30.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/62
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Lulju 2019 — DO vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-517/19)
(2019/C 328/71)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Partijiet
Rikorrent: Andrea Homoki (Gyál, l-Ungerija) (rappreżentant: T. Hüttl, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
b’mod konformi mal-Artikolu 264 tal-verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1), tannulla d-Deċiżjoni Nru OCM(2019)7991-04/04/2019 (olaf.c.4[2019]8720) adottata fl-4 ta’ April 2019 mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (iktar ’il qiddiem l-OLAF) fil-Każ Nru OF/2015/0034/B4, kif ukoll id-Deċiżjoni Nru OCM(2019)11506-22/05/2019 (olaf.c.4[2019] 12610) adottata fit-22 ta’ Mejju 2019 fl-istess każ, li tikkonferma, abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, dawk il-partijiet tad-deċiżjonijiet ikkontestati li l-għan tagħhom huwa li tiġi protetta l-identità tal-informaturi u l-kunfidenzjalità tan-nota interna tal-OLAF u tad-dokumenti ta’ ħidma proċedurali.
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tar-rikorrent skont l-Artikolu 134 tar-rtegoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
Motivi u argumenti prinċipali
Fl-ewwel deċiżjoni kkontestata l-OLAF ċaħad lir-rikorrenti l-aċċess għar-rapport tal-OLAF dwar investiment fid-dawl tat-toroq imwettaq minn Elios Innovatív Zrt. (Każ tal-OLAF Nru OF/2015/0034/B4), filwaqt li fit-tieni deċiżjoni kkontestata ċaħad l-applikazzjoni konfermatorja mressqa mir-rikorrenti.
Insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq protezzjoni tad-drittijiet fundamentali
—
L-għarfien tad-dokument mitlub jifforma parti mid-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni li r-rikorrenti għandha abbażi tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Skond ir-rikorrenti, meta ċaħdet l-iżvelar tad-dokument mitlub, il-konvenuta ma osservatx il-kriterju tad-drittijiet fundamentali stabbilit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali, iżda llimitat b’mod sproporzjonat id-dritt tar-rikorrent għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ċaħda tal-preżunzjoni ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ aċċess
—
Ir-rikorrenti tqis li l-preżunzjoni ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ aċċess fir-rigward tad-dokumenti tal-OLAF tmur kontra d-dritt. Skond ir-rikorrenti, id-dritt fundamentali ta’ aċċess għad-dokumenti ma jistax jixxejjen b’tali mod li l-korp li japplika l-liġi jeskludi mir-regola ġenerali ta’ pubbliċità dawk id-dokumenti kollha ppreparati minn waħda mill-istituzzjonijiet (f’dan il-każ, l-OLAF) mingħajr ma jwettaq analiżi tal-kontenut tad-data mitluba.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità
—
Ir-rikorrenti tikkritika lill-OLAF talli ċaħad aċċess sħiħ għad-dokument billi bbaża ruħu fuq l-obbligu ta’ kunfidenzjalità. Il-limitazzjoni li tippermetti li, abbażi ta’ dan l-obbligu, il-fajl kollu tal-investigazzjoni tal-OLAF jiġi eskluż mill-iżvelar hija sproporzjonata u għalhekk ixxejjen kompletament id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jaċċedu għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq id-dritt ta’ aċċess
—
Ir-rikorrenti tallega li ma huwiex kompatibbli mar-regola ġenerali ta’ pubbliċità l-fatt li l-korp li japplika d-dritt jippermetti l-aċċess għal ċerti dokumenti biss jekk min jitlob dan l-aċċess jistabbilixxi li jkun hemm raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali kontra l-preżunzjoni ta’ projbizzjoni ta’ aċċess. Skont ir-rikorrenti, il-korp li jwettaq l-ipproċessar tad-data għandu jistabbilixxi li hemm eċċezzjoni li tippermetti l-limitazzjoni tal-iżvelar.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-pressjoni esterna u tal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali
—
Ir-rikorrenti ssostni li, f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess, il-konvenuta ma wettqitx evalwazzjoni individwalizzata u ma pprovdietx motivazzjoni fir-rigward ta’ liema kienet speċifikament il-parti tad-data mitluba li kienet meħtieġa għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li kienet fil-proċess li tittieħed.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali
—
Ir-rikorrenti tallega li l-konvenuta ma ġġustifikatx il-konstatazzjoni tagħha li l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess tipperikola l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi. Perikolu ipotetiku mhux iġġustifikat ma jistax ixejjen id-dritt fundamentali ta’ għarfien u ta’ żvelar ta’ data ta’ interess pubbliku li għandha l-persuna li titlob l-iżvelar tad-data.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li t-trażmissjoni tad-data personali hija ġġustifikata għal raġunijiet stabbiliti ta’ interess pubbliku
—
Ir-rikorrenti tallega li l-argument tal-konvenuta dwar il-protezzjoni tad-data personali jmur kontra l-liġi sa fejn, peress li tipprovdi servizz pubbliku u tuża flus pubbliċi, il-protezzjoni tad-data personali għandha tiġi applikata b’restrizzjonijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li l-konvenuta ma informathiex li hija kellha tiġġustifika l-possibbiltà li teżamina data personali għal raġunijiet ta’ interess ġenerali.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq l-interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokumenti mitluba
—
Ir-rikorrenti tiddikjara li jeżisti interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokument mitlub. Ir-rikorrenti tibbaża l-interess pubbliku superjuri fuq il-fatt li ma jistax jiġi mistenni li l-awtoritajiet Ungeriżi jwettqu eżami fil-mertu fir-rigward tal-abbużi gravi kkonstatati mill-OLAF. Skont ir-rikorrenti huwa biss l-iżvelar li jista’ jkun għodda effikaċi f’dan ir-rigward.
(1) ĠU 2010, C 83, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy