25.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/86
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Settembru 2019 – FF vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-654/19)
(2019/C 399/105)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: FF (rappreżentant: A. Fittante, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tikkonstata li l-Kummissjoni Ewropea kisret id-dritt għall-unur, għall-intimità personali u tal-familja, għall-immaġni u għad-dinjità tar-rikorrent minħabba l-użu mhux awtorizzat tal-immaġni tiegħu fost ir-ritratti proposti mill-Kummissjoni għall-avviżi relatati mas-saħħa li jidhru fuq l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk b’applikazzjoni tad-Direttiva ta’ Delega tal-Kummissjoni 2014/109/UE;
—
tordna l-waqfien immedjat tal-użu tar-ritratt inkwistjoni fl-Unjoni u tirtira l-prodotti kollha tat-tabakk disponibbli għall-bejgħ fid-diversi stabbilimenti awtorizzati li jbiegħu tali prodotti u li jinkludu l-immaġni tar-rikorrent;
—
tirriżerva lir-rikorrent id-dritt li jibdel it-talbiet għal kumpens tiegħu għal dannu morali u finanzjarju wara perizja mitluba permezz ta’ rikors separat u komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tan-numru ta’ pakketti mibjugħha fl-Unjoni bl-immaġni inkwistjoni;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż relatati mal-proċedura, fejn huwa ppreċiżat li r-rikorrent talab il-benefiċċju tal-għajnuna legali.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li tiżgura lill-persuni kollha d-dritt għar-rispett tad-dinjità tagħhom u għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħhom.
Full & Egal Universal Law Academy