Avviż Legali Importanti
Official Journal L 294 , 17/10/1986 P. 0008 - 0009
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 22 P. 0016
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 22 P. 0016
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3157/86
tas-16 ta’ Ottubru 1986
li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3143/85 dwar il-bejgħ bi prezzijiet imnaqqsa ta’ butir ta’ intervent maħsub għall-konsum dirett fil-forma ta’ butir ikkonċentrat
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u prodotti tal-ħalib [1], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 1335/86 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(7) tiegħu,
Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3143/85 [3], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 2889/86 [4], li introduċa skema għall-bejgħ bi prezzijiet imnaqqsa għal butir ta’ intervent maħsub għall-konsum dirett fil-forma ta’ butir ikkonċentrat;
Billi, biex tiġi żgurata t-tneħħija ta’ kwantità akbar ta’ butir ikkonċentrat bħal dan, l-ammont tat-tnaqqis fil-prezz tal-butir kif iffissat bl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3143/85 għandu jiġi miżjud u l-ammonti tas-sigurtà ta’ l-ipproċessar irriferuti fil-paragrafu 4 aġġustati kif jixraq;
Billi l-esperjenza wriet il-bżonn li jiġu ċċarati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 3143/85 li jirrelata mas-superviżjoni b’tali mod li jistipula li s-settur kollu ta’ negozju bl-imnut, irrispettivament mill-istruttura tiegħu, huwa eskluż mill-applikazzjoni ta’ iċċekkjar; premess li t-termini ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament imsemmi għandhom għalhekk jiġu estiżi biex ikopru l-istabbilimenti tal-bejgħ tad-distribuzzjoni ta’ impriżi bl-imnut b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ;
Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1152/86 [5], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 2385/86 [6], għamel dispożizzjoni għal miżuri promozzjonali u ta’ pubbliċità għall-butir ikkonċentrat maħsub għall-konsum dirett; billi l-esperjenza wriet li, biex titranġa għall-aħjar id-distribuzzjoni ta’ dan il-prodott, il-miżuri msemmija għandhom bżonn jiġu intensifikati; billi, hu aħjar illi minflok li s-settur ta’ l-imnut jitgħabba bl-impatt kollu tat-tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ tal-butir ta’ intervent ikun aħjar kieku l-operaturi kkonċernati jkunu mħollija jippromwovu l-prodott tagħhom; billi l-bżonn irriferut għalih fl-Artikolu 8 ta’ Regolament (KEE) Nru 3143/85 għandu għalhekk jiġi abolit, fl-istess waqt jeħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni perjodikament bil-prezzijiet bl-imnut attwalment stabbiliti għall-butir ikkonċentrat;
Billi, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(5) il-prova meħtieġa għar-rilaxx tas-sigurtà ta’ ipproċessar trid tiġi fornuta f’perjodu ta’ 12-il xahar mill-konklużjoni tal-kuntratt; billi, minħabba diffikultajiet amministrattivi, il-perjodu msemmi għandu jiġi estiż għal 18-il xahar;
Billi l-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni għall-Ħalib u l-Prodotti tal-Ħalib,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Regolament (KEE) Nru 3143/85 huwa hawnhekk immodifikat kif ġej:
1. Fl-Artikolu 2(1), it-termini "243 ECU" huma mibdula b’"263 ECU".
2. Fl-Artikolu 2(4), it-termini "253 ECU" huma mibdula b’"273 ECU".
3. Dan li ġej huwa miżjud ma’ l-Artikolu 7(3):
"jew bl-istabbilimenti ta’ distribuzzjoni għall-impriżi ta’ distribuzzjoni bl-imnut."
4. Artikolu 8 huwa rrevokat.
5. Fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(5), l-espressjoni "tnax-il xahar" hi mibdula bi "tmintax-il xahar".
6. Artikolu 10 huwa mibdul hekk kif ġej:
"Artikolu 10
Stati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:
- kull nhar ta’ Tlieta ta’ kull ġimgħa bil-kwantitajiet ta’ butir mibjugħ, f’kull każ jagħtu figuri separati għall-kwantitajiet li għandhom jiġu pproċessati fi Stat Membru ieħor;
- fil-bidu ta’ kull kwart ta’ sena, il-prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut għall-butir ikkonċentrat irrekordjat matul il-kwart tas-sena ta’ qabel."
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dak in-nhar tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Iżda, punt 3 ta’ l-Artikolu 1 għandu japplika b’effett mill-25 ta’ Novembru 1985.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussel, fis-16 ta’ Ottubru 1986.
Għall-Kummissjoni
Frans Andriessen
Viċi President
[1] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 13.
[2] ĠU L 119, tat-8.5.1986, p. 19.
[3] ĠU L 298, tat-12.11.1985, p. 9.
[4] ĠU L 267, tad-19.9.1986, p. 13.
[5] ĠU L 105, tat-22.4.1986, p. 15.
[6] ĠU L 206, tat-30.7.1986, p. 23.
--------------------------------------------------
Top