7.10.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 337/9
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2019 – Sharif vs Il-Kunsill
(Kawża T-540/19)
(2019/C 337/10)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Ammar Sharif (Damas, is-Sirja) (rappreżentanti: J.-P. Buyle u L. Cloquet, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/806 tas-17 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, f’dak li jirrigwarda lir-rikorrent;
—
tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/798 tas-17 ta' Mejju 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, f’dak li jirrigwarda lir-rikorrent;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha tal-kawża, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti. Ir-rikorrent iqis li l-Kunsill wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni meta ġġustifika l-miżuri meħuda kontrih minħabba li huwa allegatament kien “[n]egozjant prominenti li jopera fis-Sirja” fis-sens tal-Artikolu 27.2(a) u 28.2 (a) tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK. Huwa jikkontesta din il-klassifikazzjoni ta’ “[n]egozjant prominenti” u l-preżunzjoni konfutabbli ta’ konnessjoni mar-reġim Sirjan li jirriżulta mill-atti kkontestati. Ir-rikorrent jissottometti li ma għandu l-ebda konnessjoni mar-reġim Sirjan.
Barra minn hekk, konformement mal-Artikoli 27.3 u 28.3 tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK, ir-rikorrent jirribatti l-preżunzjoni konfutabbli prevista fl-Artikoli 27.2 (a) u 28.2 (a) ta’ din id-deċiżjoni billi juri b'mod spontanju li hu (i) ma huwiex, jew ma għadux iktar, marbut mar-reġim Sirjan, (ii) li dan ma għandu l-ebda influwenza fuqu, u (iii) ma jikkostitwixxix riskju reali li jevita l-miżuri restrittivi meħuda mill-Kunsill, minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja.
Skont ir-rikorrent, il-Kunsill ikompli jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti, billi ma jieħux inkunsiderazzjoni l-ikkonfutar ta’ din il-preżunzjoni.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur sproporzjonat tad-dritt għall-proprjetà u għat-twettiq ta’ attività professjonali. Ir-rikorrent iqis li, bis-sanzjonijiet adottati, il-Kunsill inevitabbilment ippreġudika d-dritt ta’ proprjetà tiegħu, kif ukoll id-dritt tiegħu li jkompli l-attività professjonali tiegħu, bi ksur tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall- Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Skont ir-rikorrent, huwa ma jistax jiġi prekluż milli jgawdi b’mod paċifiku l-proprjetà u l-libertà ekonomika tiegħu, u huwa għalhekk li l-miżuri kkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernawh.
Full & Egal Universal Law Academy