25.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/89
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2019 – Feralpi vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-657/19)
(2019/C 399/108)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: Feralpi Holding SpA (Brescia, l-Italja) (rappreżentanti: G. Roberti u I. Perego, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla, fl-intier tagħha jew parzjalment, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-parti li tikkonċerna lir-rikorrenti;
—
u/jew tannulla, jew tal-inqas tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni;
—
fejn ikun il-każ, tiddikkjara illeġittimu u mhux applikabbli l-Artikolu 25(3) sa (6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 4969 final tal-4 ta’ Lulju 2019, li tikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 65 KEFA – Każ AT.37956 – Kolonni tas-siment, innotifikata fit-18 ta’ Lulju 2019.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
2.
It-tieni motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 41, 47 u 51 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għal-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u l-obbligu ta’ motivazzjoni, inkwantu ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tul eċċessiv tal-proċedimenti qabel ma adottat mill-ġdid, għat-tielet darba, l-istess deċiżjoni li timponi multa.
3.
It-tielet motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 41, 47 u 51 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-KEDB u l-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li, kieku kienet ħadet inkunsiderazzjoni it-tul tal-proċedimenti u l-partikolaritajiet tagħhom, ma kinitx tadotta mill-ġdid, għat-tielet darba, l-istess deċiżjoni li timponi multa.
4.
Ir-raba’ motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-KEDB, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha ta’ adozzjoni mill-ġdid, ma bbilanċjatx b’mod korrett l-interessi.
5.
Il-ħames motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 41 tal-Karta, il-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża, u l-Artikoli 14 u 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, u tal-Artikolu 11, 12 u 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE, inkwantu s-smiegħ organizzat fil-proċedimenti ma setax jirrimedja għall-illegalità li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat fis-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il-Kummissjoni (C-85/15 P, EU:C:2017:709).
6.
Is-sitt motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 65 KEFA u l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, sa fejn ma rrispettatx il-prinċipji fil-qasam tal-oneru tal-prova sabiex tikkonstata li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-akkordju matul il-perijodu bejn l-1989 u l-1995.
7.
Is-seba’ motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 65 KEFA peress li kkunsidrat li kienet ikkonstatat akkordju kumpless, uniku u kontinwu li allegatament dam, għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, mill-1989 sal-2000.
Full & Egal Universal Law Academy