Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2024/2773
28.10.2024
REGOLAMENT (UE) 2024/2773 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ Ottubru 2024
li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna u li jipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
(1)
Mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej immobilizzaw appoġġ bla preċedent għar-reżiljenza ekonomika, soċjali u finanzjarja tal-Ukrajna. Dak l-appoġġ jikkombina appoġġ mill-baġit tal-Unjoni, inkluż assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali u appoġġ mill-Bank Ewropew tal-Investiment u mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, iggarantiti bis-sħiħ jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni, kif ukoll appoġġ finanzjarju ulterjuri mill-Istati Membri.
(2)
L-għoti mill-Unjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja sa EUR 18-il biljun skont ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tqies bħala rispons xieraq għad-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna għall-2023 u għen biex jiġi mobilizzat finanzjament sinifikanti minn donaturi u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra. Dan ikkostitwixxa fattur ewlieni li jikkontribwixxi għar-reżiljenza makroekonomika u finanzjarja tal-Ukrajna fi żmien kritiku.
(3)
Fid-29 ta’ Frar 2024, ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa l-Faċilità għall-Ukrajna bħala strument eċċezzjonali fuq terminu medju li jiġbor flimkien l-appoġġ bilaterali mogħti mill-Unjoni lill-Ukrajna, filwaqt li jiżgura l-koordinazzjoni u l-effiċjenza (il-“Faċilità għall-Ukrajna”). Matul il-perjodu mill-2024 sal-2027, il-Faċilità għall-Ukrajna se tgħin biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna u tikkontribwixxi għall-ħtiġijiet tagħha ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tappoġġa l-isforz ta’ riformi tal-Ukrajna bħala parti mit-triq tagħha lejn l-adeżjoni mal-Unjoni. Il-Faċilità għall-Ukrajna poġġiet fil-prattika l-impenn sod tal-Unjoni li tipprovdi appoġġ finanzjarju kontinwu lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha.
(4)
Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat dannu tremend fl-Ukrajna, b’kostijiet stmati ta’ rkupru u rikostruzzjoni ta’ USD 486 biljun mill-31 ta’ Diċembru 2023. Barra minn hekk, l-Ukrajna tilfet l-aċċess għas-swieq finanzjarji internazzjonali u esperjenzat tnaqqis sinifikanti fid-dħul pubbliku, filwaqt li n-nefqa pubblika żdiedet b’mod sostanzjali. F’dak l-isfond, jistgħu jiġu previsti ħtiġijiet sostantivi ta’ finanzjament għas-snin li ġejjin.
(5)
Fit-30 ta’ Marzu 2023, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) qabel mal-Ukrajna dwar programm ta’ erba’ snin ta’ USD 15,6 biljun taħt il-Faċilità ta’ Fond Estiża (FES) biex isostni l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja fi żmien ta’ inċertezza eċċezzjonalment għolja, jirrestawra s-sostenibbiltà tad-dejn, u jippromwovi riformi li jappoġġaw l-irkupru tal-Ukrajna fil-perjodu ta’ wara l-gwerra. Il-programm FMI, flimkien ma’ assigurazzjonijiet ta’ finanzjament mill-Mexxejja tal-G7, l-Unjoni u donaturi oħra, huwa mfassal biex jindirizza l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Ukrajna u jirrestawra l-vijabbiltà esterna fuq terminu medju. Sal-lum, l-Ukrajna lestiet b’suċċess erba’ rieżamijiet tal-programm taħt il-FES, u b’hekk enfasizzat l-impenn sod tal-awtoritajiet Ukreni biex iwettqu riformi u tfassil ta’ politika prudenti. Id-diskrepanza finanzjarja totali tal-linja bażi matul il-perjodu tal-programm FMI hija stmata mill-FMI għal USD 121,9 biljun.
(6)
Fid-dawl tal-inċertezza eċċezzjonalment għolja madwar il-prospettiva rigward is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, fl-okkażjoni tar-raba’ rieżami tal-programm taħt il-FES, il-FMI ppreżenta xenarju ta’ tnaqqis aġġornat li jqis ix-xokk ekonomiku li jirriżulta minn gwerra aktar intensa li tidħol fl-2025. Bħala konsegwenza tal-impatt negattiv fuq is-sentiment ekonomiku, il-migrazzjoni, iż-żieda fil-pressjoni fuq il-provvista tal-enerġija, il-ħsara fil-kapaċitajiet tal-esportazzjoni, u b’mod partikolari l-infiq fuq id-difiża, id-diskrepanza totali fil-finanzjament taħt dak ix-xenarju ta’ tnaqqis tirriskja li tiżdied għal USD 140,7 biljun matul il-perjodu tal-programm tal-FMI. Minħabba l-intensità kontinwa tal-gwerra, u l-ħsara lill-infrastruttura ċivili kritika tal-Ukrajna minn żieda fl-attakki fuq skala kbira mir-Russja, jeħtieġ li l-Ukrajna timmobilizza riżorsi addizzjonali sinifikanti għall-prijoritajiet baġitarji u fit-tul tagħha ta’ rkupru u rikostruzzjoni. B’riżultat ta’ dan u minħabba li għad hemm diskrepanza finanzjarja residwa lil hinn mir-riżorsi diġà pprovduti mill-Unjoni, donaturi u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, inkluż il-FMI, l-Unjoni jenħtieġ li tkompli tipprovdi rispons xieraq.
(7)
Il-Mexxejja tal-G7, fil-Communiqué tagħhom adottat fl-14 ta’ Ġunju 2024 f’Apulia, affermaw mill-ġdid l-appoġġ sod tagħhom għall-Ukrajna u l-impenn qawwi tagħhom li jgħinu lill-Ukrajna tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament urġenti tagħha fuq terminu qasir, kif ukoll li jappoġġaw il-prijoritajiet fit-tul tagħha ta’ rkupru u rikostruzzjoni. Għal dak l-għan, il-Mexxejja tal-G7 ħabbru t-tnedija tas-Self għall-“Aċċellerazzjoni ta’ Dħul Straordinarju” favur l-inizjattiva tal-Ukrajna, sabiex jagħmlu disponibbli madwar USD 50 biljun f’finanzjament addizzjonali għall-ħtiġijiet militari, baġitarji u ta’ rikostruzzjoni tal-Ukrajna sa tmiem l-2024. Il-Mexxejja tal-G7 ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jipprovdu finanzjament li se jiġi servizzjat u mħallas lura minn flussi futuri ta’ dħul straordinarju li jirriżulta mill-immobilizzazzjoni tal-assi sovrani Russi miżmuma fl-Unjoni u f’ġuriżdizzjonijiet rilevanti oħra.
(8)
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kunsill biex imexxu ’l quddiem il-ħidma, filwaqt li jindirizzaw l-aspetti legali u finanzjarji rilevanti kollha, sabiex jipprovdu finanzjament addizzjonali lill-Ukrajna sa tmiem is-sena fil-forma ta’ self servizzjat u mħallas lura minn flussi futuri tad-dħul straordinarju flimkien mas-sħab tal-G7 kif diskuss mill-Mexxejja tal-G7 , biex jappoġġaw il-ħtiġijiet militari, baġitarji u ta’ rikostruzzjoni attwali u futuri tal-Ukrajna. Il-Kunsill Ewropew iddikjara wkoll li, soġġett għad-dritt tal-Unjoni, l-assi tar-Russja jenħtieġ li jibqgħu immobilizzati sakemm ir-Russja twaqqaf il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u tikkumpensaha għad-dannu kkawżat minn din il-gwerra.
(9)
Fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-Ukrajna tingħata appoġġ finanzjarju suffiċjenti u kontinwu. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġi stabbilit Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni tas-Self għall-Ukrajna (“il-Mekkaniżmu”) biex jipprovdi lill-Ukrajna b’appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli bil-ħsieb li jgħin lill-pajjiż iħallas lura s-self ipprovdut biex jappoġġaha. Il-Mekkaniżmu jenħtieġ li jirċievi riżorsi, inkluż minn flussi futuri tal-profitti straordinarji li jirriżultaw mill-assi immobilizzati tar-Russja, u jiżborża dawk ir-riżorsi fuq bażi regolari lill-Ukrajna biex ikopri l-kapital, l-imgħax u kwalunkwe kost relatat ieħor tas-self. Barra minn hekk, sabiex l-Unjoni tgħin direttament lill-Ukrajna tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha, jenħtieġ li l-Unjoni tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna fil-forma ta’ self (is-“Self tal-AMF”) li għandha tiġi appoġġata mill-Mekkaniżmu.
(10)
Fil-21 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta Deċiżjoni (PESK) 2024/1470 (4), li emendat d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK (5). Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1470 tiddikjara, fil-premessa 28, li l-miżuri restrittivi marbuta mal-projbizzjoni ta’ tranżazzjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ sakemm ir-Russja twaqqaf il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u tikkumpensa lill-Ukrajna għad-dannu kkawżat minn din il-gwerra.
(11)
Fil-21 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2024/1469 (6), li emenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 (7). Ir-Regolament (UE) 2024/1469 jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2024/1470. Dawk il-miżuri jinkludu r-regoli dwar kif il-profitti netti li jirriżultaw mid-dħul mhux mistenni u straordinarju li jakkumula għad-depożitorji ċentrali tat-titoli bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1a(4) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u fl-Artikolu 5a(4) tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 għandhom jiġu diretti biex jappoġġaw lill-Ukrajna, inkluż permezz ta’ programmi tal-Unjoni li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, b’mod konsistenti mal-obbligi kuntrattwali applikabbli, u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali, f’koordinazzjoni mas-sħab. B’mod partikolari, id-depożitorji ċentrali tat-titoli li għandhom assi u riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja b’valur totali li jaqbeż l-EUR 1 miljun għandhom jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja lill-Unjoni ekwivalenti għal 99,7 % tal-profitti netti li jirriżultaw mill-immobilizzazzjoni tal-assi sovrani Russi u li ilhom jakkumulaw mill-15 ta’ Frar 2024.
(12)
Il-kontribuzzjoni finanzjarja mid-depożitorji ċentrali tat-titoli lill-Unjoni jenħtieġ li tkun dovuta sakemm il-miżuri restrittivi marbuta mal-projbizzjoni ta’ tranżazzjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja jkunu fis-seħħ, u jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ sakemm ir-Russja twaqqaf il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u tikkumpensa lill-Ukrajna għad-dannu kkawżat minn dik il-gwerra.
(13)
Fl-24 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill aġġusta għal 95 % il-perċentwal tal-ammonti tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta mid-depożitorji ċentrali tat-titoli li għandhom jintużaw biex jappoġġaw lill-Ukrajna permezz tal-programmi tal-Unjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni 2014/512/PESK. Fl-istess data, il-Kunsill aġġusta l-allokazzjoni tal-ammonti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa lill-baġit tal-Unjoni bħala dħul assenjat estern, stabbilita fl-Anness XLI tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 u alloka 100 % ta’ dik il-kontribuzzjoni lill-Mekkaniżmu. Għalhekk, l-Unjoni ħadet il-passi meħtieġa biex tiżgura l-użu kontinwu tal-kontribuzzjoni finanzjarja għall-Mekkaniżmu.
(14)
Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi appoġġat il-Mekkaniżmu billi jiġi pprovdut dħul straordinarju li jirriżulta mill-immobilizzazzjoni tal-assi sovrani Russi miżmuma f’ġurisdizzjonijiet rilevanti minbarra l-Unjoni . Għal dak l-għan, jenħtieġ li jkun possibbli għal pajjiżi terzi jew sorsi oħra li jikkontribwixxu għall-Mekkaniżmu. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jikkontribwixxu fuq bażi volontarja lejn il-Mekkaniżmu, b’mod partikolari minn dħul li jakkumula lill-Istat Membru kkonċernat mill-immobilizzazzjoni tal-assi sovrani Russi. Jenħtieġ li tali kontribuzzjonijiet jikkostitwixxu dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-punti (a), (d) u (e), tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (ir-“Regolament Finanzjarju”). Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li pajjiżi terzi jużaw direttament dħul straordinarju li jirriżulta mill-immobilizzazzjoni tal-assi sovrani Russi fil-ġuriżdizzjoni tagħhom biex inaqqsu l-ħtiġijiet ta’ ħlas lura ta’ kwalunkwe self bilaterali rispettiv ipprovdut lill-Ukrajna, u b’hekk jappoġġaw il-Mekkaniżmu billi jnaqqsu l-livell totali ta’ appoġġ li jkun meħtieġ għal dak is-self.
(15)
L-appoġġ taħt il-Mekkaniżmu jenħtieġ li jkun disponibbli biex ikopri l-ammont globali ta’ kapital, imgħax u kwalunkwe kost relatat ieħor tas-Self tal-AMF meħud mill-Ukrajna permezz tal-iffirmar ta’ ftehim relatat mas-Self tal-AMF (“il-Ftehim ta’ Self tal-AMF”), kif ukoll permezz ta’ ftehimiet bilaterali ta’ self ma’ selliefa bilaterali li jaġixxu taħt l-awspiċi tal-inizjattiva tal-G7 “Self għall-Aċċelerazzjoni ta’ Dħul Straordinarju favur l-Ukrajna” kif stabbilita fil-Communiqué tal-Mexxejja tal-G7 adottat fl-14 ta’ Ġunju 2024 f’Apulia.
(16)
L-appoġġ taħt il-Mekkaniżmu jenħtieġ li jkun disponibbli u pprovdut b’mod li jiżgura aċċess ugwali kemm għas-selliefa bilaterali u għall-Unjoni. L-għoti ta’ self bilaterali permezz ta’ intermedjarju jenħtieġ li ma jipprekludix l-eliġibbiltà ta’ tali self għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. L-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli jenħtieġ li jiġi allokat lill-Ukrajna biex jitħallas lura s-Self tal-AMF u s-self bilaterali eliġibbli fi proporzjon għall-kapital tas-self rispettiv kontra s-somma tal-kapital tas-Self tal-AMF u s-self bilaterali eliġibbli kollu. L-allokazzjoni jenħtieġ li tiġi aġġustata mill-ġdid ladarba s-self rispettiv, inkluż l-imgħax u kwalunkwe kost relatat ieħor, ikun tħallas lura kompletament mill-Ukrajna, b’tali mod li kwalunkwe riżorsa futura tiġi allokata għas-self li jifdal fi proporzjon mal-kapital tas-Self tal-AMF jew self bilaterali eliġibbli kontra s-somma tal-kapital tas-self kollu li jifdal. Il-kapital ta’ kull self jenħtieġ li jitqies bħala l-kapital inizjali impenjat fid-dokumentazzjoni rispettiva tas-self u ma jqisx fatturi oħra, bħal ripagamenti, finanzjament addizzjonali jew kwalunkwe ammont kapitalizzat.
(17)
Sabiex jiġi żgurat li s-self bilaterali pprovdut minn selliefa bilaterali jkun jista’ jiġi appoġġat malajr u b’mod effiċjenti mill-Mekkaniżmu , jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta, u fejn rilevanti tapprova l-appoġġ, is-self bilaterali li jkun se jiġi pprovdut mis-selliefa bilaterali li jaġixxu taħt l-awspiċji tal-inizjattiva tal-G7 “Self għall-Aċċellerazzjoni ta’ Dħul Straordinarju favur l-Ukrajna”. Meta tali ftehimiet bilaterali ta’ self ikunu f’forma ta’ abbozz jew ikunu għadhom ma daħlux fis-seħħ, jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja d-dħul fis-seħħ tagħhom. Sabiex jiġi żgurat żborż f’waqtu ta’ self bilaterali lill-Ukrajna, jenħtieġ li jiġu ppreżentati ftehimiet bilaterali ta’ self lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Ġunju 2025 u jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2025.
(18)
Ir-rilaxx tal-appoġġ taħt il-Mekkaniżmu jenħtieġ li jkun kontinġenti fuq il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dal-Mekkaniżmu, u fuq il-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni ta’ talba għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli ppreżentata mill-Ukrajna. L-Ukrajna għandha tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa biex tiżgura li l-Mekkaniżmu jappoġġa self bilaterali sal-ammont totali dovut lis-sellief bilaterali kkonċernat. B’mod eċċezzjonali, u għal raġunijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ tivvaluta wkoll it-talbiet għal pagamenti minn selliefa bilaterali.
(19)
Minbarra l-appoġġ taħt il-Mekkaniżmu, jenħtieġ li jiġi pprovdut Self tal-AMF biex jappoġġa l-istabbiltà makrofinanzjarja fl-Ukrajna u biex jittaffew ir-restrizzjonijiet ta’ finanzjament estern tal-Ukrajna, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġu koperti l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-pajjiż. Minħabba n-natura urġenti ta’ dawk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament, is-Self tal-MFA jenħtieġ li jkun disponibbli qabel it-tmiem tal-2024.
(20)
Is-Self tal-AMF għandu jipprovdi appoġġ fil-forma ta’ self sa EUR 35 biljun. Sabiex jiġu indirizzati t-talbiet potenzjali għall-appoġġ ta’ self bilaterali taħt il-Mekkaniżmu filwaqt li tiġi żgurata l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-appoġġ tal-Unjoni disponibbli skont dan ir-Regolament, l-ammont tas-Self tal-AMF jenħtieġ li jiġi aġġustat filwaqt li jitqies is-self bilaterali lill-Ukrajna approvat bħala eliġibbli skont il-Mekkaniżmu, flimkien mal-ammont kapitali indikat fl-intenzjonijiet iddikjarati ta’ pajjiżi terzi kkomunikati lill-Kummissjoni taħt l-awspiċji tal-inizjattiva tal-G7 “Self għall-Aċċellerazzjoni ta’ Dħul Straordinarju favur l-Ukrajna”. Dak l-aġġustament jenħtieġ li jseħħ meta l-ammont totali tas-self kollu li għalih intalab appoġġ skont dan ir-Regolament jaqbeż l-EUR 45 biljun.
(21)
L-appoġġ lill-Ukrajna taħt is-Self tal-AMF jenħtieġ li jkun addizzjonali u komplementari għall-appoġġ tal-Unjoni pprovdut skont il-Faċilità għall-Ukrajna. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fejn ikun possibbli, tfittex li timminimizza l-piż amministrattiv u tar-rapportar fuq l-Ukrajna.
(22)
L-appoġġ lill-Ukrajna taħt is-Self tal-AMF jenħtieġ li jkun disponibbli taħt il-prekundizzjoni li l-Ukrajna tkompli tiddefendi u tirrispetta mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluż sistema parlamentari b’diversi partiti u l-istat tad-dritt, u li tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Jenħtieġ li dik il-prekundizzjoni tapplika wkoll għal talbiet għall-iżborż mill-Mekkaniżmu peress li dawn jappartjenu għas-Self tal-AMF. L-istess prekundizzjoni tapplika għall-appoġġ ipprovdut skont il-Faċilità għall-Ukrajna u jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq il-valutazzjoni tagħha flimkien għaż-żewġ strumenti.
(23)
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kif xieraq id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (9) u r-rwol tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, fejn xieraq.
(24)
Is-Self tal-AMF jenħtieġ li jkun marbut mal-kundizzjonijiet ta’ politika li għandhom jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna (l-MtQ). Dawk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-passi kwalitattivi u kwantitattivi li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 (10), u ma’ kwalunkwe emenda għalihom li ssir sa meta jiġi adottat il-MtQ. Barra minn hekk, il-MtQ jenħtieġ li jinkludi impenn mill-Ukrajna biex tippromwovi l-kooperazzjoni mal-Unjoni dwar l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Ukrajna, f’konformità mal-objettivi ta’ programmi tal-Unjoni li għandhom l-għan tal-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ukrena u programmi rilevanti oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li jittieħdu wkoll il-passi meħtieġa biex jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-komplementarjetà tas-self bilaterali, inkluż is-Self tal-AMF, mad-donaturi l-oħra. F’dak ir-rigward, il-Pjattaforma tad-Donaturi tal-Ukrajna jenħtieġ li tintuża bħala forum diġà stabbilit għal tali skambju.
(25)
Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għal raġunijiet ta’ effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tinnegozja tali kundizzjonijiet mal-awtoritajiet Ukreni taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment sinifikanti tal-assistenza, huwa adatt li tintuza l-proċedura ta’ eżami kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta jitqies l-ammont tas-Self tal-AMF lill-Ukrajna, jenħtieġ li l-proċedura ta’ eżami tapplika għall-adozzjoni tal-MtQ, u għal kwalunkwe tnaqqis jew kanċellazzjoni tas-Self tal-AMF.
(26)
Ir-rilaxx tal-pagament uniku taħt is-Self tal-AMF jenħtieġ li jkun kontinġenti fuq il-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni ta’ talba għal fondi ppreżentata mill-Ukrajna. Il-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ politika stabbiliti fil-MtQ jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet allinjati skont programmi u strumenti oħra tal-Unjoni.
(27)
Fid-dawl tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u biex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-likwidità tal-awtoritajiet Ukreni u tiġi żgurata l-prevedibbiltà, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li s-segmenti tas-Self tal-AMF jiġu żborżati matul l-2024 u l-2025, filwaqt li jiġu evitati sa fejn ikun possibbli devjazzjonijiet sinifikanti ta’ ammonti żborżati minn trimestru għal trimestru. Jenħtieġ li l-iżborż ta’ dawk is-segmenti, fejn xieraq, jiġi allinjat mat-twaqqit tal-iżborżi tas-self jew tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli taħt il-Pilastru I tal-Faċilità għall-Ukrajna. Barra minn hekk, huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu vvalutati mill-ġdid il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna u li jitnaqqas jew jiġi kkanċellat l-appoġġ taħt is-Self tal-AMF jekk dawk il-ħtiġijiet jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu tad-disponibbiltà tal-appoġġ taħt is-Self tal-AMF kif imqabbla mal-projezzjonijiet inizjali.
(28)
Il-Ftehim ta’ Self tal-AMF li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ukreni jenħtieġ li jkun fih dispożizzjonijiet allinjati mad-drittijiet, ir-responsabbiltajiet u l-obbligi previsti fil-ftehim qafas taħt il-Faċilità tal-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/792 iffirmat bejn l-Unjoni u l-Ukrajna li daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Ġunju 2024. Dak se jiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mas-Self tal-AMF jiġu protetti b’mod effiċjenti, filwaqt li jipprovdi l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta mal-assistenza. F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, dan se jagħti wkoll id-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, fejn applikabbli, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, inkluż minn partijiet terzi involuti fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni matul u wara l-perjodu tas-Self tal-AMF. Jenħtieġ li l-Ukrajna tirrapporta wkoll irregolaritajiet fir-rigward tal-użu tal-fondi lill-Kummissjoni, f’konformità mal-proċeduri previsti fil-ftehim qafas taħt il-Faċilità tal-Ukrajna.
(29)
Fil-kuntest tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna, huwa xieraq li tiġi organizzata l-assistenza finanzjarja taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikat prevista fl-Artikolu 224 tar-Regolament Finanzjarju u stabbilita bħala metodu ta’ finanzjament uniku fih, li hija mistennija li ttejjeb il-likwidità tal-bonds tal-Unjoni u l-attraenza u l-kosteffettività tal-ħruġ tal-Unjoni.
(30)
B’deroga mill-Artikolu 31(3), it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), jenħtieġ li l-obbligazzjoni finanzjarja mis-Self tal-AMF ma tkunx appoġġata mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/947. L-appoġġ mis-Self tal-AMF jenħtieġ li jikkostitwixxi assistenza finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 223(1) tar-Regolament Finanzjarju. Minħabba li l-assistenza finanzjarja tas-Self tal-AMF hija disponibbli fl-2024 u hija awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 223(1) tar-Regolament Finanzjarju, huwa xieraq li l-garanzija għas-Self tal-AMF lill-Ukrajna tiġi mobilizzata lil hinn mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u sal-limiti massimi msemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (13) f’konformità mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (14). Meta jitqiesu r-riskji finanzjarji u l-kopertura baġitarja, jenħtieġ li ma jiġi kostitwit l-ebda proviżjonament għall-appoġġ mis-Self tal-AMF , li għandu jiġi garantit lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP, u, b’deroga mill-Artikolu 214(1) tar-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li ma tiġi stabbilita l-ebda rata ta’ proviżjonament.
(31)
Minħabba s-sitwazzjoni diffiċli tal-Ukrajna kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u sabiex l-Ukrajna tiġi appoġġata fit-triq tal-istabbiltà fit-tul tagħha, huwa xieraq li l-Unjoni tipprovdi s-Self tal-AMF lill-Ukrajna fuq termini konċessjonali ħafna b’durata twila biżżejjed biex takkomoda l-kapaċitajiet tal-garanzija lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.
(32)
L-appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi ġestit mill-Kummissjoni.
(33)
Sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi relatati ma’ l-appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna skont dan ir-Regolament u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.
(34)
Sabiex tiġi żgurata l-effettività kontinwa tal-arranġamenti stabbiliti b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina regolarment l-adegwatezza tagħhom u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwarhom, u b’hekk tiggarantixxi t-trasparenza u r-responsabbiltà.
(35)
Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
(36)
Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jingħata appoġġ lill-Ukrajna biex jiġu koperti l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha, b’mod partikolari billi tiġi pprovduta għajnuna konċessjonali fuq terminu qasir u fit-tul fil-forma tas-Self tal-AMF u ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effett tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.
(37)
Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
(38)
Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni tas-Self għall-Ukrajna (“il-Mekkaniżmu”) u jagħmel disponibbli lill-Ukrajna assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali fil-forma ta’ self (is-“Self tal-AMF”) bil-ħsieb li tappoġġa lill-Ukrajna biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“Appoġġ tal-Unjoni” tfisser is-Self tal-AMF u l-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli disponibbli skont il-Mekkaniżmu;
(2)
“self bilaterali” tfisser self mogħti direttament jew indirettament minn pajjiż terz bħala sellief bilaterali għall-benefiċċju tal-Ukrajna;
(3)
“self bilaterali eliġibbli” tfisser self bilaterali approvat bħala eliġibbli taħt il-Mekkaniżmu mill-Kummissjoni;
(4)
“Self tal-AMF” tfisser l-appoġġ finanzjarju eċċezzjonali magħmul disponibbli mill-Unjoni lill-Ukrajna fil-forma ta’ self skont il-Kapitolu III;
(5)
“Ftehim ta’ Self tal-AMF” tfisser il-ftehim ta’ self iffirmat mill-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u l-Ukrajna skont il-Kapitolu III;
(6)
“kostijiet relatati oħra” tfisser kwalunkwe kost jew tariffa dovuta skont is-Self tal-MFA u s-self bilaterali rispettiv.
KAPITOLU II
MEKKANIŻMU TA’ KOOPERAZZJONI TA’ SELF GĦALL-UKRAJNA
Artikolu 3
Għan
L-għan tal-Mekkaniżmu għandu jkun li jipprovdi lill-Ukrajna b’appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli bil-ħsieb li jassisti lill-Ukrajna tħallas lura s-Self tal-AMF u s-self bilaterali eliġibbli. Sabiex jintlaħaq dak l-għan, il-Mekkaniżmu għandu jirċievi riżorsi u jiżborżahom fuq bażi regolari lill-Ukrajna biex ikopri l-kapital, l-imgħax u kwalunkwe kost relatat ieħor tas-Self tal-AMF u s-self bilaterali eliġibbli. Fl-operazzjonijiet tiegħu, il-Mekkaniżmu għandu jiżgura aċċess ugwali kemm għas-selliefa bilaterali kif ukoll għall-Unjoni.
Artikolu 4
Finanzjament
1. Il-mekkaniżmu għandu jkun mogħni b’riżorsi magħmula disponibbli permezz ta’:
(a)
ammonti ttrasferiti f’konformità mal-Anness XLI tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, li għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju; u
(b)
ammonti riċevuti bħala kontribuzzjonijiet finanzjarji minn Stati Membri, pajjiżi terzi jew sorsi oħra; tali kontribuzzjonijiet għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-punti (a), (d) u (e), rispettivament, tar-Regolament Finanzjarju.
2. Għall-kontribuzzjonijiet kollha msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi konkluż ftehim ta’ kontribuzzjoni bejn il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u l-kontributur. Il-Ftehim ta’ kontribuzzjoni għandu jkun fih, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ pagament. Il-Kummissjoni għandha tinforma simultanjament u mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni konklużi.
Artikolu 5
Appoġġ disponibbli
1. L-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli taħt il-Mekkaniżmu għandu jkun disponibbli skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6, 7 u 8 biex jassisti lill-Ukrajna tħallas lura l-kapital, l-imgħax u kwalunkwe kost relatat ieħor:
(a)
tas-self tal-MFA; u
(b)
self bilaterali eliġibbli.
2. L-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu għandu jiġi allokat biex jgħin lill-Ukrajna tħallas lura s-Self tal-AMF u s-self bilaterali eliġibbli msemmi fil-paragrafu 1 fi proporzjon mal-kapital ta’ kull self espress f’euro kontra s-somma tal-kapital tas-Self tal-AMF u self bilaterali eliġibbli kollu espress f’euro. Ladarba s-Self tal-AMF jew self bilaterali eliġibbli jkun tħallas lura kompletament mill-Ukrajna, inkluż l-imgħax u kwalunkwe kost relatat ieħor, tali allokazzjoni għandha tiġi aġġustata sabiex kwalunkwe riżorsa futura skont il-Mekkaniżmu tiġi allokata għas-self li jifdal fi proporzjon mal-kapital ta’ kull self espress f’euro kontra s-somma tal-kapital tas-self kollu li jifdal espress f’euro.
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjoni prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu bejn is-Self tal-AMF u s-self bilaterali eliġibbli. Il-Kummissjoni għandha tuża l-kapital ta’ kull self bilaterali eliġibbli espress f’euro kif imsemmi fl-Artikolu 6(5)(b), il-punt (b). Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien temenda dik id-deċiżjoni biex tinkludi kull self bilaterali mad-dħul fis-seħħ ta’ dak is-self. Il-Kummissjoni tista’ temenda dik id-deċiżjoni biex tnaqqas proporzjonalment l-allokazzjoni għal self bilaterali jekk dak is-self bilaterali ma jiġix żborżat kompletament sal-31 ta’ Diċembru 2027.
4. L-ammont globali tal-kapital tas-Self tal-AMF u s-self bilaterali eliġibbli msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jaqbeż l-EUR 45 biljun.
5. L-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli taħt il-Mekkaniżmu għandu jitwettaq f’euro.
6. Il-pagamenti kollha għandhom ikunu soġġetti għad-disponibbiltà tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 4(1).
7. L-Unjoni ma għandha tassumi l-ebda obbligazzjoni għall-ħlas lura ta’ self bilaterali eliġibbli.
Artikolu 6
Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibbiltà tas-self bilaterali
1. Jekk l-Ukrajna tixtieq titlob appoġġ taħt il-Mekkaniżmu biex tgħinha tħallas lura self bilaterali, hija għandha tippreżenta t-test tal-ftehim tas-self bilaterali rilevanti lill-Kummissjoni sal--1 ta’ Ġunju 2025.
2. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta mingħajr dewmien l-eliġibbiltà tas-self bilaterali taħt il-Mekkaniżmu skont il-kriterji li ġejjin:
(a)
il-ftehim bilaterali ta’ self ma ġiex iffirmat qabel l-20 ta’ Settembru 2024;
(b)
il-kontroparti għas-self bilaterali qed taġixxi taħt l-awspiċi tal-inizjattiva tal-G7 “Self għall-Aċċelerazzjoni ta’ Dħul Straordinarju favur l-Ukrajna); u
(c)
is-self bilaterali għandu jiġi żborżat kompletament għall-benefiċċju tal-Ukrajna qabel il-31 ta’ Diċembru 2027; tali żborżi jistgħu jkunu marbuta mat-tlestija tal-kundizzjonijiet ta’ politika.
Għall-finijiet tal-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista” titlob informazzjoni addizzjonali mill-Ukrajna.
3. Kundizzjoni sospensiva fi ftehim bilaterali ta’ self li tipprevedi li tali ftehim ma jidħolx fis-seħħ qabel l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-eliġibbiltà tas-self bilaterali jew qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 7 ma għandhiex tipprevjeni valutazzjoni pożittiva tas-self bilaterali mill-Kummissjoni.
4. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-eliġibbiltà ta’ self bilaterali permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.
5. Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tistabbilixxi:
(a)
is-sellief bilaterali;
(b)
il-kapital tas-self bilaterali espress f’euro; sa fejn ikun meħtieġ, il-kapital tas-self bilaterali għandu jiġi espress ukoll fil-munita tas-self bilaterali rispettiv, fejn ir-rata ta’ konverżjoni għas-self bilaterali għall-euro għandha tkun ir-rata tal-kambju tal-euro ta’ kuljum ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-20 ta’ Settembru 2024; u
(c)
l-ġustifikazzjoni għall-valutazzjoni pożittiva tas-self bilaterali.
6. Is-somma tal-kapitali tas-self bilaterali kollu approvat mill-Kummissjoni skont dan l-Artikolu u s-Self tal-AMF ma għandhiex taqbeż l-ammont imsemmi fl-Artikolu 5(4).
7. Il-Kummissjoni tista’ tħassar id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jekk il-ftehim ta’ self bilaterali rilevanti ma jidħolx fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2025.
8. Fil-każ ta’ valutazzjoni negattiva tas-self bilaterali, il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik il-valutazzjoni lill-Ukrajna, filwaqt li tagħti raġunijiet għall-valutazzjoni tagħha.
Artikolu 7
Ftehim għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu
1. L-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 5 għandu jingħata biss lill-Ukrajna wara li l-Kummissjoni tkun ikkonkludiet ftehim għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni ta' Self għall-Ukrajna mal-Ukrajna (il-“Ftehim ULCM”).
2. Il-Ftehim ULCM għandu jinkludi b’mod partikolari l-elementi li ġejjin:
(a)
l-obbligu tal-Ukrajna li tuża l-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu għall-ħlas lura tal-kapital, tal-imgħax u ta’ kwalunkwe kost relatat ieħor tas-Self tal-AMF jew tas-self bilaterali eliġibbli;
(b)
id-dettalji tal-kontijiet bankarji tas-selliefa bilaterali kollha, li lilhom għandhom isiru l-pagamenti tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu relatat mas-self bilaterali rispettiv tagħhom mill-Kummissjoni;
(c)
għal pagamenti tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu relatat mas-Self tal-AMF, dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-Unjoni għandha tuża dawk l-ammonti biex tħallas lura direttament is-Self tal-AMF;
(d)
dispożizzjonijiet iddedikati li jirriflettu l-Artikolu 5(7) u li jiżguraw li l-Unjoni ma għandhiex tinżamm responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-Ukrajna jew minn kwalunkwe parti terza fl-implimentazzjoni ta’ self bilaterali eliġibbli, inkluż bħala konsegwenza tal-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu, u speċifikament fejn l-ammonti msemmija fl-Artikolu 4(1) ivarjaw maż-żmien jew jieqfu;
(e)
l-obbligu tal-Ukrajna li tikseb mingħand is-selliefa bilaterali u tipprovdi, mingħajr dewmien, lil-Kummissjoni bi prova ta’:
(i)
d-dħul fis-seħħ ta’ kull ftehim bilaterali ta’ self; u
(ii)
t-twettiq ta’ kull obbligu ta’ ħlas lura, inkluż, sa fejn ikun meħtieġ, ir-rata ta’ konverżjoni applikabbli użata;
(f)
l-obbligu tal-Ukrajna li taqbel ma’ kull sellief bilaterali li kwalunkwe ammont ipprovdut mill-Ukrajna lil sellief bilaterali biex tħallas lura s-self bilaterali li ma jeħlisx immedjatament l-obbligi ta’ ħlas lura, għandu jibqa’ disponibbli sa dak iż-żmien li fih isiru dovuti l-obbligi ta’ ħlas lura, bi kwalunkwe imgħax dovut fuq dak l-ammont disponibbli wkoll biex jintuża biex jitwettqu l-obbligi skont il-ftehim bilaterali ta’ self;
(g)
l-obbligu tal-Ukrajna li takkumpanja kull talba għal pagament bid-:
(i)
dettalji tal-ammonti li jifdal dovuti skont kull ftehim bilaterali ta’ self; u
(ii)
dettalji tal-ammonti li jkunu disponibbli biex jwettqu l-obbligi ta’ ħlas lura msemmija fil-punt (f);
(h)
awtorizzazzjoni espressa għal selliefa bilaterali biex eċċezzjonalment jagħmlu talba għal pagament skont l-Artikolu 8(6), dment li l-informazzjoni msemmija fil-punt (g) ta’ dan il-paragrafu tiġi ppreżentata mis-selliefa bilaterali; u
(i)
kwalunkwe rekwiżit ieħor meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu.
3. Sa fejn ikun meħtieġ, il-Ftehim ULCM għandu jiġi emendat wara d-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 6(4).
Artikolu 8
Żborż tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli
1. L-Ukrajna tista’ tippreżenta talba lill-Kummissjoni darbtejn fis-sena għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu fir-rigward tas-Self tal-AMF u self bilaterali eliġibbli.
2. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-talba tal-Ukrajna għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu abbażi tar-rekwiżiti li ġejjin:
(a)
il-konformità mal-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(1), li għandha tkun applikabbli biss fir-rigward tas-Self tal-MFA;
(b)
il-konferma li l-valur totali tal-iżborżi fir-rigward tas-Self tal-MFA jew kull self bilaterali eliġibbli, flimkien ma’ kwalunkwe imgħax akkumulat fuqu, ma jaqbiżx l-ammont totali dovut lil dak is-sellief bilaterali; u
(c)
l-konformità mal-obbligi tal-Ftehim ULCM.
3. Soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 4(1), meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni pożittiva tat-talba għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu, hija għandha tadotta mingħajr dewmien żejjed deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu, inkluż l-ammont żborżat biex jappoġġa l-ħlas lura ta’ kull self bilaterali eliġibbli u l-ammont magħmul disponibbli biex jappoġġa l-ħlas lura tas-Self tal-AMF. L-ammont żborżat skont il-Mekkaniżmu għandu jkun daqs l-ammont ta’ riżorsi disponibbli abbażi tal-Artikolu 4(1). Dak l-ammont żborżat għandu jiġi allokat f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 5(3).
4. F’każ li l-ammont magħmul disponibbli għall-Ukrajna biex tappoġġa l-ħlas lura tas-Self tal-AMF ikun ogħla mill-ammont dovut għall-ħlas lura taħt is-Self tal-AMF, l-ammont eċċessiv jista’ jintuża għall-ħlas lura bikri tas-Self tal-AMF f’konformità mal-Artikolu 15(2), il-punt (e), jew jista’ jinżamm mill-Unjoni għall-iskop esklużiv li tappoġġa l-ħlas lura tas-Self tal-AMF fil-futur. Kull imgħax akkumulat fuqu għandu jkun disponibbli wkoll biex isostni dak l-għan.
5. Meta l-Kummissjoni tagħti valutazzjoni negattiva għat-talba għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu, hija għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-Ukrajna, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għall-valutazzjoni tagħha.
6. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’, għal raġunijiet debitament ġustifikati, tivvaluta b’mod eċċezzjonali t-talbiet għal pagament ippreżentati mis-selliefa bilaterali, b’mod partikolari meta l-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 11(5) jew meta l-Ukrajna ma tkunx konformi mal-obbligi tagħha skont il-Ftehim ULCM.
KAPITOLU III
ASSISTENZA MAKROFINANZJARJA
Artikolu 9
Id-disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni
1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ukrajna assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali, bil-ħsieb li tappoġġa lill-Ukrajna tkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha. L-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni għandha tingħata lill-Ukrajna fil-forma ta’ self (is-“Self tal-AMF”). Is-Self tal-AMF għandha tikkontribwixxi biex tkopri d-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna kif identifikata f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.
2. Ir-rilaxx tas-Self tal-AMF għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni abbażi tal-valutazzjoni tagħha tal-prekundizzjoni msemmija fl-Artikolu 11(1) u tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ politika inklużi fil-memorandum ta’ qbil imsemmi fl-Artikolu 12(1).
3. Is-Self tal-AMF għandu jkun disponibbli sal-31 ta’ Diċembru 2024. Dan għandu jsir disponibbli mill-Kummissjoni f’pagament wieħed, li jista’ jiġi żborżat f’segment wieħed jew aktar. L-iżborż ta’ dawn is-segmenti kollha għandu jsir sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Artikolu 10
Ammont
1. Is-Self tal-AMF għandu jkun għal ammont massimu ta’ EUR 35 biljun. Madankollu, meta, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rilaxx tal-pagament parzjali msemmi fl-Artikolu 13, is-somma ta’ dak l-ammont massimu u tal-kapital ta’ self bilaterali eliġibbli diġà approvat mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 6, u tal-kapital indikat fl-intenzjonijiet iddikjarati ta’ pajjiżi terzi kkomunikati lill-Kummissjoni taħt l-awspiċji tal-inizjattiva tal-G7 “Self għall-Aċċellerazzjoni ta’ Dħul Straordinarju favur l-Ukrajna”, taqbeż il-EUR 45 biljun, l-ammont massimu tas-Self tal-AMF għandu jitnaqqas bil-valur tal-eċċess.
2. Jekk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu ta’ disponibbiltà tas-Self tal-AMF, inkluż fil-każ ta’ saldu mir-Russja tad-danni tal-gwerra tal-Ukrajna, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(2), tista’ tnaqqas l-ammont tas-Self tal-AMF jew tikkanċellaha.
3. Is-Self tal-AMF għandu jkollu tul ta’ żmien massimu ta’ 45 sena.
Artikolu 11
Prekundizzjoni għall-appoġġ
1. Prekundizzjoni għall-għoti tas-Self tal-AMF għandha tkun li l-Ukrajna tkompli tiddefendi u tirrispetta mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b’diversi partiti u l-istat tad-dritt, u li tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.
2. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jimmonitorjaw it-twettiq tal-prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, b’mod partikolari qabel ma jiġi rilaxxat il-pagament parzjali u jiġu żborżati s-segmenti, filwaqt li, kif xieraq, jitqies debitament ir-rapport regolari tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir. Il-Kummissjoni għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti ta’ korpi internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta’ Venezja tiegħu, f’dak il-proċess. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill dwar l-issodisfar tal-prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 qabel ma jiġi rilaxxat il-pagament parzjali u qabel ma jiġu żborżati s-segmenti lill-Ukrajna.
3. Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw f’konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE.
4. Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha titwettaq flimkien mal-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2024/792.
5. Meta l-Kummissjoni ssib li ma tkunx ġiet issodisfata l-prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 jew li ma tkunx għadha qed tiġi ssodisfata, hija għandha tissospendi l-iżborżi tas-Self tal-AMF u r-rilaxx tal-appoġġ mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 8, kif jappartjeni għas-Self tal-AMF.
Artikolu 12
Memorandum ta’ Qbil
1. Il-Kummissjoni għandha tiftiehem mal-Ukrajna dwar il-kundizzjonijiet ta’ politika li magħhom għandu jkun marbut is-Self tal-AMF. Dawk il-kundizzjonijiet ta’ politika għandhom jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil (MtQ).
2. Il-kundizzjonijiet ta’ politika fil-MtQ għandhom ikunu konsistenti mal-passi kwalitattivi u kwantitattivi li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1447, u kwalunkwe emenda għalih. Il-kundizzjonijiet ta’ politika fil-MtQ għandhom jinkludu b’mod addizzjonali impenn biex tiġi promossa l-kooperazzjoni mal-Unjoni dwar l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Ukrajna, f’konformità mal-objettivi ta’ programmi tal-Unjoni bl-għan tal-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ukrena u programmi rilevanti oħra tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-iffirmar tal-MtQ u tal-emendi tiegħu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).
Artikolu 13
Deċiżjoni dwar ir-rilaxx
1. L-Ukrajna għandha tippreżenta talba għal fondi qabel ir-rilaxx tal-pagament parzjali, akkumpanjata minn rapport f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-MtQ.
2. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagament parzjali soġġett għall-valutazzjoni tagħha tar-rekwiżiti li ġejjin:
(a)
il-konformità mal-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(1); u
(b)
it-twettiq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet ta’ politika stabbiliti fil-MtQ.
3. L-iżborż ta’ segmenti jista’ jiġi allinjat mat-twaqqit tal-iżborżi ta’ self jew tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli taħt il-Pilastru I tal-Faċilità għall-Ukrajna f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/792.
Artikolu 14
Operazzjonijiet ta’ għoti u ta’ teħid b’self
1. Sabiex tiffinanzja s-Self tal-AMF, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 224 tar-Regolament Finanzjarju.
2. B’deroga mill-Artikolu 31(3), it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/947, l-assistenza finanzjarja pprovduta lill-Ukrajna taħt is-Self tal-AMF ma għandhiex tiġi appoġġata mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna. L-ebda proviżjonament għas-Self tal-AMF ma għandu jkun kostitwit u, b’deroga mill-Artikolu 214(1) tar-Regolament Finanzjarju, ma għandhiex tiġi stabbilita rata ta’ proviżjonament bħala perċentwal tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament.
3. L-ammonti sospiżi f’konformità mal-Artikolu 11(5) ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu disponibbli, sa fejn meħtieġ, biex jappoġġaw il-ħlas lura tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self tal-Unjoni. L-użu ta’ tali riżorsi b’dak il-mod ma għandux jeħles lill-Ukrajna mill-obbligazzjoni tagħha li tħallas lura s-Self tal-AMF f’konformità mat-termini tal-Ftehim ta’ Self tal-AMF.
Artikolu 15
Ftehim ta’ Self tal-AMF
1. It-termini finanzjarji dettaljati tas-Self tal-AMF għandhom jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Self tal-AMF.
2. Flimkien mal-elementi stabbiliti fl-Artikolu 223(4) tar-Regolament Finanzjarju, il-Ftehim ta’ Self tal-AMF għandu jirrikjedi li:
(a)
id-drittijiet, ir-responsabbiltajiet u l-obbligi previsti fil-ftehim qafas taħt il-Faċilità tal-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/792 japplikaw għall-Ftehim ta’ Self tal-AMF u l-fondi fih;
(b)
l-Ukrajna tuża l-istess sistemi ta’ ġestjoni u kontroll kif propost fil-Pjan għall-Ukrajna stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2024/792;
(c)
ikun żgurat li l-Unjoni tkun intitolata għal ħlas lura bikri tas-Self tal-AMF meta jkun stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tas-Self tal-AMF, l-Ukrajna tkun involuta f’xi att ta’ frodi jew ta’ korruzzjoni jew f’xi attività illegali oħra li tkun ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni;
(d)
l-Ukrajna tkompli tirrispetta l-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(1);
(e)
l-ammont żejjed imsemmi fl-Artikolu 8(4) jista’ jintuża kompletament jew parzjalment għall-ħlas lura bikri tas-Self tal-AMF fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew, soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, fuq talba tal-Ukrajna; u
(f)
arranġamenti dettaljati għal ħlas lura jiġu definiti, abbażi ta’ struttura ta’ kaskata meta:
(i)
l-appoġġ mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu magħmul disponibbli għas-Self tal-AMF awtorizzat f’konformità mal-Artikolu 8 jintuża biex jitħallas lura direttament is-Self tal-AMF;
(ii)
jekk ma jingħata l-ebda appoġġ jew jingħata biss appoġġ parzjali mhux ripagabbli skont il-Mekkaniżmu għal raġunijiet ta’ ammonti insuffiċjenti, l-ammonti miżmuma mill-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 8(4) għandhom jintużaw biex jitħallas lura direttament is-Self tal-AMF;
(iii)
jekk l-ammonti msemmija fil-punti (i) u (ii) ikunu insuffiċjenti, fil-każ li jintlaħaq ftehim biex l-Ukrajna tiġi pprovduta riparazzjonijiet tal-gwerra jew kwalunkwe saldu finanzjarju ekwivalenti għal danni tal-gwerra, l-Ukrajna għandha tuża tali riżorsi għas-servizzjar tas-Self tal-AMF; u
(iv)
jekk l-ammonti msemmija fil-punti (i), (ii) u (iii) ikunu insuffiċjenti, l-Ukrajna għandha tibqa’ responsabbli għal kwalunkwe ammont dovut li jifdal taħt is-Self tal-AMF.
3. In-nuqqas ta’ konformità mat-termini tal-Ftehim ta’ Self tal-AMF għandu jikkostitwixxi raġuni biex il-Kummissjoni tissospendi jew tikkanċella r-rilaxx tal-pagament parzjali jew tas-segmenti, jew, meta ġġustifikat, titlob ħlas lura bikri tas-Self tal-AMF.
4. Il-Ftehim ta’ Self tal-AMF għandu jsir disponibbli simultanjament, fuq talba, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 16
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 17
Informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
1. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi rigward l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-iżborżi skont il-Mekkaniżmu u s-Self tal-AMF u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet id-dokumenti rilevanti fi żmien debitu. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’konformità mal-arranġamenti interistituzzjonali miftiehma taħt il-Faċilità għall-Ukrajna, inkluż id-Djalogu dwar il-Faċilità għall-Ukrajna.
2. Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fis-sena ta’ qabel, inkluża evalwazzjoni ta’ dik l-implimentazzjoni. Dak ir-rapport għandu:
(a)
jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tas-Self tal-AMF; u
(b)
jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Ukrajna, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ politika msemmija fl-Artikolu 12(1).
Meta xieraq, b’mod partikolari wara li jkunu skadew is-Self tal-AMF u l-ftehimiet ta’ self bilaterali eliġibbli kollha, il-Kummissjoni għandha tinkludi fir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu rieżami tal-adegwatezza tal-arranġamenti li jinsabu f’dan ir-Regolament.
3. Sal-31 ta’ Diċembru 2027, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tas-Self tal-AMF mogħti skont dan ir-Regolament u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
ZSIGMOND B. P.
(1) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2024 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024.
(2) Ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi strument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja +) (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1470 tal-21 ta’ Mejju 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L, 2024/1470, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1470/oj).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1469 tal-21 ta’ Mejju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L, 2024/1469, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1469/oj).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi b’ħarsa lejn l-azzjonijiet tar-Russja li jidddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).
(10) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, (ĠU L, 2024/1447, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1447/oj).
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(12) Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009, (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).
(14) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2773/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top