11.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 383/66
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2019 – Shindler et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-627/19)
(2019/C 383/75)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Harry Shindler (Porto d’Ascoli, l-Italja), u ħames rikorrenti oħra (rappreżentant: J. Fouchet, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla r-rifjut espliċitu tat-13 ta’ Settembru 2019 tal-Kummissjoni Ewropea li tirrikonoxxi nuqqas li tittieħed azzjoni;
—
taqta’ u tiddeċiedi li l-Kummissjoni Ewropea astjeniet ruħha illegalment milli tadotta:
—
minn naħa, deċiżjoni ta’ salvagwardja taċ-ċittadinanza Ewropea tar-rikorrenti Brittanniċi li għandhom ħajja privata u tal-familja fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea u li ma kellhomx dritt ta’ vot sabiex jiddeċiedu dwar il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom biss minħabba l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment (15 year-rule) u dan irrispettivament minn jekk jintlaħaqx jew le ftehim dwar l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea,
—
min-naħa l-oħra, deċiżjoni vinkolanti li tapplika b’mod uniformi fis-27 stati oħra tal-Unjoni li fihom jgħixu Brittanniċi, li tinkludi diversi miżuri dwar id-dħul, is-soġġorn, id-drittijiet soċjali u l-attività professjonali applikabbli fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim dwar l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
b’konsegwenza ta’ dan;
—
tirrikonoxxi dan in-nuqqas li tittieħed azzjoni
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas lil kull wieħed mir-rikorrenti s-somma ta’ EUR1 500 għall-ispejjeż ta’ difiża tagħhom.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet mogħtija lilhom miċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom, u dan kemm fil-każ ta’ ftehim ta’ ħruġ kif ukoll fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jinvokaw b’mod partikolari:
—
l-assenza ta’ rikonoxximent fit-Trattati Ewropej tat-telf taċ-ċittadinanza Ewropea fil-każ ta’ ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni u għalhekk ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali;
—
ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;
—
ksur tad-dritt għal ħajja privata u tal-familja.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-astensjoni illegali tal-Kummissjoni li ma adottatx miżuri vinkolanti iżda sempliċi rakkomandazzjonijiet.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, tal-libertà ta’ moviment u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-rigward tad-dritt ta’ votazzjoni permezz tar-regola Brittannika tal-“15-year rule”. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jqisu li din ir-regola ta’ ħmistax-il sena hija leġiżlazzjoni nazzjonali li hija ta’ żvantaġġ għal ċerti ċittadini ta’ Stat Membru biss minħabba l-fatt li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment jew ta’ soġġorn tagħhom fi Stat Membru ieħor u li dan jikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE.
Full & Egal Universal Law Academy