30.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/66
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2019 — Casino, Guichard-Perrachon vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-538/19)
(2019/C 328/74)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Casino, Guichard-Perrachon (Saint-Étienne, Franza) (rappreżentanti: I. Simic, G. Aubron, O. de Juvigny u T. Reymond, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara inapplikabbli fil-każ ineżami, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 u, konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2019) 3761 tat-13 ta’ Mejju 2019;
—
tannulla, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2019) 3761 tat-13 ta’ Mejju 2019;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali safejn ġiet adottata esklużivament abbażi ta’ dokumenti elevati waqt ispezzjoni preliminari mwettqa abbażi ta’ deċiżjoni li hija wkoll illegali.
2.
It-tieni motiv, huwa bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali safejn hija fondata fuq l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Test b’rilevanza gaħż-ŻEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), dispożizzjoni li hija wkoll illegali u għaldaqstant inapplikabbli għall-każ ineżami, b’mod konformi mal-Artikolu 277 TFUE. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tikser id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv, sa fejn ma tippermettix lill-imrpiżi destinatarji ta’ deċiżjoni ta’ ispezzjoni tal-Kummissjoni li teżerċita rimedju effettiv kontra l-iżvolġiment tal-ispezzjoni.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali tal-invjolabbiltà tad-domiċilju safejn id-deċiżjoni kkontestata kellha perijodu ta’ validità illimitata u kamp ta’ applikazzjoni mhux preċiż kif ukoll sproporzjonat.
Full & Egal Universal Law Academy