9.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 305/61
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2019 — CV et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-496/19)
(2019/C 305/71)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: CV, CW u CY (rappreżentant: J.-N. Louis, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha tiċħad it-talba tagħhom tal-4 ta’ Ġunju 2018;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħhom għal adozzjoni ta’ miżuri li jtemmu ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-kapaċità ta’ akkwist bejn l-uffiċjali u membri tal-persunal indipendentement mill-post tal-impjieg tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-kapaċità ta’ akkwist bejn l-uffiċjali, indipendentement mill-post tal-impjieg tagħhom. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn assenza totali ta’ motivazzjoni, li tipprekludihom milli jifhmu l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni u ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li huma jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fl-istess kundizzjonijiet bħall-kollegi tagħhom li huma impjegati mar-rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Pariġi u li għalhekk għandhom jirċievu, bħal dawn tal-aħħar, allowance b’rata fissa. Fl-aħħar nett, huma jikkunsidraw li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-kapaċità ta’ akkwist hija inkompatibbli mal-eżistenza tal-istess koeffiċjent ta’ korrezzjoni għall-uffiċjali impjegati f’Pariġi, Strasbourg, Marseille u Valenciennes.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, sa fejn ir-rikorrenti ma jirċivux l-allowance b’rata fissa, kuntrarjament għall-kollegi tagħhom impjegati mar-rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Pariġi, minkejja li huma jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fl-istess kundizzjonijiet bħalhom.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura li jobbliga lill-awtorità kompetenti tindika, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tagħti prijorità lill-interess tas-servizz.
Full & Egal Universal Law Academy