28.10.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 363/19
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Awwissu 2019 – AlzChem Group vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-569/19)
(2019/C 363/28)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: AlzChem Group AG (Trostberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Borsos u J. Guerrero Pérez, lawyers)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
—
tannulla d-Deċiżjoni C(2019) 5602 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea tat-22 ta’ Lulju 2019, meħuda skont l-Artikolu 4 tad-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1), bi tweġiba għat-talba No GESTDEM 2019/2311; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ ċerti eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali ta’ għoti ta’ aċċess għal dokumenti, fid-dawl tal-fatti inkwistjoni:
—
it-talba ma tirrigwarda l-ebda proċess jew dokument investigattiv, u għalhekk ma tirrigwardax jew ma taffettwax l-għan tal-invesigazzjonijiet (it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001) jew il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni (Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001);
—
it-talba ma għandhiex tiġi miċħuda abbażi tal-protezzjoni tal-għan tal-investigazzjonijiet (it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001) jew il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni (Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001);
—
it-talba ma tirrigwarda ebda informazzjoni jew data ta’ interess kummerċjali li għandha tiġi protetta (l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001);
—
id-deċiżjoni kkontestata tapplika eċċezzjonijiet għal żvelar b’mod diskriminatorju, għaliex dawn huma issuperati bl-azzjonijiet u l-aġir tal-Kummissjoni f’sitwazzjonijiet simili oħrajn – dan huwa pprojbit mid-dritt tal-Unjoni Ewropea;
—
l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe eċċezzjoni għal żvelar hija ssuperata b’interess pubbliku superjuri għal żvelar sabiex jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju effettiv (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar ir-rifjut ta’ aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali, aċċess parzjali, jew aċċess għad-dokumenti mill-bini tal-Kummissjoni, skont l-Artikoli 4(6) u 10 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
Full & Egal Universal Law Academy