28.10.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 363/18
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2019 – DI vs BĊE
(Kawża T-514/19)
(2019/C 363/26)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: DI (rappreżentant: L. Levi, avukat)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE tas-7 ta’ Mejju 2019 li timponi tkeċċija dixxiplinari mingħajr avviż;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE tal-25 ta’ Ġunju 2019 li tirrifjuta li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura dixxiplinari wara l-għeluq tal-proċeduri kriminali;
—
konsegwentement, tordna r-reintegrazzjoni sħiħa tar-rikorrent b’effett mill-11 ta’ Mejju 2019 flimkien mad-drittijiet finanzjarji relatati kollha u b’pubbliċità xierqa sabiex l-isem tajjeb tiegħu jerġa’ jiġi rripristinat;
—
fi kwalunkwe każ, tordna kumpens għad-danni morali allegatament sostnuti mir-rikorrent, evalwati ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 20 000;
—
tordna lill-konvenut jirrimborsa l-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka disa’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-miżuri kkontestati.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli tal-Persunal tal-BĊE. Huwa allegat li l-proċedura dixxiplinari nbdiet meta din kienet preskritta.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju li l-proċedura dixxiplinari li toħroġ minn reat kriminali għandha tistenna l-eżitu tal-kawża kriminali, flimkien ma’ ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ diliġenza.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kumitat Dixxiplinari eċċeda l-poteri tiegħu. Huwa allegat ksur tal-Artikolu 8.3.7 tar-Regoli tal-Persunal tal-BĊE flimkien mal-prinċipju ta’ imparzjalità kif ipprovdut fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Huwa allegat ksur tal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju li proċedura dixxiplinari għandha tinżamm fi żmien raġonevoli u ksur tad-dmir ta’ diliġenza.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ motivazzjoni.
9.
Id-disa’ motiv ibbażat sussidjarjament fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Full & Egal Universal Law Academy