11.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 383/68
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2019 – AH vs Eurofound
(Kawża T-630/19)
(2019/C 383/77)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: AH (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)
Konvenuta: Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2018 li tagħlaq l-investigazzjoni amministrattiva AI-2018/01 miftuħa wara l-ilment imressaq mir-rikorrent kontra s-superjuri tiegħu;
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent kumpens għad-danni morali sostnuti, stmati għal EUR 30 000;
—
tikkundanna lill-parti avversarja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tmien motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn, fl-ipproċessar tal-ilment, l-amministrazzjoni kellha atitudni intimidanti, akkużatriċi u ma aġixxietx kif xieraq, kemm f’dak li jikkonċerna l-proċedura kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-mertu.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tabelli li jipprovdu għall-kompetenza tal-Awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti. Ir-rikorrent isostni b’mod partikolari li l-ilment tiegħu ġie pproċessat minn uffiċċju ta’ avukati u li għalhekk dan l-ilment ma ġiex ipproċessat mill-awtorità li għandha s-setgħa tagħmel dan. Skont ir-rikorrent, dan it-trasferiment ta’ kompetenzi lil konsulent legali estern ma ppermettilux li jeżerċita d-dritt tiegħu li jressaq ilment li jiġi ttrattat fil-kuntest tal-adozzjoni u tal-kontestazzjoni ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, bi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ deċiżjoni li tikkonċerna t-talba ta’ assistenza tiegħu. Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju sempliċement tiċħad l-ilment tiegħu ta’ fastidju u tikkonkludi l-investigazzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni li hija vvizzjata biha d-deċiżjoni kkontestata.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq kunflitt ta’ interessi, l-assenza ta’ indipendenza, ta’ newtralità u ta’ oġġettività kemm tal-investigaturi kif ukoll tal-istituzzjoni fil-kuntest tal-ġestjoni tal-investigazzjoni amministrattiva u tal-ipproċessar tat-talba u tal-ilment tar-rikorrent.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 24 u 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewrpea, sa fejn il-konvenuta kienet ostili fil-konfront tar-rikorrent sa minn meta rċeviet l-ilment tiegħu, li ma huwiex konċiljabbli mad-dmir ta’ premura u ta’ assistenza li għandha l-amministrazzjoni.
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smiegħ b’mod effettiv, sa fejn il-konvenuta ma ppermettietx lir-rikorrent jinstema’ b’mod utli fir-rigward tal-fatti ta’ fastidju li huwa vittma tiegħu.
8.
It-tmien motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li twettaq mill-konvenuta meta analizzat l-ilment imressaq mir-rikorrent.
Full & Egal Universal Law Academy