2.12.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 406/39
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ottubru 2019 – FJ et vs SEAE
(Kawża T-698/19)
(2019/C 406/49)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: FJ u tmien rikorrenti oħra (rappreżentant: J.-N. Louis, avukat)
Konvenuta: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
Talbiet
Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni li tistabbilixxi r-rendikont tas-salajru tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Diċembru 2018 billi tapplika, għall-ewwel darba, il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni l-ġodda applikabbli għar-remunerazzjoni tagħhom, b’effett retroattiv għall-1 ta’ Frar 2018;
—
tikkundanna lis-SEAE għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikati għar-remunerazzjoni tagħhom, li fil-fatt huma kuntrarji għal dawk stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti, ma żgurawx l-ekwivalenza tal-kapaċità ta’ akkwist tagħhom.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ dmir ta’ premura. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqisu li huma ma setgħux ikunu jafu dwar l-irregolarità tar-remunerazzjoni mħallsa lilhom bis-saħħa tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni fis-seħħ.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li jimponi aġġornament interim tar-remunerazzjoni meta l-bdil fl-għoli tal-ħajja, kif imkejjel bil-koeffiċjent ta’ korrezzjoni u r-rata tal-kambju korrispondenti, huwa ta’ iktar minn 5 % mill-aħħar aġġornament għal pajjiż partikolari.
Full & Egal Universal Law Academy