25.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/91
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Settembru 2019 – Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-667/19)
(2019/C 399/111)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Ferriere Nord SpA (Osoppo, l-Italja) (rappreżentanti: W. Viscardini, G. Donà u B. Comparini, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
prinċipalment, tannulla, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2019 C(2019) 4969 final, innotifikata fit-18 ta’ Lulju 2019, li permezz tagħha ġiet imposta fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 2 237 000 wara proċedimenti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (AT 37956 – Kolonni tas-siment);
—
sussidjarjament, tannulla parzjalment id-deċiżjoni C(2019) 4969 final u, għaldaqstant, tnaqqas l-ammont tal-multa;
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħdax-il motiv.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward ksur tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tal-Artikoli 14 u 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u tal-Artikoli 11, 12, 13 u 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), sa fejn is-smiegħ tat-23 ta’ April 2018 ma solviex il-ksur tal-forom essenzjali li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Settembru 2017, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C-88/15 P, EU:C:2017:716).
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non bis in idem
—
Ir-rikorrenti tinvoka f’dan ir-rigward il-ksur tal-Artikolu 50 tal-Karta, sa fejn, anki jekk, fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali – u, konsegwentement, id-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni – għal raġunijiet ta’ proċedura, il-Qorti Ġenerali kienet madankollu diġà ddeċidiet dwar il-fatti materjali miġjuba kontra r-rikorrenti mill-Kummissjoni. Din tal-aħħar għalhekk ma setgħetx tadotta deċiżjoni ġdida bbażata fuq l-istess fatti.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata u, għaldaqstant, il-ksur tal-obbligu li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u għal żmien raġonevoli tal-proċedura u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li, fid-dawl tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB, il-Kummissjoni kkunsidrat mingħajr motivazzjoni adegwata u, fi kwalunkwe każ, b’mod żbaljat, li ma għandhiex tevalwa n-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura, u talbet li din l-evalwazzjoni ssir mill-qorti.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tat-tul raġonevoli tal-proċedura, tal-eċċess ta’ poter u fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża
—
Ir-rikorrenti tinvoka f’dan ir-rigward il-ksur tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB, peress li l-Kummissjoni eżerċitat setgħa ta’ konstatazzjoni u ta’ sanzjoni li ma kienx għad għandha minħabba t-tul mhux raġonevoli tal-proċedura, indipendentement mill-ksur – fil-fatt reali – tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta minn dan it-tul.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas jew żball ta’ motivazzjoni, l-eċċess tal-poter, il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll il-ksur tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB.
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma wrietx li għandha interess leġittimu sabiex tadotta mill-ġdid id-deċiżjoni, li hija għalhekk il-frott ta’ eċċess ta’ poter.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, imqajjem abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, u fuq it-tmiem tas-setgħa ta’ konstatazzjoni ta’ sanzjoni
—
Ir-rikorrenti ssostni l-illegalità tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba li huwa kuntrarju għall-prinċipji ta’ tul raġonevoli tal-proċedura u ta’ proporzjonalità.
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-illegalità parzjali tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2019 għal dak li jikkonċerna l-materjalità tal-fatti inkwistjoni, il-ksur tal-prinċipji ġenerali fil-qasam tal-oneru tal-prova kif ukoll tal-prinċipju tal-benefiċċju tad-dubju
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li ċerti fatti mressqa kontra Ferriere Nord ma jikkostitwixxux ksur tal-kompetizzjoni u ma humiex fi kwalunkwe każ ipprovati mill-Kummissjoni.
8.
It-tmien motiv, ibbażat fuq l-illegalità taż-żieda minħabba reċidiva għal ksur tad-drittijiet tad-difiża
—
Ir-rikorrenti ssostni li ż-żieda tal-multa minħabba reċidiva hija illegali, peress li la fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas f’xi att ieħor ulterjuri tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni mill-ġdid, il-Kummissjoni ma qajmet dan il-fatt aggravanti, li ċaħħad lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tiddefendi ruħha dwar dan il-punt.
9.
Id-disa’ motiv, ibbażat fuq l-illegalità taż-żieda tal-multa abbażi ta’ reċidiva, fuq tul eċċessiv u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
—
Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk il-perijodu ta’ żmien li għadda bejn il-konstatazzjoni tal-ewwel ksur u l-fatti akkużata bihom fid-deċiżjoni kkontestata setgħa jitqies li ma huwiex eċċessiv, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fil-mument tad-deċiżjoni kkontestata, kienu għaddew tletin sena mill-konstatazzjoni tal-ewwel ksur.
10.
L-għaxar motiv, ibbażat fuq l-illegalità taż-żieda tal-multa abbażi ta’ reċidiva, minħbba l-ammont eċċessiv u nuqqas ta’ motivazzjoni
—
Ir-rikorrenti ssosnti f’dan ir-rigward li żieda ta’ 50 % tal-multa abbażi ta’ reċidiva ma hijiex iġġustifikata, minħabba, fost l-oħrajn, it-tul anormalment twil tal-proċedura.
11.
Il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fit-tnaqqis tal-multa abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti
—
Ir-rikorrenti tikkunsidra li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ngħatalha abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti ma huwiex biżżejjed, peress li huwa proporzjonalment inferjuri għat-tnaqqis mogħti lil impriża oħra għall-istess raġuni.
Full & Egal Universal Law Academy