21.10.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 357/38
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Awwissu 2019 – EI vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-575/19)
(2019/C 357/47)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: EI (rappreżentant: R. Mbonyumutwa, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkumpensaha:
—
l-ewwel nett, għad-danni morali li hija ġarrbet b’riżultat ta’ diskriminazzjoni minħabba l-kulur tal-ġilda tagħha u sabiex tħallasha EUR 123 600 (mija u tlieta u għoxrin elf u sitt mija) f’dan ir-rigward u,
—
it-tieni net, għad-danni materjali li hija ġarrbet minħabba l-assenza ta’ promozzjoni u ta’ żieda b’riżultat tad-diskriminazzjoni u sabiex tħallasha EUR 48 670,56 (tmienja u għoxrin elf u sitt mija u sebgħin euro u sitta u ħamsin ċenteżmu);
—
tordna lill-Kummissjoni tevalwa mill-ġdid il-merti tar-rikorrenti b’mod imparzjali u oġġettiv, u jekk ikun il-każ tagħtiha promozzjoni;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-23 ta’ Mejju 2019 li tiċħad l-ilment tagħha kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ promozzjoni u li tfassal lista definittiva ta’ promozzjoni għas-sena 2018, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-proċedura ta’ promozzjoni. Dan il-motiv huwa maqsum f’erbgħa partijiet.
—
L-ewwel parti, ibbażata fuq in-natura impreċiża u suġġettiva tar-rapporti ta’ evalwazzjoni li għalihom huma suġġetti l-uffiċjali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li twettqu tliet żbalji. L-ewwel żball jirrigwarda l-fatt li r-rapporti tar-rikorrenti ġew redatti minn persuna waħda biss, it-tieni żball huwa marbut man-natura impreċiża tal-kontenut tar-rapporti ta’ evalwazzjoni u t-tielet żball huwa derivanti mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-awtoevalwazzjoni tar-rikorrenti.
—
It-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ eżami oġġettiv ta’ evalwazzjoni tal-għarfien tal-lingwi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li twettqu tliet żbalji. L-ewwel żball jirrigwarda l-fatt li r-rapporti tar-rikorrenti ġew redatti minn persuna waħda biss, it-tieni żball huwa marbut man-nuqqas ta’ użu tal-eżamijiet oġġettivi eżistenti fis-suq u t-tielet żball huwa derivanti mill-fatt li l-evalwazzjoni ma tikkorrispondix mar-realtà.
—
It-tielet parti, ibbażata fuq in-natura suġġettiva tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ responsabbiltà eżerċitata.
—
Ir-raba’ parti, ibbażata fuq in-natura suġġettiva tal-għalża tal-elementi fattwali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka żewġ argumenti.
—
L-ewwel argument huwa dak li skontu n-natura suġġettiva li tirriżulta mill-proċedura ta’ promozzjoni hija biss tali li tisfavorixxi lir-rikorrenti.
—
It-tieni argument huwa dak li skontu, bi tweġiba għall-interrogazzjoni min-naħa tagħha dwar ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ promozzjoni tagħha, is-superjur ġerarkiku tagħha weġibha permezz ta’ ittra liema fatt juri li l-proċedura ta’ promozzjoni la hija oġġettiva u lanqas imparzjali.
Full & Egal Universal Law Academy