25.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/95
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Ottubru 2019 – FG vs Il-Parlament
(Kawża T-670/19)
(2019/C 399/114)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: FG (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;
konsegwentement,
—
tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu u d-deċiżjoni li taħtar [kunfidenzjali] (1) fil-pożizzjoni ta’ [kunfidenzjali];
—
sa fejn hemm bżonn, tannulla d-deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2019 ta’ ċaħda tal-ilment;
—
tikkumpensa għad-dannu materjali subit, kif deskritt fir-rikors;
—
talloka somma ta’ EUR 10 000 stabbiliti ex aequo et bono u provviżorjament b’kumpens għad-dannu morali subit;
—
bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, l-ordni lill-konvenut li jipproduċi:
—
ir-rapport tal-intervista komplet u r-rakkomandazzjoni stabbiliti mill-Kumitat Konsultattiv;
—
il-lista tas-suġġetti ta’ diskussjoni tal-kandidati matul l-intervisti;
—
il-lista tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-merti użati mill-Kumitat Konsultattiv u, skont il-każ, mill-Awtorità tal-Ħatra;
—
il-minuti tad-deliberazzjoni tad-deċiżjoni tal-Bureau fid-dawl tad-deċiżjoni tiegħu ta’ reklutaġġ;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2000 u tal-Artikolu 6 tal-avviż ta’ reklutaġġ, sa fejn jiksru l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali u ta’ non-diskriminazzjoni u jiksru l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea. F’kull każ, il-proċedura ta’ reklutaġġ segwita f’dan il-każ hija illegali għall-istess motivi.
—
L-ewwel nett, l-Awtorità tal-Ħatra ma ġietx ippreżentata b’avviż komplet tal-Kumitat inkwantu għall-merti tal-kandidati meta hija ġiet imsejħa tieħu d-deċiżjoni tagħha ta’ ħatra u, għaldaqstant, li twettaq l-għażla tagħha. Dan ifisser, sussegwentement, li l-imsemmija merti ma ġewx evalwati, la mill-Kumitat u lanqas mill-Awtorità tal-Ħatra, b’mod oġġettiv u trasparenti, abbażi tal-kriterji pre-stabbiliti (u a fortiori kkomunikati).
—
It-tieni nett, ir-rakkomandazzjoni li takkompanja r-rapport tal-intervista ma hijiex speċifikata b’mod ieħor. Il-Kumitat jillimita ruħu li jistabbilixxi rapport tal-intervista iżda d-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2000 ma tipprevedix li l-Kumitat iwettaq, fil-mument tal-intervisti, paragun tal-merti. Id-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2000 ma tispeċifikax lanqas li l-bureau, bħala AIPN, għandha jkollha kriterji għal dan il-għan, sa fejn, jidher, li hija mgħandix aċess għall-kriterji stabbiliti mill-Kumitat, sa fejn jeżisti, quod non.
—
It-tielet nett, id-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2000 ma tispeċifikax li l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-fajls kollha tal-kandidati. Jekk il-konvenut jiddikjara li l-membri tal-bureau kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-fajls personali tal-kandidati, ma jiddikjarax li dawn il-membri effettivament ikkonsultaw dawn il-fajls u, b’mod partikolari, dak tar-rikorrent.
—
Ir-raba’ nett, id-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2000 ma tipprevedix il-komunikazzjoni lill-kandidati tal-kriterji stabbiliti mill-Kumitat u l-Awtorità tal-Ħatra għall-finijiet ta’ xogħlhom li jeżaminaw u jipparagunaw il-merti.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u tal-ksur tal-interess tas-servizz. Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li billi ħatret [kunfidenzjali] fl-impjieg [kunfidenzjali], l-Awtorita tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li jirrigwarda kemm l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u tal-avviż ta’ reklutaġġ kif ukoll fit-teħid ta’ paragun tal-merti rispettivi ta’ [kunfidenzjali] u ta’ dawk tar-rikorrent. L-Awtorità tal-Ħatra wkoll manifestament kisret l-interess tas-servizz.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-użu ħażin tas-setgħat li bihom ikunu vvizzjati d-deċiżjonijiet ikkontestati.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura.
(1) Data kunfidenzjali moħbija.
Full & Egal Universal Law Academy