4.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 372/32
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2019 – Micreos Food Safety vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-568/19)
(2019/C 372/33)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Micreos Food Safety BV (Wageningen, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjonijiet tad-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari tas-17 ta’ Ġunju 2019, li jikkostitwixxu deċiżjoni waħda, li permezz tagħha l-Kummissjoni: a) b’mod definittiv ma segwitx il-proċedura ta’ komitoloġija rilevanti fir-rigward tal-abbozz ta’ regolament tal-Kummissjoni li “jippermetti l-użu ta’ Listex™ P100 għat-tnaqqis tal-Listeria monocytogenes fuq prodotti tal-ikel lest għall-konsum li joriġina mill-annimali” bħala dekontaminant taħt ir-Regolament (KE) 853/2004 (1); b) irrifjutat milli teżamina tali użu tal-Listex™ P100 bħala għajnuna għan-nondekontaminazzjoni, u ċ) ipprojbixxiet għall-ewwel darba t-tqegħid ulterjuri fis-suq tal-Listex™ P100 li kien ilu fis-suq mill-2006, għall-użu bħala għajnuna għall-ipproċessar fuq ikel lest għall-konsum li joriġina mill-annimali; u
—
tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk imġarrba mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ċaħdet l-applikazzjoni tar-rikorrenti sabiex jiġi rrikonoxxut il-Listex™ P100 bħala dekontaminant, ittieħdet mingħajr ma ttieħed vot minn qabel fis-SCoPAFF kuntrarjament għall-Artikoli 289(1) u 291(2) TFUE u l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) 182/2011 (2).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali peress li ġiet adotatta abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi minkejja li hija att ta’ implimentazzjoni.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) 853/2004 kienet żbaljata.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li kien hemm nuqqas ta’ raġunament, jew fi kwalunkwe każ, raġunament żbaljat, billi ma saritx distinzjoni bejn dekontaminant u għajnuna għall-ipproċessar nondekontaminanti.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li ma kienx hemm konsultazzjoni mas-SCoPAFF sa fejn ir-rikorrenti talbet ir-rikonoxximent tal-Listex™ P100 bħala għajnuna għall-ipproċessar nondekontaminanti.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 168(3) TFUE minħabba li ma setgħux jiġu żgurati, permezz tal-Listex™ P100, il-protezzjoni u l-prevenzjoni mil-Listeria.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14(9) tar-Regolament (KE) 178/2002 (3) u l-libertà fundamentali taċ-ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq il-ksur tal-aspettativi leġittimi tar-rikorennti peress li mill-2006 il-Listex™ P100 kien fis-suq u fl-2016 l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) iddikjaratu sikur.
(1) Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14).
(2) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011 L 55, p. 13).
(3) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 6, p. 463).
Full & Egal Universal Law Academy