16.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 312/42
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2019 — Lux vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-513/19)
(2019/C 312/34)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Catherine Lux (Strasbourg, Franza) (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2018 ta’ PMO.4 li fiha t-trasferiment tal-kuntratt tar-rikorrenti minn EFSA għal EASA jitqies bħala kuntratt ġdid ta’ impjieg u li ma jiġux applikati fil-konfront tagħha l-miżuri tranżitorji stabbiliti fl-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII fir-Regolamenti tal-Persunal;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, inkwantu l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ dħul fis-servizz.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 10 u 12 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni, minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati sabiex tiġi inċentivata l-mobbiltà fost l-aġenziji, fejn permezz ta’ dan tiġi kkonfermata l-possibbiltà ta’ karriera Ewropea fi ħdan l-aġenziji.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni tagħha li tkompli fil-funzjoni tagħha fi ħdan l-EASA fl-2017 kienet ibbażata fuq il-konferma mid-dipartiment tar-riżorsi umani tal-EASA tal-fatt li din it-tkomplija kienet tiżguralha wkoll il-kontinwità tal-kundizzjonijiet relatati mad-drittijiet tagħha għal pensjoni miksuba fi ħdan l-EFSA.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kontinwità ta’ karriera u ta’ impjieg tal-membri tal-persunal temporanji. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax teskludi l-applikazzjoni tal-Artikoli 10 u 12 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni inkwantu hija hi li introduċiet prinċipju ta’ analiżi komuni u kontinwa tal-impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju fi ħdan l-aġenziji.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li ebda kunsiderazzjoni ma tippermetti li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament fil-qasam tad-drittijiet għal pensjoni fi ħdan l-Unjoni bejn membri tal-persunal u aġenti oħra.
Full & Egal Universal Law Academy