2.12.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 406/34
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2019 – DD vs FRA
(Kawża T-632/19)
(2019/C 406/44)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: DD (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)
Konvenuta: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tordna li jingħata kumpens għad-dannu mhux materjali subit, kif indikat f’din il-kawża, stmat, ex aequo et bono, f’EUR 100 000;
—
tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tad-19 ta’ Novembru 2018, li tiċħad it-talba tar-rikorrent taħt l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal;
—
jekk ikun il-każ, tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur tal-FRA tat-12 ta’ Ġunju 2019, li tiċħad l-ilment tar-rikorrent taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-persunal indirizzat kontra l-imsemmija deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2018;
—
tikkundanna lil-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv li jallega li l-konvenuta ma semgħetx lir-rikorrent u ma adottatx deċiżjoni skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal wara s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2015 tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawżi magħquda F-106/13 u F-25/14, DD v L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (EU:F:2015:118).
2.
It-tieni motiv li jallega li l-investigazzjoni amministrattiva u l-proċeduri dixxiplinari inizjali nfetħu irregolarment.
3.
It-tielet motiv li jallega li l-konvenuta naqset li tikkumpensa lir-rikorrent għad-dannu mhux materjali li rriżulta mid-deċiżjoni ta’ ċanfira annullata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza msemmija.
4.
Ir-raba’ motiv li jallega li l-konvenuta naqset li timplimenta s-sentenza msemmija tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u li twettaq il-proċedura predixxiplinari fi żmien raġjonevoli u bid-diliġenza dovuta.
5.
Il-ħames motiv li jallega li l-ftuħ u l-iżvolġiment tal-investigazzjoni amministrattiva kisru r-Regolament (KE) Nru 45/2001, (1) ir-Regolamenti tal-Persunal u d-dritt għall-ħajja privata (Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).
6.
Is-sitt motiv li jallega li l-konvenuta ripetutament għamlet dikjarazzjonijiet infondati, malafamanti u offensivi fuq ir-rikorrent li jammontaw għal ksur tal-prinċipju ta’ res judicata, ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, u tad-dmir ta’ premura.
(1) Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Vol. 26 p. 102).
Full & Egal Universal Law Academy