28.10.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 363/27
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Settembru 2019 – Helsingin Kaupunki vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-597/19)
(2019/C 363/36)
Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż
Partijiet
Rikorrenti: Helsingin kaupunki (Ħelsinki, il-Finlandja) (rappreżentanti: I. Aalto-Setälä, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla, totalment jew parzjalment, id-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta’ Ġunju 2019 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33846 – (2015/C) (ex 2011/CP), u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-belt inklużi l-interessi.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1)TFUE fid-deċiżjoni kkontestata.
—
Il-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur f’ekonomija tas-suq. Waqt l-eżami tagħha, hija lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni b’mod adegwat l-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet ikkomunikati waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni u li pprovaw li s-self inkwistjoni kien ingħata taħt kundizzjonijiet tas-suq normali u bl-osservanza tal-modalitajiet li kienu jiggwidaw lil investitur prudenti f’ekonomija tas-suq f’kundizzjonijiet ekonomiċi korrispondenti.
—
L-evalwazzjoni li saret tal-miżuri inkwistjoni tmur kontra l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni applikat metodi ta’ kalkolu li ma humiex adegwati għall-evalwazzjoni ta’ aspetti speċifiċi ta’ self ta’ kapital.
—
Minbarra dan, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn iddikjarat li s–self għall-apparat inkwistjoni ma setax jiġi kklassifikat bħala għajnuna eżistenti.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u l-ġurisprudenza rilevanti.
—
Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija difettuża, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-prassi fis-suq tal-prezz tax-xiri għall-attività kummerċjali tal-Helsingin Bussiliikenne (iktar ’il quddiem il-HelB), sa fejn il-Kummissjoni kkontestat bħala infondata l-eżattezza tar-rapport tal-esperti tal-Finlandja, mingħajr ma tat opinjoni ċara u manifesta dwar il-prezz tas-suq.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, u tikser id-drittijiet tad-difiża.
—
Il-Kummissjoni ddikjarat, fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod insuffiċjenti u bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li s-self għall-apparat li ngħata lill-HKL-Bussiliikenne kellu karatteristika ta’ għajnuna mill-Istat, peress li interpretat il-kunċett ta’ skema ta’ għajnuna b’mod iktar restrittiv minn dak tal-pożizzjoni kkomunikata preċedentement fil-Finlandja.
—
L-ordni ta’ ħlas lura li saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-eliminazzjoni tal-vantaġġ kompetittiv indebitu inkwistjoni tal-allegata għajnuna mill-Istat. Il-prezz tax-xiri definittiv imħallas mill-attività kummerċjali tal-HelB jirrifletti l-prassi fis-suq. Ix-xerrej tal-attività kummerċjali ma kiseb ebda vantaġġ indebitu, peress li l-għajnuna kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-prezz tax-xiri. L-estensjoni tal-ordni ta’ ħlas lura sabiex jiġi inkluż ix-xerrej tal-attività kummerċjali tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Full & Egal Universal Law Academy