2.12.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 406/42
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Ottubru 2019 – FGSZ vs ACER
(Kawża T-704/19)
(2019/C 406/52)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Földgázszállító Zártkörűen Működő Részvénytársaság (FGSZ) (Siófok, l-Ungerija) (rappreżentanti: M. Horányi, N. Niejahr and S. Zakka, avukati)
Konvenuta: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-ACER Nru 5/2019 tad-9 ta’ April 2019 dwar il-proposta tal-proġett b’kapaċità inkrementali għall-punt ta’ interkonnessjoni Mosonmagyaróvár (il-“Proġett HUAT”), kif ikkonfermat bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tas-6 ta’ Awwissu 2019 fil-każ numru A-004-2019 (id-“Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell”);
—
sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata kif ikkonfermata mid-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u tiddikjara null l-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ir-rikorrenti hija obbligata li twettaq fażi vinkolanti tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ kapaċità inkrementali fil-livell ta’ offerta tal-livell I u ta’ offerta tal-livell II tal-Proġett HUAT kif ukoll tal-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata safejn tobbliga lir-rikorrenti timplimenta l-Proġett HUAT f'każ ta’ riżultat pożittiv tat-test ekonomiku li għandu jitwettq;
—
sussidjarjament, tannulla u tiddikjara invalida d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell;
—
tikkundanna lil ACER tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti marbuta ma’ dawn il-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li ACER ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li ACER kisret l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament 713/2009 (1) billi obbligat lir-rikorrenti timplimenta l-Proġett HUAT.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li ACER kisret l-Artikolu 28(1)(d) u 22(1) tar-Regolament (UE) Nru 2017/459 (2) billi emendat il-parametri tat-test ekonomiku meħtieġa taħt l-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-Regolament.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li ACER kisret l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 2017/459 billi naqset milli tinkludi l-valur preżenti taż-żieda stmata fid-dħul permess jew previst tar-rikorrenti fil-kapaċità inkrementali.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li ACER kisret l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 2017/459 billi naqset milli tanalizza u tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe effetti ta’ dannu potenzjali fuq il-kompetizzjoni u fuq il-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass tal-Proġett HUAT.
6.
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li ACER kisret l-Artikolu 194(1) TFUE billi naqset milli tikkunsidra l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika li kien jirrikjedi li l-ACER tieħu inkunsiderazzjoni l-interess ta’ atturi oħra u tevita li tadotta miżuri li jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni jew ta’ xi Stat Membru.
7.
Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li ACER kisret l-Artikoli 17, 18 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u kisret il-libertà tar-rikorrenti li tmexxi negozju u d-dritt tal-proprjetà tar-rikorrenti billi adottat d-deċiżjoni kkontestata.
8.
It-tmien motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li ACER kisret l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi aċċettat li tieħu l-każ qabel mal-fajl kien ippreparat biżżejjed u billi naqset milli tistabbilixxi jew tikkunsidra l-fatti relevanti kollha.
9.
Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi naqas milli jagħti biżżejjed żmien lir-rikorrenti sabiex twieġeb għad-difiża u tanalizza l-kontroreplika qabel is-smigħ orali.
10.
L-għaxar motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell hija vvizzjata minn żball manifest fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni peress li naqas milli jagħmel reviżjoni u evalwazzjoni sħiħa tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.
(1) Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, ĠU L 211, 14.08.2009, p. 1.
(2) Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 tas-16 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta' Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 984/2013 (ĠU L 72, 17.03.2017, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy