Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2025/2434
29.12.2025
REGOLAMENT (UE) 2025/2434 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-26 ta’ Novembru 2025
dwar l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1)
Ġew adottati firxa ta’ miżuri leġiżlattivi differenti mill-Unjoni sabiex jittejbu s-sikurezza marittima u s-sigurtà marittima, tiġi promossa s-sostenibbiltà, inkluż billi jiġi pprevenut it-tniġġis, u bid-dekarbonizzazzjoni tat-tbaħħir, u jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-settur marittimu. Sabiex tkun effettiva, jeħtieġ li dawn il-miżuri leġiżlattivi jiġu applikati b’manjiera xierqa u uniformi fl-Unjoni kollha sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, titnaqqas id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn vantaġġi ekonomiċi li jitgawdew minn vapuri li ma jkunux konformi mar-regoli u jiġu ppremjati operaturi tat-tbaħħir ta’ kwalità.
(2)
L-ilħuq ta’ dawk l-għanijiet jirrikjedi ħidma teknika sostanzjali mmexxija minn korp speċjalizzat. Għal dik ir-raġuni kien meħtieġ, bħala parti mill-miżuri stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2000 dwar it-tieni sett ta’ miżuri Komunitarji dwar is-sigurtà marittima wara li għereq it-tanker taż-żejt Erika, li tiġi stabbilita, fi ħdan il-qafas istituzzjonali eżistenti u b’rispett għar-responsabbiltajiet u d-drittijiet tal-Istati Membri bħala Stati tal-bandiera, tal-port u kostali, aġenzija Ewropea bil-għan li jiġi żgurat livell għoli, uniformi u effettiv ta’ sikurezza marittima u prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri.
(3)
Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (“l-Aġenzija”) sabiex tassisti lill-Kummissjoni u l-Istati Membri bl-implimentazzjoni effettiva fil-livell tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni fl-oqsma tas-sikurezza marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis permezz ta’ żjarat xierqa fl-Istati Membri għall-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni rilevanti u, fuq talba tal-Istati Membri, bil-qbil tagħhom u skont il-ħtiġijiet tagħhom, l-għoti ta’ taħriġ u tisħiħ tal-kapaċitajiet.
(4)
Wara l-istabbiliment tal-Aġenzija fl-2002, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma tas-sikurezza marittima, is-sigurtà marittima, is-sostenibbiltà u l-prevenzjoni tat-tniġġis espandiet b’mod sinifikanti, u rriżultat f’ħames emendi għall-mandat tal-Aġenzija.
(5)
Mill-2013, l-Aġenzija kompliet tespandi l-kompiti tagħha b’mod sinifikanti, permezz tal-attivazzjoni tal-kompiti anċillari rilevanti previsti fl-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 u permezz ta’ talbiet għal assistenza teknika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-settur marittimu. Barra minn hekk, emendi għad-Direttivi 2005/35/KE (4), 2009/16/KE (5), 2009/18/KE (6) u 2009/21/KE (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kellhom impatt dirett fuq il-kompiti tal-Aġenzija. Dawk id-Direttivi jipprevedu b’mod partikolari t-twettiq ta’ kompiti mill-Aġenzija relatati mat-tniġġis mill-vapuri, ir-reġim ta’ kontroll mill-Istat tal-port fil-livell tal-Unjoni, l-attivitajiet tal-Istati Membri dwar l-investigazzjonijiet relatati mal-aċċidenti marittimi fl-ilmijiet tal-Unjoni u l-obbligi tal-Istati Membri bħala Stati tal-bandiera.
(6)
Barra minn hekk, il-governanza tal-Aġenzija għandha bżonn tiġi allinjata mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea tal-2012 dwar l-aġenziji deċentralizzati (“Id-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Kommuni”) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (8).
(7)
Minħabba n-natura sostanzjali tal-bidliet, huwa xieraq li jitħassar ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 u li dan jiġi sostitwit b’att leġiżlattiv ġdid.
(8)
Għall-bidu, l-Aġenzija ġiet stabbilita bl-objettiv li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ livell għoli ta’ sikurezza marittima fl-Unjoni kollha filwaqt li tassisti wkoll fil-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri u aktar tard anke minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass. Filwaqt li dawk l-objettivi komplew jissaħħu biż-żieda tal-promozzjoni tas-sigurtà marittima, l-enfasi tal-Aġenzija, matul dawn l-aħħar snin, kien li jappoġġa l-iżviluppi regolatorji fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tat-tbaħħir. Għalhekk huwa xieraq li dawk l-oqsma jiġu inkorporati fl-objettivi ġenerali tal-Aġenzija, li tippermettilha tikkontribwixxi għall-għanijiet tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-industrija. Bl-istess mod, ir-rwol kruċjali tal-Aġenzija fl-għoti ta’ stampa ta’ għarfien tas-sitwazzjoni marittima fil-baħar, permezz ta’ ritratti bis-satellita u t-tħaddim ta’ sistemi ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod, jiġġustifika ż-żieda ta’ objettiv ġenerali rilevanti għall-Aġenzija.
(9)
Jenħtieġ li dawk l-objettivi jindikaw l-oqsma li fir-rigward tagħhom l-Aġenzija tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b’assistenza teknika u operazzjonali sabiex jiġu implimentati l-politiki tal-Unjoni fil-qasam marittimu.
(10)
Sabiex dawk l-objettivi jinkisbu kif suppost, huwa xieraq li l-Aġenzija twettaq kompiti speċifiċi fil-qasam tas-sikurezza marittima, is-sostenibbiltà ambjentali, id-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu, is-sigurtà marittima u ċ-ċibersigurtà, is-sorveljanza marittima u l-kriżijiet marittimi, il-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-iskambji tad-data fil-qasam marittimu. Sabiex jiffoka fuq sfidi speċifiċi u biex jaċċerta l-kosteffiċjenza tal-kompiti li l-Aġenzija qed twettaq, jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija (“il-Bord tat-Tmexxija”) jkollu d-dritt li jipprijoritizza ċerti kompiti u attivitajiet fl-ippjanar annwali u pluriennali tal-Aġenzija.
(11)
Minbarra l-kompiti speċifiċi, jenħtieġ li l-Aġenzija tipprovdi assistenza orizzontali u teknika, fuq talba tal-Kummissjoni jew tal-Istati Membri, għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe kompitu li jaqa’ fi ħdan il-kompetenza u l-objettivi tagħha, u li jirriżulta minn ħtiġijiet u żviluppi futuri fil-livell tal-Unjoni. Meta jiddeċiedi jekk għandux jinkludi tali kompiti addizzjonali fid-dokument uniku ta’ programmazzjoni tal-Aġenzija bħala parti mill-programm ta’ ħidma annwali jew pluriennali tiegħu, jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija jqis ir-riżorsi umani u finazjarji disponibbli. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li ċerti kompiti li jikkostitwixxu l-qalba tal-Aġenzija jkunu jistgħu jiġu prijoritizzati jekk ikun meħtieġ.
(12)
L-Aġenzija tinsab fuq quddiem nett tal-għarfien espert tekniku fl-oqsma tal-kompetenza tagħha u għalhekk jenħtieġ li tipprovdi attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet lill-Istati Membri fuq talba tagħhom, bil-qbil tagħhom u skont il-ħtiġijiet tagħhom, u bl-użu tal-għodod l-aktar avvanzati teknoloġikament fit-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet.
(13)
Jenħtieġ li dan l-għarfien espert tekniku tal-Aġenzija jiġi żviluppat aktar billi ssir riċerka fil-qasam marittimu u billi jingħata kontribut għall-attivitajiet rilevanti tal-Unjoni f’dak il-qasam. Jenħtieġ li l-Aġenzija tikkontribwixxi, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Bord tat-Tmexxija, u b’approċċ proattiv, għall-objettivi tat-tisħiħ tas-sikurezza marittima, tas-sigurtà marittima, tad-dekarbonizzazzjoni tat-tbaħħir u tal-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri. F’dak ir-rigward, l-Aġenzija tista’ tipproponi lill-Kummissjoni gwida, rakkomandazzjonijiet jew manwali rilevanti u mhux vinkolanti li jistgħu jassistu lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri jew lill-industrija marittima biex jilħqu dawk l-objettivi.
(14)
Fir-rigward tas-sikurezza marittima, jenħtieġ li l-Aġenzija tiżviluppa approċċ proattiv fid-determinazzjoni tar-riskji u tal-isfidi tas-sikurezza. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li tippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar il-progress magħmul fir-rigward tas-sikurezza marittima kull tliet snin. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Aġenzija tkompli tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-atti legali rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-obbligi tal-Istat tal-bandiera u tal-port, tal-investigazzjonijiet dwar is-sikurezza marittima, tas-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri, tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (e), tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (“organizzazzjonijiet rikonoxxuti”), u tat-tagħmir tal-baħar. B’rikonoxximent tan-natura li qed tevolvi tas-sikurezza marittima, l-Aġenzija tista’, wara approvazzjoni minn qabel mill-Bord tat-Tmexxija, tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-oqsma emerġenti relatati mas-sikurezza marittima, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. Huwa importanti wkoll li tinġabar aktar statistika fil-qasam tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara u, fuq talba tal-Bord tat-Tmexxija, dwar l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord tal-baħħara inkluż, kif xieraq, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (MLC 2006), bl-għan li tingħata assistenza sabiex il-professjoni ta’ baħħar issir aktar attraenti u li jiġu żviluppati risposti strateġiċi xierqa fir-reklutaġġ u ż-żamma tal-baħħara fl-attività. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħidma li diġà twettqet minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni.
(15)
Mill-aħħar emenda sostanzjali tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 fl-2013, kien hemm żviluppi leġiżlattivi sinifikanti fis-settur marittimu fir-rigward tas-sostenibbiltà, bħall-prevenzjoni tat-tniġġis u r-rispons għalih, il-ħarsien tal-ambjent u d-dekarbonizzazzjoni. Minbarra l-kompiti li l-mandat tal-Aġenzija kien ikopri sa issa, bħall-prevenzjoni tat-tniġġis minn vapuri u minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass u r-rispons għal tali tniġġis, l-aktar permezz tal-ħidma tal-CleanSeaNet, stabbilit skont id-Direttiva 2005/35/KE, jenħtieġ li l-Aġenzija tkompli tassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Jenħtieġ li dak il-kompitu jiġi rifless fil-mandat aġġornat tagħha. Barra minn hekk, hemm aktar ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tassisti fl-implimentazzjoni tal-elementi relatati mat-tbaħħir tad-Direttivi 2008/56/KE (11) u (UE) 2016/802 (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jenħtieġ li l-Aġenzija tippreżenta rapport dwar il-progress magħmul fl-implimentazzjoni ta’ dawk id-direttivi kull tliet snin. B’rikonoxximent tan-natura li qed tevolvi tas-settur marittimu, l-Aġenzija tista’, wara approvazzjoni minn qabel mill-Bord tat-Tmexxija, tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-oqsma emerġenti relatati mal-ħarsien tal-ambjent u t-tniġġis tal-arja, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma.
(16)
Fil-kuntest tal-assistenza tal-Aġenzija lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/56/KE, jenħtieġ li l-Aġenzija, fejn ikun xieraq, twettaq aktar riċerka fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kisba ta’ status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar, it-tixrid ta’ pellets tal-plastik u l-istorbju rradjat taħt l-ilma.
(17)
Fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-tbaħħir, qed isiru sforzi biex jiġu limitati l-emissjonijiet marittimi globali permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u jenħtieġ li dawn jiġu inkoraġġuti, inkluż l-implimentazzjoni rapida tal-Istrateġija riveduta tal-OMI dwar it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet tal-Gassijiet Serra mill-Vapuri, adottata fl-2023. Fil-livell tal-Unjoni, ġew żviluppati sett ta’ politiki u atti leġiżlattivi bħala appoġġ għad-dekarbonizzazzjoni u għal aktar promozzjoni tas-sostenibbiltà tas-settur marittimu, kif rifless b’mod partikolari fil-Patt Ekoloġiku Ewropew stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019, fl-“Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur” stabbilita fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2020, fil-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %” stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 2021 bit-titolu “Lesti għall-mira ta’ 55 %: nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika” u fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2021 bit-titolu “Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd, Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”. B’riżultat ta’ dan, jenħtieġ li l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-settur marittimu tkun riflessa fil-mandat tal-Aġenzija.
(18)
Filwaqt li jenħtieġ li l-Aġenzija tkompli tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), jenħtieġ ukoll li tassisti fl-implimentazzjoni tal-miżuri regolatorji l-ġodda għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-tbaħħir, li jirriżulta mill-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, bħar-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u l-elementi relatati mat-tbaħħir tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Tali assistenza tinkludi l-monitoraġġ u r-rapportar dwar l-impatti fuq it-traffiku tal-portijiet, l-evażjoni tal-portijiet u t-trasferiment tat-traffiku lejn portijiet ta’ trażbord f’pajjiżi terzi, għad-detriment tal-portijiet tal-UE tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) (EU ETS) skont ir-Regolament (UE) 2015/757 u tar-Regolament (UE) 2023/1805. Jenħtieġ li l-Aġenzija tkompli tkun fuq quddiem nett tal-għarfien espert fil-livell tal-Unjoni biex tassisti fit-tranżizzjoni tas-settur marittimu lejn fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ karbonju billi twettaq riċerka rilevanti għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni dwar l-adozzjoni u l-introduzzjoni ta’ sorsi alternattivi u sostenibbli ta’ enerġija għall-vapuri, bħat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero, il-provvista tal-enerġija fuq l-art, jew il-propulsjoni megħjuna mir-riħ, kif definiti fir-Regolament (UE) 2023/1805, jew il-propulsjoni megħjuna mix-xemx, u fir-rigward tal-installazzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-effiċjenza tal-enerġija, bħall-ottimizzazzjoni tal-veloċità. Biex isir monitoraġġ tal-progress fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-tbaħħir, jenħtieġ li l-Aġenzija tirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-isforzi għat-tnaqqis tal-gassijiet serra, inkluż kwalunkwe rakkomandazzjoni li jista’ jkollha f’dan ir-rigward, kull tliet snin.
(19)
Fil-qasam tas-sigurtà marittima, jenħtieġ li l-Aġenzija tkompli tipprovdi assistenza teknika lill-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Peress li l-għadd ta’ inċidenti taċ-ċibersigurtà fis-settur marittimu żdied b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, jenħtieġ li l-Aġenzija tappoġġa l-isforzi tal-Unjoni biex tipprevjeni inċidenti taċ-ċibersigurtà u ttejjeb ir-reżiljenza ċibernetika fis-settur marittimu billi tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u informazzjoni dwar inċidenti taċ-ċibersigurtà bejn l-Istati Membri.
(20)
Jenħtieġ li l-Aġenzija tkompli tospita s-sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti stabbilita skont id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) kif ukoll sistemi oħrajn li jirfdu l-istabbiliment ta’ għarfien tas-sitwazzjoni marittima. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Aġenzija jkompli jkollha rwol vitali fil-ġestjoni tal-komponent tas-sorveljanza marittima tas-Servizz ta’ Sigurtà ta’ Copernicus fi ħdan il-qafas ta’ governanza u finanzjarju tal-programm Copernicus stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) (“il-programm Copernicus”) u jenħtieġ li tkompli tagħmel użu mit-teknoloġija l-aktar avvanzata disponibbli, bħas-sistemi ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod li jipprovdu lill-Istati Membri u lil korpi oħrajn tal-Unjoni għodda utli għas-sorveljanza u l-monitoraġġ. Minbarra dawk is-servizzi, l-Aġenzija wriet ir-rwol strateġiku tagħha fl-għoti ta’ għarfien tas-sitwazzjoni marittima waqt diversi kriżijiet, bħall-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. B’riżultat ta’ dan, jenħtieġ li l-Aġenzija tħaddem ċentru, li jkun miftuħ 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa, biex jassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza bħal dawn.
(21)
L-Unjoni qed tiffaċċa sfidi ġeopolitiċi ġodda, li jirriżultaw f’theddidiet addizzjonali għas-sikurezza marittima u l-ambjent tal-baħar. Jenħtieġ li l-kapaċitajiet eżistenti tal-Aġenzija fl-għoti ta’ għarfien tas-sitwazzjoni marittima, inkluż is-sorveljanza tal-moviment tal-vapuri, tappoġġa lill-Istati Membri kostali permezz, fost oħrajn, tal-monitoraġġ u n-notifika ta’ trasferimenti suspettużi minn vapur għal vapur u inċidenti ta’ interferenza illegali mas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika (AIS) ta’ fuq vapuri, it-tifi jew id-diżattivazzjoni ta’ dan b’xi mod ieħor, u l-faċilitazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni abbażi tas-sistema tal-Unjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni marittima (“SafeSeaNet”), stabbilita skont id-Direttiva 2002/59/KE, li jippermetti l-wasla, il-ħżin, l-irkupru u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tas-sikurezza marittima, is-sigurtà marittima u tal-portijiet, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u l-effiċjenza tat-traffiku marittimu u t-trasport marittimu. Dan jappoġġa lill-Istati Membri kostali fl-indirizzar tal-isfidi ppreżentati mill-“flotta mistura” jew “flotta mdella”, kif definita fir-Riżoluzzjoni A.1192 (33) tal-Assemblea tal-IMO adottata fis-6 ta’ Diċembru 2023.
(22)
Bħala parti mill-kompitu tal-Aġenzija li tipprovdi għarfien tas-sitwazzjoni marittima u data analitika, jenħtieġ li tassisti lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lil korpi oħra tal-Unjoni, kif xieraq, fil-monitoraġġ tal-movimenti tal-vapuri, inkluż għall-vapuri li jużaw teknoloġiji b’awtomatizzazzjoni avvanzata, u l-perikli għan-navigazzjoni. Tali perikli għan-navigazzjoni, li jista’ jkollhom ukoll impatt ambjentali, jistgħu jinkludu pereżempju kontejners mitlufa u mixjin mal-kurrent fil-baħar, kif ukoll biċċiet kbar ta’ rkaptu tas-sajd mitluf jew mormi.
(23)
Id-diġitalizzazzjoni tad-data hija parti mill-progress teknoloġiku fil-qasam tal-ġbir u l-komunikazzjoni tad-data bil-għan li jitnaqqsu l-kostijiet u li r-riżorsi umani jintużaw b’effiċjenza. L-introduzzjoni u t-tħaddim ta’ Vapuri Marittimi Awtonomi tal-Wiċċ (MASS) u l-iżviluppi diġitali u teknoloġiċi relatati jipprovdu firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet ġodda fejn jidħlu ġbir ta’ data u mmaniġġjar ta’ sistemi integrati. Dan joħloq opportunitajiet għad-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni potenzjali ta’ diversi proċessi, li jikkontribwixxu għas-sikurezza, is-sigurtà, is-sostenibbiltà u tal-effiċjenza tal-operazzjonijiet marittimi, inkluż il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza, fil-livell tal-Unjoni, u b’mod parallel inaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Aġenzija, fost l-oħrajn, tiffaċilita u tippromwovi l-użu ta’ ċertifikati elettroniċi, il-ġbir, ir-reġistrazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ data teknika, u l-isfruttament sistematiku ta’ bażijiet tad-data eżistenti, inkluż l-arrikkiment reċiproku tagħhom bl-użu ta’ għodod innovattivi tal-IT u tal-intelliġenza artifiċjali. L-Aġenzija tista’ wkoll tikkontribwixxi għall-qasam marittimu tal-ispazju komuni Ewropew tad-data dwar il-mobbiltà, bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri. Jenħtieġ li f’dik il-ħidma, l-Aġenzija tqis il-ħtieġa li kwalunkwe għodda jew sistema tkun faċli biex tintuża u interoperabbli ma’ soluzzjonijiet tekniċi eżistenti sabiex ma jinħolqux spejjeż bla bżonn għall-Istati Membri jew għall-industrija.
(24)
Sabiex jitwettqu kif suppost il-kompiti fdati lill-Aġenzija, ikun xieraq li l-uffiċjali tagħha jagħmlu żjarat fl-Istati Membri sabiex jagħmlu monitoraġġ tal-funzjonament globali tas-sistema tal-Unjoni ta’ sikurezza marittima u prevenzjoni tat-tniġġis. Jenħtieġ li l-Aġenzija twettaq ukoll spezzjonijiet sabiex tassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-liġi tal-Unjoni.
(25)
Biex jikkontribwixxu għall-ħidma rilevanti tal-korpi tekniċi tal-OMI, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, iffirmat f’Pariġi fis-26 ta’ Jannar 1982 (“MtQ ta’ Pariġi”), jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu assistenza teknika dwar kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tista’ tkun teħtieġ ukoll l-assistenza teknika tal-Aġenzija fl-appoġġ ta’ pajjiżi terzi fil-qasam marittimu, b’mod partikolari b’mezzi ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet u ta’ prevenzjoni tat-tniġġis u ta’ rispons. Jenħtieġ li l-appoġġ għal pajjiżi terzi jkun soġġett għal kunsiderazzjoni tar-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli u ma jkunx ta’ detriment għall-prijoritajiet tal-Aġenzija.
(26)
L-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta huma responsabbli għal firxa wiesgħa ta’ kompiti fuq il-baħar, bħas-sikurezza marittima, is-sigurtà marittima, it-tiftix u s-salvataġġ, il-kontroll tal-fruntieri, il-kontroll tas-sajd, il-kontroll doganali, l-infurzar ġenerali tal-liġi u l-ħarsien tal-ambjent. Jenħtieġ għalhekk li, f’konformità b’mod partikolari mal-Istrateġija Riveduta tal-UE għas-Sigurtà Marittima (EUMSS) u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, approvat mill-Kunsill fl-24 ta’ Ottubru 2023, l-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, skont il-mandati rispettivi tagħhom, kemm bejniethom kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, pereżempju permezz tal-Forum Ewropew tal-Funzjonijiet tal-Gwardja tal-Kosta (ECGFF), sabiex itejbu l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima u jappoġġaw azzjoni koerenti u kosteffiċjenti.
(27)
Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma taffettwax id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jew l-obbligi tal-Istati Membri skont il-konvenzjonijiet internazzjonali bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), il-konvenzjonijiet tal-OMI bħall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi (SAR Convention), il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL) u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (STCW), u strumenti marittimi internazzjonali rilevanti oħrajn.
(28)
Sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-Aġenzija, jenħtieġ li tiġi introdotta struttura ta’ governanza effiċjenti u effettiva. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu rrappreżentati f’Bord tat-Tmexxija li jkollu s-setgħat meħtieġa, inkluż is-setgħa li jistabbilixxi l-baġit u japprova d-dokument uniku ta’ programmazzjoni. Jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija jagħti l-orjentazzjonijiet ġenerali u strateġiċi għall-attivitajiet tal-Aġenzija u jkun involut aktar mill-qrib fil-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-Aġenzija, bil-ħsieb li tissaħħaħ is-superviżjoni fuq kwistjonijiet amministrattivi u baġitarji. Jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija jkun jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma jew konsultattivi bil-kompitu li jħejju l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija b’mod xieraq u jappoġġaw il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu kif ukoll is-segwitu u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu. Jenħtieġ li l-Aġenzija tkun immexxija minn Direttur Eżekuttiv.
(29)
Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fid-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija, ir-rappreżentanti tas-setturi kkonċernati jistgħu jattendu partijiet mil-laqgħat tiegħu, iżda mingħajr id-dritt tal-vot. Jenħtieġ li r-rappreżentanti tad-diversi partijiet ikkonċernati jinħatru mill-Kummissjoni abbażi tar-rappreżentattività tagħhom fil-livell tal-Unjoni.
(30)
Sabiex twettaq il-kompiti tagħha sewwa, jenħtieġ li l-Aġenzija jkollha personalità ġuridika u baġit awtonomu ffinanzjat prinċipalment permezz ta’ kontribuzzjoni mill-Unjoni u permezz ta’ imposti mħallsa minn pajjiżi terzi jew entitajiet oħrajn. Jenħtieġ li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Aġenzija ma jiġux kompromessi minn xi kontribuzzjoni finanzjarja li din tirċievi minn Stati Membri jew pajjiżi terzi. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza fil-ġestjoni ta’ kuljum tagħha u fl-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li toħroġ, jenħtieġ li l-organizzazzjoni tal-Aġenzija tkun trasparenti u d-Direttur Eżekuttiv ikollu responsabbiltà sħiħa għall-Aġenzija. Jenħtieġ li l-persunal tal-Aġenzija jkun indipendenti u jkun impjegat kemm b’kuntratti fuq terminu qasir kif ukoll kuntratti fuq terminu twil sabiex jinżammu l-għarfien organizzattiv u l-kontinwità tal-operat tagħha, filwaqt li jinżamm skambju meħtieġ u kontinwu ta’ għarfien espert mas-settur marittimu. Jenħtieġ li n-nefqa tal-Aġenzija tinkludi l-ispejjeż tal-persunal, amministrattivi, infrastrutturali u operazzjonali.
(31)
Fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, huwa essenzjali li l-Aġenzija taġixxi b’mod imparzjali, turi integrità u tistabbilixxi standards professjonali għoljin. Jenħtieġ li qatt ma jkun hemm raġuni leġittima biex wieħed jissuspetta li d-deċiżjonijiet jistgħu jiġu influwenzati minn interessi li jkunu kunfliġġenti mar-rwol tal-Aġenzija bħala korp li jservi lill-Unjoni kollha kemm hi jew minn interessi jew affiljazzjonijiet privati ta’ kwalunkwe membru tal-Bord tat-Tmexxija li jkunu joħolqu, jew ikollhom il-potenzjal li joħolqu, kunflitt mat-twettiq xieraq tad-dmirijiet uffiċjali tal-persuna kkonċernata. Għalhekk, jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija jadotta regoli komprensivi dwar il-kunflitti ta’ interess u jagħmilhom pubblikament disponibbli.
(32)
Perspettiva strateġika aktar wiesgħa fir-rigward tal-attivitajiet tal-Aġenzija tiffaċilita l-ippjanar u l-ġestjoni tar-riżorsi tagħha b’mod iżjed effettiv u tikkontribwixxi għal kwalità ogħla tar-riżultati li tipproduċi. Tali approċċ huwa kkonfermat u msaħħaħ mir-Regolament Delegat (UE) 2019/715. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi adottat dokument uniku ta’ programmazzjoni li jkun fih il-programmi ta’ ħidma annwali u pluriennali u li jiġi aġġornat perjodikament mill-Bord tat-Tmexxija, wara konsultazzjoni xierqa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.
(33)
Meta l-Aġenzija tintalab twettaq kompitu ġdid li għalih ikunu meħtieġa kunsiderazzjoni u analiżi tal-impatt fuq ir-riżorsi tagħha, f’termini umani u baġitarji, skont il-mandat tagħha, jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija jinkludi dak il-kompitu fid-dokument uniku ta’ programmazzjoni wara dik l-analiżi biss. Jenħtieġ li dik l-analiżi tidentifika r-riżorsi meħtieġa li bihom l-Aġenzija tkun tista’ twettaq dawk il-kompiti l-ġodda u jekk il-kompiti eżistenti tal-Aġenzija jiġux affettwati b’mod negattiv jew ikollhomx jiġu orjentati mill-ġdid.
(34)
Jenħtieġ li l-Aġenzija tingħata r-riżorsi adegwati biex twettaq il-kompiti tagħha u tingħata baġit awtonomu. Jenħtieġ li dan jiġi ffinanzjat prinċipalment minn kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-proċedura baġitarja tal-Unjoni tkun applikabbli għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni u għal kwalunkwe sussidju ieħor li għandu jiġi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-awditjar tal-kontijiet isir mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
(35)
Sabiex tiffranka finanzjarjament, jenħtieġ li l-Aġenzija tikkoopera mill-viċin, meta jkun il-każ, ma’ istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-Unjoni, speċjalment ma’ dawk li jkollhom is-sede tagħhom fl-istess Stat Membru.
(36)
Matul is-snin li għaddew, hekk kif inħolqu aktar aġenziji deċentralizzati, it-trasparenza u l-kontroll fuq il-ġestjoni tal-finanzjament tal-Unjoni allokat lilhom tjiebu, b’mod partikolari fir-rigward tal-ibbaġitjar tat-tariffi, il-kontroll finanzjarju, is-setgħa ta’ kwittanza, il-kontribuzzjonijiet għall-iskemi tal-pensjoni u l-proċedura baġitarja interna (il-kodiċi tal-kondotta). Bl-istess mod, jenħtieġ li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) japplika mingħajr restrizzjoni għall-Aġenzija, u li din taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fejn jikkonċerna investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (22).
(37)
Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi stabbilit korp speċjalizzat li jista’ jassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-applikazzjoni effettiva u fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni relatat mat-trasport marittimu madwar l-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-kooperazzjoni li jrid ikun hemm, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.
(38)
Hu meħtieġ għall-funzjonament xieraq tal-Aġenzija li jiġu implimentati ċerti prinċipji rigward il-governanza tal-Aġenzija bil-għan li tiġi osservata d-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni, li l-għan tagħhom huwa li jiġu ssimplifikati l-attivitajiet tal-aġenziji u tiżdied il-prestazzjoni tagħhom.
(39)
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
(40)
L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1406/2002, tibqa’ l-istess persuna ġuridika u ser tkompli l-attivitajiet u l-proċeduri kollha tagħha,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U OBJETTIVI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (“l-Aġenzija”).
L-Aġenzija kif stabbilita b’dan ir-Regolament għandha tissostitwixxi u tissuċċedi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima kif stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1406/2002.
2. Dan ir-Regolament jipprovdi regoli komprensivi dwar il-kompiti, il-funzjonament u l-governanza tal-Aġenzija.
3. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni u fl-implimentazzjoni effettivi tal-liġi tal-Unjoni relatata mat-trasport marittimu madwar l-Unjoni. Għal dak il-għan, l-Aġenzija għandha tikkoopera mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni u tipprovdilhom assistenza teknika, operazzjonali u xjentifika fl-ambitu tal-objettivi u l-kompiti tal-Aġenzija stabbiliti fl-Artikolu 2 u fil-Kapitoli II u III.
4. Billi tipprovdi l-assistenza msemmija fil-paragrafu 3, l-Aġenzija għandha b’mod partikolari tappoġġa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-atti legali rilevanti tal-Unjoni u fil-kontribut għall-effiċjenza ġenerali tat-traffiku marittimu u tat-trasport marittimu kif stabbilit f’dan ir-Regolament, sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport marittimu.
5. Kwalunkwe assistenza pprovduta mill-Aġenzija u kwalunkwe kompitu stabbilit fl-Artikoli 4 sa 11 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri.
Artikolu 2
Objettivi tal-Aġenzija
1. L-objettivi ewlenin tal-Aġenzija għandhom ikunu li tiżgura livell għoli, uniformi u effettiv ta’ sikurezza marittima bl-għan ta’ tnaqqis massimu ta’ aċċidenti, livell għoli, uniformi u effettiv ta’ sikurezza sigurtà marittima, tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-vapuri u sostenibbiltà ambjentali tas-settur marittimu kif ukoll il-prevenzjoni tat-tniġġis ikkawżat mill-vapuri, ir-rispons għalih u r-rispons għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass.
2. Objettivi ulterjuri tal-Aġenzija għandhom ikunu li tappoġġa d-diġitalizzazzjoni ta’ u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv fis-settur marittimu billi tiffaċilita t-trażmissjoni elettronika tad-data u li tappoġġa s-simplifikazzjoni u l-forniment ta’ sistemi u servizzi integrati ta’ sorveljanza marittima u ta’ għarfien tas-sitwazzjoni marittima lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
KAPITOLU II
KOMPITI TAL-AĠENZIJA
Artikolu 3
Assistenza teknika orizzontali
1. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni:
(a)
fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva tal-atti legali vinkolanti rilevanti tal-Unjoni, li jaqgħu fl-ambitu tal-objettivi tal-Aġenzija, b’mod partikolari billi jitwettqu żjarat u spezzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 10;
(b)
fil-ħidma preparatorja għall-aġġornament u l-iżvilupp ta’ atti legali rilevanti tal-Unjoni li jaqgħu fl-ambitu tal-objettivi tal-Aġenzija, b’mod partikolari f’konformità mal-iżvilupp tal-liġi internazzjonali rilevanti;
(c)
fit-twettiq ta’ kwalunkwe kompitu ieħor assenjat lill-Kummissjoni f’atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jaqgħu taħt l-objettivi tal-Aġenzija.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), l-Aġenzija tista’ tissuġġerixxi titjib lill-Kummissjoni.
2. L-Aġenzija għandha tikkoopera mal-Istati Membri biex:
(a)
torganizza, fejn xieraq, attivitajiet rilevanti ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet u ta’ taħriġ f’oqsma li jaqgħu fl-ambitu tal-objettivi tal-Aġenzija u li huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri;
(b)
tiżviluppa soluzzjonijiet tekniċi, inkluż il-forniment ta’ servizzi operazzjonali rilevanti, u tipprovdi assistenza teknika sabiex jinbnew il-kapaċitajiet nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ atti legali tal-Unjoni li jaqgħu fl-ambitu tal-objettivi tal-Aġenzija.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ta’ dan il-paragrafu, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi kapaċitajiet xierqa bl-għan li tiżviluppa, timplimenta u tikkoordina attivitajiet ta’ taħriġ relatati mal-objettivi tal-Aġenzija. L-attivitajiet ta’ taħriġ ipprovduti għandhom jiġu żviluppati f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, u approvati mill-Bord tat-Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-Artikolu 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
3. L-Aġenzija għandha tippromwovi u tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni billi tippromwovi l-iskambju u t-tixrid ta’ esperjenzi u prattiki tajba.
4. L-Aġenzija għandha tikkontribwixxi, fuq talba tal-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tagħha stess, soġġetta għall-approvazzjoni minn qabel tal-Bord tat-Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 17, għal attivitajiet ta’ riċerka marittima fil-livell tal-Unjoni meta meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-objettivi tal-Aġenzija. F’dak ir-rigward, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta’ temi ewlenin ta’ riċerka, mingħajr preġudizzju għal attivitajiet oħrajn ta’ riċerka fil-livell tal-Unjoni, u fl-analiżi ta’ proġetti ta’ riċerka li għaddejjin u li tlestew rilevanti għall-objettivi tal-Aġenzija. Fejn xieraq, soġġett għar-regoli applikabbli dwar il-proprjetà intellettwali u l-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà, l-Aġenzija għandha xxerred ir-riżultati tal-attivitajiet tagħha ta’ riċerka u innovazzjoni, wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, bħala parti mill-kontribut tagħha għall-ħolqien ta’ sinerġiji bejn l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ korpi oħrajn tal-Unjoni u l-Istati Membri.
5. Fejn meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija tista’ twettaq studji, li jinvolvu lill-Kummissjoni u fejn applikabbli, permezz tal-konsultazzjoni ta’ gruppi ta’ tmexxija, lill-Istati Membri, u fejn xieraq, lis-sħab soċjali u lir-rappreżentanti tal-industrija b’għarfien espert fis-suġġetti rilevanti.
6. Abbażi ta’ riċerka u studji mwettqa mill-Aġenzija u ta’ esperjenza miksuba permezz tal-attivitajiet tagħha stess, b’mod partikolari ż-żjarat u l-ispezzjonijiet, u l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ prattiki tajba mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, l-Aġenzija tista’ tipprovdi, bi qbil mal-Kummissjoni u mal-Bord tat-Tmexxija, rakkomandazzjonijiet, gwida jew manwali rilevanti u mhux vinkolanti biex tappoġġa lill-Istati Membri, u fejn xieraq lill-industrija, fl-implimentazzjoni tal-atti legali rilevanti tal-Unjoni.
Artikolu 4
Kompiti relatati mas-sikurezza marittima
1. L-Aġenzija għandha timmonitorja l-progress fis-sikurezza tat-trasport marittimu fl-Unjoni, twettaq analiżijiet tar-riskju abbażi tad-data disponibbli u tiżviluppa mudelli ta’ valutazzjoni tar-riskju għas-sikurezza biex tidentifika l-isfidi u r-riskji għas-sikurezza. Kull tliet snin, l-Aġenzija għandha tippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar il-progress fis-sikurezza marittima b’rakkomandazzjonijiet tekniċi possibbli li jistgħu jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni jew dak internazzjonali, b’mod partikolari b’rabta mar-riskji potenzjali għas-sikurezza li jirriżultaw mill-iżvilupp, l-adozzjoni u l-introduzzjoni ta’ sorsi alternattivi sostenibbli ta’ enerġija għall-vapuri, inkluż teknoloġiji b’emissjonijiet żero u l-provvista tal-elettriku mix-xatt kif definit fir-Regolament (UE) 2023/1805.
2. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/21/KE. B’mod partikolari, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-organizzazzjoni, fejn xieraq u abbażi tat-talbiet mill-Istati Membri għal assistenza, attivitajiet ta’ taħriġ rilevanti għall-ispetturi tal-Istat tal-bandiera u s-surveyors tal-Istat tal-bandiera kif imsemmija fl-Artikolu 4c ta’ dik id-Direttiva. L-Aġenzija għandha tassisti wkoll lill-Kummissjoni fl-iżvilupp, iż-żamma u l-aġġornament ta’ portal diġitali interoperabbli f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva, kif ukoll il-bażi tad-data ta’ informazzjoni dwar il-vapuri f’konformità mal-Artikolu 6a ta’ dik id-Direttiva, u fl-istabbilment tal-għodda elettronika ta’ rappurtar imsemmija fl-Artikolu 9b ta’ dik id-Direttiva u tista’ tipprovdi lill-Kummissjoni b’rakkomandazzjonijiet abbażi tad-data miġbura b’dan il-mod.
L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta’ għodod u servizzi rilevanti li jassistu lill-Istati Membri, fuq talba tagħhom, biex iwettqu l-obbligi tagħhom f’konformità mad-Direttiva 2009/21/KE.
3. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-aġġornament tal-bażi tad-data tal-ispezzjoni prevista fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/16/KE u għandha tiżviluppa, żżomm u taġġorna l-għodda ta’ validazzjoni prevista fl-Artikolu 24a ta’ dik id-Direttiva u tappoġġa lill-Istati Membri. Abbażi tad-data miġbura f’dak il-bażi tad-data, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-analiżi tal-informazzjoni rilevanti u fil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar vapuri u kumpaniji bi prestazzjoni baxxa u baxxa ħafna skont id-Direttiva 2009/16/KE.
L-Aġenzija għandha tipprovdi għodod u servizzi rilevanti li jassistu lill-Istati Membri, fuq talba tagħhom, li jwettqu l-obbligi tagħhom f’konformità mad-Direttiva 2009/16/KE.
L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni ukoll fl-iżvilupp ta’ programm ta’ taħriġ professjonali għall-ispetturi ta’ kontroll tal-Istat tal-port tal-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u kif maqbul fl-MtQ ta’ Pariġi, kif previst fl-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2009/16/KE.
4. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u fil-manutenzjoni tal-bażi tad-data Ewropea għal diżgrazzji marittimi prevista fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/18/KE. Abbażi tad-data miġbura f’dik il-bażi tad-data, l-Aġenzija għandha tiġbor stampa ġenerali annwali tad-diżgrazzji u l-inċidenti marittimi. Jekk tintalab mill-awtoritajiet għall-investigazzjoni tas-sikurezza tal-baħar tal-Istati Membri kkonċernati u fejn ma jinħoloq l-ebda kunflitt ta’ interess, l-Aġenzija għandha tipprovdi appoġġ operazzjonali lil dawk l-Istati Membri meta jwettqu investigazzjonijiet tas-sikurezza tal-baħar. L-Aġenzija għandha twettaq ukoll analiżi tar-rapporti tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-baħar prevista fid-Direttiva 2009/18/KE bl-għan li tidentifika valur miżjud fil-livell tal-Unjoni f’termini ta’ kwalunkwe lezzjonijiet rilevanti li għandhom jittieħdu.
L-Aġenzija għandha tipprovdi taħriġ regolari skont il-ħtiġijiet tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-baħar tal-Istati Membri.
5. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE (23) u tad-Direttivi 2003/25/KE (24) u 2009/45/KE (25) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fl-istabbiliment u ż-żamma ta’ bażi tad-data ta’ miżuri prevista fl-Artikolu 9(4), is-seba’ paragrafu, tad-Direttiva 2009/45/KE u l-Artikolu 9(3), il-punt (a), tad-Direttiva 98/41/KE u tassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta’ dawn il-miżuri.
6. L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-valutazzjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jwettqu kompiti ta’ stħarriġ u ċertifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009. B’mod partikolari, l-Aġenzija għandha:
(a)
tipprovdi lill-Kummissjoni b’opinjoni dwar il-valutazzjoni tagħha tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009;
(b)
tipprovdi lill-Istati Membri b’informazzjoni xierqa fil-kuntest taż-żjarat u tal-ispezzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija biex jappoġġaw il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 sabiex jiġu appoġġati l-monitoraġġ ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) b’appoġġ għall-Istati Membri fit-twettiq tal-obbligi tagħhom tal-Unjoni u dawk internazzjonali bħala Stati tal-bandiera;
(c)
tipprovdi lill-Kummissjoni b’assistenza teknika dwar miżuri ta’ rimedju possibbli jew l-impożizzjoni ta’ multi fuq l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti f’konformità mal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 u r-rekwiżiti korrispondenti ta’ avviż bil-quddiem.
Għall-finijet tal-ewwwel subparagrafu, il-punt (b), ta’ dan il-paragrafu, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 9a tad-Direttiva 2009/21/KE.
7. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) billi tipprovdi l-valutazzjoni teknika tagħha dwar l-aspetti tas-sikurezza u dawk ambjentali, tipprovdi rakkomandazzjonijiet b’listi tar-rekwiżiti rispettivi tad-disinn, tal-kostruzzjoni u tal-prestazzjoni u tal-istandards tal-ittestjar, u għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-istabbiliment u ż-żamma tal-bażi tad-data prevista fl-Artikolu 35(4) ta’ dik id-Direttiva u l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn il-korpi ta’ valutazzjoni nnotifikati, li jaġixxu bħala s-segretarjat tekniku għall-grupp ta’ koordinazzjoni tagħhom.
8. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni tar-riskji għas-sikurezza relatati mal-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’awtomatizzazzjoni avvanzata.
9. L-Aġenzija għandha tanalizza l-istatistika dwar il-baħħara pprovduta u użata f’konformità mad-Direttiva (UE) 2022/993 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28). Tista’ wkoll, fuq talba tal-Bord tat-Tmexxija, tanalizza l-istatistika dwar in-nuqqasijiet relatati mal-MLC 2006 identifikati matul l-ispezzjonijiet ta’ kontroll tal-Istat tal-port imwettqa skont id-Direttiva 2009/16/KE bl-għan li tassisti fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord tal-baħħara.
10. Wara approvazzjoni minn qabel mill-Bord tat-Tmexxija, l-Aġenzija tista’ tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri f’oqsma emerġenti relatati mas-sikurezza marittima, kif xieraq u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma.
Artikolu 5
Kompiti relatati mas-sostenibbiltà ambjentali
1. L-Aġenzija għandha, b’mod kosteffiċjenti, tappoġġa lill-Istati Membri b’mezzi operazzjonali addizzjonali ta’ rispons għat-tniġġis, inkluż dawk li għandhom jiġu żviluppati għal fjuwils alternattivi sostenibbli, għat-tniġġis ikkawżat mill-vapuri u għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass.
L-Aġenzija għandha tipprovdi tali appoġġ fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat li taħt l-awtorità tiegħu jitwettqu l-operazzjonijiet tat-tindif. Tali appoġġ għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Istati kostali li jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi xierqa ta’ rispons għat-tniġġis u għandha tirrispetta l-kooperazzjoni eżistenti bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam.
Il-mezzi operazzjonali li l-Aġenzija tipprovdi lill-Istati Membri għandhom iqisu u jipprevedu għat-tranżizzjoni tas-settur għall-użu ta’ sorsi alternattivi sostenibbli ta’ enerġija għall-vapuri. Fejn xieraq, it-talbiet għall-mobilizzazzjoni ta’ azzjonijiet kontra t-tniġġis għandhom jgħaddu mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29) (il-“Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili”).
2. L-Aġenzija għandha tħejji u taġġorna valutazzjoni tar-riskju għall-baċiri tal-baħar tal-UE kollha li għandha sservi bħala bażi għall-post tal-bastimenti għar-rispons għat-tniġġis taż-żejt u t-tniġġis kimiku tal-Aġenzija biex l-Istati Membri jingħataw appoġġ fl-attivitajiet ta’ rispons għat-tniġġis tal-ambjent tal-baħar.
3. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bid-detezzjoni ta’ tniġġis possibbli u t-teħid ta’ azzjoni legali kontra vapuri li jagħmlu skariki illegali, f’konformità mad-Direttiva 2005/35/KE. B’mod partikolari, l-Aġenzija għandha tassisti fl-implimentazzjoni tal-Artikoli 10 sa 10d ta’ dik id-Direttiva billi:
(a)
tiżviluppa u żżomm is-servizz Ewropew għall-individwazzjoni tat-tniġġis ibbażat fuq is-satelliti(CleanSeaNet), bħala parti mis- SafeSeaNet, u mekkaniżmi ta’ rapportar u sistemi oħra;
(b)
tiġbor, tanalizza u xxerred l-informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar f’konformità mad-Direttiva 2005/35/KE;
(c)
tipprovdi tisħiħ tal-kapaċitajiet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejniethom;
(d)
tiżviluppa u żżomm il-mezz ta’ rappurtar estern online biex tiġi riċevuta u trattata informazzjoni dwar skariki illegali potenzjali kkomunikati mill-ekwipaġġ, u tgħaddi din l-informazzjoni lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri kkonċernati, filwaqt li tiżgura l-protezzjoni meħtieġa ta’ persuni li jirrappurtaw ksur potenzjali utad-data personali tagħhom.
4. L-Aġenzija għandha tikkoopera ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/473, f’konformità mal-arranġamenti ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament.
5. L-Aġenzija għandha tipprovdi s-servizz CleanSeaNet u kwalunkwe għodda oħra biex tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, biex jimmonitorjaw il-firxa u l-impatt ambjentali tat-tniġġis miż-żejt tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass.
6. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/883, inkluż l-iżvilupp, iż-żamma u l-aġġornament tal-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet previst fl-Artikolu 14 ta’ dik id-Direttiva.
7. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/56/KE, billi tikkontribwixxi għall-objettiv li jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet marini kif definiti f’dik id-Direttiva bl-elementi tagħha relatati mat-tbaħħir tad-Direttiva 2008/56/KE u billi tuża għodod eżistenti bħas-Servizzi Marittimi Integrati provduti mill-Aġenzija.
8. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż b’għodod u b’servizzi operazzjonali, fl-implimentazzjoni tal-elementi tad-Direttiva (UE) 2016/802 relatati mat-tbaħħir. F’dak ir-rigward, l-Aġenzija għandha żżomm ukoll il-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet rilevanti biex tassisti lill-Istati Membri fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità tal-vapuri ma’ dik id-Direttiva.
9. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30) billi tiġbor u tanalizza data dwar il-konformità ma’ dak ir-Regolament.
10. Wara approvazzjoni minn qabel mill-Bord tat-Tmexxija, l-Aġenzija tista’ tappoġġa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri f’oqsma emerġenti relatati mas-sostenibbiltà ambjentali, kif xieraq u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma.
11. Kull tliet snin l-Aġenzija għandha tippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar il-progress li jkun sar fit-tnaqqis tal-impatt ambjentali tat-trasport marittimu fil-livell tal-Unjoni.
Artikolu 6
Kompiti relatati mad-dekarbonizzazzjoni
1. L-Aġenzija għandha tipprovdi assistenza teknika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, fir-rigward ta’ miżuri operazzjonali u tekniċi kif ukoll ta’ sforzi regolatorji biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-vapuri. F’dak ir-rigward, l-Aġenzija tista’ tuża kwalunkwe għodda jew servizz operazzjonali rilevanti. L-Aġenzija għandha b’mod partikolari tirriċerka, tanalizza u tipproponi lill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni minn qabel mal-Istati Membri, gwida jew rakkomandazzjonijiet rilevanti fir-rigward tal-adozzjoni u l-introduzzjoni ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli, sistemi tal-enerġija u tal-elettriku għall-vapuri, bħal teknoloġiji b’emissjonijiet żero, provvista tal-elettriku mix-xatt jew propulsjoni assistita mir-riħ, kif definit fir-Regolament (UE) 2023/1805, jew propulsjoni megħjuna mix-xemx, kif ukoll fir-rigward ta’ miżuri ta’ effiċjenza enerġetika, bħall-ottimizzazzjoni tal-veloċità.
2. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1805. B’mod partikolari, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u fil-manutenzjoni tal-bażi tad-data FuelEU, stabbilita bl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2023/1805, u għodod rilevanti oħrajn tal-IT kif imsemmi fl-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, fl-iżvilupp tal-għodod ta’ monitoraġġ xierqa, għodod ta’ gwida u ta’ mmirar ibbażati fuq ir-riskjuprevisti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 18 ta’ dak ir-Regolament, biex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet ta’ implimentazzjoni, verifika u infurzar, kif ukoll bl-analiżi tad-data rilevanti u t-tħejjija tar-rapportar fl-ambitu tal-Artikolu 30 ta’ dak ir-Regolament.
3. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/757. B’mod partikolari, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp, fl-aġġornament u fil-manutenzjoni tal-għodod tal-IT, tal-bażijiet tad-data u tal-gwida rilevanti għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament u fl-iffaċilitar tal-attivitajiet ta’ infurzar, tassisti lill-Kummissjoni bl-analiżi tad-data rilevanti rrapportata fl-ambitu ta’ dak ir-Regolament, u tappoġġa lill-Kummissjoni fl-attivitajiet tagħha biex tikkonforma mal-obbligi skont l-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament.
4. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tas-settur marittimu. B’mod partikolari, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp tal-għodod xierqa għall-implimentazzjoni tal-IT, l-għodod ta’ monitoraġġ, il-gwida u l-għodod ta’ mmirar ibbażati fuq ir-riskju xierqa biex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet ta’ verifika, infurzar u implimentazzjoni relatati ma’ dik id-Direttiva, fir-rigward tas-settur marittimu, filwaqt li tuża l-għodod, servizzi u bażijiet tad-data rilevanti eżistenti.
5. L-assistenza msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 għandhom jinkludu wkoll il-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-impatti potenzjali fuq it-traffiku tal-portijiet, l-evażjoni tal-portijiet u t-trasferiment tat-traffiku lejn portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners, għad-detriment tal-portijiet tal-Unjoni.
6. Kull tliet snin, l-Aġenzija għandha tippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu fil-livell tal-Unjoni. Fejn possibbli, ir-rapport għandu jinkludi analiżi teknika dwar kwistjonijiet identifikati li jistgħu jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. Ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Aġenzija f’format li jista’ jsir tiftix fih.
Artikolu 7
Kompiti relatati mas-sigurtà u ċ-ċibersigurtà marittimi
1. L-Aġenzija għandha tipprovdi assistenza teknika lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti ta’ spezzjoni assenjati lilha skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 725/2004.
2. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, flimkien ma’ kwalunkwe korp ieħor rilevanti tal-Unjoni, billi tipprovdi gwida teknika u billi tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u informazzjoni dwar ir-reżiljenza ċibernetika u inċidenti taċ-ċibersigurtà bejn l-Istati Membri.
Artikolu 8
Kompiti relatati mas-sorveljanza marittima u kriżijiet marittimi
1. L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, b’servizzi ta’ sorveljanza marittima u ta’ komunikazzjoni bbażati fuq l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, inkluż l-infrastruttura spazjali u terrestri u s-sensuri immuntati fuq kwalunkwe tip ta’ pjattaforma, li jtejbu l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima anke rigward sfidi ġeopolitiċi.
2. Fil-qasam tal-monitoraġġ tat-traffiku kopert mid-Direttiva 2002/59/KE, l-Aġenzija għandha b’mod partikolari tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati ta’ xtut ix-xmajjar fiż-żoni ta’ tbaħħir ikkonċernati, u tiżviluppa, iżżomm u topera l-identifikazzjoni u traċċar mill-bogħod ta’ vapuri (LRIT) taċ-Ċentru Ewropew tad-Data kif definita fl-Artikolu 6b u s-SafeSeaNet kif imsemmija fl-Artikolu 22a, ta’ dik id-Direttiva kif ukoll is-sistema ta’ Skambju ta’ Data Internazzjonali LRIT f’konformità mal-impenn li ttieħed fi ħdan l-IMO.
3. L-Aġenzija għandha tipprovdi, fuq talba u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, l-ippożizzjonar rilevanti tal-bastimenti u d-data dwar l-osservazzjoni tad-Dinja lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-korpi rilevanti tal-Unjoni fil-mandat tagħhom sabiex tiffaċilita miżuri kontra theddid mill-piraterija u minn atti internazzjonali illegali kif previst fil-liġi applikabbli tal-Unjoni jew skont strumenti legali maqbula internazzjonalment fil-qasam tat-trasport marittimu, soġġett għal regoli ta’ protezzjoni tad-data applikabbli u f’konformità mal-proċeduri amministrattivi kif stabbiliti bid-Direttiva 2002/59/KE. Il-forniment ta’ informazzjoni LRIT għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Istat tal-bandiera kkonċernat.
4. L-Aġenzija għandha topera ċentru disponibbli 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa li jipprovdi, fuq talba u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala Stati tal-bandiera, kostali u tal-port, u lill-korpi rilevanti tal-Unjoni, fil-mandat tagħhom, l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima u d-data analitika, kif xieraq, filwaqt li tappoġġahom:
(a)
fis-sikurezza, is-sigurtà u t-tniġġis fil-baħar;
(b)
fis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fuq il-baħar;
(c)
fl-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni li tirrikjedi l-monitoraġġ tal-movimenti tal-vapuri u tal-perikli għan-navigazzjoni;
(d)
f’miżuri kontra t-theddid ta’ piraterija u ta’ atti illegali intenzjonali oħra kif previst fil-liġi applikabbli tal-Unjoni jew fl-ambitu ta’ strumenti legali maqbula internazzjonalment fil-qasam tat-trasport marittimu;
(e)
fl-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew l-Artikolu 215 TFUE li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Aġenzija.
Il-forniment ta’ din l-informazzjoni għandu jkun soġġett għar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u f’konformità mal-linji gwida li għandhom jinħarġu mill-grupp ta’ tmexxija ta’ livell għoli stabbilit f’konformità mad-Direttiva 2002/59/KE, kif xieraq. Il-forniment tal-informazzjoni LRIT għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Istat tal-bandiera kkonċernat.
5. L-Aġenzija għandha, fil-qasam tal-kompetenza tagħha, tikkontribwixxi għar-rispons f’waqtu għall-kriżijiet u għall-mitigazzjoni tagħhom billi tassisti, fuq talba, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fl-eżekuzzjoni tal-pjanijiet ta’ kontinġenza u billi tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejniethom.
6. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-operat tal-komponent ta’ sorveljanza marittima tas-Servizz ta’ Sigurtà ta’ Copernicus fiil-qafas tal-governanza u finanzjarju tal-programm Copernicus.
7. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-iżvilupp u fiż-żamma tal-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) volontarju, soluzzjoni ta’ interoperabbiltà, bl-għan li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn sistemi differenti użati mill-awtoritajiet ċivili u militari nazzjonali b’responsabbiltà fil-qasam marittimu li jikkomplementa l-informazzjoni diġà disponibbli permezz tas-sistemi ta’ informazzjoni obbligatorji.
Artikolu 9
Kompiti relatati mad-diġitalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni
1. Fl-oqsma tal-liġi tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Aġenzija, l-Aġenzija għandha, fejn xieraq, tiġbor u tipprovdi statistika, informazzjoni u data oġġettivi, affidabbli u komparabbli, biex tevalwa l-effettività u l-kosteffiċjenza tal-miżuri eżistenti. Tali kompiti għandhom jinkludu l-faċilitazzjoni u l-promozzjoni ta’ ċertifikati elettroniċi, l-użu ta’ bażijiet tad-data eżistenti, u l-użu ta’ għodod innovattivi tal-IT u tal-intelliġenza artifiċjali.
2. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) bil-kompiti li ġejjin:
(a)
li tiżviluppa u żżomm il-komponenti u s-servizzi komuni tal-IT tas-sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea (“EMSWe”), stabbilita bl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2019/1239, taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni;
(b)
li żżomm is-Sett ta’ Data EMSWe, stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/1239, il-Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Messaġġi u l-mudelli tal-ispreadsheets diġitali;
(c)
li tipprovdi gwida teknika mhux vinkolanti lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-EMSWe;
(d)
li tiffaċilita l-użu mill-ġdid aħjar u l-kondiviżjoni tad-data skambjata fl-EMSWe bl-użu ta’ SafeSeaNet.
3. L-Aġenzija għandha tipprovdi assistenza, inkluż taħriġ, lill-Istati Membri, fuq talba tagħhom u mingħajr preġudizzju għas-soluzzjonijiet tekniċi eżistenti għar-reġistri tagħhom jew għad-drittijiet u l-obbligi tagħhom bħala Stati tal-bandiera, fid-diġitalizzazzjoni tar-reġistri tagħhom u l-proċeduri tagħhom li jiffaċilitaw l-użu ta’ ċertifikati elettroniċi u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv.
4. Meta tiżviluppa għodod tal-IT u soluzzjonijiet tekniċi oħra, l-Aġenzija għandha dejjem tqis iċ-ċibersigurtà.
Artikolu 10
Żjarat lill-Istati Membri u spezzjonijiet
1. Sabiex tassisti lill-Kummissjoni biex twettaq dmirijietha skont it-TFUE, u b’mod partikolari l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-liġi rilevanti tal-Unjoni fl-oqsma tas-sikurezza marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis, l-Aġenzija għandha twettaq żjarat lill-Istati Membri, jekk il-Kummissjoni tiddelega dak il-kompitu lill-Aġenzija, f’konformità ma’ metodoloġija stabbilita mill-Bord tat-Tmexxija. Din il-metodoloġija għandha tinvolvi approċċ integrat li għandu l-għan li jivverifika aktar minn att leġiżlattiv wieħed rilevanti għall-funzjoni tal-Istat tal-bandiera, tal-port jew kostali tal-Istat Membru kkonċernat.
2. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 1, biż-żjara ppjanata, bl-ismijiet tal-uffiċjali awtorizzati, u bid-data li fiha tibda ż-żjara u t-tul mistenni tagħha. L-uffiċjali tal-Aġenzija ddelegati biex iwettqu dawn iż-żjarat għandhom jagħmlu dan bi preżentazzjoni ta’ deċiżjoni bil-miktub mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija (“id-Direttur Eżekuttiv”) li tispeċifika l-iskop u l-għanijiet tal-missjoni tagħhom.
3. L-Aġenzija tista’ twettaq spezzjonijiet f’isem il-Kummissjoni kif meħtieġ minn atti legali vinkolanti tal-Unjoni, inkluż fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti, u fir-rigward tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara f’pajjiżi terzi f’konformità mad-Direttiva (UE) 2022/993, jekk il-Kummissjoni tiddelega dak il-kompitu lill-Aġenzija.
4. L-Aġenzija tista’ twettaq ukoll spezzjonijiet fuq il-post ta’ faċilitajiet tar-riċiklaġġ f’pajjiżi terzi f’isem il-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1257/2013, jekk il-Kummissjoni tiddelega tali kompitu lill-Aġenzija.
5. Fi tmiem kull żjara jew spezzjoni msemmija f’dan l-Artikolu, l-Aġenzija għandha tfassal rapport u tibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat. Ir-rapport għandu jsegwi mudell stabbilit mill-Kummissjoni.
6. Fejn xieraq, u fi kwalunkwe każ meta jiġi konkluż ċiklu ta’ żjarat jew spezzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, l-Aġenzija għandha tanalizza r-rapporti minn dak iċ-ċiklu sabiex tidentifika sejbiet orizzontali u konklużjonijiet ġenerali dwar l-effettività u l-kosteffiċjenza tal-miżuri fis-seħħ. L-Aġenzija għandha tippreżenta dik l-analiżi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għal aktar diskussjoni sabiex tittieħed kwalunkwe tagħlima rilevanti u jiġi ffaċilitat it-tixrid ta’ prattiki ta’ ħidma tajba.
KAPITOLU III
KOMPITI OĦRA TAL-AĠENZIJA RIGWARD IR-RELAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI U L-KOOPERAZZJONI EWROPEA TAL-GWARDJA TAL-KOSTA
Artikolu 11
Relazzjonijiet internazzjonali
1. Fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, l-Aġenzija għandha tipprovdi l-assistenza teknika meħtieġa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkontribwixxu għall-ħidma rilevanti tal-korpi tekniċi tal-IMO, l-ILO sa fejn huwa kkonċernat it-tbaħħir, l-MtQ ta’ Pariġi u organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-Unjoni.
Għall-fini tat-twettiq ta’ dawk il-kompiti b’mod effiċjenti u effettiv, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddeċiedi li jibgħat persunal fid-delegazzjoni tal-Unjoni għar-Renju Unit, soġġett għall-ftehimiet xierqa mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), sabiex jappoġġa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni f’attivitajiet relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma tal-OMI. Tali deċiżjoni tirrikjedi l-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni u tal-Bord tat-Tmexxija. Tali deċiżjoni għandha tispeċifika l-ambitu tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu mill-persunal stazzjonat b’mod li jevita kostijiet mhux meħtieġa u duplikazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi tal-Aġenzija.
2. L-Aġenzija tista’, fuq talba tal-Kummissjoni, tipprovdi assistenza teknika, inkluż l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ taħriġ rilevanti, fir-rigward tal-atti legali rilevanti tal-Unjoni, lill-Istati li japplikaw biex jissieħbu fl-Unjoni, u fejn applikabbli, lill-pajjiżi sħab tal-Viċinat Ewropew u lill-pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-MtQ ta’ Pariġi.
3. L-Aġenzija tista’, fuq talba tal-Kummissjoni jew tas-SEAE, jew tat-tnejn, jew l-Istati Membri, tipprovdi assistenza għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri u mit-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass li jaffettwaw lil pajjiżi terzi li jikkondividu baċir tal-baħar reġjonali mal-Unjoni. L-Aġenzija għandha tipprovdi l-assistenza f’konformità mal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, u mal-kundizzjonijiet applikabbli għall-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 5(1) applikati b’analoġija għal dawk il-pajjiżi terzi. Dawn il-kompiti għandhom jiġu kkoordinati mal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni reġjonali eżistenti relatati mat-tniġġis tal-baħar.
4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 24, l-Aġenzija tista’ tipprovdi, fuq talba tal-Kummissjoni, assistenza teknika lil pajjiżi terzi għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni.
5. L-Aġenzija tista’ tidħol f’arranġamenti amministrattivi u f’kooperazzjoni ma’ korpi oħra tal-Unjoni li jaħdmu fil-kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza tal-Aġenzija, soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Tali arranġamenti u kooperazzjoni għandhom ikunu soġġetti għall-opinjoni favorevoli tal-Bord tat-Tmexxija u għar-rappurtar perjodiku sussegwenti lil dan il-Bord.
6. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta, bħala parti mid-dokument uniku ta’ programmazzjoni, strateġija għar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Aġenzija fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza tal-Aġenzija.
Artikolu 12
Kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta
1. L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), kull wieħed fil-mandati rispetitvi tiegħu, tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni u, fejn xieraq, fil-livell internazzjonali permezz:
(a)
tal-kondiviżjoni, tal-fużjoni u tal-analiżi ta’ informazzjoni disponibbli fis-sistemi ta’ rapportar tal-vapuri u sistemi oħra ta’ informazzjoni ospitati minn jew aċċessibbli għal dawk l-aġenziji, f’konformità mal-bażijiet legali rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għas-sjieda ta’ data mill-Istati Membri;
(b)
tal-forniment ta’ servizzi ta’ sorveljanza u ta’ komunikazzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, inkluż l-infrastruttura spazjali u terrestri u s-sensuri mmuntati fuq kwalunkwe tip ta’ pjattaforma;
(c)
tal-bini tal-kapaċitajiet billi tfassal linji gwida u rakkomandazzjonijiet u billi tistabbilixxi l-aħjar prattiki, kif ukoll billi tipprovdi taħriġ u skambju tal-persunal;
(d)
tat-tisħiħ tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-kooperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta inkluż permezz tal-analiżi tal-isfidi operazzjonali u r-riskji emerġenti fil-qasam marittimu;
(e)
tal-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet permezz tal-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet bi skopijiet multipli u billi tikkondividi assi u kapaċitajiet oħra, sal-punt li dawk l-attivitajiet ikunu kkoordinati minn dawk l-aġenziji u huma maqbulin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.
2. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Bord tat-Tmexxija stabbiliti fl-Artikolu 15, il-forom preċiżi tal-kooperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta bejn l-Aġenzija, Frontex u l-EFCA għandhom jiġu ddeterminati f’arranġament ta’ ħidma, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom u mar-regoli finanzjarji applikabbli għal dawk l-aġenziji. Dan l-arranġament għandu jiġi approvat mill-Bord tat-Tmexxija, mill-bord tat-tmexxija tal-Frontex u mill-Bord Amministrattiv tal-EFCA.
3. Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-Aġenzija, Frontex u l-EFCA, tagħmel disponibbli manwal prattiku dwar il-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta. Dak il-manwal prattiku għandu jkun fih linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki għall-iskambju ta’ informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-manwal prattiku fil-forma ta’ rakkomandazzjoni.
4. Il-kompiti stipulati f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-Aġenzija msemmija fl-Artikoli 4 sa 11 jew għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri, b’mod partikolari bħala Stati tal-bandiera, Stati tal-port jew Stati kostali.
Artikolu 13
Komunikazzjoni u tixrid
L-Aġenzija tista’ tkun involuta f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess fl-oqsma li jaqgħu taħt il-mandat tagħha sabiex tippromwovi l-ħidma tagħha u xxerred il-gwida rilevanti. L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni għandhom jappoġġaw lill-bqija tal-kompiti msemmija fl-Artikoli 3 sa 12 u għandhom jitwettqu f’konformità mal-pjanijiet rilevanti ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni adottati mill-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jaġġorna regolarment dawk il-pjanijiet, ibbażati fuq analiżi tal-ħtiġijiet.
KAPITOLU IV
ORGANIZZAZZJONI TAL-AĠENZIJA
Artikolu 14
Struttura amministrattiva u tat-tmexxija
L-istruttura amministrattiva u tat-tmexxija tal-Aġenzija għandha tkun magħmula minn:
(a)
Bord tat-Tmexxija, li għandu jeżerċita l-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16;
(b)
Direttur Eżekuttiv, li għandu jeżerċita d-dmirijiet stabbiliti fl-Artikolu 22.
Artikolu 15
Kompożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija
1. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u minn erba’ rappreżentanti mill-Kummissjoni, ilkoll bid-dritt tal-vot.
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jinkludi wkoll erba’ professjonisti mis-setturi l-aktar ikkonċernati mill-għanijiet tal-Aġenzija, kif previst fl-Artikolu 2, maħtura mill-Kummissjoni, mingħajr id-dritt tal-vot.
Il-membri kollha tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jinħatru abbażi tal-livell ta’ esperjenza u kompetenza esperta rilevanti tagħhom fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2. Kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni għandhom jistinkaw għal rappreżentanza bbilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-Bord tat-Tmexxija. Wieħed mill-erba’ professjonisti għandu jkun rappreżentant tal-qafas ta’ kooperazzjoni permanenti tal-awtoritajiet ta’ investigazzjoni tal-aċċidenti tas-sigurtà marittima msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/18/KE.
2. Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru l-membri tagħhom tal-Bord tat-Tmexxija kif ukoll sostitut li jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu jew tagħha.
3. It-tul tal-mandat tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkun ta’ erba’ snin. Il-mandat tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija jista’ jerġa’ jiġġedded.
4. Kull membru u sostitut tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni bil-miktub meta jieħdu l-kariga li fiha jiddikjaraw li mhumiex f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess. Kull membru u sostitut tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jaġġornaw id-dikjarazzjoni tagħhom fil-każ li jkun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi fir-rigward ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess. L-Awtorità għandha tippubblika dawk id-dikjarazzjonijiet u l-aġġornamenti fuq is-sit web tagħha.
Artikolu 16
Funzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija
1. Sabiex ikun żgurat li l-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha, il-Bord tat-Tmexxija għandu:
(a)
jagħti orjentazzjonijiet ġenerali u strateġiċi għall-attivitajiet tal-Aġenzija;
(b)
kull sena jadotta, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot, wara li jkun irċieva l-opinjoni tal-Kummissjoni u f’konformità mal-Artikolu 17, id-dokument uniku ta’ programmazzjoni tal-Aġenzija;
(c)
jadotta, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot, il-baġit annwali u t-tabella tal-persunal tal-Aġenzija, u jeżerċita funzjonijiet oħrajn fir-rigward tal-baġit tal-Aġenzija skont il-Kapitolu VI;
(d)
jadotta, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot, ir-rapport annwali tal-attività dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija, jippreżentah kull sena sal-1 ta’ Lulju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Istati Membri u jagħmluh disponibbli għall-pubbliku;
(e)
jadotta regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 24;
(f)
jagħti opinjoni, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot, dwar il-kontijiet finali tal-Aġenzija;
(g)
jistabbilixxi l-metodoloġija għaż-żjarat li għandhom jitwettqu skont l-Artikolu 10;
(h)
iqis u japprova arranġamenti amministrattivi, f’konformità mal-Artikolu 11(5);
(i)
jadotta strateġija kontra l-frodi, proporzjonata għar-riskji ta’ frodi, filwaqt li jqis il-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati;
(j)
jadotta r-regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri tiegħu u jagħmel tali regoli disponibbli għall-pubbliku, u kull sena jippubblika fuq is-sit web tiegħu d-dikjarazzjoni tal-interessi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija;
(k)
jadotta regoli u proċeduri dwar it-trasparenza fir-rigward tal-attivitajiet ta’ lobbying u l-involviment ta’ entitajiet terzi fit-tħejjija ta’ rapporti jew dokumenti oħra maħruġa mill-Aġenzija, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw tali entitajiet terzi, li għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħha;
(l)
jadotta u jaġġorna regolarment il-pjanijiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni msemmija fl-Artikolu 13, abbażi ta’ analiżi tal-ħtiġijiet;
(m)
jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot, u jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku;
(n)
f’konformità mal-paragrafu 2, jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija, is-setgħat mogħtija bir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“Regolamenti tal-Persunal”) lill-Awtorità tal-Ħatra u bil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni (Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra) lill-Awtorità li jkollha s-Setgħa Tikkonkludi Kuntratt ta’ Impieg, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (32);
(o)
jadotta regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jagħtu effett lir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra f’konformità mal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal;
(p)
jaħtar, jipprovdi gwida u jimmonitorja l-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u, meta jkun rilevanti, jestendi jew itemm il-mandat tiegħu, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot, f’konformità mal-Artikolu 21;
(q)
jistabbilixxi proċeduri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mid-Direttur Eżekuttiv;
(r)
jekk ikun xieraq, jaħtar Uffiċjal tal-Kontabbiltà, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u għall-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra, li għandu jkun kompletament indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu;
(s)
jiżgura segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet tal-awditjar interni jew esterni, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-frodi (OLAF) u mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE);
(t)
jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-istabbiliment tal-istrutturi interni tal-Aġenzija b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot, inkluż l-istabbiliment ta’ gruppi konsultattivi jew ta’ ħidma mingħajr setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u, fejn ikun meħtieġ, il-modifika tagħhom, filwaqt li jqis il-ġestjoni baġitarja tajba;
(u)
jawtorizza, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot, l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-ħidma tal-Aġenzija, f’konformità mal-Artikolu 23;
(v)
jadotta strateġija ta’ titjib fl-effiċjenza u ta’ sinerġiji;
(w)
jadotta r-regoli dwar is-sigurtà interna tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 36;
(x)
jaħtar l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (g), fil-każ li l-Kummissjoni tesprimi, fi żmien 15-il jum mid-data tal-adozzjoni ta’ dik il-metodoloġija, in-nuqqas ta’ qbil tagħha, il-Bord tat-Tmexxija għandu jeżaminaha mill-ġdid u jistabbilixxi, possibbilment emendata, fit-tieni qari jew b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot, inkluż ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, jew b’unanimità tar-rappreżentanti tal-Istati Membri.
2. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta, f’konformità mal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u abbażi tal-Artikolu 6 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra, li tiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li skonthom dik id-delega tas-setgħat tista’ tiġi sospiża. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat biex jissottodelega dawk is-setgħat.
Fejn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali jkunu jirrikjedu, il-Bord tat-Tmexxija jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u dawk is-setgħat sottodelegati minn dan tal-aħħar u jeżerċitahom huwa stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal li ma jkunx id-Direttur Eżekuttiv.
Artikolu 17
Programmazzjoni annwali u pluriennali
1. Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta dokument uniku ta’ programmazzjoni li jkun fih programmazzjoni annwali u pluriannwali, ibbażat fuq abbozz ippreżentat mid-Direttur Amministrattiv, li jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jippreżentah lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
F’każ li l-Kummissjoni tesprimi, fi żmien 15-il jum mid-data tal-adozzjoni tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni, in-nuqqas ta’ qbil tagħha mad-dokument, il-Bord tat-Tmexxija għandu jeżamina mill-ġdid dak id-dokument uniku ta’ programmazzjoni u jadottah, possibbilment emendat, fi żmien xahrejn mill-espressjoni tan-nuqqas ta’ qbil tal-Kummissjoni, fit-tieni qari jew b’maġġoranza ta’ żewġ terzi mill-membri tagħha bid-dritt tal-vot, inkluż ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, jew b’unanimità tar-rappreżentanti tal-Istati Membri.
2. Id-dokument uniku ta’ programmazzjoni għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u, jekk ikun meħtieġ, għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ.
3. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi objettivi dettaljati u r-riżultati mistennija inkluż indikaturi tal-prestazzjoni. Dan għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, f’konformità mal-prinċipji tal-ibbaġitjar u tal-ġestjoni bbażati fuq l-attività. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun konsistenti mal-programm ta’ ħidma pluriennali. Għandu jindika b’mod ċar il-kompiti li jkunu ġew miżjuda, mibdula jew imħassra bi tqabbil mas-sena finanzjarja preċedenti. Il-programmazzjoni annwali jew pluriennali, jew it-tnejn li huma, għandhom jinkludu l-istrateġija għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 11 u l-azzjonijiet marbuta ma’ din l-istrateġija.
4. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jemenda l-programm ta’ ħidma annwali adottat meta l-Aġenzija tingħata kompitu ġdid. L-inklużjoni ta’ dan il-kompitu ġdid għandha tkun soġġetta għal analiżi tal-implikazzjonijiet fuq ir-riżorsi umani u dawk baġitarji u tista’ tkun soġġetta għal deċiżjoni mill-Bord tat-Tmexxija li jiġu posposti kompiti oħrajn.
5. Minkejja d-dritt tal-Bord tat-Tmexxija li jagħti prijorità lil ċerti kompiti u attivitajiet fl-ippjanar annwali u pluriennali, il-Bord tat-Tmexxija għandu jeżamina u japprova, fil-qafas tat-tħejjija tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni, it-talbiet tal-Kummissjoni jew tal-Istati Membri għal assistenza teknika, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), il-punt (c), l-Artikolu 3(2), il-punt (b), l-Artikolu 4(2), (9) u (10), l-Artikolu 5(6), (8) u (10), l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(6) u (7), l-Artikolu 9(3), l-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 11(2) u (4). L-approvazzjoni ta’ dawn it-talbiet:
(a)
għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompiti l-oħrajn tal-Aġenzija;
(b)
għandha tevita duplikazzjoni tal-isforzi;
(c)
għandha tkun soġġetta għal analiżi tal-implikazzjonijiet fuq ir-riżorsi umani u dawk baġitarji; u
(d)
tista’ tkun soġġetta għal deċiżjoni mill-Bord tat-Tmexxija li jiġu posposti kompiti oħrajn.
6. Kwalunkwe emenda sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali għandha tiġi adottata bl-istess proċedura bħall-programm ta’ ħidma annwali inizjali. Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddelega s-setgħa li jsiru emendi mhux sostanzjali għall-programm ta’ ħidma annwali lid-Direttur Eżekuttiv.
7. Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali, inkluż l-objettivi, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Dan għandu jistipula wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi, inkluż il-baġit pluriennali u l-persunal.
8. Il-programmazzjoni strateġika msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi aġġornata meta jkun xieraq, u b’mod partikolari biex jiġi indirizzat l-eżitu tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 38. Il-programmazzjoni tar-riżorsi msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi aġġornata kull sena.
Artikolu 18
President tal-Bord tat-Tmexxija
1. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu bi dritt tal-vot. Il-President u l-Viċi President għandhom jiġu eletti b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bordijiet tat-Tmexxija bi dritt tal-vot.
2. Il-Viċi President għandu awtomatikament jieħu post il-President jekk il-President ma jkunx jista’ jaqdi d-dmirijiet tiegħu.
3. Il-mandat tal-President u tal-Viċi President għandu jkun ta’ erba’ snin, u jista’ jiġġedded darba. Jekk, madankollu, is-sħubija tal-President jew tal-Viċi President fil-Bord tat-Tmexxija tintemm fi kwalunkwe żmien matul il-mandat tagħhom, il-mandat tagħhom għandu jiskadi awtomatikament f’dik id-data.
Artikolu 19
Laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija
1. Il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija għandhom isiru f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tiegħu u għandhom jissejħu mill-President tiegħu.
2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet ħlief meta l-parteċipazzjoni tiegħu tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess, kif deċiż mill-President, jew meta l-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 32.
3. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jorganizza laqgħa ordinarja darbtejn fis-sena. Barra minn hekk, għandu jiltaqa’ fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ terz tal-Istati Membri.
4. Meta tqum kwistjoni ta’ kunfidenzjalità jew kunflitt ta’ interess, il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi li jeżamina punti speċifiċi fuq l-aġenda tiegħu mingħajr ma jkunu preżenti l-membri kkonċernati. Dan ma għandux jaffettwa d-dritt tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni li jkunu rrappreżentati minn sostituti jew minn kwalunkwe persuna oħra. Għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fir-regoli ta’ proċedura tal-Bord tat-Tmexxija.
5. Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jistieden lil kull persuna li l-opinjoni tagħha tista’ tkun ta’ interess sabiex tattendi għal punti speċifiċi fl-aġenda tal-laqgħat tagħha bħala osservatur.
6. Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija jistgħu, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, jiġu assistiti minn konsulenti jew esperti.
7. Is-segretarjat tal-Bord tat-Tmexxija għandu jiġi pprovdut mill-Aġenzija.
Artikolu 20
Regoli tal-Bord tat-Tmexxija dwar il-votazzjoni
1. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu bi dritt tal-vot, ħlief jekk previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.
2. F’każ li l-Kummissjoni tqajjem tħassib serju dwar proposta għal deċiżjoni ppreżentata lill-Bord tat-Tmexxija dwar kwistjonijiet relatati mar-Regolament Delegat (UE) 2019/715, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġent Oħra, il-Bord tat-Tmexxija għandu jipposponi l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata. Fi żmien 15-il jum minn meta l-Kummissjoni tqajjem tħassib serju dwar proposta għal deċiżjoni ppreżentata lill-Bord tat-Tmexxija, il-Bord tat-Tmexxija għandu jeżamina mill-ġdid u jadotta dik id-deċiżjoni, possibbilment emendata, fit-tieni qari jew b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot, inkluż ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, jew b’maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħamsa mir-rappreżentanti tal-Istati Membri.
3. Kull membru tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu vot wieħed. Id-Direttur Eżekuttiv ma għandux jivvota.
4. Fin-nuqqas ta’ membru tal-Bord tat-Tmexxija, sostitut tiegħu għandu jkun intitolat jeżerċita d-dritt tal-vot tal-membru.
5. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jistabbilixxu arranġamenti aktar dettaljati dwar il-votazzjoni, inkluż il-kundizzjonijiet biex membru tal-Bord tat-Tmexxija jaġixxi f’isem membru ieħor.
KAPITOLU V
DIRETTUR EŻEKUTTIV
Artikolu 21
Ħatra, estensjoni tal-mandat u tneħħija mill-kariga
1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija fuq il-bażi tal-mertu u l-kompetenza u l-esperjenza dokumentati u rilevanti għas-settur marittimu, minn lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni wara proċedura ta’ għażla miftuħa u trasparenti li għandha tirrispetta l-prinċipju tal-bilanċ bejn il-ġeneri u l-bilanċ ġeografiku.
2. Qabel il-ħatra, il-kandidat magħżul mill-Bord tat-Tmexxija għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet imressqa mill-membri tiegħu.
3. Għall-fini tal-konklużjoni tal-kuntratt tad-Direttur Eżekuttiv, l-Aġenzija għandha tkun irrappreżentata mill-President tal-Bord tat-Tmexxija.
4. Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ ħames snin. Fi żmien xieraq qabel tmiem dak il-perjodu, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni li tieħu nota ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u tal-kompiti u l-isfidi futuri tal-Aġenzija u tippreżentaha lill-Bord tat-Tmexxija għal informazzjoni flimkien mal-proposta għat-tiġdid tal-mandat.
5. Il-Bord tat-Tmexxija, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, filwaqt li jqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba, għal mhux aktar minn ħames snin. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv. Qabel ma l-Bord tat-Tmexxija jieħu deċiżjoni biex jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet imressqa mill-membri tiegħu.
6. Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura ta’ għażla oħra għall-istess kariga.
7. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitneħħa mill-kariga biss b’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija li jaġixxi fuq proposta li tista’ tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni jew mill-inqas terz tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija bid-dritt tal-vot.
8. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-Aġenzija skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra.
Artikolu 22
Kompiti u responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv
1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimmaniġġa l-Aġenzija f’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija u għandu jkun responsabbli quddiem il-Bord tat-Tmexxija.
2. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni u tal-Bord tat-Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fil-qadi tad-dmirijiet u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew minn xi korp ieħor.
3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar il-prestazzjoni ta’ dmirijietu meta jkun mistieden jagħmel dan. Il-Kunsill jista’ jistieden lid-Direttur Eżekuttiv jirrapporta dwar il-prestazzjoni ta’ dmirijietu.
4. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentat legali tal-Aġenzija.
5. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lill-Aġenzija b’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu:
(a)
jiżgura l-amministrazzjoni sostenibbli u effiċjenti ta’ kuljum tal-Aġenzija;
(b)
jorganizza, jidderieġi u jissorvelja l-operazzjonijiet u l-persunal tal-Aġenzija fil-limiti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija;
(c)
iħejji u jimplimenta d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tat-Tmexxija;
(d)
iħejji abbozz ta’ regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija għall-adozzjoni mill-Bord tat-Tmexxija;
(e)
ifassal abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-istimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 26, u jimplimenta l-baġit tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 27;
(f)
iħejji l-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni u jissottomettih għall-adozzjoni lill-Bord tat-Tmexxija wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni mill-anqas erba’ ġimgħat qabel il-laqgħa rilevanti tal-Bord tat-Tmexxija;
(g)
jimplimenta d-dokument uniku ta’ programmazzjoni, jivvaluta l-progress meta mqabbel mal-indikaturi rilevanti u jirrapporta lill-Bord tat-Tmexxija dwar l-implimentazzjoni tiegħu;
(h)
iħejji r-rapport annwali kkonsolidat tal-attività tal-Aġenzija u jippreżentah lill-Bord tat-Tmexxija għall-valutazzjoni u għall-adozzjoni;
(i)
jirrispondi għal kwalunkwe talba għal assistenza teknika f’konformità mal-Artikolu 17(5);
(j)
jiddeċiedi li jwettaq iż-żjarat u l-ispezzjonijiet previsti fl-Artikolu 10, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u billi jsegwi l-metodoloġija għaż-żjarat stabbilita mill-Bord tat-Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 16(1), il-punt (g);
(k)
jiddeċiedi li jidħol f’arranġamenti amministrattivi ma’ korpi oħrajn tal-Unjoni li jaħdmu fl-oqsma tal-attivitajiet tal-Aġenzija dment li l-abbozz tal-arranġament ikun ġie ppreżentat għall-konsultazzjoni lill-Kummissjoni l-ewwel u lill-Bord tat-Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 11(5) u dment li l-Bord tat-Tmexxija ma jkunx oġġezzjona fi żmien erba’ ġimgħat mill-preżentazzjoni tiegħu;
(l)
jieħu l-passi kollha meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ notifiki, sabiex jiżgura l-funzjonament tal-Aġenzija f’konformità ma’ dan ir-Regolament;
(m)
jorganizza sistema effettiva ta’ monitoraġġ sabiex ikun jista’ jqabbel il-kisbiet tal-Aġenzija mal-objettivi u l-kompiti tagħha kif stabbiliti f’dan ir-Regolament;
(n)
jistabbilixxi u jiżgura t-tħaddim ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti u jirrapporta kwalunkwe bidla sinifikanti li ssirilha lill-Bord tat-Tmexxija;
(o)
jiżgura t-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskju u ġestjoni tar-riskju għall-Aġenzija;
(p)
iħejji pjan ta’ azzjoni ta’ segwitu b’rabta mal-konklużjonijiet ta’ rapporti u evalwazzjonijiet tal-awditjar interni jew esterni, kif ukoll investigazzjonijiet mill-OLAF u mill-UPPE, kif imsemmi fl-Artikolu 35, u jirrapporta dwar il-progress darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni u regolarment lill-Bord tat-Tmexxija;
(q)
jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, mingħajr ma jippreġudika l-kompetenza investigattiva tal-OLAF u tal-UPPE, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, billi jirkupra ammonti mħallsa bi żball u, fejn ikun xieraq, billi jimponi penali amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi, inkluż penali finanzjarji;
(r)
iħejji strateġija kontra l-frodi, strateġija ta’ titjib fl-effiċjenza u ta’ sinerġiji, strateġija għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, jew mat-tnejn li huma, u strateġija għall-ġestjoni organizzazzjonali u għas-sistemi ta’ kontroll intern, għall-Aġenzija u jippreżentahom lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;
(s)
jippromwovi d-diversità u jiżgura bilanċ bejn il-ġeneri fir-rigward tar-reklutaġġ tal-persunal tal-Aġenzija;
(t)
jirrekluta persunal fuq l-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli;
(u)
ifassal u jimplimenta politika ta’ komunikazzjoni għall-Aġenzija;
(v)
iwettaq kwalunkwe kompitu ieħor fdat jew iddelegat lilu mill-Bord tat-Tmexxija jew kif jista’ jkun meħtieġ minn dan ir-Regolament.
Għall-għanijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (m), id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi, bi qbil mal-Kummissjoni u mal-Bord tat-Tmexxija, indikaturi tal-prestazzjoni mfassla apposta li jippermettu valutazzjoni effettiva tar-riżultati miksuba. Id-direttur Eżekuttiv għandu jiżgura li l-istruttura organizzazzjonali tal-Aġenzija tiġi adattata b’mod regolari għall-ħtiġijiet li jevolvu skont ir-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli. F’dak ir-rigward, id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi proċeduri regolari ta’ evalwazzjoni li jilħqu standards professjonali rikonoxxuti.
Artikolu 23
Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi
1. L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi, li jkunu daħlu fi ftehimiet mal-Unjoni, u li permezz tagħhom ikunu adottaw u qed japplikaw il-liġi tal-Unjoni fil-qasam tas-sikurezza marittima, is-sigurtà marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u r-rispons għat-tniġġis ikkawżat mill-vapuri.
2. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk il-ftehimiet, l-arranġamenti li jispeċifikaw in-natura u l-firxa tar-regoli dettaljati għall-parteċipazzjoni minn dawk il-pajjiżi terzi fil-ħidma tal-Aġenzija inkluż dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal għandhom jiġu konklużi mill-Aġenzija wara l-opinjoni tal-Kummissjoni u l-approvazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI
Artikolu 24
Regoli finanzjarji
Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija għandhom jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Ir-regoli finanzjarji ma għandhomx jiddevjaw mir-Regolament Delegat (UE) 2019/715 sakemm dan ma jkunx speċifikament meħtieġ għall-operat tal-Aġenzija u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.
Artikolu 25
Baġit
1. L-istimi tad-dħul u l-infiq kollha għall-Aġenzija għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, b’mod li jikkorrispondu għas-sena kalendarja, u għandhom jintwerew fil-baġit tal-Aġenzija.
2. Il-baġit tal-Aġenzija għandu jkun ibbilanċjat f’termini ta’ dħul u nefqa.
3. Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħrajn, id-dħul tal-Aġenzija għandu jinkludi:
(a)
kontribuzzjoni mill-Unjoni mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni u għotjiet minn korpi tal-Unjoni;
(b)
kontribuzzjonijiet possibbli minn kwalunkwe pajjiż terz li jipparteċipa fix-xogħol tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 23;
(c)
kwalunkwe imposta għal infrastruttura, pubblikazzjonijiet, taħriġ jew kwalunkwe servizz ieħor, ipprovdut mill-Aġenzija, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;
(d)
kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja volontarja minn Stati Membri, pajjiżi terzi jew entitajiet oħrajn, dment li tali kontribuzzjoni tkun trasparenti, tkun identifikata b’mod ċar fil-baġit u ma tikkompromettix l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Aġenzija.
4. In-nefqa tal-Aġenzija għandha tinkludi r-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u infrastrutturali u l-kostijiet operazzjonali.
Artikolu 26
Stabbiliment tal-baġit
1. Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-istimi tad-dħul u tal-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta’ wara, inkluż it-tabella tal-persunal, u jibagħtu lill-Bord tat-Tmexxija.
2. Il-Bord tat-Tmexxija għandu, abbażi tal-abbozz imsemmi fil-paragrafu 1, jadotta abbozz proviżorju tal-istimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta’ wara.
3. L-abbozz proviżorju tal-istimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jibgħat l-abbozz finali tal-istima lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu ta’ dik is-sena.
4. Il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dikjarazzjoni tal-istimi lill-Parlament Ewropej u lill-Kunsill (“l-awtorità baġitarja”) flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.
5. Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-istimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni l-istimi li tqis meħtieġa għat-tabella tal-persunal u l-ammont tas-sussidju li jrid jitħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, li għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 TFUE.
6. L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni lill-Aġenzija.
7. L-awtorità baġit arja għandha tadotta t-tabella tal-persunal tal-Aġenzija.
8. Il-baġit tal-Aġenzija għandu jiġi adottat mill-Bord tat-Tmexxija. Dan għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn ikun meħtieġ, għandu jiġi aġġustat skont il-każ.
9. Għal kwalunkwe proġett ta’ bini li x’aktarx ikollu implikazzjonijiet sinifikanti għall-baġit tal-Aġenzija, għandu japplika r-Regolament Delegat (UE) 2019/715.
Artikolu 27
Implimentazzjoni tal-baġit
1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplementa l-baġit tal-Aġenzija.
2. Kull sena d-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-awtorità baġitarja l-informazzjoni kollha rilevanti għas-sejbiet tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni.
Artikolu 28
Preżentazzjoni tal-kontijiet u kwittanza
1. Sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Aġenzija għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
2. Sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-Aġenzija għandha tibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
3. Sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija, ikkonsolidati mal-kontijiet tal-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
4. Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija skont l-Artikolu 252 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33), id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji l-kontijiet finali tal-Aġenzija taħt ir-responsabbiltà tiegħu u jibgħathom lill-Bord tat-Tmexxija għal opinjoni.
5. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Aġenzija.
6. L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Aġenzija għandu, sal-1 ta’ Lulju tas-sena finanzjarja ta’ wara, jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord tat-Tmexxija.
7. Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena finanzjarja ta’ wara.
8. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tiegħu sat-30 ta’ Settembru. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat ukoll dik it-tweġiba lill-Bord tat-Tmexxija.
9. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, f’konformità mal-Artikolu 267(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
10. Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, il-Parlament Ewropew għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.
KAPITOLU VII
PERSUNAL
Artikolu 29
Dispożizzjoni ġenerali
Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra u r-regoli adottati permezz ta’ ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jidħlu fis-seħħ dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra għandhom japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija.
Artikolu 30
Esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor
1. L-Aġenzija tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati jew minn persunal ieħor mhux impjegat mill-Aġenzija.
2. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar l-issekondar ta’ esperti nazzjonali fl-Aġenzija.
KAPITOLU VIII
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 31
Status ġuridiku u sede
1. L-Aġenzija għandha tkun korp tal-Unjoni u għandu jkollha personalità ġuridika.
2. F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tgawdi l-aktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi skont il-liġijiet tagħhom. Din tista’, b’mod partikolari, takkwista u tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċedimenti ġudizzjarji.
3. L-Aġenzija għandha tiġi rrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.
4. Is-sede tal-Aġenzija għandha tkun f’Liżbona, il-Portugall.
5. Fuq it-talba tal-Kummissjoni, il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi, bi qbil u f’kooperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati u b’kunsiderazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet baġitarji, inkluż kwalunkwe kontribut li l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jagħtu, li jistabbilixxi ċentri reġjonali meħtieġa sabiex jwettqu, bl-aktar mod effiċjenti u effettiv, xi wħud mill-kompiti tal-Aġenzija. Meta jkun qed jieħu deċiżjoni bħal din, il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi l-ambitu preċiż tal-attivitajiet taċ-ċentru reġjonali filwaqt li jiġu evitati kostijiet finanzjarji mhux meħtieġa u tittejjeb il-kooperazzjoni man-networks reġjonali u nazzjonali eżistenti.
Artikolu 32
Privileġġi u immunitajiet
Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-Aġenzija u għall-persunal tagħha.
Artikolu 33
Arranġamenti lingwistiċi
1. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (34) għandhom japplikaw għall-Aġenzija.
2. Is-servizzi ta’ traduzzjoni u s-servizzi lingwistiċi l-oħrajn kollha meħtieġa mill-Aġenzija, apparti l-interpretazzjoni, għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 34
Trasparenza
1. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35) għandu japplika għal dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.
2. Il-Bord tat-Tmexxija għandu, fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, jadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
3. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lment lill-Ombudsman Ewropew jew ta’ azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 228 u 263 TFUE rispettivament.
4. L-ipproċessar tad-data personali mill-Aġenzija għandu jkun soġġett għar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36).
Artikolu 35
Il-ġlieda kontra l-frodi
1. Sabiex tiffaċilita l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħrajn skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Aġenzija għandha tadotta dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-persunal kollu tal-Aġenzija.
2. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa tal-awditjar, abbażi ta’ dokumenti u fuq il-post, fir-rigward tal-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand l-Aġenzija.
3. L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ għotja jew ma’ kuntratt iffinanzjat mill-Aġenzija, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet dwar għotjiet u d-deċiżjonijiet dwar għotjiet tal-Aġenzija għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jagħtu espliċitament is-setgħa lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-OLAF u lill-UPPE biex iwettqu dan l-awditjar u dawn l-investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.
Artikolu 36
Regoli ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata
L-Aġenzija għandha tadotta r-regoli ta’ sigurtà tagħha li jkunu ekwivalenti għar-regoli ta’ sigurtà tal-Kummissjoni sabiex tipproteġi Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (37) u 2015/444 (38). Ir-regoli ta’ sigurtà tal-Aġenzija għandhom jinkludu dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ din l-informazzjoni.
Artikolu 37
Responsabbiltà
1. Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija għandha tkun irregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat.
2. Il-QĠUE għandu jkollha ġuriżdizzjoni biex tagħti sentenza skont kwalunkwe klawżola ta’ arbitraġġ li tkun tinsab f’kuntratt konkluż mill-Aġenzija.
3. Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tirrimedja kwalunkwe dannu kkawżat mill-Aġenzija jew mill-persunal tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.
4. Il-QĠUE għandu jkollha ġuriżdizzjoni f’tilwim dwar kumpens għal dannu kif imsemmi fil-paragrafu 3.
5. Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tal-Aġenzija lejn l-Aġenzija għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra applikabbli għalihom.
Artikolu 38
Evalwazzjoni u rieżami
1. Sat-19 ta’ Jannar 2031, u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni biex tivvaluta b’mod partikolari l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza tal-Aġenzija u l-prattiki ta’ ħidma tagħha, b’kont meħud tal-opinjoni tal-Bord tat-Tmexxija. Dik l-evalwazzjoni għandha, b’mod partikolari, tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġi emendat il-mandat tal-Aġenzija, partikolarment sabiex titqies l-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport marittimu, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe emenda bħal din, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi stabbilita skema ta’ tariffi u imposti u li jiġu identifikati s-servizzi li l-Aġenzija tista’ toffri taħt skema bħal din.
2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport ta’ evalwazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha dwar dak ir-rapport, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord tat-Tmexxija. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku.
3. Fl-okkażjoni ta’ kull tieni evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll ir-riżultati miksuba mill-Aġenzija, filwaqt li jitqiesu l-objettivi, il-mandat u l-kompiti tal-Aġenzija. Jekk il-Kummissjoni tqis li ma jkunx għadu ġġustifikat li l-Aġenzija tkompli fir-rigward tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti assenjati lilha, tista’ tipproponi li dan ir-Regolament jiġi emendat kif meħtieġ jew imħassar.
Artikolu 39
Inkjesti amministrattivi tal-Ombudsman Ewropew
L-attivitajiet tal-Aġenzija għandhom ikunu soġġetti għall-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew f’konformità mal-Artikolu 228 TFUE.
Artikolu 40
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. B’deroga mill-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament, il-membri tal-Bord tat-Tmexxija maħtura fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 qabel id-18 ta’ Jannar 2026 għandhom jibqgħu fil-kariga bħala membri tal-Bord tat-Tmexxija sad-data ta’ skadenza tal-mandat tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jaħtar rappreżentant ġdid.
2. Id-Direttur Eżekuttiv maħtur abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 għandu jibqa’ assenjat għall-kariga tad-Direttur Eżekuttiv bil-kompiti u r-responsabbiltajiet previsti fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament.
3. Id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kuntratti ta’ impjieg kollha fis-seħħ fid-18 ta’ Jannar 2026.
Artikolu 41
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 huwa mħassar.
Artikolu 42
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Novembru 2025.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(1) ĠU C, C/2023/873, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/873/oj.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2024 (ĠU C, C/2025/1026, 27.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1026/oj) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-13 ta’ Ottubru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Novembru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/1406/oj).
(4) Id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar l-infurzar ta’ standards internazzjonali dwar it-tniġġis mill-vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ penali amministrattivi għal reati ta’ tniġġis (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/35/oj).
(5) Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/16/oj).
(6) Id-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE u d-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 114, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/18/oj).
(7) Id-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 132, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/21/oj).
(8) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-Regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/715/oj).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/391/oj).
(10) Id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/883/oj).
(11) Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/56/oj).
(12) Id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/802/oj).
(13) Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/757/oj).
(14) Ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1805/oj).
(15) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).
(16) Ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar it-titjib tas-sigurtà fuq il-vapuri u fil-faċilitajiet tal-portijiet (ĠU L 129 tad-29.4.2004, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/725/oj).
(17) Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/59/oj).
(18) Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/696/oj).
(19) Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1896/oj).
(20) Ir-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (ĠU L 83, 25.3.2019, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/473/oj).
(21) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/883/oj).
(22) ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/1999/531/oj.
(23) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE tat-18 ta’ Ġunju 1998 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (ĠU L 188, 2.7.1998, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/41/oj).
(24) Id-Direttiva 2003/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2003 dwar il-ħtiġiet ta’ stabbilta’ speċifiċi għall-vapuri tal-passiġġieri ro-roTest b’relevanza għaż-ŻEE. (ĠU L 123, 17.5.2003, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/25/oj).
(25) Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/45/oj).
(26) Id-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 47, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/15/oj).
(27) Id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/90/oj).
(28) Id-Direttiva (UE) 2022/993 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2022 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (ĠU L 169, 27.6.2022, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/993/oj).
(29) Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/1313/oj).
(30) Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1257/oj).
(31) Ir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1239/oj).
(32) ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1968/259(1)/oj.
(33) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(34) Ir-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1958/1(1)/oj).
(35) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).
(36) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(37) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/443/oj).
(38) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2434/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top