7.10.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 337/18
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Awwissu 2019 – Klein vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-562/19)
(2019/C 337/18)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrent: Christoph Klein (Großgmain, l-Awstrija) (rappreżentant: H.-J. Ahlt, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara li, billi ma ħaditx azzjoni u billi ma adottat l-ebda deċiżjoni skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/42/KEE (1), fil-proċedura ta’ klawżola tas-sigurtà miftuħa mill-Ġermanja fis-7 ta’ Jannar 1998 dwar il-prodott mediċinali li għandu l-marka KE “Inhaler Broncho-Air”, il-Kummissjoni Ewropea naqset milli twettaq l-obbligi tat-Trattat imposti fuqha;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/42/KEE sa fejn hija ma adottatx deċiżjoni sa mill-ftuħ, fis-7 ta’ Jannar 1998, tal-proċedura ta’ klawżola tas-sigurtà għall-prodott mediċinali li għandu l-marka KE “Inhaler Broncho-Air” u li hija ma kellha l-ebda marġni diskrezzjonali f’dan ir-rigward.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 34 TFUE u d-dritt għall-moviment liberu tal-merkanzija għall-prodott mediċinali li għandu l-marka KE “Inhaler Broncho-Air” billi naqset milli tadotta deċiżjoni (nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni).
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li, billi ma adottatx deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għaliex b’dan il-mod hija pprekludiet lir-rikorrent milli jkollu aċċess għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni u milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu tad-difiża quddiem qorti jew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 41 tal-Karta, peress li sa issa l-partijiet kkonċernati mill-projbizzjoni nazzjonali ma ġewx ikkonsultati, u l-ebda deċiżjoni ma ġiet adottata fi żmien raġonevoli minkejja d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/42/KEE.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li, billi ma adottatx deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea kisret id-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent skont l-Artikolu 17 tal-Karta, għaliex ir-rikorrent ma jistax iqiegħed f’ċirkulazzjoni libera l-prodott tiegħu “Inhaler Broncho-Air”.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jikkostitwixxi, barra minn hekk, ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta, il-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, sa fejn hija adottat deċiżjoni f’kawżi simili. Dan iwassal ukoll għal ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-assenza ta’ deċiżjoni min-naħa tal-Kummissjoni pprekludiet lir-rikorrent milli jeżerċita għal iktar minn għoxrin sena d-dritt ta’ ħaddiem fil-professjoni li huwa għażel liberament inkwantu inventur ta’ “Inhaler Broncho-Air”, li jikkostitwixxi ksur mill-Kummissjoni Ewropea tal-Artikolu 15 tal-Karta.
(1) Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 82).
Full & Egal Universal Law Academy