21.10.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 357/36
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2019 – Adeso vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-529/19)
(2019/C 357/44)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: African Development Solutions (Adeso) (Najrobi, il-Kenja) (rappreżentant: R. Martens, lawyer)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Mejju 2019 u, għaldaqstant, tiddikjara bħala infondati it-talbiet ta’ rkupru inkkonnessjoni mal-ftehimiet ta’ sussidju FED/2013/313-770 u FED/2013/316-291 ekwivalenti rispettivament għal EUR 3 298 703,59 u EUR 11 919,40;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li fih hemm sanċit il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba: id-dritt għal smigħ huwa manifestament injorat bl-istess mod bħall-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li, minkejja riżervi numerużi u serji mqajjma mir-rikorrenti inkonnessjoni mar-rapport ta’ verifika ikkontestat u minkejja l-bosta talbiet għal laqgħat biex jiġu ċċarati danw il-kwistjonijiet importanti pendenti, il-Kummissjoni rrifjutat li torganizza tali laqgħat filwaqt li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tad-dritt għal smigħ hija ta’ applikazzoni ġenerali u kundizzjoni għal-legalità ta’ kull deċiżjoni adottata mill-istituzzjonijiet tal-UE u għaldaqstant għandha tiġi rrispettata f’kull mument u f’kull tip ta’ proċedura.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ta’ ekwità u ta’ bona fide kuntrattwali kif sanċit fl-Artikolu 5(4) TUE peress li billi adottat immedjatament ordni ta’ rkupru mingħajr ma tat lir-rikorrenti il-possibbiltà li tipprovdi spjegazzjoni adegwata għall-konklużjonijiet tal-verifika kkontestata permezz ta’ rispons ġestjonarju żviluppat b’mod estensiv u tal-laqgħat proposti, il-konvenuta ma aġixxietx in bona fide u marret lil hinn minn dak li huwa adegwat u neċessarju meta kien ikun suffiċjenti ftehim bonarju fl-ewwel istanza kif kienu jippreskrivu l-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehim ta’ sussidju. Għaldaqstant, la kien neċessarju u lanqas essenzjali għall-motivazzjoni mill-konvenuta tad-deċiżjoni tagħha li twarrab it-talba tar-rikorrenti li jinstab ftehim bonarju fl-ewwel lok. Dan l-aġir imur kompletament kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità li jimplika li jekk diversi miżuri jkunu adegwati, bħal fil-kawża odjerna, jeħtieġ li jintagħżlu dwak li huma l-inqas invażivi u onerużi (quod non).
Full & Egal Universal Law Academy