11.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 383/62
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Awwissu 2019 – Oltchim vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-565/19)
(2019/C 383/71)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Oltchim SA (Râmnicu Vâlcea, ir-Rumanija) (rappreżentanti: C. Arhold, L.-A. Bondoc u S. Petrisor, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla l-Artikoli 1 u l-Artikoli 3 sa 7 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36086 (2016/C)(ex 2016/NN), mogħtija mir-Rumanija lil Oltchim SA (1);
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ inforzar ta’ dejn mill-Awtorità Rumena għall-Ġestjoni tal-Assi tal-Istat, ibbażat fuq ksur manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li din il-miżura kienet tikkonferixxi vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
2.
It-tieni motiv dwar il-miżura ta’ nuqqas ta’ inforzar tad-dejn imsemmi iktar ’il fuq, ibbażat fuq li l-konvenuta ma mmotivatx biżżejjed skont il-liġi l-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna mill-Istat, bi ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE.
3.
It-tielet motiv dwar l-għajnuna allegatament mogħtija permezz tal-provvista kontinwa ta’ elettriku lir-rikorrenti u l-akkumulu ta’ djun minn parti terza wara li l-privatizzazzjoni tar-rikorrenti ma rnexxietx, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li din il-miżura kienet tagħti vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
4.
Ir-raba’ motiv dwar il-miżura ta’ provvista kontinwa ta’ elettriku u akkumulu tad-djun imsemmija iktar ’il fuq, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE.
5.
Il-ħames motiv dwar l-annullament parzjali tad-dejn previst fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni approvat mill-kredituri tar-rikorrenti, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-annullament tad-dejn kien jimplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat f’dak li jikkonċerna impriża privata terza.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq li, fi kwalunkwe każ, l-annullament tad-dejn imsemmi iktar ’il fuq ma kienx imputabbli lill-Istat f’dak li jikkonċerna l-impriżi pubbliċi.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq li l-annullament tad-dejn imsemmi iktar ’il fuq jirrispondi għall-kriterju ta’ kreditur privat, peress li l-ikbar kredituri privati vvotaw għal organizzazzjoni mill-ġdid (pari passu), li l-pjan ta’ organizzazzjoni mill-ġdid kien ekonomikament iktar favorevoli għall-kredituri pubbliċi mix-xenarju ta’ stralċ, u li, fil-kuntest tal-pjan riabbozzar ta’ riorganizzazzjoni, l-impriża fil-verità kienet is-suġġett ta’ bejgħ permezz ta’ lottijiet ta’ assi – xenarju li l-Kummissjoni kienet faħħret fid-deċiżjoni tagħha bħala l-aħjar għażla.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq li, fir-rigward tal-miżura ta’ annullament parzjali tad-dejn, il-konvenuta kisret l-Artikolu 296(2) TFUE.
9.
Id-disa’ motiv ibbażat fuq li, fir-rigward tal-miżura ta’ annullament parzjali tad-dejn, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll ir-Regoli tal-Proċedura (2), sa fejn odnat l-irkupru tal-ammont totali tad-dejn annullat, filwaqt li, anki skont il-kalkoli (żbaljati) tal-konvenuta stess dwar ix-xenarju potanzjali l-iktar favorevoli, kien ċar li l-kredituri pubbliċi ma jistgħux jiksbu iktar milli diġà effettivament kisbu fil-kuntest tal-pjan abbozzat mill-ġdid ta’ riorganizzazzjoni.
(1) ĠU 2019, L 181, p. 13.
(2) Il-verżjoni ta’ dan l-istrument iċċitat fir-rikors hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
Full & Egal Universal Law Academy