25.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/85
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Settembru 2019 – FF vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-653/19)
(2019/C 399/104)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: FF (rappreżentant: A. Fittante, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-31 ta’ Lulju 2019 li tiċħad it-talba għall-kumpens tar-rikorrent tad-9 ta’ Lulju 2019;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ Awwissu 2019 li tiċħad it-talba tat-23 ta’ Lulju 2019 għal aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni billi tikkonsulta l-oriġinali tar-ritratt ta’ raġel b’riġel amputata bħala twissija dwar is-saħħa fuq il-pakketti tal-prodotti tat-tabakk, skont id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kif ukoll l-ispejjeż konnessi mal-proċedura, filwaqt li jiġi speċifikat li r-rikorrent talab l-għajnuna legali.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, huwa bbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali minħabba li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma josservawx l-obbligu ta’ motivazzjoni u għalhekk ma jippermettux lir-rikorrent li jifhem il-portata tad-deċiżjoni meħuda fir-rigward tiegħu u li jiżgura d-difiża tal-interessi tiegħu u lanqas lill-qorti sabiex teżerċita l-istħarriġ tal-legalità.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tat-trattati u kull regola ta’ dritt li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom, jiġifieri r-regoli kollha tal-Unjoni Ewropea u partikolarment il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji ġenerali li l-Unjoni hija obbligata li tiżgura l-osservanza tagħhom u li fihom huma protetti kemm id-dritt għall-immaġini, id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja kif ukoll id-dritt għad-dinjità.
Full & Egal Universal Law Academy