25.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/79
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2019 – FC vs EASO
(Kawża T-634/19)
(2019/C 399/97)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: FC (rappreżentant: B. Christianos, avukat)
Konvenut: L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-EASO tal-20 ta’ Ġunju 2019, Nru. EASO/ED/2019/309, li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti, ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2019 skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-EASO tal-14 ta’ Diċembru 2018, Nru. EASO/ED/2018/365, li permezz tagħha r-rikorrenti ġiet sospiża mill-funzjonijiet tagħha (l-irtirar tagħha), ġie deċiż tnaqqis mir-remunerazzjoni tagħha u projbizzjoni ta’ aċċess għall-binjiet ta’ EASO;
—
tikkundanna lill-EASO għall-ħlas lir-rikorrenti tas-somma ta’ EUR 6 504 bħala kumpens għad-dannu patrimonjali mġarrab minnha;
—
tikkundanna lill-EASO għall-ħlas lir-rikorrenti tas-somma ta’ EUR 250 000 bħala kumpens għad-dannu morali u għad-dannu għal saħħitha mġarrba minnha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati minn ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari mil-lat tal-prinċipju ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività, kif ukoll tad-dritt sostanzjali tar-rikorrenti għal smigħ.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-mod kif dawn ġew żvelati kkostitwixxa abbuż tad-data personali u l-ksur tal-preżunzjoni ta’ inoċenza tar-rikorrenti, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u minn nuqqas ta’ motivazzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati affettwaw u, essenzjalment, ipprekludew lir-rikorrenti teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.
Full & Egal Universal Law Academy