Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2025/2458
12.12.2025
REGOLAMENT (UE) 2025/2458 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-26 ta’ Novembru 2025
dwar l-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 763/2008 u (UE) Nru 1260/2013
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1)
L-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni għandha rwol ċentrali fil-proċessi tat-tfassil tal-politika u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u għalhekk huma meħtieġa għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, b’mod partikolari politiki li jindirizzaw it-tibdil demografiku u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, politiki marbuta mal-qafas għall-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u l-politiki relatati mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ukoll dawk meħtieġa għall-kisba tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) sa fejn dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(2)
L-istatistika soċjali Ewropea, inkluż statistika dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni, bħalissa hija prodotta abbażi ta’ għadd ta’ atti leġiżlattivi. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkompli l-integrazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-istatistika soċjali Ewropea bla xkiel, li bdew bir-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).
(3)
L-istatistika dwar il-popolazzjoni hi denominatur importanti għal firxa wiesgħa ta’ indikaturi ta’ politika u tintuża bħala referenza fl-istatistika Ewropea kollha, b’mod partikolari biex jingħataw oqfsa tal-kampjunar għal stħarriġiet rappreżentattivi tal-persuni u tal-unitajiet domestiċi skont ir-Regolament (UE) 2019/1700.
(4)
Il-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji sikwit jagħti mandat lill-Kumitat tal-Politika Ekonomika biex jevalwa s-sostenibbiltà fit-tul u l-kwalità tal-finanzi pubbliċi abbażi tal-projezzjonijiet tal-popolazzjoni magħmulin mill-Eurostat. Dawn il-projezzjonijiet tal-popolazzjoni jintużaw ukoll għall-analiżi tal-politika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-istatistika kollha meħtieġa biex tipproduċi u tippubblika projezzjonijiet tal-popolazzjoni li jikkorrespondu mal-ħtiġijiet tal-informazzjoni tal-Unjoni.
(5)
Skont l-Artikolu 175, it-tieni paragrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport, kull tliet snin, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Id-data reġjonali u lokali, inkluż għal tipi territorjali differenti bħar-reġjuni tal-fruntieri, il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali tagħhom, ir-reġjuni metropolitani, ir-reġjuni rurali u r-reġjuni muntanjużi u tal-gżejjer, hija meħtieġa għat-tħejjija ta’ dawk ir-rapporti u għall-monitoraġġ regolari tal-iżviluppi demografiċi u tal-isfidi demografiċi futuri possibbli fit-territorji tal-Unjoni.
(6)
Skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill hija definita, fost l-oħrajn, abbażi tal-popolazzjoni tal-Istati Membri. Għal dak l-għan, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Istati Membri bħalissa huma obbligati jipprovdu data lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar il-popolazzjoni totali tagħhom fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jipprovdu tali informazzjoni lill-Kummissjoni (Eurostat) skont dan ir-Regolament.
(7)
Fl-2017, il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika adotta l-“Memorandum ta’ Budapest dwar il-Movimenti tal-Popolazzjoni u Kwistjonijiet ta’ Integrazzjoni - Statistika dwar il-Migrazzjoni” (il-“Memorandum ta’ Budapest”), li ddikjara l-ħtieġa ta’ statistika annwali dwar id-daqs u ċerti karatteristiċi soċjali, ekonomiċi u demografiċi tal-popolazzjoni. Sabiex tirrispetta l-prinċipji tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni u biex tirrispetta d-drittijiet taċ-ċittadini individwali kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 10 u 19 TFUE, l-Unjoni teħtieġ statistika affidabbli u komparabbli. Ir-Regolament (UE) 2019/1700 jipprovdi qafas għall-ġbir tad-data minn kampjuni li jippermettu l-ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, sa fejn dak ikun fattibbli abbażi ta’ kampjuni, u l-analiżi ta’ xi aspetti tal-ugwaljanza u tad-diskriminazzjoni billi jinħolqu indikaturi soċjoekonomiċi u informazzjoni dwar l-esperjenza tad-diskriminazzjoni. Minbarra dan, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) iwettqu studji speċifiċi u stħarriġiet apposta li jistgħu jkomplu jestendu d-disponibbiltà tal-istatistika dwar l-ugwaljanza fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) tagħmel disponibbli data u informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol miġbura permezz ta’ stħarriġiet. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni futuri bejn l-Istati Membri, l-Eurostat, FRA, EIGE u Eurofound, taħt l-oqfsa legali rilevanti, jissaħħu biex jissodisfaw id-domandi dejjem akbar tal-utenti għal data affidabbli u komprensiva dwar l-ugwaljanza u d-diversità fl-Unjoni.
(8)
Il-Memorandum ta’ Budapest appella wkoll għal statistika mtejba dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ definizzjonijiet komuni relatati mal-popolazzjoni u l-migrazzjoni, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu stabbiliti kunċetti u definizzjonijiet li huma statistikament sodi, rilevanti u applikabbli fid-dawl tat-tipi emerġenti ta’ migrazzjoni. L-avvenimenti reċenti u li għadhom għaddejjin, bħall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u l-kriżijiet umanitarji bħall-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jissottolinjaw l-importanza ta’ statistika f’waqtha u dettaljata dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali, li huma essenzjali biex tiġi stabbilita ħarsa ġenerali lejn il-flussi migratorji lejn l-Unjoni, fiha u minnha.
(9)
Biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-iżvilupp u l-evalwazzjoni ta’ politiki effettivi jeħtieġu statistika aħjar dwar l-użu u l-effiċjenza tal-enerġija fl-akkomodazzjonijiet, data ġeografika dettaljata dwar id-distribuzzjoni tal-popolazzjoni, u studji aktar profondi tar-relazzjoni bejn il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni. Il-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa ta’ statistika affidabbli, frekwenti u f’waqtha dwar l-imwiet fl-Unjoni. L-Unjoni teħtieġ mekkaniżmu adegwat għall-ġbir obbligatorju ta’ tali data fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) imwettqa bil-frekwenza, bil-puntwalità u bid-dettall meħtieġa.
(10)
Il-ġbir obbligatorju tad-data fi ħdan l-ESS abbażi ta’ dan ir-Regolament huwa maħsub li jiffaċilita l-monitoraġġ regolari u f’waqtu tal-progress fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni relatat, u fil-kisba tal-miri tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal stabbiliti bir-Rakkommandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 (5) fil-livell nazzjonali, filwaqt li jipprovdi wkoll data biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-impatt distributtiv tat-tibdil fil-klima u l-politiki rilevanti.
(11)
Kull għaxar snin, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), wara proposta mill-Kummissjoni tal-Istatistika tan-NU, jadotta riżoluzzjonijiet dwar iċ-Ċensiment Dinji tal-Popolazzjoni u tal-Akkomodazzjoni u jistieden lill-pajjiżi membri tan-NU biex iwettqu ċensimenti tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni skont rakkomandazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u billi jħaddmu l-integrità, l-affidabbiltà, l-akkuratezza u l-valur tar-riżultati taċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni. L-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni jenħtieġ li tqis dawk ir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali u reġjonali.
(12)
Is-simplifikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv huma objettiv ċentrali tal-Unjoni. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2023 dwar il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030 għandu l-għan li jirrazzjonalizza u jissimplifika r-rekwiżiti ta’ rapportar b’25 % għall-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet, filwaqt li ma jimminax l-objettivi ta’ politika relatati. Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) stabbilixxa qafas legali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ statistika Ewropea abbażi ta’ prinċipji statistiċi komuni. Dak ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji ta’ kwalità u jirreferi għall-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż tar-rispons minn fuq ir-rispondenti tal-istħarriġ u li jingħata kontribut għall-objettiv aktar ġenerali ta’ tnaqqis tal-piż amministrattiv. Qafas legali ġdid għall-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni jenħtieġ li jkun jimplimenta u jibni fuq il-kriterji ta’ kwalità stipulati f’dak ir-Regolament u jnaqqas il-piż amministrattiv billi jaċċetta l-użu effettiv u effiċjenti tas-sorsi tad-data disponibbli, inkluż id-data amministrattiva.
(13)
Peress li r-rekords amministrattivi huma l-aktar sorsi ta’ data kosteffiċjenti u amministrattivament effiċjenti li jħaddnu l-prinċipju ta’ “darba biss”, jenħtieġ li jkun possibbli li jintużaw għas-settijiet tad-data kollha pprovduti lill-Kummissjoni, dment li l-Istati Membri jikkonfermaw, fejn applikabbli bl-użu ta’ metodi ta’ stima, li l-kopertura u l-kwalità ta’ dawk is-sorsi tad-data huma suffiċjenti u dment li jiddeskrivu bir-reqqa l-kopertura u l-kwalità fir-rapporti tal-kwalità u fil-metadata li jakkumpanjaw it-trażmissjoni tad-data.
(14)
L-evalwazzjoni tal-istatistika ppubblikata dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni fl-Unjoni, dwar il-flussi migratorji internazzjonali, l-istokkijiet migratorji, il-kisba taċ-ċittadinanza, u dwar id-demografija wriet li l-qafas legali attwali, li jinkludi r-Regolamenti (KE) Nru 862/2007 (7) u (KE) Nru 763/2008 (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (UE) Nru 1260/2013, wassal għal titjib ġenerali sinifikanti fl-istatistika meta mqabbel mas-sitwazzjoni tal-2005, qabel ma l-qafas legali attwali kien fis-seħħ. Madankollu, dak il-qafas għandu nuqqas ta’ koerenza u komparabbiltà potenzjali, li jenħtieġ li jiġi indirizzat.
(15)
It-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni diġitali, is-sitwazzjoni demografika li qed tevolvi u x-xejriet reċenti tal-migrazzjoni ħolqu talbiet għal statistika Ewropea aktar f’waqtha, aktar frekwenti u aktar dettaljata dwar il-popolazzjoni, l-iżviluppi soċjoekonomiċi, avvenimenti vitali u l-akkomodazzjoni, inkluż dettalji ta’ suġġetti jew gruppi li saru rilevanti politikament u soċjalment fl-aħħar deċennju. Minbarra dan, il-qafas legali attwali mhuwiex flessibbli biżżejjed biex jadatta għall-ħtiġijiet evolventi tal-politika u biex jippermetti l-użu ta’ sorsi ġodda fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali. Barra minn hekk, l-istruttura tal-qafas legali attwali, fil-forma ta’ tliet Regolamenti separati adottati fi żminijiet differenti, ikkawżat inkonsistenzi fl-istatistika li tirriżulta. Fl-aħħar nett, billi r-Regolament (UE) Nru 1260/2013 ser jieqaf japplika fil-31 ta’ Awwissu 2028, hemm bżonn qafas legali ġdid għall-istatistika demografika miġbura skont dak ir-Regolament. Il-qafas legali l-ġdid jenħtieġ li jkun aktar koerenti u flessibbli, jenħtieġ li jemenda d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 u jenħtieġ li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 763/2008 u (UE) Nru 1260/2013.
(16)
L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 ikopri l-istatistika dwar il-pajjiż taċ-ċittadinanza u l-post tat-twelid tal-popolazzjoni residenti (stokkijiet migratorji), dwar il-bidla tar-residenza bejn il-pajjiżi (flussi migratorji internazzjonali) u dwar il-kisba taċ-ċittadinanza mill-popolazzjoni residenti. L-istatistika l-oħra miġbura f’konformità ma’ dak ir-Regolament tikkonċerna l-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-leġiżlazzjoni tal-immigrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali. L-istatistika msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament hija marbuta mill-qrib ma’, u jenħtieġ li tkun konsistenti ma’, l-istatistika dwar il-popolazzjoni residenti u l-bidliet demografiċi previsti mir-Regolamenti (KE) Nru 763/2008 u (UE) Nru 1260/2013. Għaldaqstant, jenħtieġ li biex tkun żgurata l-konsistenza, dik l-istatistika tiġi integrata f’bażi legali waħda u jenħtieġ li l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 jitħassar.
(17)
In-natura li qed tinbidel malajr ta’ ċerti karatteristiċi tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni, b’mod partikolari fejn jidħlu ċerti fenomeni demografiċi, soċjoekonomiċi u migratorji, u l-ħtieġa korrispondenti li l-politiki jiġu mmirati u adattati fil-pront tfisser li l-istatistika jeħtieġ tkun disponibbli f’waqtha, minnufih wara l-perjodu ta’ referenza rilevanti għal tali statistika. Għalhekk jenħtieġ li l-perjodiċità u t-tempestività tal-istatistika jinżdiedu b’mod sostanzjali, fejn ikun possibbli permezz tal-użu ta’ data amministrattiva u rekords amministrattivi. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu riżorsi adegwati għall-istituti nazzjonali tal-istatistika tagħhom.
(18)
Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jistabbilixxi metodoloġija abbażi tal-grilja għad-definizzjoni ta’ tipoloġiji territorjali, ibbażati fuq id-distribuzzjoni tal-popolazzjoni f’ċelloli tal-grilja ta’ 1 km2. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1799 (10), li stabbilixxa azzjoni statistika diretta temporanja għad-disseminazzjoni ta’ suġġetti magħżula li takkumpanja ċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni tal-2021, jipprevedi eżiti ewlenin taċ-ċensiment dwar grilja pan-Ewropea ta’ 1 km2. Jenħtieġ li l-qafas legali l-ġdid jiżgura d-disseminazzjoni kontinwa ta’ statistika dwar il-popolazzjoni ġeoreferenzjata abbażi tal-grilji, u li jkun jista’ jiġi estiż għall-istatistika dwar l-akkomodazzjoni.
(19)
L-unitajiet territorjali u l-grilji tal-istatistika kif imsemmi f’dan ir-Regolament huma maħsubin li jkunu l-istess bħal dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003.
(20)
Għall-fini tal-ġeokodifikazzjoni tal-pożizzjoni, għandha tintuża t-tema tal-Unitajiet Statistiċi stabbilita fl-Anness III tad-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).
(21)
Il-qafas legali attwali għal statistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni jenħtieġ li jiġi aġġornat biex ikun żgurat li l-proċessi statistiċi attwalment separati jiġu integrati f’qafas komuni li jippermetti lill-ESS tirrispondi b’mod effettiv għall-ħtiġijiet ġodda tal-informazzjoni tal-Unjoni u li jħeġġeġ l-innovazzjonijiet statistiċi. Huwa meħtieġ li jittejbu l-eżiti statistiċi sabiex jibqgħu rilevanti fid-dawl tal-bidliet u l-isfidi demografiċi, migratorji, soċjali u ekonomiċi, b’hekk jiġu appoġġati t-tfassil tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet.
(22)
L-istatistika regolari (annwali u infrannwali) mtejba dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni jenħtieġ li tiġi kkumplimentata b’informazzjoni minn ċensimenti kkoordinati tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni fl-Unjoni li jsiru kull għaxar snin skont il-Prinċipji u r-Rakkomandazzjonijiet tan-NU għal Ċensimenti tal-Popolazzjoni u tal-Akkomodazzjoni. Iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni jagħtu opportunità unika biex l-istatistika uffiċjali ssir viżibbli mil-lat ta’ operazzjoni u mil-lat ta’ riżultati.
(23)
Iċ-ċensimenti tal-Unjoni tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni jenħtieġ li jsiru aktar kosteffettivi billi jsir użu sħiħ tas-sett rikk ta’ data amministrattiva disponibbli fl-Istati Membri jew b’taħlita ta’ metodoloġiji u sorsi innovattivi, inkluż sorsi ġodda li joħorġu mill-forniment tas-servizzi diġitali. Jenħtieġ li dawk iċ-ċensimenti jintużaw ukoll biex terġa’ tiġi stabbilita l-linja bażi demografika. L-użu ta’ tali sorsi ġodda jenħtieġ li jkun soġġett għas-salvagwardji legali, tekniċi u proċedurali stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 223/2009.
(24)
L-Istati Membri u l-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ sorsi tad-data sabiex jipproduċu statistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni ta’ kwalità għolja b’mod kosteffettiv. F’dak ir-rigward, hu kruċjali li l-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 (l-“awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika”) ikunu jistgħu jaċċessaw u jitħallew jużaw, id-data amministrattiva li tkun proprjetà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, f’waqtu f’konformità mal-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Pereżempju, l-istatistika dwar l-effiċjenza enerġetika tal-bini tista’ tissejjes fuq data amministrattiva relatata mal-ħruġ taċ-ċertifikati tal-enerġija tal-bini skont id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika jkunu jistgħu jkollhom aċċess f’waqtu u regolari għall-bażijiet tad-data nazzjonali dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija skont id-Direttiva (UE) 2024/1275 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). L-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika jeħtieġ ukoll li jkunu involuti fid-deċiżjonijiet dwar it-tfassil u l-iżvilupp mill-ġdid tas-sorsi tad-data amministrattiva rilevanti sabiex ikun żgurat li dawk is-sorsi tad-data jkunu jistgħu jibqgħu jintużaw għall-kompilazzjoni tal-istatistika uffiċjali.
(25)
Fl-aħħar snin, inħolqu bażijiet tad-data komprensivi fil-livell tal-Unjoni u sistemi tal-interoperabbiltà relatati mar-residenza, l-avvenimenti vitali, iċ-ċittadinanza u l-movimenti migratorji u transfruntieri tal-popolazzjoni bħal dawk stabbiliti bir-Regolamenti (UE) Nru 910/2014 (14), (UE) 2018/1724 (15), (UE) 2019/817 (16) u (UE) 2019/818 (17) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dawn jipprovdu informazzjoni utli li tista’ tintuża għall-kompilazzjoni u l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni.
(26)
Hu essenzjali li l-Kummissjoni (Eurostat) tkun tista’ tuża d-data minn bażijiet tad-data fil-livell tal-Unjoni u sistemi tal-interoperabbiltà għal finijiet statistiċi biss, soġġetta għall-applikazzjoni b’mod strett tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). Dan jenħtieġ li jkun japplika, b’mod partikolari, għad-data statistika maħżuna fir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika (CRRS) stabbilit bl-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2019/817, bl-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2019/818, u bir-Regolamenti li jistabbilixxu s-sistemi li d-data statistika tagħhom jinħażnu fis-CRRS. B’mod partikolari, meta jitqies li s-CRRS għandu jipprovdi data statistika u rapportar analitiku transsettorjali għall-finijiet ta’ politika, operazzjonali u ta’ kwalità tad-data, il-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li tikkoopera mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fil-Qasam tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja (eu-LISA), sa fejn ikun possibbli, bil-ħsieb li tingħata l-istatistika Ewropea meħtieġa.
(27)
Data miżmuma privatament tirreferi għall-ammont vast ta’ data miżmuma minn entitajiet privati miksuba bħala riżultat tal-attività tagħhom, li tkun tista’ tintuża mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u mill-Kummissjoni (Eurostat) biex jipproduċu statistika uffiċjali. Din id-data tista’ ttejjeb il-kopertura, it-tempestività u l-kapaċitajiet tar-rispons għall-kriżijiet tal-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni u tista’ tippermetti l-innovazzjoni statistika. Din id-data għandha l-potenzjal li tikkumplimenta l-istatistika eżistenti dwar id-demografija u l-migrazzjoni, tikseb l-innovazzjoni statistika, u tgħin fil-produzzjoni ta’ stimi bikrija, dment li d-drittijiet u l-libertajiet tad-detenturi tad-data huma protetti. L-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom aċċess għal dik id-data u jistgħu jużaw tali data u jistgħu jikkooperaw mad-detenturi privati tad-data skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009.
(28)
Biex tkun żgurata l-komparabbiltà tal-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni fil-livell tal-Unjoni, hu essenzjali li jintużaw id-definizzjonijiet komuni tal-popolazzjoni u jiġu implimentati b’mod armonizzat. Biex il-bażi armonizzata unika tal-popolazzjoni tiġi implimentata b’mod konsistenti, sod u kosteffettiv filwaqt li jkunu żgurati riżultati f’waqthom, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu applikati tekniki tal-immudellar u metodi statistiċi bbażati fuq ix-xjenza bħas-sinjali tal-ħajja, meta dan ikun xieraq.
(29)
Bl-għan li tiġi żgurata l-ogħla kwalità ta’ kopertura, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw metodi ta’ stima biex jiksbu stima preċiża tal-popolazzjoni totali fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw metodi ta’ stima għal diżaggregazzjonijiet aktar dettaljati, inkluż diżaggregazzjonijiet ġeografiċi. Nuqqas sostanzjali ta’ għarfien ta’ karatteristiċi individwali, bħall-età u s-sess, huwa inerenti għal xi metodi ta’ stima, pereżempju meta tiġi stmata statistika abbażi ta’ data li ma tkunx disponibbli minn sorsi amministrattivi jew sorsi oħra. Meta tali metodi ta’ stima jirriżultaw f’livell insuffiċjenti ta’ dettall ta’ diżaggregazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw kategorija ta’ aġġustament iddedikata sabiex jistmaw il-popolazzjoni fis-settijiet ta’ data rilevanti kollha. L-użu ta’ tali kategoriji ta’ aġġustament, li jindikaw data“mhux magħrufa”, jipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa għal sitwazzjonijiet fejn ikunu ntużaw is-sorsi ta’ data kollha disponibbli u ma jkun jista’ jinkiseb l-ebda dettall ulterjuri. Jenħtieġ li l-Istati Membri, meta jużaw kategorija ta’ aġġustament iddedikata, jispjegaw il-metodoloġija tagħhom u jipprovdu raġunijiet għall-użu ta’ kategorija ta’ aġġustament fir-rapporti tal-kwalità rilevanti.
(30)
Jenħtieġ li l-Istati Membri jibagħtu d-data u l-metadata tagħhom b’mod elettroniku u bil-format tekniku xieraq li ser tipprovdi l-Kummissjoni (Eurostat). Jenħtieġ li jintużaw l-istandards internazzjonali, bħall-inizjattiva tal-Iskambju tad-Data u tal-Metadata tal-Istatistika (SDMX), u l-istandards tekniċi jew tal-istatistika żviluppati fl-Unjoni, bħall-istandards tal-metadata u tal-validazzjoni jew il-prinċipji tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, sa fejn ikun rilevanti għall-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni. Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika approva l-istandards tal-ESS għall-metadata u r-rapporti tal-kwalità, stabbiliti fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dawk l-istandards ser jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni tal-assigurazzjoni tal-kwalità u tar-rapportar skont dan ir-Regolament, u għalhekk jenħtieġ li jiġu introdotti.
(31)
L-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni jenħtieġ li tissodisfa l-kriterji tal-kwalità b’rabta mar-rilevanza, l-akkuratezza, it-tempestività u l-puntwalità, l-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza, il-komparabbiltà u l-koerenza stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Il-kwalità ta’ dik l-istatistika jenħtieġ li tiżdied sa fejn jevolvu l-ħtiġijiet tal-Unjoni, u jenħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex jindirizzaw sitwazzjonijiet possibbli fejn il-kwalità tad-data ma tkunx iggarantita. Ir-riżultati xierqa tal-valutazzjoni tal-kwalità mwettqa mill-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li jkunu disponibbli pubblikament għall-utenti tal-istatistika billi jiġi żgurat aċċess bla ħlas u faċli għal din l-istatistika mill-bażijiet tad-data tal-Kummissjoni (Eurostat) fuq is-sit web tagħha u fil-pubblikazzjonijiet tagħha.
(32)
L-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni jenħtieġ li tindirizza n-nuqqas persistenti ta’ data dwar gruppi tal-popolazzjoni diffiċli biex jintlaħqu bħal persuni li jirrisjedu f’istituzzjonijiet, persuni b’diżabilità, persuni mingħajr dar, persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u persuni apolidi. Sabiex tinqabad l-aħjar stampa possibbli tas-soċjetà u biex jiġu evitati l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu sforz biex jiżguraw li l-gruppi tal-popolazzjoni diffiċli biex jintlaħqu jkunu koperti b’mod preċiż. L-istudji pilota u ta’ fattibbiltà mnedija skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jintużaw biex jindirizzaw din il-kwistjoni.
(33)
Sabiex ikun hemm politiki adegwati, f’waqthom u effettivi, huwa meħtieġ li tinkiseb data affidabbli u komparabbli, diżaggregata skont il-ġeneru, l-età u, meta rilevanti, in-nazzjonalità, l-istatus soċjoekonomiku, iż-żona ġeografika u karatteristiċi oħra f’konformità mal-prinċipji statistiċi stabbiliti fl-Artikolu 338 TFUE u mal-Kodiċi ta’ prattika tal-Istatistika Ewropea u l-Qafas ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-ESS. Dik id-data hija importanti sabiex wieħed jifhem aħjar ix-xejriet tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni, tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni intersezzjonali u jiġu implimentati u vvalutati l-politiki, l-objettivi politiċi u l-azzjonijiet tal-Unjoni, bħall-Istrateġija Ewropea għall-Kura stipulata fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Settembru 2022 dwar l-istrateġija Ewropea għall-kura, l-Istrateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà stipulata fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2021 dwar Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà għall-2021-2030 u l-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Kondizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar imnedija bid-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona tal-21 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Kondizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar, li kollha jiddependu ħafna minn data dwar l-unitajiet domestiċi u l-familji. Id-diżaggregazzjoni skont id-diżabbiltà jenħtieġ li tiġi mħeġġa bl-użu ta’ sorsi ta’ data amministrattivi eżistenti u ġodda bħala ingranaġġ. Il-ġbir u l-użu tad-data għandhom jitwettqu b’rispett sħiħ tal-istandards tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar il-privatezza u għal drittijiet fundamentali oħra, b’mod partikolari meta jinvolvu data dwar il-minorenni. Id-diżaggregazzjoni skont il-ġeneru jenħtieġ li tirrifletti d-data disponibbli fl-Istati Membri. F’xi Stati Membri, bħalissa huwa possibbli li persuni jirreġistraw legalment li għandhom it-tielet ġeneru, li spiss ikun ġeneru newtrali. Dan ir-Regolament ma jaffettwax ir-regoli nazzjonali rilevanti li jagħtu effett lil tali rikonoxximent.
(34)
Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 jinkludi regoli dwar il-forniment tad-data mill-Istati Membri lill-Kummissjoni (Eurostat) u dwar l-użu ta’ din id-data, inkluż dwar it-trażmissjoni u l-protezzjoni tad-data kunfidenzjali. Il-miżuri meħuda f’konformità ma’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżguraw li d-data kunfidenzjali tingħata u tintuża esklużivament għall-finijiet tal-istatistika skont l-Artikoli 21 u 22 ta’ dak ir-Regolament.
(35)
Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tirrispetta l-kunfidenzjalità statistika tad-data mogħtija mill-Istati Membri skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Rigward l-istatistika dwar il-popolazzjoni miġbura skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinħoloq approċċ armonizzat li jiżgura l-kwalità għolja tal-aggregati statistiċi fil-livell Ewropew, jevita l-iżvelar tad-data kunfidenzjali fl-eżiti statistiċi, u jevita kemm jista’ jkun is-soppressjoni tad-data.
(36)
Is-sorsi tad-data disponibbli fil-livell nazzjonali mhux dejjem ikunu jistgħu jaqbdu eżattament il-fenomeni relatati mal-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni, l-aċċess tal-persuni għas-servizzi transfruntiera relatati ma’ avvenimenti vitali u l-eżerċitar tad-drittijiet tal-persuni li jixtru u li jkunu sidien tal-akkomodazzjoni tagħhom stess użata bħala akkomodazzjoni primarja, villeġġjatura u sekondarja fl-Unjoni. Hemm ukoll asimetriji fil-flussi migratorji bilaterali u diffikultajiet biex jitkejlu l-gruppi tal-popolazzjoni, pereżempju fost popolazzjonijiet ta’ migranti, ta’ dawk mingħajr saqaf jew apolidi. Għalhekk jenħtieġ li tissaħħaħ il-kondiviżjoni tad-data għall-fini tal-kompilazzjoni tal-istatistika dwar il-popolazzjoni u l-migrazzjoni u li tkun żgurata l-kwalità tagħha, u titqies bħala sors ieħor tad-data. Din il-kondiviżjoni msaħħa tad-data jenħtieġ li tkopri firxa tad-data rilevanti, inkluż data li b’mod ċar ma tippermettix, kemm direttament jew indirettament, l-identifikazzjoni tal-unitajiet statistiċi. Jenħtieġ li tkun tista’ tkopri data li tkun potenzjalment soġġetta għal rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità statistika. L-Istati Membri, fl-interess tagħhom stess u fl-interess tal-Istati Membri l-oħra, jenħtieġ li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-kondiviżjoni tad-data, inkluż fi proġetti pilota li jivvalutaw soluzzjonijiet siguri innovattivi. Il-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li tistabbilixxi wkoll infrastruttura sigura biex tiffaċilita din il-kondiviżjoni tad-data u tiżgura s-salvagwardji meħtieġa kollha għall-protezzjoni tad-data.
(37)
Il-kondiviżjoni tad-data kunfidenzjali jenħtieġ li ssir biss wara talba li tiġġustifika l-ħtieġa ta’ kondiviżjoni ta’ dik id-data skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.
(38)
Fit-tul, l-isforzi kollaborattivi fl-ESS li jimmitigaw it-tħassib transfruntier dwar il-kwalità tal-istatistika, bħad-duplikar tar-residenti tal-Unjoni li jgawdu l-libertà tal-moviment, jenħtieġ li jibbenefikaw minn, pereżempju, l-identifikaturi diġitali uniċi stabbiliti fil-livell tal-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.
(39)
Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), għar-Regolament (UE) 2018/1725, u għad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20). Fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom, dawk l-atti leġiżlattivi għandhom japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitqies ukoll li d-data personali pproċessata għal finijiet statistiċi fl-interess pubbliku hija data kunfidenzjali statistika, soġġetta għall-prinċipju tal-kunfidenzjalità statistika. Għalhekk, tali data għandha tintuża biss għal finijiet statistiċi u ma għandha qatt tintuża għal miżuri jew deċiżjonijiet dwar xi persuna fiżika speċifika. Jenħtieġ li data anonimizzata jew psewdonimizzata preferibbilment tintuża għall-ipproċessar, il-kondiviżjoni u l-arkivjar ta’ data personali għal finijiet ta’ statistika skont dan ir-Regolament, sabiex jiġu ggarantiti s-salvagwardji kif adottati skont l-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Meta d-data personali tiġi pproċessata skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew (UE) 2018/1725, jenħtieġ li jiġu applikati bis-sħiħ il-prinċipji tal-legalità, l-ekwità, it-trasparenza u l-akkuratezza, il-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, il-limitazzjoni tal-ħżin, u l-integrità u l-kunfidenzjalità. Bl-istess mod, jenħtieġ li japplikaw il-prinċipji statistiċi stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u żviluppati aktar fil-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea.
(40)
L-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni jenħtieġ li tevolvi biex tkun tqis il-ħtiġijiet emerġenti tad-data li joħorġu mill-prijoritajiet ta’ politika li qed jinbidlu, u mill-bidliet fis-sitwazzjoni demografika, migratorja, soċjali jew ekonomika fl-Unjoni. Il-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li twettaq studji pilota u tal-fattibbiltà li jivvalutaw il-fattibbiltà tal-adattamenti kkonċernati, kif xieraq, u jenħtieġ li tqis aspetti bħall-kostijiet u l-piżijiet amministrattivi fuq l-Istati Membri u d-disponibbiltà ta’ sorsi tad-data xierqa. Meta tħejji dawk l-istudji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura r-rappreżentattività tal-istudji fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li jiġu riflessi d-diverġenzi fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tevalwa r-riżultati ta’ dawk l-istudji f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.
(41)
Sabiex jitqiesu x-xejriet demografiċi, ekonomiċi u soċjali, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-ħtieġa li jitfasslu politiki mmirati tajjeb f’waqthom, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE sabiex temenda l-lista ta’ suġġetti dettaljati koperti mill-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni u biex tispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri għall-fini tal-ġbir ta’ data statistika addizzjonali. Hu importanti b’mod partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (21). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(42)
L-importanza tal-istatistika Ewropea bħala parti essenzjali mit-teħid tad-deċiżjonijiet abbażi tal-evidenza hija riflessa fil-qafas tal-ipprogrammar u dak finanzjarju stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta’ statistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku). Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw għal appoġġ finanzjarju mill-Programm tas-Suq Uniku kif ukoll mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), f’konformità mal-objettivi u r-regoli marbuta ma’ dawk l-istrumenti, għall-adattament tas-sistemi nazzjonali tal-istatistika tagħhom, għat-titjib tal-metodoloġija u tal-kwalità tad-data tal-istatistika, u għall-ippjanar u għall-implimentazzjoni tal-ġbir addizzjonali kollu ta’ data skont dan ir-Regolament.
(43)
Skont ir-Regolamenti (UE, Euratom) 2024/2509 (24) u (UE, Euratom) Nru 883/2013 (25) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (26), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (27) u (UE) 2017/1939 (28), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. Barra minn hekk, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, biex jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-“UPPE”) għandu s-setgħa bir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29). Skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, kull persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni għandha tikkoopera bis-sħiħ għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet meħtieġa u aċċess lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw b’kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kull parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.
(44)
Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’rabta mal-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti tad-data u tal-metadata, il-formati tekniċi u l-proċeduri għall-forniment tad-data u tal-metadata, il-kontenut u l-istruttura tar-rapporti tal-kwalità, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30).
(45)
Meta l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jew tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dan, tkun teħtieġ adattamenti kbar fis-sistema nazzjonali tal-istatistika ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni jenħtieġ li, f’każijiet debitament ġustifikati u għal żmien limitat, tkun tista’ tagħti derogi lill-Istati Membri kkonċernati.
(46)
Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-produzzjoni sistematika ta’ statistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-konsistenza u l-komparabbiltà, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.
(47)
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fis-16 ta’ Marzu 2023 (31).
(48)
Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika ġie kkonsultat,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas legali komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ statistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“ċittadinanza” tfisser ir-rabta legali partikolari bejn persuna u Stat, miksuba bit-twelid jew bin-naturalizzazzjoni, kemm jekk b’dikjarazzjoni, b’għażla, bi żwieġ, b’adozzjoni jew b’xi mezz ieħor, f’konformità mal-liġi nazzjonali;
(2)
“residenza abitwali” tfisser il-post fejn persuna normalment tqattal-perjodu tal-mistrieħ tagħha ta’ kuljum, irrispettivament mill-assenzi temporanji minħabba rikreazzjoni, vaganzi, żjarat lill-ħbieb u lill-qraba, negozju, trattament mediku jew pellegrinaġġi reliġjużi, dment li dik il-persuna:
(a)
għexet f’dak il-post għal ħafna mill-ħin matul it-12-il xahar qabel u fid-data ta’ referenza; jew
(b)
waslet f’dak il-post tul it-12-il xahar qabel u fid-data ta’ referenza, u fejn hemm intenzjoni jew aspettattiva li dik il-persuna tibqa’ hemm għal ħafna mill-ħin għal mill-inqas 12-il xahar mid-data tal-wasla tagħha;
(3)
“sinjali tal-ħajja” tfisser informazzjoni li tindika l-preżenza attwali u r-residenza abitwali ta’ persuna fit-territorju rilevanti li tista’ tinkiseb mingħand kwalunkwe sors xieraq jew kombinament tagħhom, inkluż traċċi diġitali li jirrelataw mal-persuna kkonċernata;
(4)
“migrazzjoni internazzjonali” tfisser l-avveniment biex persuna tistabbilixxi r-residenza abitwali tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru jew f’pajjiż terz, wara li qabel kienet abitwalment residenti fi Stat Membru jew f’pajjiż terz ieħor;
(5)
“immigrant” tfisser persuna li għaddiet minn migrazzjoni internazzjonali tul il-perjodu ta’ referenza biex tistabbilixxi r-residenza abitwali l-ġdida tagħha fit-territorju tal-Istat Membru tar-rapportar;
(6)
“migrant” tfisser persuna li għaddiet minn migrazzjoni internazzjonali tul il-perjodu ta’ referenza biex tistabbilixxi r-residenza abitwali l-ġdida tagħha barra mit-territorju tal-Istat Membru tar-rapportar, wara li qabel kienet abitwalment residenti fit-territorju tal-Istat Membru tar-rapportar;
(7)
“migrazzjoni interna” tfisser l-avveniment biex persuna tbiddel il-post tar-residenza abitwali tagħha fit-territorju tal-Istat Membru tar-rapportar;
(8)
“gruppi tal-popolazzjoni diffiċli biex jintlaħqu” tfisser gruppi ta’ persuni li għalihom jeżisti ostaklu reali jew perċepit għall-inklużjoni jew l-identifikazzjoni sħiħa u rappreżentattiva fil-ġbir ta’ data statistika, jew minħabba nuqqas ta’ kopertura ta’ dawn il-gruppi, jew minħabba nuqqas ta’ karatteristiċi speċifiċi biex jidentifikawhom;
(9)
“post tal-għajxien” tfisser struttura temporanja jew permanenti, post ta’ kenn jew ta’ alloġġ fejn tkun qed tgħix persuna waħda jew aktar, irrispettivament minn jekk ikunx imfassal jew maħsub għall-abitazzjoni mill-bniedem;
(10)
“bini separat” tfisser bini mdawwar b’ħitan u mgħotti b’bejt jew saqaf b’tali mod li persuna waħda jew aktar ikunu jistgħu jirrisjedu hemmhekk indipendentement minn persuni oħrajn;
(11)
“bini indipendenti” tfisser bini b’aċċess dirett minn triq, taraġ, passaġġ, kuritur jew art;
(12)
“abitazzjoni konvenzjonali” tfisser bini strutturalment separat u bini indipendenti f’post fiss, li huwa mfassal għal abitazzjoni permanenti mill-bniedem u li fid-data ta’ referenza huwa użat bħala residenza abitwali, mhux okkupat jew użat bħala residenza sekondarja jew staġjonali;
(13)
“bini maħsub għall-abitazzjoni” tfisser struttura permanenti magħmula minn abitazzjoni konvenzjonali waħda jew aktar, jew li hija maħsuba għal akkomodazzjoni istituzzjonali jew kollettiva;
(14)
“unità domestika” tfisser grupp ta’ żewġ persuni jew aktar li jaqsmu post tal-għajxien, jew persuna li ma tifformax parti minn unità domestika oħra;
(15)
“istituzzjoni” tfisser post tal-għajxien kollettiv għall-fini li tipprovdi, għal grupp ta’ persuni, abitazzjoni fit-tul u servizzi meħtieġa għall-ħajja ta’ kuljum tagħhom;
(16)
“familja” tfisser grupp ta’ żewġ persuni jew aktar li jgħixu l-parti l-kbira taż-żmien fl-istess unità domestika u li huma relatati bil-paternità jew permezz ta’ żwieġ, sħubija rreġistrata jew unjoni konsenswali;
(17)
“rekords amministrattivi” tfisser data ġġenerata minn sors nonstatistiku, li huwa normalment reġistru miżmum minn korp pubbliku, li l-għan ewlieni tiegħu ma jkunx il-forniment tal-istatistika;
(18)
“dominju” tfisser sett wieħed jew aktar tad-data li jkopri suġġetti speċifiċi;
(19)
“suġġett” tfisser il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tinġabar dwar l-unitajiet statistiċi, u kull suġġett ikun ikopri suġġett dettaljat wieħed jew aktar;
(20)
“suġġett dettaljat” tfisser il-kontenut dettaljat tal-informazzjoni li għandha tinġabar dwar l-unitajiet statistiċi relatati ma’ suġġett, b’kull suġġett dettaljat ikun ikopri varjabbli wieħed jew aktar;
(21)
“sett tad-data” tfisser varjabbli wieħed jew aktar, organizzati f’forma strutturata;
(22)
“ċensiment tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni” tfisser is-settijiet tad-data u metadata dettaljati ta’ kull għaxar snin li għandhom jiġu pprovduti skont dan ir-Regolament;
(23)
“unità statistika” tfisser membru wieħed ta’ univers ta’ entitajiet, jiġifieri persuni, oġġetti jew avvenimenti, li dwarhom tinġabar id-data u tiġi kkompilata l-istatistika;
(24)
“varjabbli” tfisser karatteristika ta’ unità statistika li jista’ jkollha aktar minn sett wieħed ta’ valuri;
(25)
“diżaggregazzjoni” tfisser sett ta’ valuri predefiniti, diskreti, eżawrjenti u reċiprokament esklużivi li jistgħu jiġu assenjati lil varjabbli li jikkaratterizzaw lil unitajiet statistiċi;
(26)
“livell nazzjonali” tfisser livell marbut mat-territorju ta’ Stat Membru;
(27)
“livell reġjonali” jew “NUTS 3” tfisser livell NUTS 3 kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003;
(28)
“livell lokali” jew “LAU” tfisser livell tal-unità amministrattiva lokali kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003;
(29)
“livell tal-grilja” tfisser grilja statistika miżmuma u ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 4a tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003;
(30)
“qafas” tfisser lista, materjal jew apparat li jiddelimita u jidentifika l-elementi tal-popolazzjoni fil-mira u li, skont l-użu tiegħu, jippermetti aċċess għal karatteristiċi addizzjonali tal-elementi jew jipprovduhom;
(31)
“data ta’ referenza” tfisser il-punt li għalih tirreferi l-istatistika;
(32)
“perjodu ta’ referenza” tfisser l-intervall taż-żmien li għalih tirreferi l-istatistika dwar l-avvenimenti;
(33)
“żmien ta’ referenza” tfisser data ta’ referenza jew perjodu ta’ referenza, skont jekk l-istatistika tkunx dwar avvenimenti jew dwar unitajiet statistiċi oħra;
(34)
“metadata” tfisser informazzjoni meħtieġa biex l-istatistika tkun tista’ tintuża u tiġi interpretata, u li tiddeskrivi s-settijiet tad-data b’mod strutturat;
(35)
“settijiet tad-data verifikati minn qabel” tfisser settijiet tad-data verifikati mill-Istati Membri abbażi ta’ regoli komuni miftiehma ta’ validazzjoni.
Artikolu 3
Bażi tal-popolazzjoni
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-bażi tal-popolazzjoni tikkonsisti fil-persuni kollha li fid-data ta’ referenza jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-Unjoni f’unità territorjali speċifikata ta’ Stat Membru, fil-livell nazzjonali, fil-livell reġjonali, fil-livell lokali jew fil-livell tal-grilja.
2. Il-bażi tal-popolazzjoni għandha tinkludi lill-persuni abitwalment residenti kollha, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom u irrispettivament minn jekk humiex jew kinux apolidi.
3. Il-bażi tal-popolazzjoni għandha teskludi lill-persuni li r-residenza abitwali tagħhom tkun barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, irrispettivament mill-post tat-twelid jew taċ-ċittadinanza, u irrispettivament minn kull rabta familjari, soċjali, ekonomika jew ta’ proprjetà li l-persuna għandha ma’ dak l-Istat Membru.
4. Meta persuna ma jkollhiex residenza abitwali, il-post tagħha fid-data ta’ referenza għandu jitqies bħala r-residenza abitwali tagħha.
5. L-Istati Membri għandhom japplikaw id-definizzjoni ta’ residenza abitwali prevista f’dan ir-Regolament għas-settijiet tad-data kollha mogħtija lill-Kummissjoni (Eurostat) skont dan ir-Regolament u għal-livell nazzjonali, il-livell reġjonali, il-livell lokali u l-livell tal-grilja, kif jinsab fl-Anness.
6. Meta japplikaw id-definizzjoni ta’ residenza abitwali, l-Istati Membri għandhom jużaw:
(a)
sors tad-data wieħed jew aktar tad-data elenkati fl-Artikolu 8(1);
(b)
metodi ta’ stima, soġġetti għall-Artikolu 11(2), biex tiġi żgurata implimentazzjoni preċiża tal-bażi tal-popolazzjoni f’konformità mal-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, bħal sinjali tal-ħajja, kif ukoll metodi ta’ stima statistika oħrajn ibbażati fuq ix-xjenza, iddokumentati sew u disponibbli pubblikament li jqisu rakkomandazzjonijiet internazzjonali u l-aħjar prattiki, biex jikkoreġu l-preżenza proprja fil-post preżunt tar-residenza abitwali għal ħafna miż-żmien tul it-12-il xahar sad-data ta’ referenza, u biex jiġi stmat l-għadd ta’ persuni li jkun beħsiebhom jew jistennew li jibqgħu għal ħafna miż-żmien tul it-12-il xahar mid-data tal-wasla.
7. Għall-fini tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kunsill id-data dwar il-popolazzjoni totali tal-Istati Membri fi tmiem kull sena ta’ referenza, kif ippubblikat mill-Kummissjoni (Eurostat) sat-30 ta’ Settembru tas-sena kalendarja wara s-sena ta’ referenza. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi din id-data abbażi ta’ informazzjoni trażmessa mill-Istati Membri fis-sett ta’ data speċifikat fl-Anness u abbażi ta’ kwalunkwe sett ta’ data rivedut trażmess mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u f’konformità mal-Artikolu 7(3), it-tieni u t-tielet subparagrafi, meta tali settijiet ta’ data jiġu trażmessi mill-Istati Membri qabel l-1 ta’ Settembru tas-sena kalendarja wara s-sena ta’ referenza.
Artikolu 4
Unitajiet statistiċi
L-istatistika skont dan ir-Regolament għandha tiġi kkumpilata għall-unitajiet statistiċi li ġejjin:
(a)
persuni;
(b)
avvenimenti vitali;
(c)
familji;
(d)
unitajiet domestiċi;
(e)
binjiet maħsuba għall-abitazzjoni;
(f)
postijiet tal-għajxien, inkluż istituzzjonijiet;
(g)
abitazzjonijiet konvenzjonali.
Artikolu 5
Rekwiżiti statistiċi
1. L-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni għandha tkopri d-dominji li ġejjin:
(a)
id-demografija;
(b)
l-akkomodazzjoni;
(c)
il-familji u l-unitajiet domestiċi.
2. L-istatistika fid-dominji elenkati fil-paragrafu 1 għandha tiġi organizzata f’settijiet tad-data f’konformità mal-lista tas-suġġetti u tas-suġġetti dettaljati u l-perjodiċità, iż-żminijiet ta’ referenza, l-iskadenzi tat-trażmissjoni tad-data u l-livelli territorjali korrispondenti tagħhom, kif jinsab fl-Anness. Meta l-unità statistika tkun persuna, is-settijiet tad-data għandhom jiġu diżaggregati tal-inqas skont il-ġeneru u l-età, ħlief kif previst fin-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna tal-Anness.
Fir-rigward tas-suġġett dettaljat “karatteristiċi tal-bini relatati mal-enerġija”, id-data li għandha tiġi trażmessa dwar l-effiċjenza enerġetika tal-bini għandha tkun ristretta għad-data disponibbli fil-bażi tad-data nazzjonali għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, stabbilit skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2024/1275, tal-Istat Membru rilevanti.
3. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 16 biex temenda l-lista tas-suġġetti dettaljati stabbiliti fl-Anness. Meta att delegat jintroduċi suġġett dettaljat ġdid, dak l-att delegat jista’ jinkludi wkoll il-perjodiċità rilevanti, iż-żmien ta’ referenza, l-iskadenza tat-trażmissjoni u l-livell territorjali. Dawn l-atti delegati għandhom jiġu adottati mill-inqas 18-il xahar qabel il-bidu taż-żmien ta’ referenza rilevanti.
4. Meta l-Kummissjoni teżerċita s-setgħa tagħha li tadotta atti delegati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tiżgura li:
(a)
l-atti delegati jkunu debitament ġustifikati u ma jimponux piż jew spiża addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti;
(b)
studji tal-fattibbiltà jew studji pilota kif imsemmi fl-Artikolu 13 jitwettqu u r-riżultati tagħhom jitqiesu qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe att delegat.
5. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika s-settijiet tad-data u l-metadata li għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni (Eurostat). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jistabbilixxu:
(a)
lista ta’ varjabbli, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u d-diżaggregazzjonijiet tagħhom, dment li d-diżaggregazzjonijiet territorjali mhumiex aktar dettaljati mil-livelli territorjali stabbiliti fl-Anness;
(b)
speċifikazzjonijiet dettaljati tal-unitajiet statistiċi u tal-metadata;
(c)
il-klassifikazzjonijiet statistiċi li għandhom jintużaw;
(d)
il-formati tekniċi għas-settijiet ta’ data u trażmissjoni ta’ metadata u speċifikazzjonijiet ulterjuri, meta meħtieġa u ġustifikati;
(e)
l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-kategoriji ta’ aġġustament iddedikati imsemmi fl-Artikolu 11(2).
6. Qabel ma l-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tivvaluta l-istatistika relatata ma’ persuni u unitajiet domestiċi diġà miġbura skont ir-Regolament (UE) 2019/1700. Meta tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ kwalunkwe varjabbli u diżaggregazzjoni diġà miġbura skont dak ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni ma għandhomx jirrikjedu data li, min-natura tagħha, tista’ tinġabar biss direttament minn individwi.
7. L-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).
Huma għandhom jiġu adottati mill-inqas 18-il xahar qabel ma jibda l-perjodu ta’ referenza rilevanti, għajr b’rabta:
(a)
mal-ewwel żminijiet ta’ referenza kif stabbilit fl-Artikolu 6(5), li għalihom l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati mill-anqas 12-il xahar qabel il-bidu taż-żmien ta’ referenza rilevanti; u
(b)
maċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni, li għalih l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati mill-inqas 24 xahar qabel ma tibda s-sena meta taħbat id-data ta’ referenza.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-atti ta’ implimentazzjoni ma jimponux piż jew spiża addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti.
8. Għandhom jitwettqu studji tal-fattibbiltà jew studji pilota kif imsemmi fl-Artikolu 13 u r-riżultati tagħhom għandhom jiġu vvalutati u jitqiesu kif xieraq qabel ma ssir kwalunkwe modifika tad-diżaggregazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu.
9. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 16 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistipula l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri għal massimu ta’ tliet snin ta’ referenza, dment li l-ġbir ta’ data addizzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jitqies li hu meħtieġ biex jiġu indirizzati ħtiġijiet addizzjonali ta’ data statistika li ma jistgħux jiġu ssodisfati b’mod ieħor. B’mod partikolari l-atti delegati msemmija f’dan il-paragrafu ma għandhomx jirriżultaw f’obbligu li jitwettaq stħarriġ statistiku ġdid.
Dawk l-atti delegati għandhom jistabbilixxu:
(a)
is-suġġetti dettaljati li għandhom jiġu koperti f’konformità ma’ dan il-paragrafu, relatati mad-dominji u s-suġġetti speċifikati fl-Anness, u r-raġunijiet għal dawk il-ħtiġijiet addizzjonali ta’ data statistika;
(b)
fir-rigward tas-suġġetti dettaljati msemmija fil-punt (a), il-perjodiċità, iż-żminijiet ta’ referenza, l-iskadenzi tat-trażmissjoni u l-livelli territorjali.
Dawk l-atti delegati ma għandhomx japplikaw għaż-żminijiet ta’ referenza qabel l-2030 u għandhom jipprevedu minimu ta’ sentejn bejn iż-żminijiet ta’ referenza għal kull ġbir ta’ data addizzjonali. Dawk l-atti delegati ma għandhomx jintroduċu rekwiżiti tal-istatistika bi żminijiet ta’ referenza li jaqgħu fis-snin ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 6(2).
Għandhom jitwettqu studji tal-fattibbiltà jew studji pilota kif imsemmi fl-Artikolu 13 u r-riżultati tagħhom għandhom jitqiesu qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe att delegat skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.
10. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafu 9 u l-metadata rilevanti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jistabbilixxu:
(a)
lista ta’ varjabbli, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u d-diżaggregazzjonijiet tagħhom, dment li d-diżaggregazzjonijiet territorjali ma jistgħux ikunu aktar dettaljati mil-livelli territorjali stabbiliti fl-att delegat korrispondenti msemmi fil-paragrafu 9, it-tieni subparagrafu, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu;
(b)
speċifikazzjonijiet dettaljati tal-unitajiet statistiċi u tal-metadata;
(c)
il-klassifikazzjonijiet statistiċi li għandhom jintużaw;
(d)
il-formati tekniċi għal settijiet ta’ data u trażmissjoni ta’ metadata u speċifikazzjonijiet ulterjuri, meta meħtieġa u ġustifikati.
L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2), sa 18-il xahar qabel jibda ż-żmien ta’ referenza rilevanti.
Għandhom jitwettqu studji tal-fattibbiltà jew studji pilota kif imsemmi fl-Artikolu 13 u r-riżultati tagħhom għandhom jitqiesu kif xieraq qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni.
11. L-istudji msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (b), fil-paragrafu 8, fil-paragrafu 9, ir-raba’ subparagrafu, u fil-paragrafu 10, it-tielet subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu ffinanzjati f’konformità mal-Artikolu 14.
Artikolu 6
Perjodiċità u żminijiet ta’ referenza
1. L-Istati Membri għandhom jipproduċu statistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni fuq bażi trimestrali, annwali u pluriennali, u f’ċensiment tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni ta’ kull għaxar snin.
2. Is-snin li jintemmu b’“1” għandhom ikunu s-snin ta’ referenza għaċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni ta’ kull għaxar snin.
3. Is-snin li jintemmu b’“1”, bil-“5” u bit-“8” għandhom ikunu s-snin ta’ referenza għall-istatistika pluriennali.
4. Il-perjodiċità u ż-żmien ta’ referenza għal kull suġġett dettaljat għandhom ikunu kif jinsab fl-Anness.
5. L-ewwel data ta’ referenza li għaliha għandha tingħata l-istatistika annwali dwar is-suġġett “stokkijiet tal-popolazzjoni” għandha tkun il-31 ta’ Diċembru 2027. L-ewwel data ta’ referenza li għaliha għandha tiġi pprovduta statistika deċennali għandha tkun il-31 ta’ Diċembru 2031. Stat Membru għandu jittrażmetti d-data dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, għall-ewwel darba, mhux aktar tard minn 24 xahar mid-data li fiha l-bażi tad-data nazzjonali għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija tkun disponibbli f’dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2024/1275. L-ewwel żmien ta’ referenza li għalih għandha tingħata kull statistika oħra skont dan ir-Regolament għandu jkun fl-2028.
Artikolu 7
Settijiet tad-data u l-metadata li għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni
1. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) settijiet tad-data u metadata verifikati minn qabel f’konformità mal-Anness, bl-użu ta’ format tekniku li għandu jiġi speċifikat mill-Kummissjoni (Eurostat). Is-servizzi ta’ punt ta’ dħul uniku għandhom jintużaw biex jittrażmettu is-settijiet tad-data u l-metadata lill-Kummissjoni (Eurostat).
2. Meta l-Istati Membri jippubblikaw settijiet tad-data meħtieġa minn dan ir-Regolament fil-livell nazzjonali qabel l-iskadenzi tat-trażmissjoni stabbiliti fl-Anness jew fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 5(9), l-Istati Membri għandhom jipprovdu dawk is-settijiet tad-data lill-Kummissjoni (Eurostat) mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ fi 30 jum kalendarju mid-data tal-pubblikazzjoni nazzjonali jew sal-iskadenzi tat-trażmissjoni stabbiliti fl-Anness jew f’dawk l-atti delegati, liema minnhom jiġi l-ewwel.
3. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat):
(a)
settijiet tad-data u metadata riveduti jekk tkun saret xi reviżjoni wara li jkunu ngħataw inizjalment is-settijiet tad-data meħtieġa skont dan ir-Regolament;
(b)
settijiet tad-data u metadata riveduti għall-perjodu taż-żmien rilevanti jekk tkun saret xi reviżjoni fis-settijiet tad-data mogħtija lill-Kummissjoni (Eurostat) qabel l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni s-settijiet tad-data u l-metadata riveduti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu sa 14-il jum kalendarju mir-reviżjoni, flimkien mar-rapportar tal-kwalità skont l-Artikolu 11.
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bla bżonn dwar kwalunkwe deċiżjoni biex jiġu riveduti s-settijiet tad-data jew il-metadata msemmija f’dan il-paragrafu.
Artikolu 8
Sorsi ta’ data u metodi
1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jużaw wieħed jew aktar mis-sorsi tad-data li ġejjin, dment li tali sorsi tad-data jkunu jippermettu l-produzzjoni ta’ statistika li tissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti fl-Artikolu 11:
(a)
sorsi tad-data amministrattiva;
(b)
stħarriġiet statistiċi jew ġabriet oħra tad-data statistika;
(c)
sorsi oħra, inkluż data miżmuma privatament;
(d)
l-użu ta’ data derivata mill-kondiviżjoni tad-data fost l-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, inkluż dawk ta’ Stati Membri oħra, u bejn dawk l-istituti u l-awtoritajiet u l-Kummissjoni (Eurostat), fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS, European Statistical System).
2. Fil-każ li talba sottomessa minn istitut nazzjonali tal-istatistika jew mill-Kummissjoni (Eurostat) lil detentur ta’ data privata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tikkonċerna data personali minn sorsi tad-data msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu, dik it-talba għandha tkun limitata għall-kategoriji ta’ data personali koperti mid-dominji u s-suġġetti speċifikati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jew meħtieġa għall-metodi ta’ stima statistika f’konformità mal-Artikolu 3(6), il-punt (b).
3. L-Istati Membri għandu jkollhom il-mira li jiżviluppaw kontinwament sorsi u metodi innovattivi u jużawhom biex itejbu l-istatistika miġbura skont dan ir-Regolament, dment li dawn ikunu jippermettu l-produzzjoni ta’ statistika li tissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti fl-Artikolu 11.
4. L-istatistika miġbura skont dan ir-Regolament għandha tkun ibbażata fuq metodi statistikament sodi u dokumentati sew, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali u l-aqwa prattiki bħas-sinjali tal-ħajja u metodi oħra ta’ stima statistika bbażati fuq ix-xjenza użati għall-kompilazzjoni tal-istatistika dwar il-popolazzjoni abitwalment residenti fl-Istati Membri.
Artikolu 9
Aċċess f’waqtu għal, u użu ta’, data amministrattiva
1. Skont l-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, il-korpi pubbliċi u semipubbliċi nazzjonali responsabbli għas-sorsi tad-data amministrattiva rilevanti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jippermettu l-użu tad-data f’waqtu u bi frekwenza biżżejjed biex jippermettu l-produzzjoni u t-trażmissjoni tal-istatistika sal-iskadenzi u f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tal-kwalità stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u l-korpi pubbliċi u semipubbliċi nazzjonali responsabbli għar-rekords amministrattivi għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni meħtieġa biex jiżguraw l-aċċess għal dawk ir-rekords f’waqtu u mingħajr ħlas.
2. Għall-fini tal-produzzjoni ta’ statistika dwar is-suġġett dettaljat tal-karatteristiċi tal-bini relatati mal-enerġija, l-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 għandu jkollhom aċċess f’waqtu u regolari għall-bażijiet tad-data nazzjonali dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija f’konformità mad-Direttiva (UE) 2024/1275, u għandhom jitħallew jużaw id-data amministrattiva minn dawk il-bażijiet tad-data.
3. Għall-fini tal-produzzjoni ta’ diżaggregazzjonijiet tal-popolazzjoni skont il-ġeneru, l-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 għandhom jużaw l-informazzjoni disponibbli fis-sorsi ta’ data amministrattiva nazzjonali.
4. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha titħalla, meta titlob dan, taċċessa u tuża f’waqtu d-data u l-metadata rilevanti mill-bażijiet tad-data u s-sistemi tal-interoperabbiltà miżmuma mill-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, inkluż dawk stabbiliti skont ir-Regolamenti (UE) Nru 910/2014 u (UE) 2018/1724, u data statistika maħżuna fir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika (CRRS). B’mod partikolari, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha titħalla taċċessa d-data mis-CRRS li joriġinaw minn sistemi interoperabbli tal-IT fuq skala kbira ġestiti mill-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (l-“eu-LISA”), f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 u mar-Regolamenti li jistabbilixxu s-sistemi li d-data statistika tagħhom tinħażen fis-CRRS. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tibqa’ tikkoopera mal-korpi u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni biex tispeċifika d-data statistika u l-metadata personalizzati meħtieġa, meta possibbli skont il-liġijiet tal-Unjoni, għal statistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni, l-arranġamenti operazzjonali għall-forniment tagħha u s-salvagwardji fiżiċi u loġiċi meħtieġa li jakkumpanjawha.
Artikolu 10
Listi tal-pajjiżi u t-territorji
1. Meta s-settijiet tad-data jkunu jinkludu informazzjoni skont il-pajjiż jew it-territorju, l-Istati Membri għandhom jużaw diżaggregazzjonijiet speċifiċi għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw jew jaġġornaw il-listi tal-pajjiżi u t-territorji li japplikaw għad-diżaggregazzjonijiet tal-istatistika miġbura skont dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-Regolament.
3. L-atti ta’ implimentazzjoni li jemendaw aktar minn 25 % tal-kategoriji ta’ diżaggregazzjoni tal-pajjiżi jew tat-territorji għandhom japplikaw mhux qabel 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ tagħhom.
Artikolu 11
Rekwiżiti tal-kwalità u rappurtar dwar il-kwalità
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kwalità tas-settijiet tad-data u l-metadata trażmessi permezz ta’ valutazzjoni u monitoraġġ:
(a)
tal-kwalità tas-sorsi tad-data użati;
(b)
tal-eżawrjenza u l-akkuratezza tal-popolazzjoni koperta f’konformità mal-Artikolu 3(6), b’mod partikolari fir-rigward tal-gruppi tal-popolazzjoni diffiċli biex jintlaħqu.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data miksuba bl-użu tas-sorsi u l-metodi stabbiliti fl-Artikolu 8 tagħti stima preċiża tal-popolazzjoni f’konformità mal-Artikolu 3.
Il-kwalità tal-kopertura tad-data abbażi tal-Artikolu 3(6) għandha tiġi kkonfermata u deskritta bir-reqqa mill-Istati Membri fil-metadata ta’ akkumpanjament u r-rapporti tal-kwalità skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.
L-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi ta’ stima mwettqa għall-popolazzjoni totali fil-livell nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 3(6), il-punt (b), u deskritti fir-rapporti tal-kwalità, biex jaġġustaw is-settijiet tad-data kollha għas-suġġetti dettaljati “il-karatteristiċi bażiċi tal-persuna”, “il-karatteristiċi soċjoekonomiċi tal-persuna” u “is-sitwazzjoni tal-unità domestika tal-persuna”, imħejjija abbażi tas-sorsi msemmija fl-Artikolu 3(6), il-punt (a).
L-Istati Membri jistgħu jużaw dawk il-metodi ta’ stima għal aktar diżaggregazzjonijiet dettaljati. Għal dak l-għan, l-Istati Membri jistgħu jużaw kategorija ta’ aġġustament iddedikata.
3. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw il-kriterji tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.
4. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa u effettivi biex:
(a)
jistabbilixxu oqfsa li huma validi għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u li jistgħu jintużaw għall-finijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/1700;
(b)
jevitaw riskji possibbli ta’ qbiż fl-għadd jew ta’ għadd doppju relatati mal-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni u, sa fejn hu possibbli, mal-aċċess tal-persuni għas-servizzi transfruntieri relatati mal-avvenimenti vitali, u mad-drittijiet tal-persuni li jixtru proprjetà transfruntiera, li jippossjedu u jużaw proprjetà għall-akkomodazzjoni fl-Unjoni, permezz, fost l-oħrajn, tal-użu ta’ identifikaturi diġitali uniċi;
(c)
jevitaw riskji possibbli ta’ qbiż fl-għadd jew ta’ għadd doppju u jiżguraw komparabbiltà aħjar ta’ flussi migratorji.
5. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tivvaluta l-kwalità tal-metadata dwar l-ispeċifikazzjonijiet u tad-data trażmessa bil-ħsieb, fost l-oħrajn, li tippubblikaha b’mod faċli għall-utent fuq is-sit web tal-Kummissjoni (Eurostat).
6. L-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport tal-kwalità lill-Kummissjoni (Eurostat), għall-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru 2030, u sussegwentement sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena li tintemm b’“0”, bi “3” jew b’“7”, li jiddeskrivi l-kwalità tal-istatistika pprovduta u l-proċessi statistiċi għas-settijiet tad-data pprovduti tul il-perjodu rilevanti. Dawk ir-rapporti tal-kwalità għandhom jinkludu informazzjoni dwar is-sorsi tad-data u l-metodi użati, l-applikazzjoni tal-kunċetti u d-definizzjonijiet u l-effetti possibbli relatati fuq il-kwalità tas-sorsi tad-data magħżula, ir-reviżjonijiet tad-data u r-raġunijiet u l-impatti tagħhom u l-metodi tal-kontroll tal-iżvelar statistiku. Ir-rapporti tal-kwalità għandhom jagħtu wkoll dettalji dwar kif l-Istati Membri applikaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u kif ġew issodisfati l-kriterji tal-kwalità msemmija fil-paragrafu 3.
7. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi għar-rapporti tal-kwalità u l-kontenut tagħhom, imsemmija fil-paragrafi 6 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni ma għandhomx jimponu piż jew spiża addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri. Għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).
8. Kwalunkwe adattament kbir previst mill-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu jista’ jkun is-suġġett ta’ appoġġ finanzjarju u tekniku skont l-Artikolu 14 jew soġġett għal deroga skont l-Artikolu 18.
9. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw kemm jista’ jkun malajr lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar kull informazzjoni jew bidla rilevanti b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jaffettwaw il-kwalità tal-istatistika pprovduta u għandhom, fil-każ ta’ effett negattiv fuq il-kwalità ta’ dik l-istatistika, jieħdu azzjoni biex isolvu l-kwistjoni mingħajr dewmien bla bżonn.
10. Fuq talba debitament ġustifikata mill-Kummissjoni (Eurostat), l-Istati Membri għandhom jipprovdu, mingħajr dewmien żejjed, il-kjarifiki addizzjonali meħtieġa għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwalità tal-informazzjoni statistika, bħar-riżultati tal-valutazzjoni tas-sorsi tad-data u d-dokumentazzjoni tal-metodi.
Artikolu 12
Kondiviżjoni tad-data
1. L-għan tal-kondiviżjoni tad-data fost l-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, inklużi dawk ta’ Stati Membri oħra, u bejn dawk l-istituti u l-awtoritajiet u l-Kummissjoni (Eurostat) għandu jkun esklużivament biex tiġi żviluppata u prodotta l-istatistika Ewropea li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u biex titjieb il-kwalità ta’ tali statistika Ewropea.
2. Għall-fini li tiġi żgurata l-kondiviżjoni sigura tad-data fl-ESS, bis-salvagwardji meħtieġa kollha b’rabta mal-protezzjoni fiżika, teknika u loġika tad-data, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tistabbilixxi infrastruttura sigura biex tiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1. L-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 jistgħu jużaw dik l-infrastruttura sigura għall-kondiviżjoni tad-data għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni (Eurostat) u dawk l-istituti u l-awtoritajiet li jużaw dik l-infrastruttura sigura għall-kondiviżjoni tad-data għall-ipproċessar ta’ data personali f’konformità mal-paragrafu 3 għandhom jitqiesu bħala kontrolluri konġunti għall-ipproċessar ta’ data personali fl-infrastruttura sigura għall-kondiviżjoni tad-data. Fil-każ li dawk l-istituti u l-awtoritajiet jużaw infrastruttura oħra għall-kondiviżjoni tad-data, huma għandhom jiżguraw li tali infrastruttura tipprevedi sigurtà li hija tal-anqas ekwivalenti għas-sigurtà pprovduta mill-infrastruttura sigura għall-kondiviżjoni tad-data stabbilita mill-Kummissjoni (Eurostat).
3. Il-kondiviżjoni ta’ data kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (7), tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 jew data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew (UE) 2018/1725, tista’ ssir b’mod volontarju dment li tali kondiviżjoni tkun:
(a)
ibbażata fuq talba li tiġġustifika l-ħtieġa li d-data tiġi kondiviża f’kull każ individwali, b’mod partikolari b’rabta ma’ kwistjonijiet tal-kwalità li għandhom jiġu indirizzati speċifikament;
(b)
ibbażata fuq teknoloġiji li jsaħħu l-privatezza u mfassla speċifikament biex jimplimentaw il-prinċipji tar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725, b’attenzjoni partikolari għal-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, il-limitazzjoni tal-ħżin, l-integrità u l-kunfidenzjalità;
(c)
imwettqa f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.
4. Għall-fini stabbilit fil-paragrafu 1, id-data mhux kunfidenzjali għandha tiġi kondiviża fost l-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, inklużi dawk ta’ Stati Membri oħra, u bejn dawk l-istituti u l-awtoritajiet u l-Kummissjoni (Eurostat).
5. Il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri għandhom iwettqu studji pilota biex jittestjaw u jivvalutaw l-infrastruttura għat-teknoloġiji rilevanti li jtejbu l-privatezza fil-kondiviżjoni tad-data, u l-adegwatezza tagħhom.
6. Meta l-istudji pilota mwettqa skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu jidentifikaw soluzzjonijiet effettivi u siguri għall-kondiviżjoni tad-data għall-fini stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi għall-kondiviżjoni tad-data u miżuri għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-informazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).
Artikolu 13
Studji pilota u tal-fattibbiltà
1. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, meta meħtieġ u xieraq għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, tniedi studji pilota u tal-fattibbiltà bil-għan li:
(a)
tivvaluta d-disponibbiltà tas-sorsi tad-data u l-kwalità tagħhom, inkluż ta’ data miżmuma pubblikament u privatament fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali;
(b)
tiżviluppa, u tivvaluta l-fattibbiltà tal-implimentazzjoni ta’, suġġetti dettaljati ġodda, unitajiet statistiċi ġodda, u varjabbli ġodda u d-diżaggregazzjonijiet tagħhom, kif ukoll tiżviluppa u tivvaluta l-fattibbiltà ta’ kwistjonijiet oħra koperti mill-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament;
(c)
tivvaluta d-disponibbiltà tas-sorsi tad-data dwar id-diżabbiltà ta’ persuni u tittestja l-istatistika diżaggregata, f’konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data u l-kontroll tad-divulgazzjoni;
(d)
tiżviluppa metodoloġiji u tekniki statistiċi ġodda biex issaħħaħ il-kwalità u ttejjeb l-informazzjoni dwar gruppi ta’ popolazzjoni diffiċli biex jintlaħqu;
(e)
tnaqqas l-assimetriji fid-data tal-flussi migratorji u tiżgura l-komparabbiltà mtejba tal-flussi migratorji;
(f)
tnaqqas il-possibbiltà ta’ għadd insuffiċjenti jew għadd doppju tan-nies;
(g)
tittestja u tivvaluta l-infrastruttura għat-teknoloġiji rilevanti li jsaħħu l-privatezza għal kondiviżjoni sigura tad-data fl-ESS f’konformità mal-Artikolu 12(5), u l-adegwatezza tagħhom;
2. L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fl-istudji pilota u tal-fattibbiltà msemmija fil-paragrafu 1 iżda, flimkien mal-Kummissjoni (Eurostat), għandhom jiżguraw ir-rappreżentattività ta’ dawk l-istudji fil-livell tal-Unjoni.
3. Ir-riżultati tal-istudji pilota u tal-fattibbiltà msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni (Eurostat) b’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tħejji rapporti, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, dwar is-sejbiet ta’ dawk l-istudji.
Artikolu 14
Finanzjament
1. Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Programm tas-Suq Uniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/690, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, lill-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, għal:
(a)
adattamenti tal-infrastruttura u t-taħriġ fis-sistema nazzjonali tal-istatistika meħtieġa għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’: sorsi tad-data, metodoloġiji, kondiviżjoni tad-data, unitajiet statistiċi, suġġetti, suġġetti dettaljati, u varjabbli ġodda jew imtejba, u d-diżaggregazzjonijiet tagħhom;
(b)
it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-ġbir tad-data statistika addizzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 5(9);
(c)
il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fi studji pilota u tal-fattibbiltà rappreżentattivi msemmija fl-Artikolu 13.
Kontribuzzjoni finanzjarja tista’ wkoll issir disponibbli mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
2. L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi stabbilit f’konformità mar-regoli tal-Programm tas-Suq Uniku bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali, soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.
L-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 jistgħu japplikaw ukoll għal appoġġ minn programmi finanzjarji applikabbli oħrajn tal-Unjoni f’konformità mar-regoli ta’ programmi bħal dawn. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu japplikaw għall-appoġġ mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku biex itejbu l-kwalità tal-istatistika u jiżviluppaw metodoloġiji b’appoġġ għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament f’konformità mar-regoli tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku u mal-objettiv tiegħu li jrawwem il-produzzjoni, il-forniment u l-monitoraġġ tal-kwalità tad-data u tal-istatistika.
3. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex taqbeż id-90 % tal-kostijiet eliġibbli.
Artikolu 15
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
Meta pajjiż terz jipparteċipa fl-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament b’deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta’ xi strument legali ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzatorju responsabbli, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.
Artikolu 16
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(3) u (9) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Jannar 2026. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem ta’ dak il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(3) u (9) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(3) jew (9) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 17
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni gћandha tkun assistita mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit mill-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 18
Derogi
1. Meta l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jew l-atti delegati jew ta’ implimentazzjoni adottati skont dan, tkun teżiġi xi adattamenti kbar fis-sistema nazzjonali tal-istatistika ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tagħti derogi lill-Istati Membri kkonċernati, għal massimu ta’ tliet snin f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 4 u 5.
2. Meta hemm evidenza suffiċjenti fi tmiem il-perjodu li għalih tkun ingħatat li deroga kif imsemmi fil-paragrafu 1 tibqa’ ġġustifikata, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tagħti deroga sussegwenti għal massimu ta’ tliet snin f’konformità mal-paragrafi 4 u 5.
3. Meta tagħti derogi skont il-paragrafu 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tqis il-komparabbiltà tal-istatistika tal-Istat Membri u l-bżonn ta’ kalkolu f’waqtu tal-aggregati statistiċi rappreżentattivi u affidabbli meħtieġa fil-livell Ewropew. Meta tagħti tali derogi, il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li r-rekwiżiti relatati mal-istatistika, mal-metadata u mal-kwalità koperti minn dan ir-Regolament, u koperti, qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, mir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 jew mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, jissoktaw bla interruzzjoni.
4. L-Istati Membri li jitolbu deroga skont il-paragrafu 1 għandhom jippreżentaw talba debitament ġustifikata lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ikkonċernat, jew, fil-każ ta’ talba għal estensjoni skont il-paragrafu 2, sitt xhur qabel tmiem il-perjodu li għalih tkun ingħatat id-deroga eżistenti.
5. L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).
Artikolu 19
Emendi għar-Regolament (KE) Nru 862/2007
Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 huwa emendat kif ġej:
(1)
it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Ewropea dwar proċeduri ta’ ażil u dwar il-proċeduri amministrattivi u ġuridiċi relatati mal-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin”
;(2)
fl-Artikolu 1, il-punti (a) u (b) jitħassru;
(3)
l-Artikolu 2(1) huwa emendat kif ġej:
(a)
jitħassru l-punti (a), (b) u (c) jitħassru;
(b)
il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(d)
‘ċittadinanza’ tfisser ċittadinanza kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2025/2458 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1)
(*1) Ir-Regolament (UE) 2025/2458 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2025 dwar l-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 763/2008 u (UE) Nru 1260/2013 (ĠU L, 2025/2458, 12.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2458/oj).” "
;(c)
il-punti (f) u (g) jitħassru.
(4)
l-Artikolu 3 jitħassar;
(5)
jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
“Artikolu 9c
Aċċess f’waqtu u użu ta’ data amministrattiva
1. Skont l-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, il-korpi pubbliċi u semipubbliċi nazzjonali responsabbli għas-sorsi tad-data amministrattiva rilevanti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jippermettu l-użu ta’ dawk is-sorsi tad-data f’waqtu u bi frekwenza biżżejjed biex jippermettu l-produzzjoni u t-trażmissjoni tal-istatistika sal-iskadenzi u f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tal-kwalità stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u l-korpi pubbliċi u semipubbliċi nazzjonali responsabbli għar-rekords amministrattivi għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni meħtieġa biex jiżguraw l-aċċess għal dawk ir-rekords f’waqtu u mingħajr ħlas.
2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha titħalla, meta titlob dan, taċċessa u tuża f’waqtu d-data u l-metadata rilevanti mill-bażijiet tad-data u s-sistemi tal-interoperabbiltà miżmuma mill-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, inkluż dawk stabbiliti skont ir-Regolamenti (UE) Nru 910/2014 (*2) u (UE) 2018/1724 (*3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u data statistika maħżuna fir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika (CRRS). B’mod partikolari, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha titħalla taċċessa d-data mis-CRSS li joriġinaw mis-Sistemi interoperabbli tal-IT fuq Skala Kbira (LSITs) ġestiti mill-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (l-‘eu-LISA’), f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2019/817 (*4) u (UE) 2019/818 (*5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mar-Regolamenti li jistabbilixxu s-sistemi li d-data statistika tagħhom tinħażen fis-CRRS. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tibqa’ tikkoopera mal-korpi u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni biex tispeċifika d-data statistika u l-metadata personalizzati meħtieġa, meta possibbli skont il-liġijiet tal-Unjoni, għal statistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni, l-arranġamenti operazzjonali għall-forniment tagħha u s-salvagwardji fiżiċi u loġiċi meħtieġa li jakkumpanjawha.
(*2) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj)."
(*3) Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1, ELIhttp://data.europa.eu/eli/reg/2018/1724/oj:)."
(*4) Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/817/oj)."
(*5) Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/818/oj).”;"
(6)
jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
“Artikolu 10a
Listi tal-pajjiżi u t-territorji
Il-listi tal-pajjiżi u t-territorji msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2025/2458 għandhom jiġu applikati għall-kompilazzjoni tal-istatistika skont dan ir-Regolament biex tkun żgurata l-komparabbiltà tad-dettalji speċifiċi għall-pajjiżi u speċifiċi għat-territorji fl-istatistika Ewropea kollha. L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-listi għall-ewwel darba biex jikkompilaw l-istatistika meħtieġa skont dan ir-Regolament, li tibda bit-trażmissjonijiet tad-data għas-sena ta’ referenza 2028.”.
Artikolu 20
Tħassir
Ir-Regolamenti (KE) Nru 763/2008 u (UE) Nru 1260/2013 huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2028, mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti f’dawk l-atti legali b’rabta mal-perjodi ta’ referenza li jaħbtu, kompletament jew parzjalment, qabel dik id-data.
Ir-referenzi għar-Regolamenti mħassra msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2028.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Novembru 2025.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(1) ĠU C 228, 29.6.2023, p. 148.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (ĠU C, C/2025/3787, 17.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3787/oj) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tad-29 ta’ Settembru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Novembru 2025.
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi qafas komuni għall-istatistika Ewropea relatata ma’ persuni u unitajiet domestiċi, abbażi ta’ data fuq livell individwali miġbura minn kampjuni, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 808/2004, (KE) Nru 452/2008 u (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 (ĠU L 261 I, 14.10.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1700/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar statistika demografika Ewropea (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1260/oj).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2021/1004/oj).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data soġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/223/oj).
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/862/oj).
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/763/oj).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1059/oj).
(10) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1799 tal-21 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment ta’ azzjoni statistika diretta temporanja għad-disseminazzjoni ta’ suġġetti magħżula taċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar tal-2021 ġeokodifikat fuq grilja ta’ 1 km2 (ĠU L 296, 22.11.2018, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1799/oj).
(11) Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/2/oj).
(12) Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/31/oj).
(13) Id-Direttiva (UE) 2024/1275 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L, 2024/1275, 8.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1275/oj).
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj).
(15) Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1724/oj).
(16) Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/817/oj).
(17) Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/818/oj).
(18) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(19) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(20) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).
(21) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.
(22) Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/690/oj).
(23) Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/240/oj).
(24) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(25) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/883/oj).
(26) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/2988/oj).
(27) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2, ELI:) http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2185/oj.
(28) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1939/oj).
(29) Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/1371/oj).
(30) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).
(31) ĠU C 123, 5.4.2023, p. 9.
ANNESS
Dominji, suġġetti u suġġetti dettaljati bil-perjodiċità, żmien ta’ referenza, skadenza tat-trażmissjoni u livell territorjali għal kull suġġett dettaljat
Dominju
Suġġett
Suġġett dettaljat
Perjodiċità
Żmien ta’ referenza (data jew perjodu)
Skadenza tat-trażmissjoni
Livell territorjali
Demografija
Stokkijiet tal-popolazzjoni
Il-karatteristiċi bażiċi tal-persuna
A
31.12.SS
T+60 jum
Nazzjonali (1)
T+6 xhur
Nazzjonali (2) + (3)
T+10 xhur (4)
NUTS 3
T+12-il xahar (5)
Grilja (2)
PA
31.12.SS
T+18-il xahar (5)
NUTS 3
PA
31.12.SS
T+24 xahar
LAU
D
31.12.SS
T+18-il xahar (5)
NUTS 3
D
31.12.SS
T+24 xahar
LAU
Il-karatteristiċi soċjoekonomiċi tal-persuna
PA
31.12.SS
T+18-il xahar (5)
NUTS 3 + Grilja (6)
PA
31.12.SS
T+24 xahar
LAU
D
31.12.SS
T+24 xahar
NUTS 3 + LAU
Fertilità
Twelid ħaj
T
Xahar
T+60 jum
Nazzjonali (1)
A
Sena
T+10 xhur (4)
NUTS 3 + LAU
Aborti kkawżati legalment (6)
A
Sena
T+12-il xahar
Nazzjonali
Mortalità
Imwiet
T
Xahar, Ġimgħa (6)
T+60 jum
Nazzjonali (2)
A
Sena
T+10 xhur (4)
NUTS 3 + LAU
Imwiet tat-trabi
A
Sena
T+9 xhur (4)
Nazzjonali
Imwiet tal-fetu tard (6)
A
Sena
T+12-il xahar
Nazzjonali
Unjonijiet
Żwiġijiet u unjonijiet reġistrati
A
Sena
T+12-il xahar
Nazzjonali
Karatteristiċi tal-persuni li jidħlu fiż-żwieġ jew f’unjoni reġistrata
A
Sena
T+12-il xahar
Nazzjonali
Divorzji u unjonijiet reġistrati mitmuma
A
Sena
T+12-il xahar
Nazzjonali
Migrazzjoni
Immigranti
T
Xahar
T+120 jum
Nazzjonali (1)
A
Sena
T+6 xhur
Nazzjonali (2)
T+12-il xahar
NUTS 3
Emigranti
A
Sena
T+6 xhur
Nazzjonali (2)
T+12-il xahar
NUTS 3
Migrazzjoni interna
A
Sena
T+12-il xahar
NUTS 3
Ksib u telf taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u tal-Unjoni
Persuni li kisbu ċ-ċittadinanza
A
Sena
T+9 xhur
Nazzjonali
Persuni li tilfu/irrinunzjaw iċ-ċittadinanza
A
Sena
T+9 xhur (4)
Nazzjonali
Akkomodazzjoni
Postijiet tal-għajxien
Karatteristiċi tal-postijiet tal-għajxien
D
31.12.SS
T+24-il xahar
NUTS 3 + LAU
Abitazzjonijiet konvenzjonali
Karatteristiċi bażiċi tal-bini
PA
31.12.SS
T+24-il xahar
NUTS 3 + LAU + Grilja
D
31.12.SS
T+24-il xahar
NUTS 3 + LAU
Karatteristiċi tal-bini relatati mal-enerġija (7)
A (mill-2035 ’il quddiem)
31.12.SS
T+12-il xahar
NUTS 3
PA
31.12.SS
T+18-il xahar (5)
NUTS 3 + Grilja
D
31.12.SS
T+24-il xahar
NUTS 3 + LAU
Abitazzjonijiet konvenzjonali okkupati
Karatteristiċi tal-abitazzjonijiet konvenzjonali okkupati
D
31.12.SS
T+24-il xahar
NUTS 3
Użu tal-abitazzjonijiet konvenzjonali okkupati
D
31.12.SS
T+24-il xahar
NUTS 3
Familji u unitajiet domestiċi
Familji
Karatteristiċi tal-familja
D
31.12.SS
T+24-il xahar
NUTS 3 + LAU
Unitajiet Domestiċi
Karatteristiċi tal-unità domestika
A
31.12.SS
T+24-il xahar
Nazzjonali
PA
31.12.SS
T+24-il xahar
NUTS 3 + LAU
Is-sitwazzjoni tal-unità domestika tal-persuna
A
31.12.SS
T+24-il xahar
NUTS 3
D
31.12.SS
T+24-il xahar
NUTS 3 + LAU
Kodiċi għall-kolonna intestata “Perjodiċità”
Trimestrali
T
Annwali
A
Pluriennali (snin li jintemmu b’“1”, bil-“5”, bit-“8”)
PA
Kull għaxar snin (snin li jispiċċaw b’“1”)
D
(1) L-ewwel stima taċ-ċifra totali fil-livell nazzjonali.
(2) L-ewwel stima, id-diżaggregazzjonijiet huma limitati għall-età u s-sess.
(3) Il-popolazzjoni totali fil-livell nazzjonali f’dan is-sett ta’ data hija pprovduta mill-Kummissjoni lill-Kunsill skont l-Artikolu 3(7).
(4) T+12-il xahar sa 2035.
(5) T+24-il xahar sa 2035.
(6) Din tingħata b’mod volontarju.
(7) Skont l-Artikolu 6(5) ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru għandu jittrażmetti d-data dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, għall-ewwel darba, mhux aktar tard minn 24 xahar mid-data li fiha l-bażi tad-data nazzjonali għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija stabbilit skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2024/1275 tkun disponibbli f’dak l-Istat Membru. Skont l-Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu ta’ dan ir-Regolament, id-data dwar l-effiċjenza enerġetika tal-bini għandha tkun ristretta għad-data disponibbli f’din il-bażi tad-data nazzjonali.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2458/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top