25.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/97
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ottubru 2019 – Companhia de Seguros Índico vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-672/19)
(2019/C 399/115)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Companhia de Seguros Índico SA (Maputo, il-Możambik) (rappreżentanti: R. Oliveira u J. Schmid Moura, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata adottata mill-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta’ Lulju 2019; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għall-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide u ta’ abbuż ta’ dritt:
L-eżekuzzjoni min-naħa tal-Uffiċċju tal-Uffiċjal Nazzjonali tal-Awtorizzazzjoni għall-Kooperazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Możambik u l-UE (“GON”) tal-garanziji maħruġa mir-rikorrenti, li hija l-bażi ta’ din it-tilwima u li tat lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li qed tiġi kkontestata, tikser manifestament il-prinċipju ta’ bona fide u tikkostitwixxi abbuż ċar ta’ dritt. In-nuqqas ta’ ħlas tal-garanziji min-naħa tar-rikorrenti, eżegwiti b’mod illegali mill-GON, wassal lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, li fiha r-rikorrenti hija eskluża għal perijodu ta’ tliet snin milli tipparteċipa fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi rregolati bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 u bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew minn kull selezzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ fondi tal-Unjoni minħabba allegat nuqqas gravi fil-qasam professjonali u minħabba allegati nuqqasijiet sinjifikattivi fit-twettiq tal-obbligi prinċipali relatati mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt iffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 106(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill:
Id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata inkwantu l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ “klassifikazzjoni ġuridika preliminari” li għamlet fl-aġir tar-rikorrenti, sa fejn:
—
l-aġir tar-rikorrenti ma jistax jiġi kklassifikat bħala “mġiba professjonali ħażina serja” skont l-Artikolu 106(1)(c) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012; u
—
l-aġir tar-rikorrenti ma jistax jiġi kklassifikat bħala “nuqqasijiet sinifikanti f’li jikkonforma mal-obbligi ewlenin fit-twettiq ta’ kuntratt iffinanzjat mill-baġit” skont l-Artikolu 106(1)(e) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 106(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill:
Id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata inkwantu l-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu, f’din il-miżura, l-esklużjoni tar-rikorrenti hija sproporzjonata.
Full & Egal Universal Law Academy