9.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 305/63
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2019 — DE vs Il-Parlament
(Kawża T-505/19)
(2019/C 305/73)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: DE (rappreżentant: T. Oeyen, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Ottubru 2018 li tirrifjuta li tagħti leave speċjali adegwat lir-rikorrent sabiex jieħu ħsieb l-ulied tewmin tiegħu li kienu għadhom kif twieldu permezz ta’ maternità surrogata.
—
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet għal ugwaljanza fit-trattament u għal nondiskriminazzjoni.
—
Billi rrifjutat li tagħti lir-rikorrent drittijiet għal leave tat-twelid li huma ekwivalenti għal leave tal-maternità u/jew għal leave tal-adozzjoni, id-deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent għal ugwaljanza fit-trattament u għal nondiskriminazzjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u fl-Artikolu 1(d) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE. Peress li l-persuni omosesswali huma l-grupp predominanti ta’ ġenituri li jagħmlu użu mill-maternità surrogata, dawn huma affettwati negattivament b’mod sproporzjonat mill-interpretazzjoni li l-Parlament jagħmel tad-dispożizzjonijiet dwar il-leave tat-twelid tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE kif riflessa fid-deċiżjoni kkontestata.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata tar-rikorrent.
—
Billi rrifjutat li tagħti lir-rikorrent leave speċjali adegwat sabiex jieħu ħsieb l-ulied tiegħu li kienu għadhom kif twieldu, ewkivalenti għal leave tal-maternità u/jew għal leave tal-adozzjoni, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 8 KEDB, li jipproteġi d-dritt tar-rikorrent għal ħajja privata, moqri flimkien mal-Artikolu 14 KEDB.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
—
B’mod partikolari, huwa jallega li l-konvenut (i) naqas milli jagħti lir-rikorrent id-dritt għal smigħ; u (ii) naqas milli jagħti raġunijiet adegwati għad-deċiżjoni tiegħu.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar leave speċjali fir-Regolamenti tal-Persunal tal-UE kif interpretati mill-konvenut fid-deċiżjoni kkontestata.
—
Għall-istess raġunijiet stipulati fl-ewwel sat-tielet motiv hawn fuq, huwa jallega li l-interpretazzjoni tal-konvenut tal-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-Anness V ta’ dawn ir-regolamenti, kif riflessa fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li uffiċjali jew impjegati oħra tal-Parlament Ewropew li jsiru ġenituri ta’ wild permezz ta’ maternità surrogata ma għandhomx dritt għal leave speċjali ekwivalenti għal leave tal-maternità u/jew għal leave tal-adozzjoni, hija illegali.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 6 tal-Anness 2 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE u tar-Regoli Interni tal-Parlament Ewropew li jirregolaw il-leave.
—
F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-rikorrent ma għandux dritt għal leave tat-twelid ekwivalenti għal dak mogħti bħala leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni, ir-rikorrent isostni li, bħala missier ta’ tewmin, huwa għandu dritt għal 20 jum ta’ leave. Dan id-dritt japplika irrispettivament mill-mekkaniżmu legali li bih ir-rikorrent kiseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri.
Full & Egal Universal Law Academy