontra l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 tal-Kunsill (1), li jipprojbixxi l-irkupru tal-għajnuna meta dan imur kontra prinċipju ġenerali tal-Unjoni.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-vantaġġ selettiv kien jiġi eliminat, u ma kien ikun neċessarju ebda rkupru, kieku r-Renju Unit wessgħet retroattivament l-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi lis-self mill-bidu u lil terzi. Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta ma rrikonoxxietx li tali miżura kienet telimina kull vantaġġ selettiv (jekk wieħed kellu jassumi, għalissa, li jeżisti wieħed) u li, f’każ bħal dan, ma kienx ikun hemm għajnuna mill-Istat illegali li jkollha tiġi rkuprata bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq il-fatt li t-telf, it-tnaqqis u l-eżenzjonijiet li kienu possibbli għar-rikorrenti meta hija użat l-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi jew li għaliha kienu jkunu possibbli kieku hija ma kellhiex tuża l-eżenzjoni tal-finanzjament tal-gruppi kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata anki jekk l-aċċess għal dan it-telf, tnaqqis u eżenzjonijiet issa huwa preskritt taħt id-dritt brittaniku. Ir-rikorrenti ssostni din hija l-interpretazzjoni korretta tal-premessa 203 tad-deċiżjoni kontenzjuża imma li, sa fejn dan ma huwiex il-każ, id-deċiżjoni kontenzjuża hija żbaljata għaliex li ma tiħux inkunsiderazzjoni dan it-telf, tnaqqis u eżenzjonijiet iwassal għal stima eċċessiva tal-ammont li twassal għal distorsjoni fis-suq intern.
9.
Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta ma mmotivatx il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-eżenzjoni tal-interessi konkordanti u ma wettqetx analiżi sħiħa tal-fatturi rilevanti kollha. Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta ma wettqitx distinzjoni bejn it-tliet eżenzjonijiet distinti previsti mill-Kapitolu 9 u li jaħdmu separatament minn xulxin, u ma fehmitx li l-eżenzjoni tal-interessi konkordanti ma hijiex indikatur tal-kriterju tal-funzjonijiet umani u li l-eżistenza tal-eżenzjoni tal-interessi konkordanti (li hija marbuta indiviżibbilment mar-regoli li jillimitaw id-deduċibbiltà tal-piżijiet tal-interessi) fl-imsemmi kapitolu 9 juru li l-konvenuta wettqet żball meta ddefinixxiet il-kuntest ta’ riferiment strettament wisq, jiġifieri meta llimitat il-kuntest għall-Kapitolu 9A minflok ma ħadet is-sistema fiskali tat-taxxa Brittanika fuq il-kumpanniji kollha kemm hi.
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).
Full & Egal Universal Law Academy