7.10.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 337/11
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2019 – FV vs Il-Kunsill
(Kawża T-542/19)
(2019/C 337/12)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: FV (rappreżentant: É. Boigelot, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors tagħha ammissibbli u fondat, u konsegwentement:
—
tannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2019, innotifikata lir-rikorrenti fis-6 ta’ Mejju sussegwenti minn [X] “Senior Legal Counsellor” fi ħdan il-Kunsill u meħuda minn [Y] fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra u li tipprovdi li “1. ir-rikorrenti, mwielda fil-25 ta’ Marzu 1956 [kunfidenzjali] (1), uffiċjal fil-grad AST 7, għandha titqiegħed fuq leave fl-interess tas-servizz skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u għandha dritt għall-benefiċċji finanzjarji previst fl-imsemmi Artikolu. 2. Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2015.”;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas, abbażi ta’ kumpens għal danni materjali u preġudizzju għall-karriera tar-rikorrenti, bla ħsara għal żidiet jew tnaqqis fil-mori tal-kawża, fl-ammont ta’ EUR 151 101,72;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas, abbażi ta’ kumpens għal danni morali u preġudizzju għar-reputazzjoni tar-rikorrenti, bħal ħsara għal żidiet jew tnaqqis fil-mori tal-kawża, fl-ammont ta’ EUR 70 000;
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha, konformement mal-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 266 TFUE u tal-prinċipji fundamentali u ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fosthom, b’mod partikolari, l-osservanza tal-aspettattivi leġittimi, il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ bona fide u ta’ ċertezza legali, u l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-Awtorità tal-Ħatra manifestament ma għamlitx applikazzjoni u interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet u prinċipji msemmija iktar ’il fuq billi ma ħaditx il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sentenza ta’ annullament mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta’ Diċembru 2018, FV vs Il-Kunsill (T-750/16, EU:T:2018:972). Hija tqis ukoll li din tal-aħħar kisret il-prinċpju li jimponi lill-amministrazzjoni li tadotta deċiżjoni li ma tkunx sproporzjonata, jiġifieri li tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet u dan jimponi li l-kontenut u l-forma tad-deċiżjoni jkunu relatati mal-finalità mfittxija. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-aspettattivi leġittimi tagħha li l-Awtorità tal-Ħatra teżegwixxi b’mod korrett u b’diliġenza s-sentenzaT-750/16 iċċitata iktar ’il fuq mhux biss b’applikazzjoni tajba tal-Artikolu 266 TFUE iżda wkoll mingħajr effett retroattiv.
2.
It-tieni motiv ibbażat, minn naħa, fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Komunikazzjoni lill-Perusnal 71/15 tat-23 ta’ Ottubru 2015, u dan jikser il-prinċipju li jimponi lill-amministrazzjoni li tadotta deċiżjoni abbażi ta’ motivi legalment ammissibbli biss, jiġifieri rilevanti u mhux ivvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, ta’ fatt jew ta’ liġi, u min-naħa l-oħra, fuq użu ħażin ta’ proċedura.
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li billi adottat id-deċiżjoni kkontestata f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awtorità tal-Ħatra manifestament ma għamlitx applikazzjoni u adozzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Komunikazzjoni għall-Persunal imsemmija iktar ’il fuq, filwaqt li bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq motivazzjonijiet mhux eżatti kemm fir-rigward ta’ fatt u kif ukoll ta’ liġi. Hija tqis li l-Kunsill ma huwiex iġġustifikat mill-interess tas-servizz li huwa ried jinforza bl-applikazzjoni tal-Artikolu 42c għar-rikorrent, u lanqas ma identifika l-bżonnijiet organizzattivi reali li jeħtieġu l-allegata kisba ta’ kompetenzi ġodda li din tal-aħħar ma hijiex f’pożizzjoni li tikseb, minbarra l-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra manifestament issostitwixxiet l-Artikolu 42c għal proċedura dixxipplinari.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li billi adottat id-deċiżjoni kkontestata f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awtorità tal-Ħatra ma osservatx il-bilanċ li jimponi fuq l-istituzzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u li tieħu inkunsiderazzjoni kemm l-interess tas-servizz kif ukoll l-interess tal-uffiċjal ikkonċernat.
(1) Informazzjoni kunfidenzjali ommessa.
Full & Egal Universal Law Academy