Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje C
C/2026/374
16.1.2026
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2), il-punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2026/374)
Fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA
“Fleur de sel/Flor de sal/Solvni cvet”
Nru tal-UE: TSG-GN-02620 — 14.7.2020
Stat Membru jew pajjiż terz: Il-Guinea
1. Isem/ismijiet
“Fleur de sel/Flor de sal/Solvni cvet”
2. Tip ta’ prodott
Klassi 2.10. Melħ
3. Raġunijiet għar-reġistrazzjoni
3.1. Il-prodott
☒
jirriżulta minn mod ta’ produzzjoni, proċessar jew kompożizzjoni li jikkorrispondi għal prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew l-oġġett tal-ikel
☐
huwa magħmul minn materja prima jew minn ingredjenti li huma dawk użati tradizzjonalment
Il-“Fleur de sel/Flor de sal /Solvni cvet” (minn hawn ’il quddiem il-“Fleur de sel”) huwa prodott li jirriżulta minn mod ta’ produzzjoni tradizzjonali fis-salini. Il-“Fleur de sel” huwa magħmul minn kristalli piramidali fini, fraġli u li jżommu f’wiċċ l-ilma, li jiffurmaw fil-wiċċ tas-salmura fl-għadajjar tal-kristallizzazzjoni użati għall-ġbir tal-melħ artiġjanali. Jinġabar bl-idejn bl-użu ta’ għodda speċjali, u dan irid isir fil-wiċċ tas-salmura f’dawn l-għadajjar tal-kristallizzazzjoni.
Dan il-melħ li jżomm fil-wiċċ, li huwa fin u ħafif b’mod naturali, jifforma f’kundizzjonijiet meteoroloġiċi speċifiċi ħafna (riħ ħafif, xemx u ebda umdità) fil-wiċċ tal-għadajjar tal-kristallizzazzjoni f’salmura speċifika użata għall-produzzjoni tal-melħ artiġjanali. Il-kristalli piramidali jingħaqdu biex jiffurmaw qxur irqaq fil-wiċċ tas-salmura, li jkopru l-wiċċ kollu jew parti minnu.
L-għarfien u t-tradizzjonijiet assoċjati ma’ din l-attività ġew mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra f’dawn l-aħħar sekli u bħalissa jiffurmaw parti mill-identità kulturali u storika ta’ bosta komunitajiet kostali fl-Ewropa u komunitajiet li jagħmlu użu minn nixxigħat tal-ilma mielaħ. Matul is-sekli, din l-attività sawret l-ambjenti kostali b’mod partikolari. Billi bnew is-salini tradizzjonali, il-produtturi tal-melħ ħolqu ħabitats differenti minn kwalunkwe ieħor, li jappoġġaw unikament il-bijodiversità, u dan jagħmel il-produzzjoni tal-melħ agroekoloġika ħafna.
Sa mit-tmiem tas-seklu 20, il-kontribut ekonomiku ta’ dan il-prodott għamilha possibbli li jinżammu u jiġu żviluppati l-maġġoranza tas-siti tas-salini artiġjanali fl-Unjoni Ewropea, u b’hekk għamilha possibbli li jiġu ppreservati ekosistemi uniċi u li tistabbilixxu ruħha ġenerazzjoni ġdida ta’ produtturi.
Fil-Guinea bħal fid-diversi partijiet tal-UE fejn jiġi prodott, il-“Fleur de sel” jagħmilha possibbli li jingħata appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli lokali ta’ żoni fraġli.
3.2. Isem il-prodott
☒
intuża tradizzjonalment biex jirreferi għall-prodott speċifiku
☐
jidentifika l-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott
Il-“Fleur de sel” jieħu l-karatteristiċi tiegħu mill-metodu tradizzjonali użat għall-produzzjoni tiegħu kemm fil-Guinea kif ukoll fl-UE. Dan il-metodu huwa bbażat fuq ir-regolazzjoni tal-flussi tal-ilma u l-livelli fl-għadajjar tal-konċentrazzjoni sabiex tkun tista’ tiġi prodotta salmura konċentrata permezz tal-evaporazzjoni naturali mmexxija mix-xemx u r-riħ. Meta s-salmura tkun ikkonċentrata ħafna u l-kundizzjonijiet klimatiċi jkunu favorevoli, huma possibbli żewġ tipi ta’ kristallizzazzjoni:
—
fil-wiċċ tal-ilma, fejn isseħħ l-evaporazzjoni, jiżviluppa tip speċifiku ħafna ta’ kristall li huwa fraġli u għandu forma bħal piramida vojta rasha ’l isfel: il-“Fleur de sel”. Dan iseħħ biss jekk il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi speċifiċi (riħ ħafif, xemx u l-ebda umdità) jippermettu.
—
fil-qiegħ, fejn l-ilma huwa l-aktar saturat bil-melħ, jiżviluppa kristall kubiku: melħ oħxon.
Dan il-prodott huwa marbut mill-qrib mal-istorja tas-salini, maħluqin u sfruttati b’mod tradizzjonali mill-inqas mill-ewwel millennju f’diversi pajjiżi Ewropej. Il-ksib tal-“Fleur de sel” huwa marbut ma’ metodu speċifiku ta’ produzzjoni tal-melħ f’dawk is-salini. Hemm referenzi bil-miktub għall-“Fleur de sel” li jmorru lura għal żmien ir-Rumani; pereżempju, il-prodott issemma mill-awtur Ruman Gaius Plinius Secundus fil-ktieb tiegħu Naturalis Historia.
L-isem “Fleur de sel” ilu rikonoxxut bil-Franċiż sa mill-1732 permezz tax-xogħol lessikografiku tad-dizzjunarju Trévoux (2).
4. Deskrizzjoni
4.1. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1, inkluż il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi ewlenin tiegħu li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)
4.1.1. 4.1 - Deskrizzjoni tal-prodott
Il-“Fleur de sel” huwa tip speċifiku ta’ melħ li jikkristallizza fil-wiċċ tas-salmura maħluq fis-salini permezz tal-evaporazzjoni naturali tal-ilma baħar jew tal-ilma ġieri mielaħ b’mod naturali. Il-“Fleur de sel”, li huwa melħ li jżomm f’wiċċ l-ilma, irid jinġabar bl-idejn mill-wiċċ tas-salmura fl-għadajjar tal-kristallizzazzjoni. Il-“Fleur de sel” ikun lest għall-konsum malli jinġabar; la jiġi raffinat u lanqas ma jinħasel, u ma jiżdied l-ebda addittiv miegħu.
Karatteristiċi tal-“Fleur de sel”
Il-karatteristiċi tal-ħbub tal-“Fleur de sel” jistgħu jvarjaw skont il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima u l-ħin u l-post tal-ġbir.
Il-“Fleur de sel” huwa magħmul minn kristalli piramidali fini, fraġli u li jżommu f’wiċċ l-ilma, li jiffurmaw fil-wiċċ tas-salmura f’għadajjar tal-kristallizzazzjoni meta l-kundizzjonijiet atmosferiċi jkunu favorevoli (riħ ħafif, xemx u l-ebda umdità).
Il-kristalli piramidali tal-“Fleur de sel” għandhom struttura fraġli ħafna meta mqabbla mal-melħ oħxon, li jiżviluppa bħala kristalli kubiċi.
Il-“Fleur de sel” jinħall faċilment, u din il-karatteristika tippermetti li jiġi assorbit fl-ikel b’mod differenti u li jintuża fl-ikel li diġà jkun ġie ppreparat.
Il-ħbub tal-“Fleur de sel” jiġu f’daqsijiet differenti, li jvarjaw b’mod sinifikanti skont il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi fil-ftit sigħat li matulhom jifforma u jiżviluppa.
Madankollu, il-karatteristika speċifika tal-“Fleur de sel” hija d-densità volumetrika tiegħu, li trid tkun ta’ 0,82 kg/litru jew inqas.
Il-“Fleur de sel” huwa abjad bi ħjiel sofor sa roża li jirriżultaw mill-preżenza ta’ mikroorganiżmi u li jiċċarraw maż-żmien.
Dawn il-karatteristiċi jagħtu lill-“Fleur de sel” sawra li ddub fil-ħalq u karattru aromatiku uniku.
F’dawn l-aħħar deċennji, bis-saħħa tal-finezza naturali tal-kristalli tiegħu u l-karatteristiċi intrinsiċi uniċi tiegħu, il-“Fleur de sel” attira interess kulinarju sinifikanti ħafna fuq l-imwejjed madwar id-dinja kollha. Jintuża għaliex jagħti togħma aktar ibbilanċjata li ddum aktar fil-palat mill-melħ klassiku. Għalhekk, ammont iżgħar tal-“Fleur de sel” jagħti togħma mielħa li hija pronunzjata iżda mhux aggressiva. Peress li l-“Fleur de sel” jinħall faċilment ħafna fl-ikel, in-nies li japprezzaw it-togħma tal-melħ jippreferu jżiduh mal-platt tagħhom fl-aħħar minuta.
4.2. Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1 li jridu jsegwu l-produtturi, inklużi, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti użati, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jitħejja l-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)
Salini, ġestjoni tal-ilma u regolazzjoni tal-konċentrazzjoni
Sabiex jiksbu l-“Fleur de sel”, il-produtturi jimlew l-għadajjar bl-ilma baħar jew bl-ilma ġieri mielaħ b’mod naturali. Matul proċess ġestit ta’ evaporazzjoni naturali, il-produzzjoni tal-“Fleur de sel” tinvolvi l-istadji sekwenzjali tal-konċentrazzjoni, is-saturazzjoni u l-kristallizzazzjoni. Il-produtturi jimmaniġġjaw iċ-ċirkolazzjoni bil-mod tal-ilma mielaħ bejn l-għadajjar sabiex jiżguraw li l-ilma baħar jew l-ilma ġieri mielaħ jinbidel f’salmura bis-saħħa tal-evaporazzjoni naturali kkawżata mix-xemx u mir-riħ. Il-melħ jikkristallizza ladarba l-konċentrazzjoni tilħaq 250 sa 260 g/litru.
Filwaqt li l-għadd ta’ għadajjar suċċessivi użati għall-konċentrazzjoni jvarja skont il-pożizzjoni ġeografika tas-salini u l-kundizzjonijiet tal-evaporazzjoni lokali, huwa fl-għadira tal-kristallizzazzjoni li jiġu prodotti ż-żewġ tipi ta’ melħ – il-melħ oħxon u l-“Fleur de sel”. Xi kultant, meta l-kundizzjonijiet tal-evaporazzjoni jkunu partikolarment qawwija, tista’ sseħħ xi kristallizzazzjoni fl-għadajjar ’il fuq mill-għadajjar tal-kristallizzazzjoni.
Il-ġestjoni bir-reqqa ta’ kuljum tas-salmura hija meħtieġa sabiex jinkiseb il-“Fleur de sel” u l-produtturi jridu jkunu jistgħu jikkontrollaw b’mod preċiż il-moviment u l-kwalità tal-ilma.
Kristallizzazzjoni tal-“Fleur de sel”
Meta l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi naturali jkunu favorevoli, il-produtturi jissorveljaw żewġ tipi ta’ kristallizzazzjoni tal-klorur tas-sodju fl-għadajjar tal-kristallizzazzjoni:
—
Mill-kristallizzazzjoni li sseħħ taħt l-ilma, fis-salmura, jirriżulta melħ oħxon bil-kristalli li joqogħdu fil-qiegħ tal-għadira tal-kristallizzazzjoni. Il-kristalli huma kubiċi u jistgħu jiffurmaw ċapep ta’ kubi.
—
Aktar rari, f’kundizzjonijiet meteoroloġiċi speċifiċi ħafna (riħ ħafif, xemx u ebda umdità), il-“Fleur de sel” jikkristallizza fil-wiċċ tas-salmura. Il-kristalli jiżviluppaw f’forma ta’ piramida vojta rasha ’l isfel u jżommu fil-wiċċ.
Sabiex jipproduċu l-“Fleur de sel”, il-produtturi jżommu fond suffiċjenti ta’ ilma fl-għadira tal-kristallizzazzjoni. Tabilħaqq, hemm bżonn li jkun hemm saff baxx ta’ ilma ta’ aktar minn 1 cm sabiex il-“Fleur de sel” ikun jista’ jitla’ bla xkiel fil-wiċċ tas-salmura, u b’hekk ikun possibbli li jintgħaraf mill-melħ oħxon. Il-formazzjoni tal-“Fleur de sel” u l-ekwilibriju tiegħu fil-wiċċ tas-salmura huma fraġli u delikati.
Il-“Fleur de sel” jista’ jiġi prodott biss meta jiltaqgħu kundizzjonijiet meteoroloġiċi speċifiċi ħafna: riħ ħafif, xemx u ebda umdità. Il-mewġ li jinħoloq meta r-riħ ikun qawwi wisq, l-arja niedja jew iċ-ċaqliq bi traskuraġni waqt il-ġbir jistgħu jikkaġunaw li l-“Fleur de sel” jegħreq u b’hekk jitlef il-karattru speċifiku tiegħu. Għalhekk huwa melħ rari.
Ġbir tal-“Fleur de sel”
Il-metodi għall-ġbir tal-“Fleur de sel” u tal-melħ oħxon huma differenti ħafna.
Sabiex jiġu ppreservati l-karatteristiċi tal-“Fleur de Sel”, huwa vitali li l-produtturi jiġbruh qabel ma jegħreq fil-qiegħ tal-għadajjar. Inkella jkompli jikkristallizza, jitlef il-forma ta’ piramida tiegħu u jsir melħ oħxon.
Il-melħ oħxon li jiżviluppa fil-qiegħ tal-għadajjar jista’ jinġabar fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata. B’kuntrast, ladarba l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi jkunu ppermettew li jifforma, il-“Fleur de sel” irid jinġabar ftit wara li jifformaw il-kristalli, u sa mhux aktar tard minn fi żmien 24 siegħa. Madankollu, matul dan il-perjodu, ir-riħ qawwi, l-umdità sinifikanti jew ix-xita huma biżżejjed biex inaqqsu jew iħollu l-“Fleur de sel” fl-għadajjar. Meta l-“Fleur de sel” jegħreq fis-salmura, jitlef il-karattru speċifiku tiegħu u ma jibqax “Fleur de sel”.
Il-“Fleur de sel” jinġabar bl-użu ta’ metodu tradizzjonali stabbilit sew. Il-produtturi jixkumaw b’mod delikat il-wiċċ bl-idejn mingħajr ma jmissu l-qiegħ tal-għadira. Biex jagħmlu dan, jużaw għodod speċjali fil-forma ta’ moqdief jew xkumaturi, possibbilment b’kurvatura u bit-toqob, imqabbdin ma’ manku twil. Huma speċi ta’ “barraxa” jew “kuċċarun”. B’dan il-mod, il-produtturi jiġbru l-kristalli kollha tal-“Fleur de sel” li jżommu f’wiċċ l-ilma fl-għadajjar u jpoġġuhom f’kontenitur speċjali.
Passi ta’ wara l-ġbir għall-“Fleur de sel”
Wara li jinġabar, il-“Fleur de sel” joqtor b’mod naturali fil-post fejn jiġi estratt. Il-kontenut ta’ ndewwa tiegħu li jifdal jista’ jitbaxxa permezz ta’ tnixxif indirett, mingħajr ebda kuntatt ma’ fjamma, sabiex ikun eħfef li jiġi imballat.
Il-“Fleur de sel” jintgħażel bl-idejn matul id-diversi passi ta’ wara l-ġbir sabiex jitneħħa kwalunkwe korp barrani.
Operazzjonijiet ta’ wara l-ġbir ipprojbiti
Wara li jinġabar, il-“Fleur de sel” bl-ebda mod ma jista’ jinħasel, jiġi raffinat jew jintaħan u ma jista’ jiżdied miegħu l-ebda addittiv.
4.3. Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)
Fl-Ewropa, l-istorja tal-ġbir tal-“Fleur de sel” tmur lura għal żminijiet il-qedem. Hija marbuta mill-qrib mal-istorja tas-salini ġestiti b’mod artiġjanali sa minn żmien l-Imperu Ruman. “Dan l-isem ilu rikonoxxut bil-Franċiż sa mill-1732 permezz tax-xogħol lessikografiku tad-dizzjunarju Trévoux (3) .” Anki jekk il-melħ oħxon kien u jibqa’ l-prodott ewlieni tas-salini f’termini ta’ volum, il-“Fleur de sel” minn dejjem kien jinġabar.
Dawn il-kristalli fini tal-“Fleur de sel” inġabru għall-ewwel darba għall-użu personali tal-produtturi; dan il-melħ abjad fin naturali mbagħad intuża għal diversi skopijiet fl-ikel lokali (b’mod partikolari t-tmelliħ tal-ħut u l-butir).
It-teknika tal-ġbir baqgħet l-istess għal sekli sħaħ, u dejjem issir bl-idejn u fil-wiċċ, kemm fil-Kroazja, fi Spanja, fi Franza, fil-Portugall jew fis-Slovenja. Minn mindu ġie prodott għall-ewwel darba fil-Guinea, il-produtturi lokali għamlu mezz li jsegwu din it-teknika tradizzjonali sabiex ikunu jistgħu jiġbru prodott ta’ kwalità unika, wieħed li huwa differenti mill-melħ oħxon.
Matul l-istorja, ċerti swieq speċifiċi fl-Ewropa, bħal tas-sajd għas-sardin, ippreferew jużaw il-“Fleur de sel” minflok tipi oħra ta’ melħ biex jippreservaw il-prodotti tagħhom, u b’hekk ipprovdew suq konsiderevoli għall-“Fleur de sel” mis-seklu 16 sas-snin 30. Illum il-ġurnata l-“Fleur de sel” huwa magħruf madwar id-dinja u, minħabba l-proprjetajiet uniċi tiegħu, jintuża b’mod wiesa’ u jintwera fl-użu mill-iktar kokijiet importanti.
Il-“Fleur de sel” jieħu l-karatteristiċi tiegħu mill-metodu tradizzjonali (il-ġestjoni tal-ilma u l-ġbir bl-idejn fil-wiċċ) użat għall-produzzjoni tiegħu.
L-għarfien prattiku tradizzjonali użat kemm fil-Guinea kif ukoll fl-UE huwa kkaratterizzat mill-elementi li ġejjin u huwa espress bl-użu ta’ vokabularju distintiv speċifiku għal kull sit tal-produzzjoni:
—
✓ Titjib miftiehem matul is-sekli tat-tekniki tal-kostruzzjoni tas-salini, u tal-istruttura tagħhom u tat-tekniki għall-produzzjoni u l-ġbir.
—
✓ Irregolar tal-livelli tal-ilma fl-għadajjar: dan iseħħ b’mod naturali (fejn il-marea tvarja ħafna) jew isir bl-ippumpjar, kemm biex jimtlew l-għadajjar kif ukoll biex jitbattlu s-salini. Iċ-ċirkolazzjoni interna tal-ilma mielaħ minn għadira għal oħra hija mmexxija mill-gravità jew mill-ippumpjar.
—
✓ Użu ta’ sistema ta’ produzzjoni tas-salmura bbażata fuq l-evaporazzjoni naturali.
—
✓ L-istruttura tas-salini tottimizza l-azzjoni tar-riħ u tax-xemx fil-proċess naturali tal-evaporazzjoni.
—
✓ Aġġustamenti għall-ilma: il-produtturi jbassru x’se jkunu l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u jaġġustaw il-fluss tal-ilma mielaħ fid-diversi għadajjar sabiex jottimizzaw il-produzzjoni.
—
✓ Staġjonalità u n-natura aleatorja tal-ġbir: fis-salini tagħhom, il-produtturi jiksbu salmura kkonċentrata ħafna u l-kristallizzazzjoni sseħħ jekk il-kundizzjonijiet tal-evaporazzjoni kienu tajbin għal bosta ġranet. Il-formazzjoni tal-“Fleur de sel” għalhekk tista’ sseħħ kuljum iżda tibqa’ aleatorja u tiddependi mill-kundizzjonijiet meteoroloġiċi.
—
✓ Ir-rabta mal-melħ oħxon: il-produzzjoni tal-“Fleur de sel” hija marbuta b’mod inseparabbli ma’ dik tal-melħ oħxon. It-tnejn huma prodotti fl-istess salina matul l-istess perjodu.
—
✓ Produzzjoni tal-“Fleur de sel” f’saff ta’ ilma mielaħ saturat: huwa vitali li jinżamm saff suffiċjenti ta’ ilma ta’ mill-inqas 1 cm fl-għadajjar tal-kristallizzazzjoni sabiex il-“Fleur de sel” ikun jista’ jifforma u jakkumula fil-wiċċ meta l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi jippermettu. Dan jagħmilha possibbli wkoll li l-proċess naturali tal-konċentrazzjoni jinżamm kontinwu.
—
✓ Ġbir tal-“Fleur de sel” bl-idejn fil-wiċċ tas-salmura: Il-“Fleur de sel” jinġabar esklużivament bl-idejn fil-wiċċ tas-salmura bl-użu ta’ għodod speċjali. Jekk il-“Fleur de sel” jegħreq fl-għadira, jitlef il-karattru speċifiku tiegħu u ma jibqax “Fleur de sel”.
—
✓ Ebda pproċessar wara l-ġbir: Il-“Fleur de sel” bl-ebda mod ma jinħasel, ma jiġi raffinat jew jintaħan u ma jiżdiedlu l-ebda addittiv.
Il-proċess tal-produzzjoni antik, tradizzjonali u uniku għall-“Fleur de sel” ġie deskritt f’diversi dokumenti, kotba u xogħlijiet artistiċi. Hemm referenzi xjentifiċi qodma fil-pubblikazzjonijiet Ewropej li ġejjin:
—
Fil-Portugall, pubblikazzjoni mill-1877, Museu Technologico, Revista das Indústrias Portuguezas e Estrangeiras e dos Princípios Scientíficos em que as mesmas se fundam, tagħti deskrizzjoni preċiża tal-metodu tal-produzzjoni u l-kwalità tiegħu: Il-“Fleur de sel” huwa fin, pur, abjad u brillanti. Jiġi minn kristalli li jiffurmaw fuq wiċċ l-ilma baħar. Il-fatt li dawn il-kristalli ma jegħrqux fil-qiegħ tal-għadajjar tal-kristallizzazzjoni huwa dak li jagħmilhom daqshekk fini u puri. Ftit ħaddiema tal-melħ ibigħuh; xi wħud jagħtuh lill-ħbieb tagħhom. Jekk jinġabar regolarment jista’ jinbiegħ bi prezz għoli ħafna peress li jkun sostitut tajjeb ħafna għall-melħ raffinat.”
—
Fi Franza, pubblikazzjoni mill-1885, Les Ouvriers des deux mondes - études sur les travaux, la vie domestique et la condition morale des populations ouvrières des diverses contrées, fiha deskrizzjoni preċiża: “Tabilħaqq, separatament mill-melħ fi kristalli kubi jew fi kristalli hopper, li jsir kemxejn griż minħabba r-ramal u li jinżel fil-qiegħ tal-għadira tal-kristallizzazzjoni, il-fjuri kristallini tal-melħ abjad jiffurmaw biss f’ċerti jiem fuq il-wiċċ tal-ilma. Imbagħad il-persuna li tiġbor il-melħ tixkuma dawn il-fjuri, u żżommhom”
—
Bosta pitturi jixhdu n-natura storika u tradizzjonali tal-ġbir tal-“Fleur de sel”, bħall-pittura tal-1870 ta’ Eugène Feyen “La récolte de sel à Saillé” (kollezzjoni privata) u l-pittura tal-1941 ta’ Mathurin Méheut “Ramasseuses de sel à Guérande” li turi l-“Fleur de sel” jinġabar mill-wiċċ bl-użu ta’ lousse, l-isem tal-għodda tal-injam użata mill-ħaddiema tal-melħ f’Guérande, Franza, u basket li jintuża biex jinġarr (il-kollezzjoni tal-Musée d’Orsay).
Barra minn hekk, dan il-metodu speċifiku ta’ produzzjoni u ġbir għall-“Fleur de sel” ġie kkodifikat mir-regolamenti nazzjonali f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fi Spanja fid-Digriet Reġju Nru 1634/2011 tal-14 ta’ Novembru 2011, fil-Portugall bl-Ordni Nru 72/2008 tal-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi, l-Innovazzjoni, l-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u s-Sajd tat-23 ta’ Jannar 2008 u fil-Kroazja bir-Regolament Nru 1904 tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Iżvilupp Rurali tat-22 ta’ Lulju 2011.
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
(2) G. Buron, Hommes de sel, Skol Vreizh (ed.), 2000.
(3) G. Buron, Hommes de sel, Skol Vreizh (ed.), 2000.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/374/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)
Top