30.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/65
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2019 — DK vs GSA
(Kawża T-537/19)
(2019/C 328/73)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: DK (rappreżentanti: T. Bontinck u A. Guillerme, avukati)
Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea GNSS
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Aġenzija GSA tal-20 ta’ Mejju 2019 li tirrifjuta l-aċċess komplet għad-dokument “summary of 26 June 2017 by Mr [X]”;
—
tikkundanna lill-Aġenzija GSA għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). F’dan ir-rigward, ir-rikorrent iqis li d-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea GNSS (GSA) tal-20 ta’ Mejju 2019 li tirrifjutalu l-aċċess komplet għad-dokument “summary of 26 June 2017 by Mr [X]”, hija illegali peress li dan ir-rifjut huwa bbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika msemmi fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 ġaladarba d-dokument inkwistjoni:
—
ma jistax jintrabat ma’ aspetti ta’ sigurtà pubblika, sa fejn jirrigwarda kwistjoni marbuta mal-persunal tal-Aġenzija, u;
—
ma jistax jiġi kklassifikat [RESTREINT/RESTRICTED EU].
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent iqis li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali inkwantu r-rifjut huwa bbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ protezzjoni tad-data ta’ natura personali tal-persuni fiżiċi ċċitati fid-dokument, prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, ġaladarba l-invokazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni hija, fil-każ inkwistjoni, inġustifikata u sproporzjonata.
Full & Egal Universal Law Academy