Avviż Legali Importanti
Official Journal L 348 , 10/12/1986 P. 0032 - 0032
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 22 P. 0094
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 22 P. 0094
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3749/86
tad-9 ta’ Diċembru 1986
li jistabbilixxi l-fatt operattiv għall-kalkolu ta’ taxxi u rifużjonijiet fis-settur tar-ross
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1676/85 tal-11 ta’ Ġunju 1985 dwar il-valur ta’ l-unità tal-kontijiet u r-rati tat-tisrif li jridu jiġu applikati għall-għanijiet tal-politika komuni agrikola [1], u partikolarment l-Artikolu 5 (3) tiegħu,
Billi, skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3294/86 [2], ir-rata tat-tisrif għandha tiġi stabbilita permezz ta’ koeffiċjent monetarju li huwa kkalkolat u applikat b’mod li huwa simili għall-mod li bih huma kkalkolati l-ammonti tal-kumpens monetarju;
Billi, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 1676/85, jekk rata ta’ tisrif agrikola tinbidel, il-bidla għandha tgħodd għall-ammonti li għalihom l-avveniment operattiv ikun seħħ wara li tkun saret il-bidla; billi, skond l-Artikolu 5 (1) (a) ta’ dak ir-Regolament, ‘avveniment operattiv’ ifisser, fir-rigward ta’ l-ammonti mħallsa jew mogħtija fil-kummerċ, it-tlestija ta’ formalitajiet tad-dwana dwar importazzjonijiet jew esportazzjonijiet;
Billi, bħala riżultat, ammonti ta’ taxxi u rifużjonijiet fissati bil-quddiem jistgħu ivarjaw fil-munita nazzjonali; billi għalhekk l-iffissar bil-quddiem ta’ taxxi u rifużjonijiet jikkostitwixxi riskju għall-operturi; billi, bħala konsegwenza, l-avveniment operattiv għandu jiġi definit bħala d-data li fiha ġiet aċċettata l-applikazzjoni għall-iffissar bil-quddiem ta’ taxxi u rifużjonijiet għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni tar-rata tat-tisrif għal kalkolu ta’ dawk l-ammonti fil-munita nazzjonali;
Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija għaċ-Ċereali,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-avveniment operattiv għat-tisrif fil-munita nazzjonali ta’ l-ammonti ta’ taxxi u rifużjonijiet applikabbli fis-settur tar-ross għandu jkun:
- fil-każ ta’ fissar bil-quddiem ta’ dawk l-ammonti, il-ġurnata li fiha ġiet depożitata l-applikazzjoni għall-iffissar bil-quddiem,
- fil-każ ta’ fissar bil-quddiem permezz ta’ proċedura dwar sejħa għall-offerti bl-appalt, id-data tal- għeluq għas-sottomissjoni ta’ l-offerti.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jibda’ jseħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussel, fid-9 ta’ Diċembru 1986.
Għall-Kummissjoni
Frans Andriessen
Viċi-President
[1] ĠU L 164, ta’ l-24.6.1985, p. 1.
[2] ĠU L 304, tat-30.10.1986, p. 25.
--------------------------------------------------
Top