11.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 383/74
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2019 – FD vs L-Impriża Konġunta Fusion for Energy
(Kawża T-641/19)
(2019/C 383/82)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: FD (rappreżentant: M. Casado García-Hirschfeld, avukat)
Konvenuta: L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;
u konsegwentement:
—
tannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2018, li ġiet ikkonfermata mid-deċiżjoni ta’ caħda tal-14 ta’ Ġunju 2019;
—
tordna l-ħlas ta’ kumpens għad-dannu materjali li jammonta għas-somma ta’ EUR 75 500, u ta’ kumpens għad-dannu morali, stmat għas-somma ta’ EUR 30 000;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter u atti ta’ fastidju mwettqa fil-konfront tiegħu. Ir-rikorrent jikkritika b’mod partikolari l-ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu bbażata fuq it-tneħħija tal-pożizzjoni tiegħu wara organizzazzjoni mill-ġdid fi ħdan id-dipartiment tiegħu. Huwa jsostni li din il-motivazzjoni hija vvizzjata bi żball sa fejn il-pjan ta’ organizzazzjoni mill-ġdid ma kienx jipprevedi t-tneħħija ta’ pożizzjoni li tissodisfa l-karatteristiċi ta’ dik okkupata mir-rikorrent. Barra minn hekk, huwa jsostni li kien vittma ta’ fasidju psikoloġiku u li l-konsegwenzi ta’ dan il-fasidju ppermettew li tiġi sostnuta d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, id-dmir ta’ premura u l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrent isostni b’mod partikolari f’dan ir-rigward li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kompetenza tiegħu, l-effiċjenza tiegħu u l-kondotta tiegħu fis-servizz, is-sitwazzjoni tal-familja tiegħu u l-anzjanità tiegħu.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni li l-kuntratt tiegħu ma jiġix imġedded hija bbażata fuq raġunijiet baġitarji u organizzattivi. Issa, il-kuntratti ta’ aġenti oħra li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma humiex fundamentalment differenti minn dawk tar-rikorrent setgħu jiġi mġedda minkejja dan il-kuntest.
Full & Egal Universal Law Academy