25.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/71
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2019 – Canon vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-609/19)
(2019/C 399/89)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliz
Partijiet
Rikorrent: Canon Inc. (Tokyo, il-Ġappun) (rappreżentanti: U. Soltész, W. Bosch, C. von Köckritz, K. Winkelmann, J. Schindler, D. Arts, W. Devroe, lawyers u M. Reynolds, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 4559 final tas-27 ta’ Ġunju 2019 li timponi multi minħabba nuqqas ta’ notifika ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u għat-twettiq ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament (Każ.8179 – Canon vs Toshiba Medical Systems Corporation, proċedimenti abbażi tal-Artikolu 14(2)), kif innotifikata lir-rikorrenti fl-1 ta’ Lulju 2019;
—
sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multi li ġew imposti fuqha;
—
tikkkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi manifest meta ma applikatx b’mod korrett il-kriterju ġuridiku ta’ evalwazzjoni tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004.
—
Huwa sostnut li l-Kummissjoni ma osservatx il-ġurisprudenza eżistenti billi bbażat ruħha fuq kunċett ta’ “twettiq parzjali ta’ konċentrazzjoni unika” ġdid u mhux sostnut. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma tistabilixxix li t-tranżazzjoni provviżorja inkwistjoni kkontribwixxiet għal bidla fit-tul tal-kontroll fuq il-mira bil-mod kif meħtieġ mill-ġurisprudenza.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq li, minkejja li ma ġiet stabbilita ebda intenzjoni jew negliġenza min-naħa tar-rikorrenti, il-Kummissjoni imponiet fuqha multa bi ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege u ta’ aspettattivi leġittimi, tal-prinċpiju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ ksur konkomitanti. Ir-rikorrenti għalhekk titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita s-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u tal-Artikolu 261 TFUE sabiex tannulla d-deċiżjoni fl-intier tagħha fir-rigward tal-multi jew tnaqqashom b’mod sinjifikanti.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret il-forom essenzjali. Huwa sostnut li, billi r-rikorrenti ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet dwar l-argumenti, il-fatti u l-provi l-ġodda f’risposta formali għal dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet supplementari addizzjonali għal ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti u matul seduta oħra, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.
Full & Egal Universal Law Academy