7.10.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 337/10
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2019 – Shindler et vs Il-Kunsill
(Kawża T-541/19)
(2019/C 337/11)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Harry Shindler (Porto d’Ascoli, l-Italja), u ħames rikorrenti oħrajn (rappreżentant: J. Fouchet, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla r-rifjut impliċitu tat-3 ta’ Lulju 2019 tal-Kunsill tal-Unjoni li jirrikonoxxi nuqqas fir-rigward tas-silenzju relatat mat-talba tat-3 ta’ Mejju 2019 sabiex l-elezzjonijiet Ewropej tal-aħħar ta’ Mejju 2019 jiġu posposti;
—
tiddikjara u tiddeċiedi li l-Kunsill tal-Unjoni illegalment astjena milli jipposponi l-elezzjonijiet Ewropej u milli jemenda d-dati previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/767 tat-22 ta’ Mejju 2018 sabiex ir-rikorrenti Brittaniċi jkunu jistgħu jipparteċipaw attivament fil-votazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 liema parteċipazzjoni kienet essenzjali b’mod partikolari minħabba r-ratifika ta’ ftehim ta’ ħruġ bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit;
konsegwentement;
—
tieħu konjizzjoni ta’ dan in-nuqqas;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni jħallas lil kull wieħed mir-rikorrenti EUR 1 500 bħala l-ispejjeż tad-difiża tagħhom.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ votazzjoni tar-rikorrenti fl-elezzjonijiet Ewropej protett mid-dritt tal-Unjoni. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jinvokaw b’mod partikolari:
—
ksur tal-Artikoli 9 TUE, 20 TFUE u 21 TFUE u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”);
—
ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi mill-Kunsill;
—
ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament inerenti għaċ-ċittadinanza Ewropea mill-Kunsill li joħroġ mill-Artikoli 20 u 39 tal-Karta kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 1(3) tal-Att tal-1976, moqri flimkien mal-Artikolu 14(3) TUE.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ċaħda tripla tad-dritt ta’ votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej permezz tal-astensjoni illegali tal-Kunsill. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jqisu b’mod partikolari li:
—
il-Kunsill kiser id-drittijiet tal-Brittaniċi billi ma kkontestax l-applikazzjoni tal-“15 year-rule” fl-elezzjonijiet Ewropej, li tikser b’mod gravi l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-rigward tad-dritt ta’ votazzjoni rrikonoxxut mill-Karta u l-ksur tal-Artikolu 3 tal-Protokoll 1 u tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali;
—
il-proroga tardiva tal-Brexit tal-11 ta’ April 2019 li seħħet wara li ngħalqu r-reġistri elettorali nazzjonali tikkostitwixxi ksur tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, tal-Artikolu 50 TUE, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-rigward tad-dritt ta’ votazzjoni rrikonoxxut mill-Karta u tal-Artikolu 3 tal-Protokoll 1 u tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali;
—
il-votazzjoni fir-Renju Unit hija irregolari minħabba l-prorogazzjoni mgħaġġla tal-Brexit u l-formaliżmu eċċessiv fir-rigward taċ-ċittadini Ewropej mhux Brittaniċi li jgħixu fir-Renju Unit.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq eċċezzjoni tal-illegalità tar-rifjut tal-Kunsill tal-Unjoni li jikkonstata nuqqas li tittieħed azzjoni u li jipposponi l-elezzjonijiet Ewropej. Dan ir-rifjut huwa bbażat fuq id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) tat-22 ta’ Mejju 2017 li jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq bil-għan li jiġi konkluż ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-irtirar tiegħu mill-Unjoni Ewropea (Dokument XT 21016/17), inkluż l-Anness ta’ din id-deċiżjoni li jistabbilixxi d-direttivi tan-negozjati tal-imsemmi ftehim (Dokument XT 21016/17 ADD 1 REV 2), li r-rikorrenti jqisu illegali.
Full & Egal Universal Law Academy