25.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/84
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Settembru 2019 – Elevolution - Engenharia vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-652/19)
(2019/C 399/103)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Elevolution - Engenharia SA (Amadora, il-Portugall) (rappreżentanti: M. Marques Mendes, R. Campos, A. Dias Henriques, M. Troncoso Ferrer u C. García Fernández, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tilqa’ r-rikors u tannulla d-deċiżjoni fl-intier tagħha;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-iżball tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2019, mogħtija permezz tad-Direttur fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DEVCO), dokument Ares(2019)4611765 – 16/07/2019, li eskludiet lir-rikorrenti, għal perijodu ta’ tliet snin, mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u ta’ għoti ta’ għajnuna ffinanzjata mill-FEŻ fl-ambitu tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323, u li barra minn hekk tordna l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni ta’ esklużjoni fis-sit internet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet fattwali:
Ir-rikorrenti tqis li fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni hija żbaljata fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet fattwali, b’mod speċifiku fir-rigward tad-dewmien fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, li ma jistax jiġi imputat lir-rikorrenti. Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista fil-kuntratt imissha ġiet konkluża u n-nuqqas ta’ kostituzzjoni ta’ qorti ta’ arbitraġġ ma jistax tiġi imputat lir-rikorrenti.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u dwar il-ksur ta’ liġi, b’mod speċifiku tal-Artikolu 143(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.
Id-deċiżjoni hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni inkwantu ma tippermettix lir-rikorrenti ssir taf bl-analiżi u bil-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-proċedura preliminari ta’ kontradittorju obbligatorju mwettqa mill-istanza prevista mir-Regolament Finanzjarju. Peress li injorat il-proċedura preliminari ta’ kontradittorju obbligatorju, fejn ma għamlet ebda riferiment għar-riżultati ta’ din l-istess proċedura, id-deċiżjoni hija wkoll ivvizzjata bi ksur tal-liġi inkwantu tqiegħed inkwistjoni u tonqos milli tosserva l-Artikolu 143 tar-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari l-paragrafu 5 tiegħu, u tqiegħed inkwistjoni d-dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 109(1)(b) (sal-1 ta’ Jannar 2016) u 106(1)(e) (mill-1 ta’ Jannar 2016) u, sussegwentement, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali:
Minħabba d-deċiżjoni mogħtija dwar jekk ir-rikorrenti tiġix eskluża mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u ta’ għajnuna rregolati mir-Regolament (UE) 2015/323 u mir-Regolament tal-Kunsill, (UE) 2018/1877, il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni, kontemporanjament, ta’ mħallef u parti fil-kwistjoni, F’xenarju li fih il-kwistjoni dwar jekk jeżistix ksur kuntrattwali għad trid tiġi deċiża, it-teħid inkunsiderazzjoni esklużivament tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni u/jew tal-kuntrattur, bl-esklużjoni tar-rikorrenti, ikun iwassal għal ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ġaladarba jkun jikser il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 136(3) tar-Regolament Finanzjarju u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità hekk kif inhu stabbilit fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
Il-Kummissjoni applikat is-sanzjoni l-inqas oneruża prevista fl-Artikolu 106(14)(c) tar-Regolament Nru 966/2012 skont ir-redazzjoni mogħtija lilha permezz tar-Regolament Nru 2015/1929, li hija wkoll is-sanzjoni l-inqas oneruża prevista fl-Artikolu 139 tar-Regolament Finanzjarju. Fid-dawl tal-fatti kollha u fid-dawl tal-fatt li l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti wettqitx ksur gravi tal-kuntratt hija kwistjoni sub iudice li ma ġietx ipprovata, l-applikazzjoni tas-sanzjoni l-inqas oneruża prevista fl-Artikolu 106(14)(c) tar-Regolament Nru 966/2012 timplika ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
Full & Egal Universal Law Academy