Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2025/2518
12.12.2025
REGOLAMENT (UE) 2025/2518 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-26 ta’ Novembru 2025
li jistabbilixxi regoli proċedurali addizzjonali dwar l-infurzar tar-Regolament (UE) 2016/679
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1)
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi sistema ta’ infurzar deċentralizzata li għandha l-għan li tiżgura l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti ta’ dak ir-Regolament f’każijiet li jikkonċernaw l-ipproċessar transkonfinali. F’tali każijiet, is-sistema ta’ infurzar deċentralizzata tirrikjedi kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji fi sforz biex jiksbu kunsens. Fejn l-awtoritajiet superviżorji ma jkunux jistgħu jiksbu kunsens, ir-Regolament (UE) 2016/679 jipprevedi riżoluzzjoni tat-tilwim mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (il-“Bord”).
(2)
Sabiex jiġi previst il-funzjonament bla xkiel u effettiv tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u tal-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim kif previst fl-Artikoli 60 u 65 tar-Regolament (UE) 2016/679, rispettivament, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar it-twettiq ta’ proċedimenti mill-awtoritajiet superviżorji f’każijiet li jikkonċernaw l-ipproċessar transkonfinali, u mill-Bord matul ir-riżoluzzjoni tat-tilwim, inkluż it-trattament ta’ lmenti. Għal dik ir-raġuni, huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw l-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji u, skont il-każ, mill-Bord.
(3)
Fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni li jirregolaw il-kwistjoni, huwa f’idejn kull Stat Membru, f’konformità mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji maħsuba biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mil-liġi tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-liġi proċedurali ta’ kull Stat Membru tapplika għall-awtoritajiet superviżorji sa fejn dan ir-Regolament ma jarmonizzax kwistjoni, u dment li tali regoli proċedurali nazzjonali ma jfixklux il-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza tal-liġi tal-Unjoni.
(4)
Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura li l-investigazzjonijiet f’każijiet li jikkonċernaw l-ipproċessar transkonfinali jitwettqu f’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari li jitwettqu b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli. Dan ir-Regolament, għalhekk, jistabbilixxi xi prinċipji orizzontali relatati mal-proċeduri fl-infurzar tar-Regolament (UE) 2016/679 għal tali każijiet.
(5)
L-ilmenti huma sors essenzjali ta’ informazzjoni għall-identifikazzjoni ta’ ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. L-informazzjoni mogħtija minn ilmentatur bħala parti mill-ilment imressaq jew meta jesprimi l-fehmiet tiegħu tista’ tinkludi argumenti u evidenza li jistgħu jgħinu biex isir progress fl-investigazzjoni. L-istabbiliment ta’ proċeduri ċari u effiċjenti għat-trattament tal-ilmenti f’każijiet li jikkonċernaw l-ipproċessar transkonfinali huwa meħtieġ peress li huwa possibbli li l-ilment jiġi ttrattat minn awtorità superviżorja minbarra dik li quddiemha jkun tressaq l-ilment.
(6)
Jenħtieġ li lment jinftiehem bħala talba mressqa minn suġġett tad-data lil awtorità superviżorja f’konformità mal-Artikolu 77(1) jew l-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2016/679. Is-sempliċi rappurtar ta’ ksur allegat li ma jikkonċernax l-ipproċessar ta’ data personali relatata mas-suġġett tad-data, talbiet għal parir minn kontrolluri jew proċessuri jew talbiet ġenerali rigward l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679, jew minn kontrolluri, proċessuri jew persuni fiżiċi, ma għandux jitqies bħala lment.
(7)
Sabiex ilment li jikkonċerna l-ipproċessar transkonfinali jkun ammissibbli, jenħtieġ li jkun fih informazzjoni speċifikata. Jenħtieġ li ma tkun meħtieġa l-ebda informazzjoni addizzjonali għal dik speċifikata f’dan ir-Regolament biex tali lment ikun ammissibbli. Jibqgħu japplikaw il-modalitajiet u r-rekwiżiti amministrattivi ta’ ammissibbiltà għall-ilmenti skont il-liġi nazzjonali tal-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq ilment, bħal-lingwa, l-istatut tal-limitazzjonijiet, il-mezzi ta’ identifikazzjoni, il-forma elettronika, il-mudell speċifiku jew il-firma.
(8)
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna li tressaq l-ilment jistgħu jinkludu indirizz postali, post ta’ residenza u, fejn disponibbli, indirizz elettroniku. Il-fatt li l-ilmentatur ikun persuna fiżika li ma tkunx f’pożizzjoni li teżerċita d-dritt tagħha li tressaq ilment mingħajr l-assistenza ta’ rappreżentant legali, pereżempju minħabba li hija minuri jew minħabba li għandha diżabbiltà jew vulnerabbiltà, u, għalhekk, teżerċita d-drittijiet tagħha permezz ta’ persuna oħra, bħal ġenitur, kustodju legali jew membru tal-familja, dment li tali rappreżentanza tkun permessa skont il-liġi nazzjonali, jeħtieġ li jiġi identifikat b’mod ċar fil-mument li fih jitressaq l-ilment.
(9)
Meta l-ilment jitressaq minn korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ msemmija fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li tingħata prova li l-korp, l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni tkun ġiet ikkostitwita kif xieraq f’konformità mal-liġi ta’ Stat Membru flimkien mal-isem u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ tali korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni kif ukoll prova li tali korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni qed taġixxi abbażi tal-mandat tas-suġġett tad-data. Il-modalitajiet u l-proċeduri għal tali prova jiġu ddeterminati f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment.
(10)
Jenħtieġ li l-ilmentatur ma jkunx meħtieġ jikkuntattja lill-parti investigata qabel ma jressaq ilment sabiex dak l-ilment ikun ammissibbli. Meta l-ilment ikun relatat mal-eżerċizzju ta’ dritt tas-suġġett tad-data li jserraħ fuq li s-suġġett tad-data kkonċernat jagħmel talba lill-kontrollur, dik it-talba jenħtieġ li ssir lill-kontrollur qabel ma jitressaq l-ilment.
(11)
Jenħtieġ li l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment tiddetermina, permezz ta’ konklużjoni preliminari, jekk l-ilment jikkonċernax l-ipproċessar transkonfinali, l-awtorità superviżorja preżunta li hija kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija f’konformità mal-Artikolu 56(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, u jekk l-Artikolu 56(2) ta’ dak ir-Regolament japplikax. Meta ma tkunx inbdiet proċedura ta’ riżoluzzjoni bikrija, l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment jenħtieġ li tibgħat l-ilmenti ammissibbli lill-awtorità superviżorja preżunta li hija kompetenti biex taġixxi bħala awtorità superviżorja ewlenija u tinforma lill-ilmentatur b’dan. Id-determinazzjoni tal-ammissibbiltà tal-ilment mill-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment jenħtieġ li tkun vinkolanti fuq l-awtorità superviżorja ewlenija.
(12)
Huwa importanti li l-awtoritajiet superviżorji jiffaċilitaw il-preżentazzjoni tal-informazzjoni kollha meħtieġa mill-ilmentatur, pereżempju billi jipprovdu mudelli jew formoli elettroniċi, filwaqt li jqisu l-gwida rilevanti tal-Bord. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jiffaċilitaw it-tressiq ta’ lmenti f’format elettroniku faċli għall-utent filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà, sakemm l-informazzjoni meħtieġa mill-ilmentatur tikkorrispondi għall-informazzjoni speċifikata meħtieġa. L-ebda informazzjoni addizzjonali ma jenħtieġ li tkun meħtieġa sabiex l-ilment ikun ammissibbli.
(13)
Sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament ta’ lment, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkunu jistgħu jitolbu informazzjoni supplimentari mingħand l-ilmentatur. Meta xi informazzjoni meħtieġa biex l-ilment jitqies ammissibbli tkun nieqsa, l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq dak l-ilment tista’ tikkuntattja lill-ilmentatur sabiex tikseb l-informazzjoni nieqsa, fejn fattibbli. Jenħtieġ li meta lment ikun inammissibbli, l-awtorità superviżorja tiddikjarah inammissibbli u tinforma lill-ilmentatur bl-informazzjoni nieqsa sal-iskadenza prevista minn dan ir-Regolament, biex tippermetti lil dak l-ilmentatur jippreżenta lment ammissibbli.
(14)
Meta, wara li tirċievi lment ammissibbli li jikkonċerna l-ipproċessar transkonfinali minn awtorità superviżorja, l-awtorità superviżorja ewlenija tkun teħtieġ informazzjoni addizzjonali mill-ilmentatur sabiex tippermetti l-investigazzjoni sħiħa tal-ilment, jenħtieġ li l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment tassisti lill-awtorità superviżorja ewlenija, inkluż billi tikkuntattja lill-ilmentatur biex titlob l-informazzjoni meħtieġa jekk ikun meħtieġ.
(15)
Meta l-awtorità superviżorja ewlenija tibda investigazzjoni abbażi ta’ lment, jenħtieġ li l-partijiet investigati jiġu infurmati mingħajr dewmien dwar it-tressiq ta’ dak l-ilment u dwar l-elementi ewlenin tiegħu. Madankollu, l-għoti ta’ tali informazzjoni mill-awtorità superviżorja ewlenija jista’ jiġi pospost sakemm ikun meħtieġ biex tiġi protetta l-integrità tal-investigazzjoni u biex il-miżuri investigattivi jkunu jistgħu jitwettqu b’mod effettiv.
(16)
Sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament effettiv tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u konsistenza fil-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2016/679, huwa importanti li l-każijiet li jikkonċernaw l-ipproċessar transkonfinali jiġu riżolti fil-ħin u f’konformità mal-ispirtu ta’ kooperazzjoni sinċiera u effettiva li huwa l-bażi tal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2016/679. L-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li teżerċita l-kompetenza tagħha fil-qafas ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-investigazzjoni fi stadju bikri fi sforz biex jinkiseb kunsens, billi jagħmlu użu sħiħ mill-għodod ipprovduti mir-Regolament (UE) 2016/679. Huwa importanti li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji tkun ibbażata fuq djalogu miftuħ li jippermetti lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jħallu impatt sinifikanti fuq il-perkors tal-investigazzjoni billi jaqsmu l-esperjenzi u l-fehmiet tagħhom mal-awtorità superviżorja ewlenija, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tgawdi kull awtorità superviżorja. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jwettqu proċeduri b’mod espedjenti u effiċjenti u jenħtieġ li jikkooperaw ma’ xulxin b’mod sinċier u effettiv, inkluż billi jipprovdu appoġġ fejn meħtieġ u jwieġbu għat-talbiet mingħajr dewmien.
(17)
Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jiddeċiedu dwar l-ilmenti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Għal din ir-raġuni, dan ir-Regolament jistabbilixxi limiti ta’ żmien. X’inhu perjodu ta’ żmien raġonevoli jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, il-kuntest tiegħu, id-diversi passi proċedurali segwiti mill-awtorità superviżorja ewlenija, l-imġiba tal-partijiet investigati u l-ilmentatur matul il-proċedura u l-kumplessità tal-każ. Sabiex jiġu protetti b’mod effettiv id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, huwa importanti li l-ilmenti jiġu ttrattati b’mod effiċjenti u espedjenti. Skont iċ-ċirkostanzi ta’ każ, iż-żmien meħtieġ biex jiġi ttrattat ilment jista’ jkun iqsar mil-limitu ta’ żmien previst f’dan ir-Regolament. Il-kooperazzjoni effiċjenti bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati jista’ jkollha wkoll impatt pożittiv fuq it-trattament espedjenti tal-każijiet.
(18)
Ilmentatur jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jikkomunika esklużivament mal-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment ta’ dak l-ilmentatur. Dik il-possibbiltà ma twaqqafx lill-ilmentatur milli jikkomunika direttament ma’ awtorità superviżorja oħra, inkluża l-awtorità superviżorja ewlenija.
(19)
Huwa importanti li tiġi kkunsidrata d-data personali pproċessata u s-sitwazzjoni tas-suġġett tad-data, pereżempju meta lment ikun relatat mal-ipproċessar ta’ data personali ta’ minorenni.
(20)
L-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tipprovdi lill-awtorità superviżorja li quddiema jkun tressaq l-ilment bl-informazzjoni meħtieġa dwar il-progress tal-investigazzjoni bil-għan li tipprovdi aġġornamenti lill-ilmentatur.
(21)
Sabiex l-awtoritajiet superviżorji jtemmu malajr il-ksur tar-Regolament (UE) 2016/679 u jiksbu riżoluzzjoni rapida għall-ilmentaturi, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jagħmlu ħilithom, fejn xieraq, biex jirriżolvu l-ilmenti permezz ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni bikrija f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Għal dak l-iskop, l-awtorità superviżorja jenħtieġ li tistabbilixxi jekk il-ksur allegat fl-ilment ikunx intemm b’mod li jrendi l-ilment mingħajr skop. L-Istati Membri mhumiex meħtieġa jintroduċu proċeduri ġodda skont il-liġi nazzjonali biex jippermettu lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom isolvu lment permezz ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni bikrija.
(22)
Ilment jenħtieġ li jiġi riżolt permezz ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni bikrija biss meta l-ilmentatur ma jkunx ippreżenta oġġezzjoni f’waqtha għas-sejba li l-ksur allegat ikun intemm u li għalhekk l-ilment ikun mingħajr skop. Għalhekk, ir-riżoluzzjoni bikrija ta’ lment jenħtieġ li tapplika għal każijiet fejn l-ilmentatur ikun jista’ jivvaluta l-eżitu propost kif xieraq.
(23)
Ir-riżoluzzjoni bikrija ta’ lment tista’ tkun partikolarment utli biex jiġu riżolti malajr l-ilmenti li jikkonċernaw ksur tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2016/679 għas-sodisfazzjon tal-ilmentatur. Jenħtieġ li dik ir-riżoluzzjoni bikrija tippermetti lill-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment jew lill-awtorità superviżorja ewlenija jistabbilixxu, abbażi ta’ involviment preliminari mal-kontrollur u dment li tkun inkisbet evidenza ta’ sostenn, li l-ilment ikun mingħajr skop.
(24)
Ir-riżoluzzjoni bikrija ta’ lment permezz ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni bikrija jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju mill-awtorità superviżorja ewlenija tas-setgħat tagħha f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 dwar l-istess suġġett, pereżempju fil-każ ta’ ksur sistemiku jew ripetittiv ta’ dak ir-Regolament.
(25)
Meta l-awtorità superviżorja ewlenija li lilha jkun intbagħat l-ilment tqis li lment jista’ jiġi riżolt permezz ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni bikrija, jenħtieġ li jiġi ppreżentat abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati, bil-ħsieb li tiġi adottata deċiżjoni finali f’konformità mal-Artikolu 60(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 li tistabbilixxi li l-ksur allegat ikun intemm u li l-ilment, jew parti mill-ilment, ikun ġie riżolt mill-awtorità superviżorja ewlenija. L-abbozz ta’ deċiżjoni ppreżentat jista’ għalhekk jiġi ssimplifikat u limitat għall-informazzjoni li l-ilment ġie riżolt, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni bikrija, li tindika r-raġunijiet fil-bażi tad-deċiżjoni u l-ambitu tar-riżoluzzjoni, u li tikkonferma li l-ilment għalhekk huwa mingħajr skop. F’tali każijiet, l-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tippreżenta direttament l-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati, mingħajr ma jkollha għalfejn tabbozza u tiċċirkola sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin jew tas-sejbiet preliminari.
(26)
Meta l-awtorità superviżorja ewlenija tkun iffurmat fehma preliminari dwar il-kwistjonijiet prinċipali f’investigazzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li l-awtorità superviżorja ewlenija tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati permezz ta’ proċedura sempliċi ta’ kooperazzjoni. Il-proċedura sempliċi ta’ kooperazzjoni jenħtieġ li tiġi applikata fuq bażi ta’ każ b’każ, dment li l-awtorità superviżorja ewlenija tqis li ma jkun jeżisti l-ebda dubju raġonevoli dwar l-ambitu tal-investigazzjoni u li l-kwistjonijiet legali u fattwali identifikati ma jirrikjedux kooperazzjoni addizzjonali li tkun meħtieġa għall-iskopijiet ta’ investigazzjoni kumplessa, b’mod partikolari meta dawk il-kwistjonijiet ikunu jistgħu jiġu indirizzati abbażi tal-karatteristiċi tal-każ u ta’ deċiżjonijiet preċedenti f’każijiet simili. Barra minn hekk, huwa importanti li l-ġurisprudenza u l-linji gwida eżistenti adottati mill-Bord dwar l-allegat ksur tar-Regolament (UE) 2016/679 li għandu jiġi investigat jitqiesu wkoll mill-awtorità superviżorja ewlenija meta jitqies li x’aktarx jinkiseb kunsens dwar l-elementi ewlenin ta’ każ. Fil-prinċipju, il-proċedura sempliċi ta’ kooperazzjoni ma tapplikax meta l-każ iqajjem problemi sistemiċi jew rikorrenti f’diversi Stati Membri, jikkonċerna kwistjoni legali ġenerali fir-rigward tal-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-infurzar tar-Regolament (UE) 2016/679, huwa relatat mal-intersezzjoni tal-protezzjoni tad-data ma’ oqsma legali oħra, jaffettwa għadd kbir ta’ suġġetti tad-data f’diversi Stati Membri, jew huwa relatat ma’ għadd kbir ta’ lmenti f’diversi Stati Membri jew meta jista’ jkun hemm riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.
(27)
Meta l-awtorità superviżorja ewlenija jkollha l-ħsieb li tapplika l-proċedura ta’ kooperazzjoni sempliċi, jenħtieġ li tinforma lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati bl-intenzjoni tagħha u tipprovdi l-informazzjoni kollha li tikkonċerna l-karatteristiċi tal-każ u l-ilment, inklużi l-fatti rilevanti ewlenin u l-allegat ksur li għandu jiġi investigat. Meta tiġi applikata l-proċedura ta’ kooperazzjoni sempliċi, l-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tkompli tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati u tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni fil-limiti ta’ żmien previsti f’dan ir-Regolament.
(28)
Meta awtorità superviżorja tkun meħtieġa tieħu ċerti passi proċedurali f’limiti ta’ żmien speċifikati, l-iskop ta’ dawk il-limiti ta’ żmien huwa li jiġi żgurat li l-proċedura tavvanza u tintemm fi żmien raġonevoli. Dawn it-termini ma jipprekludux li l-awtoritajiet superviżorji jieħdu l-passi proċedurali meħtieġa wara l-iskadenza tagħhom. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li t-teħid ta’ tali passi proċedurali wara l-iskadenza tat-termini korrispondenti tagħhom ma jkunx jista’ jitqies bħala raġuni għall-illegalità jew għall-invalidità tal-pass proċedurali inkwistjoni jew tad-deċiżjoni finali.
(29)
L-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tkun tista’ testendi l-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni. Tali estensjonijiet jenħtieġ li jiġu applikati biss fuq bażi eċċezzjonali minħabba l-kumplessità ta’ każ. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati jiġu informati u jkollhom l-opportunità li jippreżentaw oġġezzjonijiet għall-estensjoni, li jenħtieġ li jitqiesu mill-awtorità superviżorja ewlenija meta tiddetermina jekk tapplikax estensjoni għal-limitu ta’ żmien u, fejn applikabbli, id-durata ta’ dik l-estensjoni.
(30)
Meta l-awtorità superviżorja ewlenija testendi l-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati jkunu jistgħu jinformaw lill-awtorità superviżorja ewlenija bil-valutazzjoni tagħhom li hemm ħtieġa ta’ azzjoni sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data. Meta l-awtorità superviżorja ewlenija tkun ġiet informata b’tali valutazzjoni, u ma tippreżentax abbozz ta’ deċiżjoni fil-limitu ta’ żmien estiż, il-ħtieġa urġenti li taġixxi kif imsemmi fl-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 jenħtieġ li tiġi preżunta li hija ssodisfata. Minkejja dik il-possibbiltà, il-proċedura ta’ urġenza tibqa’ disponibbli għall-awtoritajiet superviżorji soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2016/679.
(31)
Sabiex jiġi żgurat li l-proċedimenti jitmexxew b’mod effiċjenti, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, huwa preferibbli li r-rimedji kontra l-passi proċedurali meħuda mill-awtoritajiet superviżorji jkunu disponibbli biss flimkien ma’ rimedju kontra deċiżjoni finali, sakemm il-pass proċedurali fih innifsu ma jaffettwax b’mod irriversibbli d-drittijiet tal-parti investigata jew tal-ilmentatur, irrispettivament mid-deċiżjoni finali.
(32)
Huwa partikolarment importanti li l-awtoritajiet superviżorji jiksbu kunsens dwar aspetti ewlenin tal-każ kmieni kemm jista’ jkun u qabel l-adozzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni msemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2016/679.
(33)
L-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati huwa element importanti biex jiġi appoġġjat l-ispirtu ta’ kooperazzjoni effettiva u sinċiera. Dak l-iskambju, u l-għoti f’waqtu ta’ informazzjoni speċifika mill-awtorità superviżorja ewlenija, huwa proċess kontinwu matul investigazzjoni u d-dokumenti u d-dettalji meħtieġa jistgħu jvarjaw skont il-kumplessità tal-każ. Skont l-istadju tal-investigazzjoni u ċ-ċirkostanzi ta’ każ, l-informazzjoni rilevanti tista’ tinkludi, inter alia, l-iskambju ta’ korrispondenza mal-kontrollur jew mas-suġġett tad-data fir-rigward ta’ lment jew investigazzjoni, id-dokumenti preparatorji għal awditu jew ispezzjoni, jew valutazzjoni teknika jew legali preliminari mill-awtorità superviżorja ewlenija b’riżultat ta’ pass speċifiku fl-investigazzjoni tagħha.
(34)
Filwaqt li jenħtieġ li l-awtorità superviżorja ewlenija tipprovdi kwalunkwe informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati mingħajr dewmien wara li l-informazzjoni ssir disponibbli, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati jagħmlu disponibbli wkoll b’mod proattiv kwalunkwe informazzjoni rilevanti meqjusa utli għall-valutazzjoni tal-elementi legali u fattwali ta’ każ. Jenħtieġ li l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti jappoġġja l-kooperazzjoni rapida u effettiva bejn l-awtoritajiet superviżorji u, f’ċerti każijiet, jista’ jiġi appoġġjat minn sommarju, siltiet jew kopji ta’ dokumenti sabiex każ jinftiehem malajr, filwaqt li tkun tista’ tiġi pprovduta informazzjoni komplementari meta meħtieġ. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju effettiv u xieraq ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet superviżorji, jenħtieġ li l-Bord ikun jista’ jispeċifika l-modalitajiet u r-rekwiżiti għall-iskambju ta’ tali informazzjoni.
(35)
Bħala parti mill-informazzjoni rilevanti dwar każ speċifiku, jenħtieġ li l-awtorità superviżorja ewlenija tipprovdi lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati b’sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin li jistabbilixxi l-fehma preliminari tagħha dwar il-kwistjonijiet ewlenin f’investigazzjoni. Dak is-sommarju jenħtieġ li jingħata fi stadju bikri biżżejjed biex jippermetti l-inklużjoni effettiva tal-fehmiet ippreżentati mill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati iżda fl-istess ħin fi stadju meta l-awtorità superviżorja ewlenija jkollha elementi biżżejjed biex tifforma l-fehmiet tagħha dwar il-każ, fejn meħtieġ permezz ta’ analiżi preliminari u miżuri investigattivi inizjali possibbli. Is-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin jenħtieġ li jinkludi wkoll, fejn applikabbli, l-identifikazzjoni preliminari ta’ miżuri korrettivi potenzjali meta l-awtorità superviżorja ewlenija jkollha biżżejjed elementi biex tifforma fehma preliminari dwar dawk il-miżuri, b’mod partikolari meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 ikkonċernati mill-allegat ksur ikunu jistgħu jiġu faċilment identifikati fi stadju bikri.
(36)
Jenħtieġ li awtoritajiet superviżorji kkonċernati jkollhom l-opportunità li jipprovdu l-kummenti tagħhom dwar is-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin, inkluża firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, bħall-ambitu tal-investigazzjoni, l-identifikazzjoni tal-ksur allegat u l-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet fattwali u legali rilevanti għall-investigazzjoni. Minħabba li l-ambitu tal-investigazzjoni jiddetermina l-kwistjonijiet li jirrikjedu investigazzjoni mill-awtorità superviżorja ewlenija, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jagħmlu ħilithom biex jiksbu kunsens kmieni kemm jista’ jkun dwar l-ambitu tal-investigazzjoni.
(37)
Fl-interess ta’ kooperazzjoni inklużiva effettiva bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn kollha kkonċernati, huwa importanti li s-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin u l-kummenti tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jkunu konċiżi u fformulati f’termini ċari u preċiżi biżżejjed biex jinftiehmu faċilment mill-awtoritajiet superviżorji kollha. L-argumenti legali jenħtieġ li jinġabru flimkien b’referenza għall-parti tas-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin li huma relatati magħhom. Is-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin u l-kummenti tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jistgħu jiġu ssupplimentati b’dokumenti addizzjonali. Madankollu, sempliċi referenza fil-kummenti ta’ awtorità superviżorja kkonċernata għal dokumenti supplimentari ma tistax tpatti għan-nuqqas tal-argumenti essenzjali fil-liġi jew fil-fatt li jkunu se jidhru fil-kummenti. Id-dettalji legali u fattwali bażiċi li wieħed jibbaża fuqhom f’dawn id-dokumenti jeħtieġ li jiġu indikati, tal-anqas f’forma fil-qosor, b’mod koerenti u li jinftiehem fil-kumment innifsu.
(38)
L-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw il-mezzi kollha meħtieġa biex jiksbu kunsens fi spirtu ta’ kooperazzjoni sinċiera u effettiva. Meta jkun hemm diverġenza fl-opinjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati rigward l-ambitu ta’ investigazzjoni bbażata fuq l-ilmenti, inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 li l-ksur tagħhom se jiġi investigat, jew meta l-kummenti tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jkunu relatati ma’ bidla importanti fil-valutazzjoni legali jew fattwali kumplessa, jew ma’ identifikazzjoni preliminari ta’ miżuri korrettivi potenzjali, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jistgħu jużaw l-għodod previsti skont l-Artikoli 61 u 62 tar-Regolament (UE) 2016/679.
(39)
Ir-Regolament (UE) 2016/679 jippermetti lill-awtorità superviżorja li titlob deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord meta awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx ħadet miżura xierqa f’sitwazzjoni fejn ikun hemm ħtieġa urġenti ta’ azzjoni sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data. Skont dan ir-Regolament, meta, wara l-użu tal-mezzi stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-awtoritajiet superviżorji jonqsu milli jiksbu kunsens dwar l-ambitu ta’ investigazzjoni bbażata fuq l-ilmenti, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 biex tintalab deċiżjoni vinkolanti urġenti jenħtieġ li jiġu preżunti li ġew issodisfati u l-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li titlob deċiżjoni vinkolanti urġenti tal-Bord. Id-deċiżjoni vinkolanti urġenti tal-Bord dwar l-ambitu ta’ investigazzjoni bbażata fuq l-ilmenti ma tistax tantiċipa l-eżitu tal-investigazzjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija jew l-effettività tad-dritt tal-partijiet investigati li jinstemgħu.
(40)
Jenħtieġ li drittijiet proċedurali jingħataw lil ilmentatur sa fejn huma kkonċernati d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu bħala suġġett tad-data. Il-passi proċedurali stabbiliti f’dan ir-Regolament, relatati mal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, ma jagħtux drittijiet lil ilmentatur jew lil partijiet investigati. Għalhekk, dan ir-Regolament jikkjarifika liema dispożizzjonijiet dwar il-passi proċedurali ma jagħtux drittijiet lill-individwi jew lill-partijiet investigati, jew ma jillimitawx dawk id-drittijiet.
(41)
L-ilmentaturi jenħtieġ li jkollhom l-opportunità jagħmlu l-fehmiet tagħhom magħrufa qabel ma tittieħed deċiżjoni li tolqothom b’mod negattiv. Għalhekk, fil-każ ta’ rifjut jew ċaħda sħaħ jew parzjali ta’ lment f’każ li jikkonċerna l-ipproċessar transkonfinali, l-ilmentatur jenħtieġ li jkollu l-opportunità li jagħmel il-fehmiet tiegħu magħrufa qabel il-preżentazzjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679, abbozz rivedut ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(5) ta’ dak ir-Regolament jew deċiżjoni vinkolanti tal-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament.
(42)
Huwa meħtieġ li tiġi ċċarata d-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment fil-każ ta’ rifjut jew ċaħda sħaħ jew parzjali ta’ lment f’każ li jikkonċerna pproċessar transkonfinali. Bħala l-punt ta’ kuntatt għall-ilmentatur matul l-investigazzjoni, l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment jenħtieġ li tipprovdi lill-ilmentatur b’opportunità li jagħmel il-fehmiet tiegħu magħrufa dwar ir-rifjut jew iċ-ċaħda sħaħ jew parzjali proposti tal-ilment u jenħtieġ li dik l-awtorità tkun responsabbli għall-komunikazzjonijiet kollha mal-ilmentatur. Jenħtieġ li l-komunikazzjonijiet kollha bħal din tiġi trażmessa lill-awtorità superviżorja ewlenija. Billi skont l-Artikolu 60(8) u (9) tar-Regolament (UE) 2016/679 l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment għandha r-responsabbiltà li tadotta d-deċiżjoni finali sħiħa jew parzjali li tirrifjuta jew tiċħad l-ilment, l-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tħejji l-abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679, b’kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment. Dik il-kooperazzjoni tinkludi l-possibbiltà li tintalab l-assistenza tal-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment fit-tħejjija ta’ tali abbozz.
(43)
L-infurzar effettiv tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data jenħtieġ li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet investigati, ħaġa li tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-liġi tal-Unjoni li għandu jiġi rrispettat fiċ-ċirkostanzi kollha, u dawk id-drittijiet huma ta’ importanza partikolari fi proċeduri li jistgħu jwasslu għal penali.
(44)
Sabiex jiġi ssalvagwardjat b’mod effettiv id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-drittijiet ta’ difiża kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), huwa importanti li jiġu pprovduti regoli ċari dwar l-eżerċizzju ta’ tad-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha b’mod negattiv.
(45)
Ir-regoli dwar il-proċedura amministrattiva applikata mill-awtoritajiet superviżorji meta jinfurzaw ir-Regolament (UE) 2016/679 jenħtieġ li jiżguraw li l-partijiet investigati effettivament ikollhom l-opportunità li jagħmlu l-fehmiet tagħhom magħrufa dwar il-verità u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkostanzi allegati u l-oġġezzjonijiet mressqa mill-awtorità superviżorja matul il-proċedura, u b’hekk ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom. Is-sejbiet preliminari stabbilew il-pożizzjoni preliminari dwar l-allegat ksur tar-Regolament (UE) 2016/679 wara investigazzjoni. B’hekk dawn jikkostitwixxu salvagwardja proċedurali essenzjali li tiżgura li jiġi osservat id-dritt li wieħed jinstema’. Il-partijiet investigati jenħtieġ li jiġu pprovduti bid-dokumenti meħtieġa biex jiddefendu lilhom infushom b’mod effettiv u biex jikkummentaw dwar l-allegazzjonijiet magħmula kontrihom, billi jirċievu aċċess għall-fajl amministrattiv.
(46)
Jenħtieġ li dawn ir-regoli jkunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-awtoritajiet superviżorji jagħtu aċċess ulterjuri għall-fajl amministrattiv sabiex jisimgħu l-fehmiet ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet investigati jew tal-ilmentatur matul il-proċedimenti, f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-awtorità superviżorja ewlenija.
(47)
Is-sejbiet preliminari jiddefinixxu l-ambitu tal-investigazzjoni u għalhekk l-ambitu ta’ kwalunkwe deċiżjoni finali futura, skont il-każ, meħuda abbażi ta’ deċiżjoni vinkolanti maħruġa mill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679 li tista’ tiġi indirizzata lill-kontrolluri jew lill-proċessuri. Is-sejbiet preliminari, anke jekk ikunu konċiżi, jenħtieġ li jkunu ċari biżżejjed biex jippermettu lill-partijiet investigati jidentifikaw kif xieraq in-natura tal-ksur allegat tar-Regolament (UE) 2016/679. L-obbligu li l-partijiet investigati jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jiddefendu lilhom infushom b’mod xieraq huwa ssodisfat jekk id-deċiżjoni finali ma tallegax li l-partijiet investigati wettqu ksur għajr dak imsemmi fis-sejbiet preliminari u tqis biss il-fatti li dwarhom il-partijiet investigati kellhom l-opportunità li jagħmlu l-fehmiet tagħhom magħrufa. Madankollu, id-deċiżjoni finali tal-awtorità superviżorja ewlenija ma jeħtieġx li tkun replika tas-sejbiet preliminari. Jenħtieġ li l-awtorità superviżorja ewlenija tkun tista’ tqis it-tweġibiet tal-partijiet investigati għas-sejbiet preliminari fid-deċiżjoni finali tagħha, u, fejn applikabbli, għall-abbozz ta’ deċiżjoni rivedut skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE) 2016/679. L-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tkun tista’ twettaq il-valutazzjoni tagħha stess tal-fatti u tal-argumenti legali mressqa mill-partijiet investigati sabiex jew tiċħad l-argumenti meta l-awtorità superviżorja ewlenija ssib li dawn huma bla bażi jew tissupplimenta u tabbozza mill-ġdid is-sejbiet tagħha, kemm fil-fatt kif ukoll fil-liġi, b’appoġġ għall-argumenti li hija ssostni. Pereżempju, il-kunsiderazzjoni ta’ argument imressaq minn parti investigata matul il-proċedura amministrattiva, mingħajr ma tkun ingħatat l-opportunità li tesprimi opinjoni f’dak ir-rigward qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, ma tistax fiha innifisha tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet ta’ difiża.
(48)
Dan ir-Regolament jipprevedi regoli għal sitwazzjonijiet fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tkun meħtieġa mil-liġi nazzjonali tkompli tinvolvi ruħha fi proċedimenti domestiċi sussegwenti relatati mal-istess każ, bħal proċedimenti amministrattivi ta’ appell.
(49)
Il-partijiet investigati jenħtieġ li jingħataw id-dritt li jinstemgħu b’mod partikolari qabel il-preżentazzjoni ta’ abbozz rivedut ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE) 2016/679 jew l-adozzjoni ta’ deċiżjoni vinkolanti mill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament. Elementi legali ġodda jinkludu oġġezzjonijiet rilevanti u motivati meta dawk l-oġġezzjonijiet ikun fihom valutazzjonijiet legali differenti minn dawk proposti mill-awtorità superviżorja ewlenija fl-abbozz ta’ deċiżjoni ppreżentat skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament (UE) 2016/679.
(50)
L-ilmentaturi jenħtieġ li jingħataw il-possibbiltà li jkunu assoċjati mal-proċedimenti mibdija minn awtorità superviżorja bil-għan li jidentifikaw jew jiċċaraw kwistjonijiet relatati ma’ ksur potenzjali tar-Regolament (UE) 2016/679. Il-fatt li awtorità superviżorja tkun diġà bdiet investigazzjoni li tikkonċerna s-suġġett tal-ilment jew se tittratta l-ilment f’investigazzjoni ex officio wara li tirċievi l-ilment ma jipprekludix il-kwalifika ta’ suġġett tad-data bħala lmentatur. Investigazzjoni minn awtorità superviżorja ta’ ksur possibbli tar-Regolament (UE) 2016/679 minn kontrollur jew proċessur hija proċedura mibdija minn awtorità superviżorja, fuq inizjattiva tagħha stess jew abbażi ta’ lment, fit-twettiq tal-kompiti tagħha skont l-Artikolu 57(1) ta’ dak ir-Regolament. Il-partijiet investigati u l-ilmentatur ma humiex fl-istess sitwazzjoni proċedurali, u huwa essenzjali li jiġi ssalvagwardjat id-drittijiet ta’ difiża tal-parti investigata. Il-partijiet investigati u l-ilmentatur jistgħu jinvokaw id-dritt fundamentali li jinstemgħu meta d-deċiżjoni taffettwa b’mod negattiv il-pożizzjoni legali tagħhom.
(51)
Jenħtieġ li l-ilmentaturi jingħataw l-possibbiltà li jippreżentaw bil-miktub il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet preliminari sal-punt li dawk il-fehmiet ikunu relatati mal-ilment tagħhom li jikkonċerna l-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li ma jkollhomx aċċess għas-sigrieti kummerċjali jew għal informazzjoni kunfidenzjali oħra li tappartjeni għall-partijiet taħt investigazzjoni jew persuni terzi.
(52)
Meta jistabbilixxu skadenzi għall-partijiet investigati u għall-ilmentaturi biex jipprovdu l-fehmiet tagħhom dwar sejbiet preliminari, huwa importanti li l-awtoritajiet superviżorji jqisu l-kumplessità tal-kwistjonijiet imqajma fis-sejbiet preliminari, sabiex jiġi żgurat li l-partijiet investigati u l-ilmentaturi jkollhom opportunità suffiċjenti biex jipprovdu l-fehmiet tagħhom b’mod sinifikanti dwar il-kwistjonijiet imqajma.
(53)
L-iskambju ta’ fehmiet bejn l-awtoritajiet superviżorji qabel il-preżentazzjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni jinvolvi djalogu miftuħ u skambju estensiv ta’ fehmiet fejn l-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jagħmlu ħilithom kollha biex jiksbu kunsens dwar it-triq ’il quddiem f’investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, nuqqas ta’ qbil espress f’oġġezzjonijiet rilevanti u motivati skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament (UE) 2016/679, li jżidu l-potenzjal ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-awtoritajiet superviżorji skont l-Artikolu 65 ta’ dak ir-Regolament u jittardjaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali mill-awtorità superviżorja kompetenti, jenħtieġ li jseħħ biss fil-każ ta’ nuqqas tal-awtoritajiet superviżorji li jiksbu kunsens u fejn meħtieġ biex tkun żgurata l-interpretazzjoni konsistenti tar-Regolament (UE) 2016/679. Tali oġġezzjonijiet jenħtieġ li jintużaw meta jkunu involuti kwistjonijiet ta’ infurzar konsistenti tar-Regolament (UE) 2016/679.
(54)
Fl-interess tal-konklużjoni effiċjenti u inklużiva tal-proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, fejn l-awtoritajiet superviżorji kollha jenħtieġ li jkunu f’pożizzjoni li jikkontribwixxu l-fehmiet tagħhom u filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet ta’ żmien matul ir-riżoluzzjoni tat-tilwim, il-forma u l-istruttura tal-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati jenħtieġ li jissodisfaw ċerti rekwiżiti.
(55)
L-aċċess għall-fajl amministrattiv huwa previst bħala parti mid-drittijiet ta’ difiża u d-dritt għal amministrazzjoni tajba mnaqqxa fil-Karta. Jenħtieġ li jiġi pprovdut aċċess għall-fajl amministrattiv lill-partijiet investigati meta jiġu nnotifikati bis-sejbiet preliminari u jenħtieġ li tiġi stabbilita l-iskadenza biex jippreżentaw it-tweġiba bil-miktub tagħhom għas-sejbiet preliminari.
(56)
Meta jagħtu aċċess għall-fajl amministrattiv lill-partijiet investigati u lill-ilmentatur, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jiżguraw il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra. Il-kategorija ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra tinkludi informazzjoni għajr sigrieti kummerċjali, li tista’ titqies bħala kunfidenzjali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, sa fejn l-iżvelar tagħha jkun ta’ dannu sinifikanti għal kontrollur, għal proċessur jew għal persuna fiżika jew ġuridika. L-informazzjoni kunfidenzjali jenħtieġ li b’mod partikolari tinkludi informazzjoni li tkun magħrufa biss minn għadd limitat ta’ persuni u li l-iżvelar tagħha jista’ jikkawża dannu serju lill-persuna li tkun ipprovdietha jew lil partijiet terzi, u fejn l-interessi li jistgħu jsofru dannu mill-iżvelar ta’ tali informazzjoni tkun, oġġettivament, tistħoqqilhom protezzjoni. L-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu li l-partijiet investigati li jippreżentaw jew li ppreżentaw dokumenti jew dikjarazzjonijiet jidentifikaw l-informazzjoni kunfidenzjali.
(57)
Meta s-sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra jkunu meħtieġa biex jagħtu prova ta’ ksur, għal kull dokument individwali, l-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jivvalutaw b’mod proporzjonat jekk il-ħtieġa ta’ żvelar hijiex akbar mid-dannu li jista’ jirriżulta mill-iżvelar.
(58)
L-aċċess għad-dokumenti inklużi fil-fajl amministrattiv abbażi tal-aċċess għad-dokumenti pubbliċi għandu jiġi pprovdut f’konformità mal-liġi tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-integrità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tkun protetta sakemm l-awtorità superviżorja kompetenti tadotta d-deċiżjoni finali.
(59)
Huwa importanti li l-Bord jiffaċilita l-aċċess għad-deċiżjonijiet adottati f’konformità mal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u konsistenza, billi jagħmel it-test tad-deċiżjonijiet finali adottat mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali disponibbli online permezz ta’ reġistri faċilment aċċessibbli. F’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jneħħu l-ismijiet, kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tippermetti l-identifikazzjoni tal-partijiet investigati jew tal-ilmentatur, u informazzjoni oħra li hija protetta skont il-liġi tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli.
(60)
Huwa importanti li l-għoti ta’ verżjoni tad-deċiżjoni finali lill-ilmentatur f’konformità ma’ dan ir-Regolament jibqa’ mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li awtorità superviżorja tiddeċiedi jekk tagħmilx id-deċiżjoni pubblika bħala parti mis-setgħat korrettivi tagħha.
(61)
Meta tirreferi kwistjoni għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tipprovdi lill-Bord bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun jista’ jivvaluta l-ammissibbiltà tal-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati u jadotta d-deċiżjoni skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament. Ladarba l-Bord ikun fil-pussess tad-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa, il-President tal-Bord jenħtieġ li jirreġistra r-riferiment tas-suġġett f’konformità mal-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) 2016/679.
(62)
Id-deċiżjoni vinkolanti tal-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679 jenħtieġ li tikkonċerna esklużivament kwistjonijiet li wasslu għall-iskattar tar-riżoluzzjoni tat-tilwim u tkun abbozzata b’lingwaġġ ċar u preċiż, li jippermetti lill-awtorità superviżorja ewlenija tadotta d-deċiżjoni finali tagħha abbażi tad-deċiżjoni tal-Bord.
(63)
Sabiex tiġi ssimplifikata r-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-awtoritajiet superviżorji ppreżentata lill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punti (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/679, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati r-regoli proċedurali dwar id-dokumenti u informazzjoni li għandhom jiġu ppreżentati lill-Bord u li fuqhom il-Bord jenħtieġ li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi speċifikat meta l-Bord jenħtieġ li jirreġistra r-riferiment tal-kwistjoni għar-riżoluzzjoni tat-tilwim.
(64)
Sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-adozzjoni ta’ opinjonijiet urġenti u deċiżjonijiet vinkolanti urġenti tal-Bord skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2016/679, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati regoli proċedurali rigward iż-żmien tat-talbiet għal opinjoni urġenti jew għal deċiżjoni vinkolanti urġenti u d-dokumenti u l-informazzjoni li għandhom jiġu ppreżentati lill-Bord u li fuqhom il-Bord jenħtieġ li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu.
(65)
Ir-Regolament (UE) 2016/679 jipprevedi li s-suġġett tad-data għandu dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv meta awtorità superviżorja kompetenti ma tittrattax ilment. Dan ir-Regolament ma joħloqx rimedji ġudizzjarji ġodda minbarra dawk diġà stabbiliti bir-Regolament (UE) 2016/679, u lanqas ma jillimita l-applikazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji stabbiliti b’dak ir-Regolament. Ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom importanza partikolari għat-twettiq f’waqtu tad-deċiżjoni finali mill-awtoritajiet superviżorji meta jittrattaw l-ilmenti. Fid-determinazzjoni ta’ jekk awtorità superviżorja tkunx ittrattat ilment, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk ċerti limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) 2016/679 ġewx issodisfati mill-awtorità superviżorja. Sabiex dan jiġi determinat, huwa essenzjali li jiġi ssalvagwardjat id-dritt tal-ilmentatur li l-ilment tiegħu jiġi ttrattat fi żmien raġonevoli. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġu previsti rimedji fil-liġi nazzjonali għall-parti investigata, fid-dawl tad-dritt tagħha li l-affarijiet tagħha jiġu ttrattati fi żmien raġonevoli.
(66)
L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tirrikjedi għodod diġitali adegwati li jappoġġjaw l-iskambju rapidu u sigur ta’ informazzjoni. Huwa importanti li tkun disponibbli għodda elettronika komuni sigura u xierqa għall-awtoritajiet kollha tal-protezzjoni tad-data, b’kont meħud tal-esperjenza miksuba fl-użu tal-għodod eżistenti. Huwa importanti wkoll li jiġu pprovduti r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ tali għodda elettronika u li tali għodda tiffaċilita l-ġbir u l-konsolidazzjoni mill-Bord tal-istatistika tal-infurzar dwar każijiet li jikkonċernaw l-ipproċessar transkonfinali.
(67)
Il-Kapitoli III u IV ta’ dan ir-Regolament jikkonċernaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, id-drittijiet proċedurali tal-partijiet investigati u l-involviment tal-ilmentaturi. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għal investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin fiż-żmien li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ. Jenħtieġ li japplikaw għal investigazzjonijiet ex officio miftuħa 15-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għal investigazzjonijiet ibbażati fuq l-ilmenti fejn l-ilment ikun tressaq wara 15-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-Kapitoli V u VI ta’ dan ir-Regolament jipprevedu regoli proċedurali għal każijiet riferuti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2016/679 u għal talbiet għal opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti skont l-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2016/679. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li dawk il-kapitoli ma japplikawx għal każijiet li jkunu ġew riferuti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawn japplikaw għall-każijiet kollha riferuti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim wara 15-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
(68)
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord ġew ikkonsultati f’konformità mal-Artikolu 42(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u taw opinjoni konġunta fid-19 ta’ Settembru 2023,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli proċedurali għat-trattament tal-ilmenti u t-twettiq ta’ investigazzjonijiet f’każijiet ibbażati fuq l-ilmenti u ex officio mill-awtoritajiet superviżorji fl-infurzar tar-Regolament (UE) 2016/679 meta dawk il-każijiet jikkonċernaw l-ipproċessar transkonfinali. It-trattament tal-ilmenti u t-twettiq ta’ investigazzjonijiet f’każijiet li jikkonċernaw l-ipproċessar transkonfinali jinkludu d-determinazzjoni ta’ jekk każ jikkonċernax l-ipproċessar transkonfinali.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679.
Id-definizzjoni li ġejja tapplika wkoll:
“parti investigata” tfisser il-kontrollur jew il-proċessur investigat għall-ksur allegat tar-Regolament (UE) 2016/679 li jikkonċerna l-ipproċessar transkonfinali.
Artikolu 3
Prinċipji relatati mal-infurzar tar-Regolament (UE) 2016/679 għal każijiet li jikkonċernaw l-ipproċessar transkonfinali
1. L-awtoritajiet superviżorji għandhom iwettqu proċedimenti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’mod espedjenti u effiċjenti. Huma għandhom jikkooperaw ma’ xulxin b’mod sinċier u effettiv, inkluż billi jipprovdu appoġġ fejn meħtieġ u jwieġbu għat-talbiet ta’ xulxin mingħajr dewmien.
2. Awtorità superviżorja tista’ tgħaqqad jew tissepara proċedimenti f’konformità mal-liġi proċedurali nazzjonali, sakemm il-fatt li dawn il-proċediment jingħaqdu jew jiġu separati ma jimminax id-drittijiet tal-partijiet investigati jew dawk tal-ilmentatur.
3. L-ilmentaturi għandu jkollhom l-possibbiltà li jikkomunikaw esklużivament mal-awtorità superviżorja li quddiemha jkun resqu l-ilmenti tagħhom skont l-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) 2016/679.
4. It-trattament ta’ lment għandu dejjem iwassal għal deċiżjoni li hija soġġetta għal rimedju ġudizzjarju effettiv fis-sens tal-Artikolu 78 tar-Regolament (UE) 2016/679.
5. Fl-interess tal-effiċjenza tal-proċedimenti, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jillimitaw it-tul tas-sottomissjonijiet tal-parti investigata u tal-ilmentatur, filwaqt li jqisu l-kumplessità tal-każ u d-dokumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati.
KAPITOLU II
TRESSIQ TAL-ILMENTI U RIŻOLUZZJONI BIKRIJA
Artikolu 4
Ilmenti li jikkonċernaw l-ipproċessar transkonfinali
1. Ilment abbażi tar-Regolament (UE) 2016/679 li jikkonċerna l-ipproċessar transkonfinali għandu jkun ammissibbli, dment li jkun jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a)
l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna li tressaq ilment;
(b)
meta l-ilment jitressaq minn korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ mhux imsemmija fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2016/679, prova li dak il-korp, dik l-organizzazzjoni jew dik l-assoċjazzjoni ġew kostitwiti kif xieraq f’konformità mal-liġi ta’ Stat Membru;
(c)
meta l-ilment jitressaq abbażi tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp, tal-organizzazzjoni jew tal-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li jressqu l-ilment u prova li dak il-korp, dik l-organizzazzjoni jew dik l-assoċjazzjoni jkunu qed jaġixxu abbażi ta’ mandat ta’ suġġett tad-data;
(d)
informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-kontrollur jew tal-proċessur li huma s-suġġett tal-ilment;
(e)
deskrizzjoni tal-allegat ksur tar-Regolament (UE) 2016/679.
Ma għandha tkun meħtieġa l-ebda informazzjoni addizzjonali għal dik imsemmija fl-ewwel subparagrafu sabiex ilment li jikkonċerna l-ipproċessar transkonfinali jkun ammissibbli.
Il-modalitajiet u r-rekwiżiti amministrattivi skont il-liġi proċedurali nazzjonali tal-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment għandhom ikomplu japplikaw.
2. Meta l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq ilment tiddetermina li l-ilment ma jkunx fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, hija għandha, fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi dak l-ilment, tiddikjara dak l-ilment inammissibbli u tinforma lill-ilmentatur bir-raġunijiet għal dan.
3. L-ilmentatur ma għandux ikun meħtieġ jikkuntattja lill-parti investigata qabel iressaq ilment sabiex dak l-ilment ikun ammissibbli.
Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, meta lment ikun relatat mal-eżerċizzju ta’ dritt tas-suġġett tad-data li jserraħ fuq li s-suġġett tad-data kkonċernat jagħmel talba lill-kontrollur, dik it-talba għandha ssir lill-kontrollur qabel ma jitressaq dak l-ilment.
4. L-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment għandha tiddetermina, permezz ta’ konklużjoni preliminari, dan li ġej:
(a)
jekk l-ilment jikkonċernax l-ipproċessar transkonfinali;
(b)
liema awtorità superviżorja huwa jippreżumi li hija kompetenti biex taġixxi bħala awtorità superviżorja ewlenija f’konformità mal-Artikolu 56(1) tar-Regolament (UE) 2016/679; u
(c)
jekk l-Artikolu 56(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 japplikax.
5. Meta lment li jikkonċerna l-ipproċessar transkonfinali jkun ammissibbli u fin-nuqqas ta’ riżoluzzjoni bikrija skont l-Artikolu 5, l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment għandha tittrażmetti dak l-ilment lill-awtorità superviżorja li hija tippreżumi li hija kompetenti biex taġixxi bħala awtorità superviżorja ewlenija mhux aktar tard minn sitt ġimgħat minn meta tirċievi dak l-ilment u tinforma lill-ilmentatur dwar dik it-trażmissjoni.
Determinazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ lment mill-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq dak l-ilment għandha tkun vinkolanti fuq l-awtorità superviżorja ewlenija.
6. Fi żmien sitt ġimgħat minn meta tirċievi lment, l-awtorità superviżorja preżunta li hija kompetenti biex taġixxi bħala awtorità superviżorja ewlenija għandha jew tikkonferma l-kompetenza tagħha jew, meta jkun hemm fehmiet konfliġġenti dwar liema mill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati tkun kompetenti għall-istabbiliment ewlieni, tirreferi s-suġġett lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (il-“Bord”) għar-riżoluzzjoni tat-tilwim f’konformità mal-Artikolu 65(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/679.
Meta l-awtorità superviżorja preżunta li tkun kompetenti biex taġixxi bħala awtorità superviżorja ewlenija ma tikkonfermax il-kompetenza tagħha jew tirreferi s-suġġett lill-Bord fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment għandha tirreferi s-suġġett lill-Bord għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/679.
7. Mingħajr preġudizzju għall-ammissibbiltà tiegħu, l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq ilment jew l-awtorità superviżorja ewlenija jistgħu jitolbu lill-ilmentatur jippreżenta informazzjoni supplimentari sabiex jiffaċilita t-trattament ta’ dak l-ilment u jippermettu l-investigazzjoni sħiħa tiegħu.
8. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tinforma lill-parti investigata dwar it-tressiq ta’ lment u dwar l-elementi ewlenin tiegħu mingħajr dewmien.
Artikolu 5
Riżoluzzjoni bikrija
1. Ilment li jikkonċerna l-ipproċessar transkonfinali li jikkonċerna l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2016/679 jista’, fejn xieraq, jiġi riżolt permezz ta’ proċedura li tippermetti r-riżoluzzjoni bikrija tiegħu billi:
(a)
l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment, wara li tkun iddeterminat permezz ta’ konklużjoni preliminari li l-ilment jikkonċerna l-ipproċessar transkonfinali u qabel it-trażmissjoni possibbli tal-ilment lill-awtorità superviżorja preżunta li hija kompetenti biex taġixxi bħala awtorità superviżorja ewlenija; jew
(b)
l-awtorità superviżorja ewlenija li lilha jkun intbagħat l-ilment, fi kwalunkwe ħin qabel il-preżentazzjoni tas-sejbiet preliminari lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, jew, fejn tapplika l-proċedura ta’ kooperazzjoni sempliċi msemmija fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni.
L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni bikrija tal-ilmenti, u jikkomunikaw mal-parti li tkun qed tiġi investigata jew mal-ilmentatur għal dan l-iskop, kif xieraq.
2. Għall-iskop ta’ riżoluzzjoni bikrija, meta l-awtorità superviżorja msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) jew (b), tistabbilixxi, abbażi ta’ evidenza ta’ sostenn, li l-allegat ksur ikun intemm, dik l-awtorità superviżorja għandha tqis l-ilment mingħajr skop.
Fejn jinstab li l-ilment kien mingħajr skop, l-awtorità superviżorja msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) jew (b) għandha, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, tinforma lill-ilmentatur:
(a)
li l-allegat ksur ikun intemm u li tqis l-ilment mingħajr skop;
(b)
dwar il-konsegwenzi tar-riżoluzzjoni bikrija; u
(c)
dwar il-possibbiltà għall-ilmentatur li jippreżenta oġġezzjoni għar-riżoluzzjoni bikrija fi żmien erba’ ġimgħat minn meta jirċievi tali informazzjoni.
3. Fi proċedura quddiem l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq ilment, meta l-ilmentatur ma jippreżentax oġġezzjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, il-punt (c), dik l-awtorità superviżorja għandha, fi żmien ġimagħtejn mill-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien, tistabbilixxi li l-ilment ikun ġie riżolt u, tinforma lill-ilmentatur, lill-parti investigata, u, fejn applikabbli, lill-awtorità superviżorja ewlenija b’dik ir-riżoluzzjoni.
4. Fi proċedura quddiem l-awtorità superviżorja ewlenija li lilha ntbagħat l-ilment, meta l-ilmentatur ma jippreżentax oġġezzjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu, dik l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 fi żmien erba’ ġimgħat mill-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien, bil-ħsieb li tiġi adottata deċiżjoni finali f’konformità mal-Artikolu 60(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 li tistabbilixxi li l-ilment ikun ġie riżolt.
5. Ir-riżoluzzjoni bikrija ta’ lment għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju mill-awtorità superviżorja ewlenija tas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tal-istess suġġett.
6. L-Artikoli 10 sa 20 ma japplikawx għal ilmenti riżolti skont dan l-Artikolu.
KAPITOLU III
KOOPERAZZJONI SKONT L-ARTIKOLU 60 TAR-REGOLAMENT (UE) 2016/679
TAQSIMA 1
KOOPERAZZJONI SEMPLIĊI
Artikolu 6
Proċedura sempliċi ta’ kooperazzjoni
1. Ladarba l-awtorità superviżorja ewlenija tkun iffurmat fehma preliminari dwar il-kwistjonijiet ewlenin f’investigazzjoni, hija tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati permezz ta’ proċedura sempliċi ta’ kooperazzjoni, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, meta:
(a)
tqis li ma jeżisti ebda dubju raġonevoli rigward l-ambitu tal-identifikazzjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 ikkonċernati mill-allegat ksur li għandu jiġi investigat; u
(b)
il-kwistjonijiet legali u fattwali identifikati mill-awtorità superviżorja ewlenija ma jeħtiġux il-kooperazzjoni addizzjonali mal-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati li tkun meħtieġa għall-finijiet ta’ investigazzjoni kumplessa, b’mod partikolari meta dawk il-kwistjonijiet ikunu jistgħu jiġu indirizzati abbażi ta’ deċiżjonijiet preċedenti f’każijiet simili.
Meta l-awtorità superviżorja ewlenija tapplika l-proċedura sempliċi ta’ kooperazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Artikoli 10, 11, 16, 19, 20, l-Artikolu 23(1), il-punti (a) u (b), u l-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 12(6) ta’ dan ir-Regolament.
2. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tinnotifika lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati bl-intenzjoni tagħha li tapplika l-proċedura sempliċi ta’ kooperazzjoni u tipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-każ rilevanti biex tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ġewx issodisfati, fi żmien sitt ġimgħat minn meta l-awtorità superviżorja ewlenija tikkonferma l-kompetenza tagħha skont l-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-Regolament jew ta’ deċiżjoni vinkolanti mill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/679.
3. Meta kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati toġġezzjona għall-applikazzjoni tal-proċedura sempliċi ta’ kooperazzjoni fi żmien ġimagħtejn min-notifika tagħha, dik il-proċedura ma għandhiex tapplika u l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tabbozza sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin f’konformità mal-Artikolu 10 u tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III.
4. Meta tapplika l-proċedura sempliċi ta’ kooperazzjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija, qabel il-preżentazzjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni, għandha tiżgura li, fejn applikabbli, il-partijiet investigati jingħataw id-dritt li jinstemgħu u li l-ilmentatur jingħata l-opportunità li jagħmel il-fehmiet tiegħu magħrufa. Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, għandhom ikomplu japplikaw il-modalitajiet u r-rekwiżiti amministrattivi skont il-liġi proċedurali nazzjonali tal-awtorità superviżorja ewlenija, jew l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment, fejn applikabbli.
5. Il-Kapitolu III ma japplikax għal każijiet ittrattati mill-awtorità superviżorja kkonċernata skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament (UE) 2016/679.
TAQSIMA 2
KISBA TA’ KUNSENS FIS-SENS TAL-ARTIKOLU 60(1) TAR-REGOLAMENT (UE) 2016/679
Artikolu 7
Għoti jew limitazzjoni ta’ drittijiet
Id-dispożizzjonijiet f’din it-Taqsima jikkonċernaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji u ma jagħtux drittijiet lill-individwi jew lill-partijiet investigati u lanqas jillimitawhom.
Artikolu 8
Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji
Filwaqt li jikkooperaw fi sforz biex jiksbu kunsens, kif previst fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jużaw il-mezzi kollha previsti f’dak ir-Regolament, inkluża l-assistenza reċiproka skont l-Artikolu 61 ta’ dak ir-Regolament u l-operazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 62 ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 9
Informazzjoni rilevanti li trid tiġi skambjata bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati
1. L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 60(1) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/679. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi, meta applikabbli:
(a)
informazzjoni dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni ta’ ksur allegat tar-Regolament (UE) 2016/679;
(b)
talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 58(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2016/679 u dokumenti relatati li jirriżultaw minn dawn it-talbiet;
(c)
informazzjoni dwar l-użu ta’ setgħat investigattivi oħrajn imsemmija fl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u dokumenti relatati li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat investigattivi;
(d)
fil-każ li jkun maħsub rifjut jew ċaħda, sħaħ jew parzjali ta’ lment, ir-raġunijiet tal-awtorità superviżorja ewlenija għar-rifjut jew iċ-ċaħda tal-ilment;
(e)
informazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni bikrija possibbli tal-ilment skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament;
(f)
is-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin u l-kummenti dwar dak is-sommarju msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament;
(g)
informazzjoni dwar l-ambitu tal-investigazzjoni;
(h)
informazzjoni dwar żviluppi jew sejbiet li jistgħu jwasslu għal modifika tal-ambitu tal-investigazzjoni jew il-bidu ta’ investigazzjoni ġdida;
(i)
informazzjoni li tikkonċerna passi meħuda u l-analiżi legali mwettqa li għandhom l-għan li jistabbilixxu jekk kienx hemm ksur tar-Regolament (UE) 2016/679 qabel it-tħejjija ta’ sejbiet preliminari u qabel it-tħejjija tal-abbozz ta’ deċiżjoni;
(j)
sejbiet preliminari;
(k)
it-tweġibiet tal-partijiet investigati għas-sejbiet preliminari;
(l)
il-fehmiet tal-ilmentatur dwar il-verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sejbiet preliminari u, jekk rilevanti, dwar aspetti oħrajn tal-investigazzjoni li dwarhom setgħu saru sottomissjonijiet formali bil-miktub mill-ilmentatur;
(m)
fil-każ ta’ rifjut jew ċaħda sħaħ jew parzjali ta’ lment, is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-ilmentatur;
(n)
informazzjoni dwar kwalunkwe pass rilevanti meħud mill-awtorità superviżorja ewlenija wara li tirċievi t-tweġibiet tal-partijiet investigati għas-sejbiet preliminari u qabel is-sottomissjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679;
(o)
il-fehmiet tal-partijiet investigati dwar abbozz ta’ deċizjoni rivedut;
(p)
kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa utli u rilevanti għall-investigazzjoni.
2. Matul l-investigazzjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati għandhom jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn ġimgħa minn meta tali informazzjoni ssir disponibbli, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament jew fir-Regolament (UE) 2016/679.
3. Il-Bord jista’ jispeċifika l-modalitajiet u r-rekwiżiti għall-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet superviżorji.
Artikolu 10
Sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin
1. Ladarba l-awtorità superviżorja ewlenija tkun ifformat opinjoni preliminari dwar il-kwistjonijiet ewlenin f’investigazzjoni, din għandha tabbozza sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin għall-fini ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.
2. Is-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin għandu jinkludi dan li ġej:
(a)
il-fatti rilevanti ewlenin;
(b)
l-identifikazzjoni preliminari tal-ambitu tal-investigazzjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 ikkonċernati mill-allegat ksur li jrid jiġi investigat;
(c)
kwistjonijiet legali u fattwali identifikati;
(d)
analiżi tal-fehmiet rilevanti espressi mill-parti investigata jew mill-ilmentatur meta dawk il-fehmiet ikunu disponibbli fil-ħin tal-abbozzar tas-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin;
(e)
fejn applikabbli, l-identifikazzjoni preliminari ta’ miżuri korrettivi potenzjali.
3. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tipprovdi lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati bis-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin mingħajr dewmien, u fi żmien tliet xhur minn meta l-awtorità superviżorja ewlenija tikkonferma l-kompetenza tagħha skont l-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-Regolament jew ta’ deċiżjoni vinkolanti mill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/679.
4. L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jistgħu jipprovdu kummenti dwar is-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin fi żmien erba’ ġimgħat mill-wasla ta’ dak is-sommarju. L-awtorità superviżorja ewlenija tista’ testendi dak il-perjodu b’ġimagħtejn minħabba l-kumplessità tal-każ jew fuq talba tal-awtoritajiet superviżorja l-oħrajn ikkonċernati.
5. Meta l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jipprovdu kummenti skont il-paragrafu 4, dawk il-kummenti għandhom jiġu kondiviżi mal-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati kollha. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha twieġeb għal dawk il-kummenti fi żmien erba’ ġimgħat mill-iskadenza tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 4 u tindika jekk u kif biħsiebha tqishom. L-awtorità superviżorja ewlenija tista’ testendi dak il-perjodu b’ġimagħtejn minħabba l-kumplessità tal-każ jew fuq talba tal-awtorità superviżorja kkonċernata.
6. Meta tibgħat ilment lill-awtorità superviżorja ewlenija, l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment tista’ tipprovdi informazzjoni rilevanti għat-tħejjija tas-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin lill-awtorità superviżorja ewlenija.
7. Il-Bord jista’ jispeċifika l-modalitajiet u r-rekwiżiti għad-dispożizzjoni tal-kummenti ppreżentati mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati dwar is-sommarju ta’ kwistjonijiet ewlenin.
Artikolu 11
Użu ta’ mezzi biex jinkiseb kunsens
1. Skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati għandhom jagħmlu ħilithom biex jiksbu kunsens li tikkonċerna każijiet ta’ pproċessar transkonfinali, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, u jistgħu jużaw il-mezzi kollha previsti fir-Regolament (UE) 2016/679, inkluż l-assistenza reċiproka skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-operazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 62 ta’ dak ir-Regolament.
2. Meta awtorità superviżorja kkonċernata ma taqbilx mal-awtorità superviżorja ewlenija u fin-nuqqas ta’ kunsens, dik l-awtorità superviżorja tista’ tagħmel talba għal assistenza reċiproka skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2016/679 lill-awtorità superviżorja ewlenija jew tista’ titlob lill-awtorità superviżorja ewlenija twettaq operazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 62 ta’ dak ir-Regolament, jew it-tnejn, sabiex jinkiseb kunsens dwar dan li ġej:
(a)
l-ambitu tal-investigazzjoni f’każijiet ibbażati fuq l-ilmenti, inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 ikkonċernati mill-allegat ksur li se jiġi investigat;
(b)
il-kwistjonijiet legali jew fattwali msemmija fl-Artikolu 10(2), il-punt (c), ta’ dan ir-Regolament, fejn applikabbli;
(c)
l-identifikazzjoni preliminari ta’ miżuri korrettivi potenzjali skont l-Artikolu 10(2), il-punt (e), ta’ dan ir-Regolament.
3. It-talba skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha ssir fi żmien xahar mill-iskadenza tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 10(5).
4. Meta ssir talba biex jitwettqu operazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2016/679 skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha twieġeb għal dik it-talba fi żmien xahar minn meta tirċeviha.
5. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha timpenja ruħha mal-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati abbażi tal-kummenti tagħhom dwar is-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin, u, fejn applikabbli, bi tweġiba għal talbiet skont l-Artikoli 61 u 62 tar-Regolament (UE) 2016/679, fi sforz biex jinkiseb kunsens. Il-kunsens dwar kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jintuża bħala bażi għall-awtorità superviżorja ewlenija biex tkompli l-investigazzjoni u tabbozza s-sejbiet preliminari jew, fejn applikabbli, biex tipprovdi lill-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment bir-raġunament għall-finijiet tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament.
6. Meta, f’investigazzjoni bbażata fuq l-ilmenti, li ssegwi l-proċeduri skont l-Artikolu 10(5) ta’ dan ir-Regolament u l-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, ma jkun hemm l-ebda kunsens bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u awtorità superviżorja oħra kkonċernata waħda jew aktar dwar l-identifikazzjoni preliminari tal-ambitu tal-investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament, il-kundizzjonijiet għat-talba ta’ deċiżjoni vinkolanti urġenti skont l-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom jiġu preżunti li ġew issodisfati u l-awtorità superviżorja ewlenija għandha titlob deċiżjoni vinkolanti urġenti tal-Bord skont l-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2016/679.
7. Meta titlob deċiżjoni vinkolanti urġenti tal-Bord skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tipprovdi lill-Bord b’dan li ġej:
(a)
l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2);
(b)
il-kummenti tal-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati li ma jaqblux mal-identifikazzjoni preliminari tal-awtorità superviżorja ewlenija tal-ambitu tal-investigazzjoni;
(c)
skambji ulterjuri bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati skont l-Artikolu 10(5) u l-Artikolu 11(5);
(d)
kwalunkwe dokument jew informazzjoni rilevanti oħra mitlubin mill-Bord.
8. Il-Bord għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti urġenti dwar l-ambitu tal-investigazzjoni abbażi tal-informazzjoni kollha riċevuta.
Artikolu 12
Limiti ta’ żmien għat-tressiq ta’abbozz ta’deċiżjoni
1. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tressaq abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 fi żmien 15-il xahar minn meta l-awtorità superviżorja ewlenija tikkonferma l-kompetenza tagħha skont l-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-Regolament jew ta’ deċiżjoni vinkolanti mill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/679.
2. Meta l-awtorità superviżorja ewlenija tagħmel talba skont l-Artikolu 11(6), il-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu sospiżi sakemm il-Bord ikun adotta d-deċiżjoni vinkolanti tiegħu.
3. Fuq bażi eċċezzjonali, l-awtorità superviżorja ewlenija tista’ testendi l-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 darba, għal perjodu ta’ mhux aktar minn 12-il xahar, minħabba l-kumplessità tal-każ. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati bl-intenzjoni tagħha li testendi l-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1, u tistabbilixxi d-durata tal-estensjoni maħsuba u r-raġunijiet għaliha, mill-inqas erba’ ġimgħat qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1.
4. Kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata tista’ tippreżenta oġġezzjoni għall-estensjoni tal-limitu ta’ żmien fi żmien ġimagħtejn minn meta tiġi infurmata b’dan skont il-paragrafu 3. Dik l-awtorità għandha tagħti r-raġunijiet għall-oġġezzjoni tagħha. Meta tiddetermina jekk testendix il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 u, fejn applikabbli, id-durata ta’ dik l-estensjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tqis kif xieraq tali oġġezzjoni.
5. Meta l-awtorità superviżorja ewlenija testendi l-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe awtorità superviżorja oħra kkonċernata tista’ tinforma lill-awtorità superviżorja ewlenija li hija tqis li hemm ħtieġa li taġixxi sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data. Meta l-awtorità superviżorja ewlenija ma tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni fil-limitu ta’ żmien estiż, awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija dwar il-ħtieġa li taġixxi sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data tista’ tadotta miżura proviżorja fit-territorju tal-Istat Membru tagħha f’konformità mal-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2016/679. F’dak il-każ, il-ħtieġa urġenti għall-azzjoni skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandha tiġi preżunta li ġiet issodisfata.
6. Meta tiġi applikata l-proċedura għall kooperazzjoni sempliċi skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tressaq abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 fi żmien 12-il xahar minn meta l-awtorità superviżorja ewlenija tikkonferma l-kompetenza tagħha skont l-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-Regolament jew ta’ deċiżjoni vinkolanti mill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/679.
Meta l-liġi nazzjonali tirrikjedi proċedimenti domestiċi preċedenti jew sussegwenti li jeħtieġu li abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 jitressaq wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità superviżorja ewlenija tista’ testendi dak il-limitu ta’ żmien darba, għal perjodu ta’ mhux aktar minn xahrejn. F’każ bħal dan, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati bl-estensjoni tal-limitu ta’ żmien, u tistabbilixxi d-durata ta’ dik l-estensjoni, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu.
Artikolu 13
Proċedimenti domestiċi sussegwenti
1. Meta l-liġi nazzjonali tirrikjedi li jinfetħu proċedimenti domestiċi sussegwenti relatati mal-istess każ wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikoli 18 jew 21, l-awtorità superviżorja ewlenija, f’dawk il-proċedimenti sussegwenti:
(a)
m’għandhiex tabbozza sommarju ġdid tal-kwistjonijiet ewlenin;
(b)
għandha tirrepeti l-passi proċedurali f’konformità mal-Artikolu 16 jew l-Artikoli 19 u 20 biss meta l-valutazzjoni fattwali jew legali tal-awtorità superviżorja ewlenija tkun differenti minn deċiżjoni preċedenti adottata skont l-Artikoli 18 jew 21; u
(c)
jressaq abbozz ta’ deċiżjoni qabel ma jadotta kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tkun differenti minn deċiżjoni preċedenti skont l-Artikolu 18 jew 21.
2. Il-limiti ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 12 għandhom japplikaw għall-preżentazzjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni fi kwalunkwe proċediment sussegwenti msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
TAQSIMA 3
APPLIKAZZJONI TAL-LIMITI TAŻ-ŻMIEN
Artikolu 14
Legalità u validità tal-passi proċedurali u d-deċiżjoni finali
Meta dan ir-Regolament jew l-Artikolu 65(6) tar-Regolament (UE) 2016/679 jirrikjedi li awtorità superviżorja tieħu pass proċedurali f’limitu ta’ żmien speċifikat, it-teħid ta’ tali pass wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien ma għandux jaffettwa l-legalità jew il-validità ta’ dak il-pass proċedurali jew tad-deċiżjoni finali.
Artikolu 15
Il-limiti taż-żmien u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv
Fid-determinazzjoni ta’ jekk awtorità superviżorja tkunx ittrattat ilment skont l-Artikolu 78(2) tar-Regolament (UE) 2016/679, għandu jitqies jekk dik l-awtorità superviżorja, fil-limitu ta’ żmien previst f’dan ir-Regolament jew fl-Artikolu 65(6) tar-Regolament (UE) 2016/679, inkluż kwalunkwe estensjoni possibbli ta’ tali limitu ta’ żmien:
(a)
ikunx tressaq abbozz ta’ deċiżjoni jew abbozz ta’ deċiżjoni rivedut; jew
(b)
tkunx ġiet adottata d-deċiżjoni finali.
TAQSIMA 4
RIFJUT JEW ĊAĦDA SĦAĦ JEW PARZJALI TA’ LMENTI
Artikolu 16
Proċedura għal rifjut jew ċaħda sħaħ jew parzjali ta’ lment fis-sens tal-Artikolu 60(8) u (9) tar-Regolament (UE) 2016/679
1. Meta l-awtorità superviżorja ewlenija jkollha l-ħsieb li tirrifjuta jew tiċħad kompletament jew parzjalment ilment, hija għandha, qabel ma tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679, tipprovdi lill-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment bir-raġunijiet għall-fehma preliminari tagħha li l-ilment għandu jiġi rifjutat jew miċħud kompletament jew parzjalment.
L-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur bir-raġunijiet għall-fehma preliminari msemmija fl-ewwel subparagrafu, tipprovdi lill-ilmentatur bl-opportunità li jesprimi l-fehmiet tiegħu bil-miktub u tinforma lill-ilmentatur dwar il-konsegwenzi jekk ma jippreżentax il-fehmiet tiegħu jew tagħha.
L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien xieraq għall-ilmentatur biex jesprimi l-fehmiet tiegħu jew tagħha. Dak il-limitu ta’ żmien ma għandux ikun iqsar minn tliet ġimgħat u mhux itwal minn sitt ġimgħat.
2. L-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment għandha tibgħat kwalunkwe fehma li ssir magħrufa mill-ilmentatur lill-awtorità superviżorja ewlenija, malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn ġimgħa minn meta jsiru disponibbli.
3. Meta l-fehmiet magħmula magħrufa mill-ilmentatur f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jwasslux għal bidla fil-fehma preliminari msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, l-awtorità superviżorja ewlenija, f’kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja li magħha jkun tressaq l-ilment, għandha tħejji abbozz ta’ deċiżjoni u tippreżentah lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati, f’konformità mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679.
4. Meta l-abbozz ta’ deċiżjoni ppreżentat skont il-paragrafu 3 jikkonkludi li l-ilment irid jiġi parzjalment irrifutat jew miċħud, l-awtorità superviżorjà ewlenija għandha tkompli l-investigazzjoni tagħha f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati fuq il-parti tal-ilment li tkun għad trid tiġi investigata.
Artikolu 17
Abbozz rivedut ta’ deċiżjoni li tirrifjuta jew li tiċħad ilment kompletament jew parzjalment
Meta l-awtorità superviżorja ewlenija tiddetermina li l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE) 2016/679, li tirrifjuta jew li tiċħad kompletament jew parzjalment ilment, iqajjem elementi ġodda li dwarhom l-ilmentatur għandu jkollu l-opportunità li jagħmel magħrufa l-fehmiet tiegħu, l-awtorità superviżorja li magħha jkun tressaq l-ilment għandha, qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE) 2016/679, tipprovdi lill-ilmentatur bil-possibbiltà li jagħmel magħrufa l-fehmiet tiegħu dwar dawn l-elementi ġodda f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 18
Deċiżjoni li tirrifjuta jew tiċħad ilment, kompletament jew parzjalment
Meta tadotta deċiżjoni li tirrifjuta jew tiċħad kompletament jew parzjalment ilment f’konformità mal-Artikolu 60(8) jew (9) tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità superviżorja li l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur dwar ir-rimedju ġudizzjarju disponibbli għalih f’konformità mal-Artikolu 78 tar-Regolament (UE) 2016/679.
TAQSIMA 5
DEĊIŻJONIJIET INDIRIZZATI LILL-PARTIJIET INVESTIGATI
Artikolu 19
Sejbiet preliminari u d-dritt li wieħed jinstema’
1. Wara l-konsultazzjonijiet u l-proċeduri skont l-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament, meta l-awtorità superviżorja ewlenija tkun beħsiebha tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati li ssib ksur tar-Regolament (UE) 2016/679, għandha tabbozza sejbiet preliminari.
2. Is-sejbiet preliminari għandhom jinkludu s-sejbiet tal-investigazzjoni u jippreżentaw allegazzjonijiet imqajma b’mod eżawrjenti u ċar biżżejjed li jippermettu lill-partijiet investigati jieħdu konjizzjoni tal-imġiba investigata mill-awtorità superviżorja ewlenija. B’mod partikolari, is-sejbiet preliminari għandhom jistabbilixxu b’mod ċar il-fatti kollha, il-lista tal-evidenza li strieħu fuqha u l-valutazzjoni legali sħiħa mqajma kontra l-partijiet investigati, sabiex ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar dawk il-fatti u l-konklużjonijiet legali li l-awtorità superviżorja ewlenija beħsiebha tfassal fl-abbozz tad-deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679.
Is-sejbiet preliminari għandhom jindikaw, abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dak l-istadju u mingħajr preġudizzju għall-fehmiet tal-partijiet investigati, miżuri korrettivi li l-awtorità superviżorja ewlenija tqis li tuża.
Meta l-awtorità superviżorja ewlenija, abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dak l-istadju u mingħajr preġudizzju għall-fehmiet tal-partijiet investigati, tqis li timponi multa amministrattiva f’konformità mal-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) 2016/679, hija għandha telenka fis-sejbiet preliminari l-elementi legali u fattwali ewlenin, li huma magħrufa lilha, u li fuqhom biħsiebha toqgħod meta tiddeċiedi jekk timponix multa amministrattiva u dwar l-ammont tal-multa, b’kont meħud tal-elementi elenkati fl-Artikolu 83(2) tar-Regolament (UE) 2016/679, inkluż kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti li jkun biħiseba tqis.
3. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tittrażmetti s-sejbiet preliminari lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jipprovdu kummenti dwar dawk is-sejbiet lill-awtorità superviżorja ewlenija fi żmien erba’ ġimgħat mit-trażmissjoni tas-sejbiet preliminari lill-awtoritajiet superviżorja l-oħrajn. Fuq talba ta’ waħda mill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha testendi dak il-perjodu b’ġimagħtejn.
4. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tinnotifika s-sejbiet preliminari, fejn rilevanti kif emendati biex jitqiesu l-kummenti riċevuti mill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati, lil kull waħda mill-partijiet investigati.
5. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha, meta tinnotifika s-sejbiet preliminari lill-partijiet investigati, tistabbilixxi limitu ta’ żmien xieraq mhux iqsar minn tliet ġimgħat u mhux aktar minn sitt ġimgħat mid-data tan-notifika, li fih dawk il-partijiet jistgħu jipprovdu l-fehmiet tagħhom bil-miktub, jew torganizza seduta fl-istess limitu ta’ żmien sabiex tismal-fehmiet tal-partijiet taħt investigazzjoni oralment.
6. Meta tinnotifika s-sejbiet preliminari lill-partijiet investigati, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tipprovdi lil dawk il-partijiet aċċess għall-fajl amministrattiv f’konformità mal-Artikoli 24 u 25.
7. Il-partijiet investigati jistgħu, fit-tweġiba bil-miktub tagħhom għal sejbiet preliminari, jistabbilixxu l-fatti u l-argumenti legali kollha magħrufa minnhom li huma rilevanti għad-difiża tagħhom kontra l-allegazzjonijiet tal-awtorità superviżorja ewlenija. Huma għandhom jehmżu kwalunkwe dokument rilevanti bħala prova tal-fatti stabbiliti. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tibbaża l-abbozz tad-deċiżjoni tagħha fuq l-allegazzjonijiet u l-fatti u l-valutazzjoni legali bbażati fuq dawk il-fatti, li fir-rigward tagħhom il-partijiet investigati jkunu ngħataw l-opportunità li jipprovdu l-fehmiet tagħhom.
Artikolu 20
Trażmissjoni tas-sejbiet preliminari lill-ilmentaturi
1. Meta l-awtorità superviżorja ewlenija toħroġ sejbiet preliminari relatati ma’ kwistjoni li fir-rigward tagħha tkun irċeviet ilment, l-awtorità superviżorja li lilha jkun tressaq l-ilment għandha tipprovdi lill-ilmentatur b’dawk is-sejbiet preliminari, f’konformità mar-regoli dwar l-aċċess għall-fajl amministrattiv u dwar l-informazzjoni kunfidenzjali skont l-Artikoli 24 u 25, u l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien xieraq mhux anqas minn tliet ġimgħat u mhux aktar minn sitt ġimgħat, li fih l-ilmentatur jista’ jagħmel il-fehmiet tiegħu jew tagħha magħrufa bil-miktub.
2. Għall-fini tal-paragrafu 1, għandhom ikomplu japplikaw il-modalitajiet u r-rekwiżiti amministrattivi skont il-liġi proċedurali nazzjonali tal-awtorità superviżorja li quddiemha tressaq l-ilment.
3. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika wkoll meta l-awtorità superviżorja ewlenija:
(a)
tittratta lment b’mod konġunt ma’ lmenti oħra;
(b)
tittratta parti minn ilment separatament; jew
(c)
timmodifika l-ambitu tal-investigazzjoni fis-sejbiet preliminari bi kwalunkwe mod, inkluż wara deċiżjoni vinkolanti tal-Bord skont l-Artikolu 11(8).
Artikolu 21
Adozzjoni tad-deċiżjoni finali
1. Wara li tressaq l-abbozz ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 u fejn l-ebda waħda minn dawk l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati ma toġġezzjona għall-abbozz ta’ deċiżjoni fil-perjodi msemmija fl-Artikolu 60(4) jew (5) tar-Regolament (UE) 2016/679, kif applikabbli, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha, fi żmien xahar minn tmiem il-perjodu msemmi fl-Artikolu 60(4) jew (5) tar-Regolament (UE) 2016/679:
(a)
tadotta d-deċiżjoni tagħha msemmija fl-Artikolu 60(7) jew, fejn applikabbli, fl-Artikolu 60(9) tar-Regolament (UE) 2016/679; u
(b)
tinnotifika d-deċiżjoni msemmija fil-punt (a) lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur, skont il-każ.
2. L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-ilmentatur skont l-Artikolu 60(7) u (9) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandha tikkonsisti minn:
(a)
verżjoni tad-deċiżjoni adottata li tinkludi l-parti operattiva tagħha b’mod sħiħ u r-raġunijiet ta’ dik id-deċiżjoni li ma jinkludux elementi meqjusa kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament; jew
(b)
sommarju tad-deċiżjoni adottata, inklużi l-fatti u r-raġunijiet rilevanti ta’ dik id-deċiżjoni.
Fi kwalunkwe każ, ilmentatur għandu, fuq talba, jingħata verżjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu li tinkludi l-parti operattiva tagħha b’mod sħiħ u r-raġunijiet ta’ dik id-deċiżjoni li ma jinkludux elementi meqjusa kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament.
Il-modalitajiet u r-rekwiżiti amministrattivi skont il-liġi proċedurali nazzjonali tal-awtorità superviżorja ewlenija għandhom ikomplu japplikaw.
Artikolu 22
Id-dritt li wieħed jinstema’ fir-rigward tal-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni li ssib ksur
1. Meta l-awtorità superviżorja ewlenija tiddetermina li l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE) 2016/679, issib ksur tar-Regolament (UE) 2016/679, iqajjem elementi ġodda li dwarhom il-partijiet investigati jkollhom l-oppurtunità li jikkondividu l-fehmiet tagħhom, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha, qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE) 2016/679, tipprovdi lill-partijiet investigati bil-possibbiltà li jikkondividu l-fehmiet tagħhom dwar dawn l-elementi l-ġodda.
2. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien xieraq mhux anqas minn tliet ġimgħat u mhux aktar minn sitt ġimgħat li fih il-partijiet investigati jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom.
3. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati dwar il-fehmiet tal-partijiet investigati, malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn ġimgħa minn meta jsiru disponibbli.
TAQSIMA 6
OĠĠEZZJONIJIET RILEVANTI U MOTIVATI
Artikolu 23
Oġġezzjonijiet rilevanti u motivati
1. Oġġezzjoni rilevanti u motivata, kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (24), tar-Regolament (UE) 2016/679, għandha:
(a)
tkun ibbażata fuq elementi fattwali u legali inklużi fl-abbozz tad-deċiżjoni jew il-fajl ta’ kooperazzjoni;
(b)
ma tikkonċernax l-ambitu ta’ investigazzjoni fejn l-ebda waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati ma tkun ipprovdiet kummenti f’konformità mal-Artikolu 10(4) ta’ dan ir-Regolament jew meta jkun inkiseb kunsens wara kummenti riċevuti, jew l-ambitu ta’ investigazzjoni kif definit f’deċiżjoni vinkolanti tal-Bord adottata skont l-Artikolu 11(8) ta’ dan ir-Regolament;
(c)
ma tikkonċernax abbozz ta’ deċiżjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.
2. Minkejja l-paragrafu 1, il-punt (b), awtorità superviżorja kkonċernata tista’ tippreżenta oġġezzjonijiet rilevanti u motivati li jikkonċernaw l-ambitu ta’ investigazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), f’każijiet debitament ġustifikati, dment li:
(a)
l-awtorità superviżorja ewlenija tkun naqset milli tinvestiga l-elementi kollha tas-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin li dwarhom ikun inkiseb kunsens skont l-Artikolu 10(5) jew l-Artikolu 11(5), jew tkun naqset milli tikkonforma mad-deċiżjoni vinkolanti tal-Bord skont l-Artikolu 11(8); jew
(b)
elementi ġodda, mhux disponibbli fi żmien li nkiseb il-kunsens dwar is-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin skont l-Artikolu 10(5) jew l-Artikolu 11(5), jew fi żmien id-deċiżjoni vinkolanti tal-Bord skont l-Artikolu 11(8), juru riskju sinifikanti maħluq mill-abbozz ta’ deċiżjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-libertà tas-suġġett tad-data u, fejn applikabbli, il-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni; jew it-tnejn li huma.
3. Oġġezzjoni rilevanti u motivata għandha tkun ċara, koerenti u preċiża biżżejjed u, fejn meħtieġ, għandha tidentifika l-elementi tal-abbozz ta’ deċiżjoni li għandu jiġi emendat sabiex l-awtoritajiet superviżorji jkunu jistgħu jħejju l-pożizzjonijiet tagħhom u, skont il-każ, biex il-Bord ikun jista’ jirriżolvi t-tilwima b’mod effiċjenti.
KAPITOLU IV
FAJL AMMINISTRATTIV, FAJL TA’ KOOPERAZZJONI U T-TRATTAMENT TA’ INFORMAZZJONI KUNFIDENZJALI
Artikolu 24
Fajl amministrattiv
1. Il-fajl amministrattiv f’investigazzjoni li tikkonċerna allegat ksur tar-Regolament (UE) 2016/679 għandu jikkonsisti fid-dokumenti li jkunu nkisbu jew ġew prodotti mill-awtorità superviżorja ewlenija u mill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati u magħquda flimkien mill-awtorità superviżorja ewlenija matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, inkluża l-evidenza kollha inkriminanti u li tiskaġuna.
Il-fajl amministrattiv ma għandux jinkludi komunikazzjonijiet interni fi ħdan awtorità superviżorja.
2. Fuq talba tal-parti investigata, jew ta’ lmentatur meta d-deċiżjoni tista’ taffettwa l-interessi tiegħu jew tagħha b’mod negattiv, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tagħti aċċess għall-fajl amministrattiv lill-partijiet investigati, jew lill-ilmentatur, u hekk tippermettilhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu.
L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli aktar favorevoli dwar l-għoti ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv skont il-liġi nazzjonali tal-awtorità superviżorja ewlenija.
Meta l-aċċess jingħata f’konformità mal-ewwel subparagrafu, il-parti li tkun qed tiġi investigata għandha tingħata tali aċċess mill-awtorità superviżorja ewlenija, filwaqt li l-ilmentatur għandu jingħata tali aċċess mill-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment.
3. Id-dokumenti li ġejjin jew partijiet mid-dokumenti li ġejjin għandhom jiġu esklużi mill-aċċess, irrispettivament minn jekk jingħatax aċċess skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali:
(a)
korrispondenza jew deliberazzjonijiet bejn l-awtoritajiet superviżorji;
(b)
informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 25(1).
4. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tipprovdi aċċess għall-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament (UE) 2016/679 li abbażi tagħhom l-awtorità superviżorja ewlenija jkollha l-ħsieb li tadotta abbozz ta’ deċiżjoni rivedut biss fejn tali aċċess huwa meħtieġ biex il-partijiet investigati jew l-ilmentatur ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom u jiddefendu d-drittijiet tagħhom.
Artikolu 25
Identifikazzjoni u protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali
1. Kwalunkwe informazzjoni, dokument jew partijiet ta’ dokumenti għandhom jitqiesu kunfidenzjali sa fejn ikun fihom sigrieti kummerċjali kif definit fid-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew informazzjoni kunfidenzjali oħra f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.
2. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, l-informazzjoni miġbura, prodotta jew miksuba minn awtorità superviżorja f’każ li jikkonċerna l-ipproċessar transfruntier skont ir-Regolament (UE) 2016/679, li titqies kunfidenzjali skont il-paragrafu 1, ma għandhiex tiġi kkomunikata jew issir aċċessibbli lil parti investigata, lil ilmentatur jew lil kwalunkwe persuna terza.
3. Parti investigata, ilmentatur, jew persuna terza li tissottometti informazzjoni li hija tqis kunfidenzjali għandha tidentifika b’mod ċar dik l-informazzjoni, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għall-kunfidenzjalità ddikjarata. Il-parti investigata, l-ilmentatur, jew il-persuna terza għandha dejjem tipprovdi l-verżjoni sħiħa tal-informazzjoni. Fejn possibbli, għandha tipprovdi wkoll verżjoni mhux kunfidenzjali proposta.
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-awtorità superviżorja li lilha ġiet ippreżentata l-informazzjoni tista’ tirrikjedi lill-partijiet investigati, jew lil kwalunkwe persuna oħra li tissottometti dokumenti, biex tidentifika d-dokumenti jew il-partijiet tad-dokumenti li huma jqisu li fihom sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li tappartjeni għalihom u biex tidentifika l-persuni kkonċernati fir-rigward tal-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.
5. L-awtorità superviżorja li lilha tiġi sottomessa l-informazzjoni għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien xieraq ta’ mhux aktar minn sitt ġimgħat għall-partijiet investigati u kwalunkwe persuna oħra li tiddikjara li l-informazzjoni ppreżentata hija kunfidenzjali lil:
(a)
jissostanzjaw it-talbiet tagħhom li l-informazzjoni ppreżentata fiha sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra għal kull dokument individwali jew parti minn dokument, dikjarazzjoni, jew parti minn dikjarazzjoni;
(b)
jipproponu, fejn ikun possibbli, li verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti u tad-dikjarazzjonijiet, li fihom jitneħħew is-sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra;
(c)
jipprovdu deskrizzjoni konċiża, mhux kunfidenzjali ta’ kull biċċa informazzjoni li tneħħiet.
6. Jekk il-partijiet investigati jew kwalunkwe persuna oħra tonqos milli tikkonforma mal-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja li lilha ġiet ippreżentata l-informazzjoni tista’ tassumi li d-dokumenti jew id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati ma fihomx sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.
7. L-awtorità superviżorja li lilha tiġi ppreżentata l-informazzjoni għandha tiddetermina jekk l-informazzjoni jew il-partijiet rilevanti u speċifiċi tad-dokumenti humiex kunfidenzjali, f’konformità mal-paragrafu 1. Hija għandha tiżgura li r-redazzjoni tad-dokumenti tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali. L-awtorità superviżorja li lilha tiġi sottomessa l-informazzjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn dwar in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni meta tiġi trażmessa.
8. L-informazzjoni meqjusa bħala informazzjoni kunfidenzjali skont il-liġi nazzjonali tal-awtorità superviżorja li lilha tiġi sottomessa u skambjata l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679, għandha tkompli tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali mill-awtorità superviżorja li tirċeviha.
Artikolu 26
Fajl ta’ kooperazzjoni
1. Għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 9, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiżgura li tali informazzjoni rilevanti ssir disponibbli permezz ta’ fajl ta’ kooperazzjoni ddedikat għal kull ilment jew investigazzjoni. Il-fajl ta’ kooperazzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni kollha skambjata skont l-Artikolu 9.
2. Il-fajl ta’ kooperazzjoni għandu jinżamm f’format elettroniku u għandu, permezz ta’ għodda elettronika komuni, ikun aċċessibbli mill-bogħod għall-awtoritajiet superviżorji u, mar-riferiment ta’ kwistjoni għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679, u, fejn applikabbli, meta tintalab opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti skont l-Artikolu 66 ta’ dak ir-Regolament, lill-Bord. Il-fajl ta’ kooperazzjoni ma għandux ikun direttament aċċessibbli għall-partijiet investigati, għall-ilmentaturi jew għal persuni terzi.
KAPITOLU V
RIŻOLUZZJONI TAT-TILWIM
Artikolu 27
Riferiment għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679
1. Fi żmien tliet xhur mill-iskadenza tal-perjodu msemmija fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha jew tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni rivedut ieħor skont 60(5) ta’ dak ir-Regolament jew tirreferi s-suġġett lill-Bord għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament.
2. Fi żmien tliet xhur mill-iskadenza tal-perjodu msemmija fl-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni rivedut ieħor skont 60(5) ta’ dak ir-Regolament jew tirreferi s-suġġett lill-Bord għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament.
3. Meta tirreferi s-suġġett għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tipprovdi lill-Bord b’dan li ġej:
(a)
l-abbozz ta’ deċiżjoni jew l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni soġġett għall-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati;
(b)
sommarju tal-fatti rilevanti;
(c)
fehmiet magħmula bil-miktub mill-partijiet investigati skont l-Artikolu 19 u, skont il-każ, l-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament, mill-inqas sa fejn dawk il-fehmiet ikunu relatati mas-suġġett ippreżentat lill-Bord;
(d)
il-fehmiet magħmula bil-miktub mill-ilmentaturi, skont il-każ, skont l-Artikoli 16, 17 u 20 ta’ dan ir-Regolament mill-inqas sa fejn dawn ikunu relatati mas-suġġett ippreżentat lill-Bord;
(e)
l-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati li ma kinux segwiti mill-awtorità superviżorja ewlenija, u l-oġġezzjonijiet li l-awtorità superviżorja ewlenija rrifjutat bħala li ma humiex rilevanti jew motivati;
(f)
ir-raġunijiet li abbażi tagħhom l-awtorità superviżorja ewlenija ma segwietx l-oġġezzjonijiet rilevanti jew motivati jew irrifjutat l-oġġezzjonijiet bħala mhux rilevanti jew motivati.
4. Il-Bord jista’ jitlob aktar dokumenti minn awtorità superviżorja fir-rigward tas-suġġet ippreżentat lilu.
5. Il-Bord għandu, fi żmien erba’ ġimgħat minn meta jiġi pprovdut bid-dokumenti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jagħmel determinazzjoni preliminari dwar jekk l-oġġezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679 humiex oġġezzjonijiet rilevanti u motivati u jekk jikkonformawx mal-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament. F’dak l-istess perjodu, il-President tal-Bord għandu jirreġistra r-riferiment tas-suġġett ippreżentat lilu. Hekk kif ir-riferiment jiġi rreġistrat, il-fajl għandu jiġi pprovdut lill-membri tal-Bord.
6. Il-perjodu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni vinkolanti tal-Bord previst fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 ma għandux jibqa’ għaddej matul il-perjodi previsti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 28
Smigħ tal-parti investigata u l-ilmentatur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679
1. Qabel ma jadotta d-deċiżjoni vinkolanti skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679, il-Bord għandu jipprovdi lill-parti investigata jew, fejn id-deċiżjoni tal-Bord tista’ tirriżulta f’ rifjut jew f’ċaħda sħaħ jew parzjali ta’ lment, l-ilmentatur, bil-ħsieb li jagħmel il-fehmiet tiegħu pubbliċi bil-miktub dwar kwalunkwe element fattwali jew legali li fuqu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu, inklużi l-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati li jkun beħsiebu jsegwi fid- deċiżjoni tiegħu.
2. Meta l-parti investigata jew l-ilmentatur, kif applikabbli, jingħataw l-opportunità li jagħmlu l-fehmiet tagħhom magħrufa f’konformità mal-paragrafu 1, il-Bord għandu jistabbilixxi limitu ta’ żmien xieraq ta’ mhux aktar minn ġimagħtejn biex jesprimu l-fehmiet tagħhom.
3. Il-perjodu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni vinkolanti tal-Bord previst fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandu jiġi sospiż sakemm il-parti investigata jew l-ilmentatur, kif applikabbli, ikunu ppreżentaw il-fehmiet tagħhom jew sakemm jiskadi l-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, skont liema jiġi l-ewwel.
Artikolu 29
Proċedura fir-rigward ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 65(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/679
1. Meta tirreferi suġġett lill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità superviżorja li tirreferi s-suġġett rigward il-kompetenza għall-istabbiliment ewlieni għandha tipprovdi lill-Bord bid-dokumenti kollha li ġejjin:
(a)
sommarju tal-fatti rilevanti, inkluż fir-rigward tal-ipproċessar inkwistjoni;
(b)
il-valutazzjoni ta’ dawk il-fatti rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk awtorità superviżorja hijiex kompetenti biex taġixxi bħala awtorità superviżorja ewlenija skont l-Artikolu 56(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari l-valutazzjoni ta’ jekk l-ipproċessar iridx jitqies bħala pproċessar transkonfinali u ta’ fejn jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur jew tal-proċessur;
(c)
il-fehmiet magħmula mill-kontrollur jew mill-proċessur li l-istabbiliment ewlieni tiegħu huwa s-suġġett tar-riferiment;
(d)
il-fehmiet ta’ awtoritajiet superviżorji oħrajn ikkonċernati mir-riferiment;
(e)
kwalunkwe dokument jew informazzjoni oħra li l-awtorità superviżorja li tkun qed tirreferi s-suġġett tqis rilevanti u meħtieġa sabiex issib riżoluzzjoni dwar is-suġġett.
2. Il-Bord jista’ jitlob aktar dokumenti minn awtorità superviżorja fir-rigward tas-suġġett ippreżentat lilu.
3. Fi żmien ġimgħa mindu jingħata d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-President tal-Bord għandu jirreġistra r-riferiment tas-suġġett ippreżentat lilu. Hekk kif ir-riferiment jiġi rreġistrat, il-fajl għandu jiġi pprovdut lill-membri tal-Bord.
Artikolu 30
Proċedura fir-rigward ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 65(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/679
1. Meta tikkomunika suġġett lill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità superviżorja jew il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Bord b’ li ġej:
(a)
sommarju tal-fatti rilevanti;
(b)
l-opinjoni, skont il-każ, tista’ tinħareġ mill-Bord skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2016/679; jew id-deċiżjoni, jekk ikun il-każ, addottata mill-awtorità superviżorja kompetenti li ssegwi l-opinjoni maħruġa mill-Bord skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2016/679;
(c)
il-fehmiet tal-awtorità superviżorja li jirreferu s-suġġett jew tal-Kummissjoni dwar jekk, skont il-każ, kienx meħtieġ li awtorità superviżorja tirreferi l-abbozz tad-deċiżjoni lill-Bord skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, jew jekk awtorità superviżorja ma segwietx l-opinjoni tal-Bord maħruġa skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2016/679, inkluża indikazzjoni ta’ liema partijiet ta’ dik l-opinjoni ma ġewx segwiti u referenza għall-parti rilevanti tad-deċiżjoni adottata.
2. Il-Bord għandu jitlob dan li ġej:
(a)
Il-fehmiet tal-awtorità superviżorja allegata li kisret ir-rekwiżit li tirreferi abbozz ta’ deċiżjoni lill-Bord jew li naqset milli ssegwi l-opinjoni tal-Bord;
(b)
kwalunkwe dokument jew informazzjoni oħra li l-awtorità superviżorja tqis rilevanti u meħtieġa sabiex issib riżoluzzjoni dwar is-suġġett.
3. Il-Bord jista’ jitlob aktar dokumenti minn awtorità superviżorja fir-rigward tas-suġġett ippreżentat lilu.
4. Fi żmien ġimgħa mindu jingħata d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-President tal-Bord għandu jirreġistra r-referenza tas-suġġett ippreżentat lilu. Hekk kif ir-riferiment jiġi rreġistrat, il-fajl għandu jiġi pprovdut lill-membri tal-Bord.
5. Meta xi awtorità superviżorja tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tippreżenta l-fehmiet tagħha dwar is-suġġett riferut, din għandha tippreżenta dawk il-fehmiet fi żmien ġimagħtejn mir-riferiment imsemmi fil-paragrafu 1.
KAPITOLU VI
PROĊEDURA TA’ URĠENZA
Artikolu 31
Opinjoni urġenti skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2016/679
1. Talba għal opinjoni urġenti tal-Bord skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandha ssir mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat qabel l-iskadenza tal-miżuri provviżorji adottati skont l-Artikolu 66(1) ta’ dak ir-Regolament u għandu jkun fiha l-punti li ġejjin:
(a)
sommarju tal-fatti rilevanti, inklużi l-allegazzjonijiet ta’ ksur tar-Regolament (UE) 2016/679;
(b)
deskrizzjoni tal-miżura provviżorja adottata fit-territorju tiegħu tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li tkun qed titlob l-opinjoni urġenti, id-durata tagħha u r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħha, inkluża ġustifikazzjoni tal-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data;
(c)
ġustifikazzjoni tal-ħtieġa urġenti li jiġu adottati miżuri finali, inkluża spjegazzjoni tan-natura eċċezzjonali taċ-ċirkostanzi li jirrikjedu l-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri finali.
2. Il-Bord jista’ jitlob aktar dokumenti minn awtorità superviżorja fir-rigward tas-suġġett ippreżentat lilu għal opinjoni urġenti.
3. Fi żmien ġimgħa mindu jingħata d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-President tal-Bord għandu jirreġistra r-riferiment tas-suġġett ippreżentat lilu. Hekk kif ir-riferiment jiġi rreġistrat, il-fajl għandu jiġi pprovdut lill-membri tal-Bord.
Artikolu 32
Deċiżjoni vinkolanti urġenti skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2016/679
1. Talba għal deċiżjoni vinkolanti urġenti tal-Bord skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandha ssir mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji adottati skont l-Artikoli 61(8), l-Artikolu 62(7) jew l-Artikolu 66(1) ta’ dak ir-Regolament. Dik it-talba għandu jkollha l-elementi li ġejjin:
(a)
sommarju tal-fatti rilevanti, inklużi l-allegazzjonijiet ta’ ksur tar-Regolament (UE) 2016/679;
(b)
il-miżura provviżorja adottata fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li titlob id-deċiżjoni vinkolanti urġenti, id-durata tagħha u r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħha, inkluż ġustifikazzjoni tal-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data;
(c)
informazzjoni dwar kwalunkwe miżura investigattiva meħuda fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li titlob id-deċiżjoni vinkolanti urġenti u tweġibiet riċevuti mill-partijiet investigati jew kwalunkwe informazzjoni oħra fil-pussess tal-awtorità superviżorja rikjedenti;
(d)
ġustifikazzjoni tal-ħtieġa urġenti li jiġu adottati miżuri finali, filwaqt li titqies in-natura eċċezzjonali taċ-ċirkostanzi li jirrikjedu l-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri, jew prova li awtorità superviżorja naqset milli tikkonforma mal-Artikolu 61(5) jew l-Artikolu 62(2) tar-Regolament (UE) 2016/679;
(e)
meta l-awtorità superviżorja rikjedenti ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, il-fehmiet tal-awtorità superviżorja ewlenija.
(f)
fejn applikabbli, il-fehmiet tal-istabbiliment lokali tal-partijiet investigati li lilhom ġew indirizzati il-miżuri proviżorji mesmmija fl-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.
2. Il-Bord jista’ jitlob aktar dokumenti minn awtorità superviżorja fir-rigward tas-suġġett ippreżentat lilu.
3. Fi żmien ġimgħa minn meta jirċievi d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-President tal-Bord għandu jirreġistra r-riferiment tas-suġġett ippreżentat lilu. Hekk kif ir-riferiment jiġi rreġistrat, il-fajl għandu jiġi pprovdut lill-membri tal-Bord.
4. Meta l-Bord jadotta deċiżjoni vinkolanti urġenti li tindika li għandhom jiġu adottati miżuri finali, l-awtorità superviżorja li lilhom ikunu indirizzati d-deċiżjonijiet għandhom jadottaw dawn il-miżuri qabel l-iskadenza tal-miżuri provviżorji adottati skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.
5. Meta deċiżjoni vinkolanti urġenti tindika li l-miżuri finali ma jeħtiġux li jiġu adottati b’mod urġenti, l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati għandhom isegwu l-proċedura fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2016/679.
Artikolu 33
Deċiżjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti skont l-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2016/679
1. Talba għal deċiżjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti tal-Bord skont l-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandu jkun fiha dan li ġej:
(a)
sommarju tal-fatti rilevanti;
(b)
il-ġustifikazzjoni tal-ħtieġa urġenti li jittieħdu miżuri xierqa sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, filwaqt li titqies in-natura eċċezzjonali taċ-ċirkostanzi li jeħtieġu l-adozzjoni ta’ tali miżuri, b’mod partikolari elementi li l-awtorità superviżorja kompetenti kellha tqis sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data;
(c)
meta rilevanti u disponibbli, informazzjoni dwar kwalunkwe miżura investigattiva meħuda mill-awtorità superviżorja rikjedenti fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li tkun qed titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti u tweġibiet riċevuti mill-istabbiliment lokali tal-partijiet investigati jew kwalunkwe informazzjoni oħra fil-pussess ta’ dik l-awtorità superviżorja rikjedenti;
(d)
il-fehmiet tal-awtorità superviżorja kompetenti msemmija fl-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2016/679;
2. Il-Bord jista’ jitlob aktar dokumenti minn awtorità superviżorja fir-rigward tas-suġġett ippreżentat lilu.
3. Fi żmien ġimgħa minn meta jingħata d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-President tal-Bord għandu jirreġistra r-riferiment tas-suġġett ippreżentat lilu. Hekk kif ir-riferiment jiġi rreġistrat, il-fajl għandu jiġi pprovdut lill-membri tal-Bord.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 34
Statistika tal-infurzar għall-każijiet li jikkonċernaw l-ipproċessar transkonfinali
1. Bħala parti mir-rapport annwali li għandu jitfassal skont l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2016/679, il-Bord għandu jipprovdi statistika dwar l-infurzar tar-Regolament (UE) 2016/679 f’każijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari:
(a)
l-għadd ta’ każijiet ibbażati fuq l-ilmenti u ex officio mibdija;
(b)
l-għadd ta’ każijiet ibbażati fuq l-ilmenti u ex officio konklużi;
(c)
l-għadd ta’ investigazzjonijiet mitluba mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2016/679;
(d)
l-għadd ta’ lmenti mressqa;
(e)
l-għadd ta’ lmenti rrifjutati jew miċħuda kompletament jew parzjalment;
(f)
id-durata medja tal-każijiet ibbażati fuq l-ilmenti u ex officio konklużi;
(g)
l-għadd u l-ammont ta’ multi maħruġa u imposti skont l-Artikoli 83 u 84 tar-Regolament (UE) 2016/679.
2. Meta l-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx direttament disponibbli għall-Bord, l-awtoritajiet superviżorji għandhom, fuq talba, jipprovduha lill-Bord mingħajr dewmien.
Artikolu 35
Rapport tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni, bħala parti mir-rapport tagħha dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami tar-Regolament (UE) 2016/679 skont l-Artikolu 97 ta’ dak ir-Regolament, għandha tirrapporta wkoll dwar l-applikazzjoni u l-funzjonament ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 36
Dispożizzjonijiet tranżitorji
Il-Kapitoli III u IV għandhom japplikaw għal investigazzjonijiet ex officio miftuħa wara t-2 ta’ April 2027 u għal investigazzjonijiet ibbażati fuq l-ilmenti fejn l-ilment ikun ġie ppreżentat wara t-2 ta’ April 2027.
Il-Kapitoli V u VI ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-każijiet kollha riferuti għar-riżoluzzjoni għat-tilwim skont l-Artikolu 65 u l-proċedura ta’ urġenza skont l-Artikolu 66(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/679 wara t-2 ta’ April 2027.
Artikolu 37
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika mit-2 ta’ April 2027.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Novembru 2025.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(1) ĠU C, C/2024/1578, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1578/oj.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2025.
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(5) Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/943/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2518/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top