25.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/77
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2019 – L. Oliva Torras vs EUIPO – Mecánica del Frío (Tagħmir ta’ gganċjar għall-vetturi)
(Kawża T-629/19)
(2019/C 399/96)
Lingwa tar-rikors: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: L. Oliva Torras, SA (Manresa, Spanja) (rappreżentant: E. Sugrañes Coca, avukat)
Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Mecánica del Frío, SL (Cornellá de Llobregat, Spanja)
Informazzjoni dwar il-proċedimenti quddiem l-EUIPO
Proprjetarju tad-disinn kontenzjuż: il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell
Disinn kontenzjuż ikkonċernat: disinn tal-Unjoni (Tagħmir ta’ gganċjar għall-vetturi) – Disinn tal-Unjoni Nru 2217 588-0004
Deċiżjoni kkontestata: id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-10 ta’ Lulju 2019 fil-Każ R 1399/2017-3
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
Fir-rigward tal-motiv ta’ invalidità: huwa mitlub li l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell jiġu kkonfermati fuq dan il-punt u li l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentati għall-finijiet tal-invalidità ta’ disinn Komunitarju jitwettqu fir-rigward ta’ kull wieħed mill-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament dwar id-disinji Komunitarji “Ħtiġiet għall-protezzjoni”.
—
Fir-rigward tad-data preċedenti li fuqha huma bbażati l-allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ novità u ta’ karattru individwali: il-paragun magħmul mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u mill-Bord tal-Appell li huwa bbażat esklużivament fuq l-immaġni A (rendiment tal-katalgu) huwa żbaljat u huwa mitlub li l-paragun isir billi jitqiesu l-provi kollha prodotti u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni.
—
Fuq il-mertu: nuqqas ta’ novità tad-disinn Komunitarju rreġistrat. Huwa mitlub li tiddikjarah invalidu peress li huwa kważi identiku u għaldastant jikkonsisti f’imitazzjoni kważi identika mingħajr awtorizzazzjoni tad-disinn ikkummerċjalizzat mir-rikorrenti. B’riżultat ta’ dan, id-disinn Komunitarju rreġistrat kkontestat ma għandux ir-rekwiżit ta’ novità meħtieġ sabiex jakkwista l-protezzjoni permezz tar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju.
—
Fuq il-mertu: nuqqas ta’ karattru individwali tad-disinn Komunitarju rreġistrat. Huwa mitlub li d-disinn ikkontestat jiġi ddikkjarat invalidu minħabba nuqqas ta’ karattru individwali fir-rigward tad-disinni żvelati minn qabel minn L. Oliva Torras, S.A. filwaqt li jitqies il-marġni żgħir ta’ libertà kreattiva impost mill-funzjonalità teknika tal-parti li għandha tkun immuntata fuq magna partikolari tal-vettura, il-karatteristiċi tal-utent infurmat u x-xebh bejn il-partijiet l-oħra mqabbla.
—
Fuq il-mertu: eżistenza ta’ każijiet ta’ esklużjoni għall-protezzjoni tad-disinn Komunitarju rreġistrat skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar id-disinji Komunitarji. Huwa mitlub li d-disinn ikkontestat jiġi ddikjarat invalidu minħabba li huwa suġġett għall-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1) u (2) peress li d-dehra tad-disinn hija ddettata esklużivament mill-funzjoni teknika tiegħu, u jiġi ddikjarat invalidu minħabba li huwa suġġett għall-projbizzjoni assoluta li hemm fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar id-disinji Komunitarji peress li jikkostitwixxi komponent ta’ prodott kumpless.
—
Fuq il-mertu: id-disinn Komunitarju rreġistrat imur kontra l-Artikolu 9 tar- Regolament dwar id-disinji Komunitarji. Huwa mitlub li tiġi kkonfermata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli dwar dan il-punt.
—
Konformement mal-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, “Regoli ġenerali dwar it-tqassim tal-ispejjeż”, huwa mitlub li l-parti li ġiet miċħuda t-talbiet tagħha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, jekk il-parti l-oħra tkun talbet dan.
—
Konformament mal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti titlob li din il-kawża tiġi magħquda mal-Kawża T-100/19, li l-fażi orali tagħha ntalbelt mir-rikorrenti u li tinsab fil-fażi ta’ deċiżjoni. Skont dan l-istess Artikolu 68 jiġi previst li f’kull mument jista’ jiġi ordnat, ex officio jew fuq talba ta’ parti prinċipali, li diversi kawżi li għandhom l-istess suġġett jingħaqdu, minħabba li huma konnessi, għall-finijiet tal-fażi jew tad-diversi fażijiet li ġejjin: il-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-fażi orali tal-proċedura u deċiżjoni li ttemm il-proċedura.
Motivi invokati
Ksur tal-Artikoli 4 sa 9 u 61 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002.
Full & Egal Universal Law Academy