Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje C
C/2026/370
16.1.2026
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2026/370)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Schrobenhausener Spargel/Spargel aus dem Schrobenhausener Land/Spargel aus dem Anbaugebiet Schrobenhausen”
Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-DE-0678-AM01 — 17.10.2025
1. Isem il-prodott
“Schrobenhausener Spargel/Spargel aus dem Schrobenhausener Land/Spargel aus dem Anbaugebiet Schrobenhausen”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
☐
DOP
☑
IĠP
☐
IĠ
3. Settur
☑
Prodotti agrikoli
☐
Inbejjed
☐
Xarbiet spiritużi
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
Il-Ġermanja
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Isem
Il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja u l-Ħarsien tal-Konsumatur
6. Kwalifika bħala emenda standard
L-emendi proposti għandhom jitqiesu bħala minuri f’konformità mal-Artikolu 24(2) sa (4) tar-Regolament (UE) Nru 2024/1143. L-emendi ma jinkludux, skont it-tifsira tal-Artikolu 24(3)(a) tar-Regolament (UE) 2024/1143, bidliet fl-isem jew fl-użu tal-isem, ma jinvolvux aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, u ma jirriskjawx li jħassru r-rabta maż-żona ġeografika msemmija fid-dokument uniku.
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
Titlu
“Schrobenhausener Spargel/Spargel aus dem Schrobenhausener Land/Spargel aus dem Anbaugebiet Schrobenhausen”
Deskrizzjoni
Emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
—
Il-punt (b) “Deskrizzjoni”
Fil-paragrafu 2, is-sentenza “l-ispraġ tat-tip ‘Schrobenhausener Spargel’ li jkun ta’ lewn abjad jew vjola ma jistax ikun itwal minn 22 ċentimetru, filwaqt li dak ta’ lewn aħdar ma jistax ikun itwal minn 27 ċentimetru.” tħassret.
Raġunijiet
L-informazzjoni dwar it-tul kienet tikkorrispondi ma’ dik fl-Istandard il-qadim FFV04 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE, United Nations Economic Commission for Europe). It-tul massimu permess inbidel bil-pubblikazzjoni tal-istandard il-ġdid fl-20 ta’ Diċembru 2023. Peress li, skont l-ispeċifikazzjoni, l-i“Schrobenhausener Spargel” jiġi pproċessat ukoll f’konformità mal-istandard tal-UNECE, it-tul totali massimu permess għandu jiġi aġġustat ukoll hawnhekk. Biex jiġi evitat li tiġi pprovduta informazzjoni konfliġġenti fl-ispeċifikazzjoni u fl-istandard validu tal-UNECE fil-futur, id-duplikazzjoni tat-tul totali tneħħiet.
☑
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
—
Il-punt 3.2 (Deskrizzjoni tal-prodott)
Il-paragrafu 2, “L-ispraġ tat-tip ‘Schrobenhausener Spargel’ li jkun ta’ lewn abjad jew vjola ma jistax ikun itwal minn 22 ċentimetru, filwaqt li dak ta’ lewn aħdar ma jistax ikun itwal minn 27 ċentimetru.” tħassar.
—
Il-punt (e) “Proċess ta’ produzzjoni”
Is-sentenza “Għal skopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-istandards minimi ta’ kwalità applikabbli huma l-istandards ta’ kwalità rilevanti tal-UE (ir-Regolament (KE) Nru 2377/99).” ġiet emendata biex taqra “Għal skopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-istandards minimi ta’ kwalità applikabbli huma dawk fil-verżjoni valida tal-Istandard FFV04 tal-UNECE (Spraġ).”
Is-sentenza “It-tul massimu permess taz-zokk huwa ta’ 22 cm għall-ispraġ abjad u 27 cm għall-ispraġ aħdar” tħassret.
Is-sentenza “Fil-każijiet fejn il-produtturi jbigħu direttament lill-konsumaturi, għandu jiġi osservat ukoll tul massimu permissibbli taz-zokk maqtugħ perpendikolarment ta’ 22 cm (għall-ispraġ abjad) u 27 cm (għall-ispraġ aħdar)” ġiet emendata biex taqra “Fil-każijiet fejn il-produtturi jbigħu direttament lill-konsumaturi, għandu jiġi osservat ukoll it-tul massimu permess taz-zokk skont l-Istandard FFV04 kurrenti tal-UNECE (Spraġ).”
Raġunijiet
Ir-Regolament (UE) Nru 2377/1999 issa tħassar. Peress li din sa issa kienet referenza fissa, ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament xorta għandhom jiġu ssodisfati. Fost affarijiet oħra, ir-Regolament (KE) Nru 2377/1999 jistabbilixxi tul massimu permess taz-zokk għall-ispraġ abjad ta’ 22 cm. Biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-ispeċifikazzjoni tipprovdi informazzjoni differenti/tistabbilixxi rekwiżiti differenti, ir-referenza fissa għal regolament li ma għadux validu għandha titħassar u tiġi sostitwita b’referenza għall-istandards tal-UNECE li huma rilevanti u validi bħalissa.
B’mod inċidentali, it-tul ta’ 22 cm għall-ispraġ abjad li sa issa kien imsemmi fl-ispeċifikazzjoni kien relatat mal-Istandard FFV04 il-qadim tal-UNECE. It-tul totali massimu permess inbidel bil-pubblikazzjoni tal-istandard il-ġdid fl-20 ta’ Diċembru 2023. Peress li, skont l-ispeċifikazzjoni, l-i“Schrobenhausener Spargel” jiġi pproċessat f’konformità mal-istandard tal-UNECE, it-tul totali massimu permess għandu jiġi aġġustat ukoll hawnhekk. Biex jiġi evitat li tiġi pprovduta informazzjoni konfliġġenti fl-ispeċifikazzjoni u fl-istandard validu tal-UNECE fil-futur, id-duplikazzjoni tat-tul totali tneħħiet.
☐
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
—
il-punt (f) “Ir-rabta maż-żona ġeografika” [(2) “L-ispeċifiċità tal-prodott”]
L-ewwel sentenza tal-paragrafu 3, “L-Għaqda tal-produtturi tal-ispraġ tan-Nofsinhar tal-Bavarja (l-iSpargelerzeugerverband Südbayern e.V.) tirrakkomanda l-varjetajiet li jilħqu b’mod speċjali r-rekwiżiti tal-agronomija (it-testijiet fl-għelieqi) u tat-togħma, ibbażati fuq testijiet tas-sensi marbutin mal-ispeċifikazzjoni.”, ġiet emendata biex taqra “L-Għaqda tal-produtturi tal-ispraġ tan-Nofsinhar tal-Bavarja (l-iSpargelerzeugerverband Südbayern e.V.) tirrakkomanda l-varjetajiet li jilħqu b’mod speċjali r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni.”.
Raġunijiet
Spargelverband Südbayern e.V. ma tistax tiżgura aktar li jitwettqu provi estensivi fuq il-post u ttestjar sensorjali. Għal din ir-raġuni, il-lista ta’ varjetajiet ma għadhiex se tiġi ppubblikata fuq il-paġna ewlenija tal-assoċjazzjoni.
Ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-varjetajiet jistgħu jinkisbu billi wieħed jikkuntattja direttament lill-konsulent tal-assoċjazzjoni, għalhekk ma għadhiex meħtieġa lista. Għal din ir-raġuni, is-siltiet rilevanti ġew aġġustati/imħassra.
Emendi tad-dokument uniku:
—
Il-punt 5.2 “L-ispeċifiċità tal-prodott”
Fil-paragrafu 3, is-sentenza “L-Għaqda tal-produtturi tal-ispraġ tan-Nofsinhar tal-Bavarja (l-iSpargelerzeugerverband Südbayern e.V.) tirrakkomanda l-varjetajiet li jilħqu b’mod speċjali r-rekwiżiti tal-agronomija (it-testijiet fl-għelieqi) u tat-togħma, bbażati fuq testijiet tas-sensi marbutin mal-ispeċifikazzjoni.” ġiet emendata biex taqra skont kif ġej: “L-Għaqda tal-produtturi tal-ispraġ tan-Nofsinhar tal-Bavarja (l-iSpargelerzeugerverband Südbayern e.V.) tirrakkomanda l-varjetajiet li jilħqu b’mod speċjali r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni.”.
Is-sentenza “Hija telenka dawn il-varjetajiet fil-paġna ewlenija tas-sit tal-internet tagħha (http://www.spargel.de/anbau_des_Verbandes) u taġġorna d-data annwalment.” tħassret.
☑
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
DOKUMENT UNIKU
Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli
“Schrobenhausener Spargel/Spargel aus dem Schrobenhausener Land/Spargel aus dem Anbaugebiet Schrobenhausen”
Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-DE-0678-AM01 - 17.10.2025
1. Isem/Ismijiet
“Schrobenhausener Spargel/Spargel aus dem Schrobenhausener Land/Spargel aus dem Anbaugebiet Schrobenhausen”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
☐
DOP
☑
IĠP
☐
IĠ
3. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
Il-Ġermanja
4. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
4.1. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
0709 20 – Spraġ
4.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
L-i“Schrobenhausener Spargel”, l-i“Spargel aus dem Schrobenhausener Land”, u l-i“Spargel aus dem Anbaugebiet Schrobenhausen” — minn hawn ’il quddiem imsejħa l-i“Schrobenhausener Spargel” — huma z-zkuk li jittieklu tal-ispraġ (Asparagus officinalis), li jinbiegħu imqaxxrin jew mhux imqaxxrin. L-i“Schrobenhausener Spargel” jiġi prodott skont ir-regoli tal-prattiki tajbin tal-biedja.
L-i“Schrobenhausener Spargel” jitħejja f’konformità mal-istandard FFV04 tal-UNECE (Spraġ).
It-togħma tal-i“Schrobenhausener Spargel” hija kkaratterizzata mit-togħma tal-ispraġ li hi tipikament qawwija u kemxejn ta’ ġewż.
Il-ħsad tal-ispraġ darba jew darbtejn kuljum, flimkien ma’ kif jintmiss b’attenzjoni u b’mod xieraq wara l-ħsad, jiggarantixxu li l-i“Schrobenhausener Spargel” jasal frisk għand il-konsumaturi, irrispettivament mill-mezz kif jiġi kkummerċjalizzat.
4.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali deżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati b’Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)
-
4.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
L-i“Schrobenhausener Spargel” jista’ jitkabbar biss fiż-żoni identifikati.
4.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Wara l-ħsad, l-ispraġ maqtugħ għandu jitkessaħ malajr kemm jista’ jkun biex tiġi ppreżervata l-kwalità tiegħu. Iz-zkuk jinqatgħu bit-tul meħtieġ u jintgħażlu b’mod espert. Imbagħad jinħażnu f’temperatura ta’ 1 sa 2 °C f’post b’livell għoli ta’ umdità. Il-produttur ma għandux jinterrompi din il-katina ta’ kesħa.
Il-kontenut ta’ kull pakkett għandu jkun konsistenti, jiġifieri kull unità għandu jkun fiha biss spraġ li ġej mir-reġjun ta’ Schrobenhausen tal-istess kwalità, grupp tal-kulur u daqs. Il-parti tal-pakkett li tkun tidher għandha wkoll tirrappreżenta l-kontenut totali tiegħu.
4.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
L-i“Schrobenhausener Spargel” għandu jkun immarkat ukoll bl-immaġni li ġejja:
4.7. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona tal-kultivazzjoni tal-Bavarja fejn jiġi prodott l-i“Schrobenhausener Spargel” tkopri l-muniċipalitajiet ta’ Aichach, Aresing, Berg im Gau, Brunnen, Gachenbach, Geisenfeld, Gerolsbach, Hohenwart, Inchenhofen, Karlskron, Kühbach, Langenmosen, Pfaffenhofen an der Ilm, Pörnbach, Pöttmes, Reichertshofen, Rohrbach, Schrobenhausen u Waidhofen, li jinsabu fid-distretti rurali ta’ Neuburg-Schrobenhausen, Aichach-Friedberg u Pfaffenhofen an der Ilm.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta kawżali mal-oriġini ġeografika hija bbażata fuq
☑
Reputazzjoni
☑
Kwalità nominali
☐
Karatteristiċi oħra
Sommarju tar-rabta
L-isem tal-belt ta’ Schrobenhausen huwa marbut b’mod inseparabbli mal-prodott l-aktar magħruf tiegħu, l-i“Schrobenhausener Spargel”, kif jixhed l-użu għal għexieren ta’ snin tal-logo li juri l-belt ta’ Schrobenhausen bħala siluwett. Bħalissa, l-eqdem dokument magħruf li jsemmi t-tkabbir tal-ispraġ fi Schrobenhausen imur lura għall-1851 (artiklu fil-Wochenblatt tat-12 ta’ Lulju 1851). Fl-1856, jiġifieri 5 snin wara biss, Graf von Sandizell kien diġà qed jikkonsenja l-ispraġ lil ċittadini distinti fi Munich. Fl-1913 Christian Schad minn Gross-Gerau ħawwel l-ewwel għelieqi fuq skala kbira bl-ispraġ.
L-artikli fil-Wochenblatt ta’ Schrobenhausen tal-1914 u r-riklami fis-snin 20 tas-seklu li għadda huma xhieda tal-popolarità dejjem akbar fir-reġjun ta’ Schrobenhausen. Sal-1933 ir-reputazzjoni tiegħu kienet infirxet sa Munich. Fis-snin 50, bosta bdiewa li kellhom azjendi agrikoli żgħar kienu qegħdin jikkultivaw dan “l-ikel tar-rejiet”. Iż-żona tat-tkabbir għall-i“Schrobenhausener Spargel” rat l-ikbar żieda fil-popolarità tagħha f’nofs is-snin 70 u lejn l-aħħar tas-snin 80.
Il-koltivaturi li jgħixu fiż-żona ġeografika ilhom jgħaddu l-ħiliet u l-esperjenza tagħhom dwar it-tkabbir tal-ispraġ minn ġenerazzjoni għall-oħra għal aktar minn 90 sena. Dan jiggarantixxi l-aħjar kwalità possibbli, li hija l-bażi għall-kummerċjalizzazzjoni b’suċċess.
L-istaġun tal-ispraġ fir-reġjun huwa magħruf bħala “l-ħames staġun tas-sena”, u jattira viżitaturi għal ġurnata u turisti mill-bogħod kif ukoll mill-qrib. Hemm ukoll ktieb ta’ ħarġiet fir-reġjun għaċ-ċiklisti u għal dawk li jmorru jimxu ddedikat għall-ispraġ.
F’dak iż-żmien tas-sena, l-enfasi hija fuq l-ispraġ, kemm fid-dar kif ukoll fir-ristoranti. Il-popolazzjon lokali u xi 40 000 persuna li jżuru Schrobenhausen kull sena għall-istaġun tal-ispraġ huma sorpriżi kostantament b’riċetti li huma dejjem iktar kreattivi. Matul l-istaġun, is-swieq jiksbu l-biċċa l-kbira tal-fatturat tagħhom mill-prodotti tal-ispraġ.
Il-mużew Ewropew tal-ispraġ fi Schrobenhausen, li jippromwovi r-rabta bejn l-ispraġ u r-reġjun ta’ Schrobenhausen, ukoll jattira ħafna viżitaturi, xi 10 000 fis-sena, minn madwar id-dinja.
Kull sena, sa mill-1975, tiġi nkurunata “Reġina tal-Ispraġ ta’ Schrobenhausen”. Hija tagħmel ħafna intervisti mal-istampa, ir-radju u t-televiżjoni, u twassal ir-reputazzjoni tajba tal-i“Schrobenhausener Spargel” ferm lil hinn mir-reġjun innifsu.
Il-fama tajba tiegħu hija wkoll iddokumentata fi studji mwettqin mill-Università Teknika ta’ Munich u mid-data tal-prezzijiet tal-Korp għas-Suq Ċentrali u għar-Rappurtar tal-Prezzijiet (Zentrale Markt- und Preisberichtstelle) u hija bbażata fuq il-kwalitajiet prodotti hemmhekk.
Iż-żona għandha kundizzjonijiet tajbin għat-tkabbir. Il-ħamrija ramlija li tinġarr mir-riħ hija predominanti, b’xi ħamrija terzjarja ħafifa li għandha kontenut tipiku ta’ ramal u lom. Din il-ħamrija tisħon malajr fir-rebbiegħa, tista’ tinħarat faċilment u tippermetti liz-zkuk tal-ispraġ jikbru malajr u dritti. Il-ħamrija hija ħafifa, ramlija u fonda b’permeabbiltà għolja tal-arja. B’mod partikulari, il-kultivazzjoni tal-i“Schrobenhausener Spargel” hija ristretta għat-tipi ta’ ħamrija li ġejjin:
1.
Ramel (S, sand),
2.
Trab ramli kemxejn ġulġlieni (Sl, slightly loamy sand),
3.
Trab ramli ġulġlieni (lS, loamy sand),
4.
Trab ramli ġulġlieni ħafna (SL, very loamy sand).
Iż-żona tat-tkabbir ta’ Schrobenhausen tinsab f’elevazzjoni ta’ madwar 400 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. It-temperatura medja annwali hija ta’ 7,5 °C u x-xita medja annwali hija ta’ 827 millimetru (preċipitazzjoni matul dawn l-aħħar 25 sena), b’medja ta’ 280 millimetru xita fil-perjodu minn Ġunju sa Awwissu.
Il-kwalità tal-i“Schrobenhausener Spargel” hija attribwibbli għall-kundizzjonijiet klimatiċi deskritti u għat-tipi ta’ ħamrija fiż-żona ġeografika definita.
Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.detailtabelle.pdfdownload/42802
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/370/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)
Top