Avviż Legali Importanti
Official Journal L 346 , 08/12/1983 P. 0091 - 0092
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 11 P. 0025
Spanish special edition: Chapter 11 Volume 19 P. 0093
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 11 P. 0025
Portuguese special edition Chapter 11 Volume 19 P. 0093
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3421/83
ta' l-14 ta' Novembru 1983
li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn il-Komunità u ċ-Ċina
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,
Billi Ftehim Kummerċjali bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Popolari taċ-Cina, hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim", kien iffirmat fit-3 ta' April 1978;
Billi hu meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-klawżola ta' salvagward prevista fl-Artikolu 5 tal-Ftehim, b'deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/82 tat-30 ta' Ġunju 1982 dwar regoli komuni għal importazzjonijiet mir-Repubblika Polpolari taċ-Ċina [1] u mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3420/83 ta' l-14 ta' Novembru 1983 dwar arranġamenti għall-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw f'pajjiżi fil-kummerċ bħala Stat, li mhumiex liberalizzati f'livell ta' Komunità [2],
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ħlief kif previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, importazzjonijiet miċ-Ċina għall-Komunità għandhom ikunu bla ħsara għal:
- Ir-Regolament (KEE) Nru 1766/82, fil-każ ta' prodotti koperti minn dak ir-Regolament, jiġifieri, prodotti liberalizzati fuq il-livell tal-Komunità;
- Ir-Regolament (KEE) Nru 3420/83, fil-każ ta' prodotti oħra.
Artikolu 2
1. Meta jkun hemm raġunijiet biex jiġu applikati miżuri ta' salvagward kif previst fl-Artikolu 5 tal-Ftehim fir-rigward ta' prodotti suġġetti għar-Regolament (KEE) Nru 1766/82, dawn il-miżuri għandhom, bla ħsara għall-paragrafu 2, jiġu adottati skond il-proċeduri preskritti f'dak ir-Regolament, u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu, ladarba l-konsultazzjonijiet maċ-Ċina kif previst fl-Artikolu 5 tal-Ftehim kienu kompletati.
2. Meta l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 5(2) tal-Ftehim ikunu ġew imħarsa, miżuri ta' salvagwardja għandhom, meta approprjat, ikunu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1766/82 jew minn Stat Membru skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 13 tiegħu.
3. Għal dawk il-prodotti li jaqgħu taħt il-Ftehim u koperti mir-Regolament (KEE) Nru 1766/82, il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament għandhom isiru waqt laqgħa konġunta bejn il-Kumitat kif previst fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.
Artikolu 3
1. Meta jkun hemm raġunijiet biex jiġu applikati miżuri ta' salvagwardja mill-Komunità kif previst fl-Artikolu 5 tal-Ftehim fir-rigward ta' prodotti li huma suġġetti għar-Regolament (KEE) Nru 3420/83, dawk il-miżuri għandhom, bla ħsara għall-paragrafu 2, jiġu adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, kif approprjat, skond il-proċeduri preskritti f'dak ir-Regolament, u b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8 u 9 tiegħu, ladarba l-konsultazzjonijiet maċ-Ċina previsti fl-Artikolu 5 tal-Ftehim ġew kompletati.
2. Meta l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 5 ikunu ġew imħarsa, miżuri ta' salvagwardja għandhom jiġu adottati minn kull Stat Membru skond il-proċeduri preskritti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 3420/83.
3. Il-perjodu previst fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KEE) Nru 3420/83 għandu jibda mit-tmiem tal-konsultazzjonijiet maċ-Ċina u jkun xi jkun mit-30 jum wara d-data li fiha t-talba għal konsultazzjonijiet maċ-Ċina tkun ippreżentata.
Artikolu 4
Il-Kummisjoni għandha tikkonsulta liċ-Ċina fil-każi preskritti fil-Ftehim.
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussel, fl-14 ta' Novembru 1983.
Għall-Kunsill
Il-President
C. Simitis
[1] ĠU L 195, tal-5.7.1982, pġ. 21.
[2] Ara paġna 6 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
--------------------------------------------------
Top