Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2025/2643
29.12.2025
REGOLAMENT (UE) 2025/2643 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ Diċembru 2025
li jistabbilixxi l-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea u qafas ta’ miżuri biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża (“ir-Regolament EDIP”)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(1), l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 212(2) u l-Artikolu 322(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (4),
Billi:
(1)
Ir-ritorn ta’ gwerra ta’ intensità għolja li ġabet magħha l-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna għandu effett negattiv fuq is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri u jeħtieġ żieda sinifikanti fil-kapaċità tal-Istati Membri biex isaħħu l-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom. Id-deterjorament fit-tul tas-sigurtà reġjonali u dinjija jeħtieġ bidla radikali fl-iskala u l-ħeffa li bihom il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) tista’ tiżviluppa u tipproduċi l-ispettru sħiħ tal-kapaċitajiet militari.
(2)
Fil-laqgħa tagħhom f’Versailles fil-11 ta’ Marzu 2022, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni, impenjaw ruħhom li “jagħtu spinta lill-kapaċitajiet tad-difiża Ewropej”. Ftiehmu li jżidu l-infiq tagħhom fid-difiża, isaħħu l-kooperazzjoni permezz ta’ proġetti konġunti u akkwist konġunt tal-kapaċitajiet ta’ difiża, jindirizzaw in-nuqqasijiet, jagħtu spinta lill-innovazzjoni u jsaħħu u jiżviluppaw l-industrija tad-difiża Ewropea.
(3)
Fit-18 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ippreżentaw Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur li tenfasizza l-eżistenza fl-Unjoni ta’ lakuni finanzjarji, industrijali u ta’ kapaċità fil-qasam tad-difiża.
(4)
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew, wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa biex jiġu implimentati d-dikjarazzjoni ta’ Versailles tal-11 ta’ Marzu 2022 u l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża approvata mill-Kunsill fil-21 ta’ Marzu 2022, enfasizza li jenħtieġu aktar sforzi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni li żżid il-prontezza fil-qasam tad-difiża. Industrija tad-difiża Ewropea b’saħħitha, reżiljenti, innovattiva u kompetittiva huwa prerekwiżit biex tinkiseb tali prontezza u biex l-Unjoni tiġi difiża.
(5)
Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2023/1525 (5), li għandu l-għan li jappoġġa b’mod urġenti t-tisħiħ fil-kapaċitajiet tal-manifattura tal-industrija tad-difiża Ewropea, jiżgura l-ktajjen tal-provvista, jiffaċilita proċeduri ta’ akkwist effiċjenti, jindirizza n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet eżistenti tal-produzzjoni u jippromwovi l-investimenti. Fit-18 ta’ Ottubru 2023, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2023/2418 (6), li għandu l-għan li jappoġġa l-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri fil-fażi tal-akkwist biex jingħalqu l-aktar lakuni urġenti u kritiċi b’mod kollaborattiv, speċjalment dawk il-lakuni maħluqa mir-rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
(6)
Ir-Regolamenti (UE) 2023/1525 u (UE) 2023/2418 tfasslu bħala programmi ta’ rispons f’każ ta’ emerġenza u programmi fuq terminu qasir, li jiskadu fit-30 ta’ Ġunju 2025 u fil-31 ta’ Diċembru 2025 rispettivament.
(7)
Jenħtieġ li dan ir-Regolament jibni fuq ir-Regolamenti (UE) 2023/1525 u (UE) 2023/2418 u jestendi l-loġika tagħhom f’perspettiva aktar fit-tul u strutturata, billi jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-perjodu 2025-2027 għat-tisħiħ tal-kompetittività, ir-rispons u l-abbiltà tal-EDTIB biex tiżgura d-disponibbiltà u l-provvista ta’ prodotti tad-difiża b’mod prevedibbli, kontinwu u f’waqtu. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-sigurtà, jidher li huwa meħtieġ li dak l-appoġġ tal-Unjoni jiġi estiż biex tiġi inċentivata l-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri fl-akkwist ta’ ambitu usa’ tat-tagħmir tad-difiża.
(8)
Fit-23 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jagħti l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-Ukrajna, li esprimiet rieda qawwija li torbot ir-rikostruzzjoni mar-riformi fil-perkors Ewropew tagħha. Fil-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew iddeċieda jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna u ddikjara li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jibqgħu impenjati li jikkontribwixxu, fit-tul u flimkien mas-sħab, għall-impenji ta’ sigurtà lejn l-Ukrajna li ser jgħinu lil din tal-aħħar tiddefendi lilha nnifisha, tirreżisti l-isforzi ta’ destabbilizzazzjoni u tiskoraġġixxi atti ta’ aggressjoni fil-futur. L-appoġġ qawwi lill-Ukrajna huwa prijorità ewlenija għall-Unjoni u rispons xieraq għall-impenn politiku qawwi tal-Unjoni biex tappoġġa lill-Ukrajna sakemm ikun meħtieġ.
(9)
Il-ħsara li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kkawżat lill-ekonomija, lis-soċjetà u lill-infrastruttura tal-Ukrajna, u b’mod partikolari l-ħsara kkawżata lill-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna (id-“DTIB tal-Ukrajna”), ifisser li hemm bżonn ta’ appoġġ komprensiv biex id-DTIB tal-Ukrajna tinbena mill-ġdid. Tali appoġġ huwa essenzjali sabiex l-Ukrajna tingħata l-kapaċità li żżomm il-funzjonijiet essenzjali tal-istat, u fl-istess ħin jikkontribwixxi għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni rapidi tal-pajjiż, għall-integrazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna fl-EDTIB, u għall-adattament tad-DTIB tal-Ukrajna sabiex tilħaq l-istandards tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u standards rilevanti oħrajn. DTIB tal-Ukrajna b’saħħitha hija essenzjali għas-sigurtà fit-tul tal-Ukrajna kif ukoll għar-rikostruzzjoni tagħha.
(10)
Jenħtieġ li l-azzjonijiet li jappoġġaw it-tisħiħ tad-DTIB tal-Ukrajna jiġu appoġġati finanzjarjament mill-Unjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna skont dan ir-Regolament jinċentiva lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Ukrajna u mad-DTIB tal-Ukrajna bil-ħsieb li jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-manifattura tad-difiża tal-Ukrajna u jitrawwem l-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża mid-DTIB tal-Ukrajna. Dak l-appoġġ huwa komplementari għall-appoġġ ipprovdut skont il-Faċilità għall-Ukrajna stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u għall-appoġġ militari pprovdut lill-Ukrajna skont il-Faċilità Ewropea għall-Paċi stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (8) u permezz ta’ assistenza bilaterali mill-Istati Membri. Huwa wkoll konsistenti mal-appoġġ persistenti u sod tal-Unjoni għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment.
(11)
Ir-Russja trid tinżamm għalkollox responsabbli u tħallas għall-ħsara enormi kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, li tikkostitwixxi ksur sfaċċat tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ sħab internazzjonali oħra, ikomplu jaħdmu għal dak l-għan, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dak internazzjonali, filwaqt li jitqies il-ksur serju mir-Russja tal-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza minquxa fl-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal atti internazzjonalment illegali, inkluż l-obbligu li tikkumpensa għall-ħsara kkawżata li tista’ tiġi vvalutata finanzjarjament. F’koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali, sar progress fl-analiżi ta’ kif id-dħul straordinarju miżmum mill-entitajiet privati li jkun irriżulta direttament mill-immobilizzazzjoni tal-assi sovrani Russi jista’ jiġi dirett biex jappoġġa l-Ukrajna, inkluż id-DTIB tal-Ukrajna, b’mod li jkun konsistenti mal-obbligi kuntrattwali applikabbli u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali. Jista’ jinkiseb appoġġ addizzjonali mit-trasferiment lejn l-Unjoni ta’ bilanċi straordinarji tal-flus tad-depożitorji ċentrali tat-titoli li jirriżultaw mid-dħul mhux mistenni u straordinarju minħabba l-immobilizzazzjoni tal-assi sovrani tar-Russja jew minn kwalunkwe miżura restrittiva oħra tal-Unjoni.
(12)
B’segwitu għall-impenn qawwi tal-mexxejja tal-G7 li l-Ukrajna tiġi megħjuna tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament urġenti tagħha fuq terminu qasir u li l-prijoritajiet fit-tul tagħha għall-irkupru u r-rikostruzzjoni jiġu appoġġati, fit-28 ta’ Ottubru 2024, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2024/2773 (9) li stabbilixxa l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna u li pprovda assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna. Ir-Regolament (UE) 2024/2773 jipprevedi li l-Memorandum ta’ Qbil dwar il-kundizzjonijiet ta’ politika għal dik l-assistenza makrofinanzjarja għandu jinkludi impenn biex tiġi promossa l-kooperazzjoni mal-Unjoni dwar l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Ukrajna, f’konformità mal-objettivi tal-programmi tal-Unjoni mmirati lejn l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna u ta’ programmi rilevanti oħra tal-Unjoni.
(13)
Jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 114(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (ir-“Regolament Finanzjarju”) mal-Ukrajna għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament li jikkonċernaw lill-Ukrajna jew lill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Ukrajna li jirċievu fondi mill-Unjoni. Jenħtieġ li l-ftehim ta’ finanzjament mal-Ukrajna, flimkien mal-kuntratti u l-ftehimiet iffirmati ma’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Ukrajna li jirċievu fondi mill-Unjoni, jiżgura il-konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju.
(14)
Biex jiġu ffinanzjati l-azzjonijiet li għandhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività u l-prontezza tal-EDTIB abbażi tal-Artikolu 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-azzjonijiet li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna, filwaqt li titqies l-integrazzjoni futura possibbli tagħha fl-EDTIB, skont l-Artikolu 212 TFUE, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (il-“Programm”) li jistipula l-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni skont l-Artikolu 173 TFUE u Strument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna li jistipula l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni skont l-Artikolu 212 TFUE.
(15)
Jenħtieġ li l-Programm ikun konsistenti mal-prijoritajiet tal-kapaċità tad-difiża maqbula b’mod komuni mill-Istati Membri fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), il-kooperazzjoni tal-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 (11), l-inizjattivi u l-proġetti tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u l-assistenza ċivili u militari tal-Unjoni lill-Ukrajna. Jenħtieġ li l-Programm jieħu kont kif xieraq tal-attivitajiet rilevanti mwettqa min-NATO u sħab oħra meta tali attivitajiet ikunu jservu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni.
(16)
Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perjodu mill-2025 sal-2027 li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, skont it-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (12), għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali. Huwa xieraq li jkunu jistgħu jsiru disponibbli riżorsi finanzjarji addizzjonali għall-Programm u għall-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, inkluż permezz ta’ kontribuzzjonijiet addizzjonali pprovduti mill-Istati Membri.
(17)
Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Lulju 2020, iddikjara li jenħtieġ li, bħala regola, it-tul ta’ żmien tal-programmi settorjali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) jiġi allinjat mal-perjodu ta’ żmien tal-QFP 2021-2027. Wara l-iskadenza tal-QFP 2021-2027, il-finanzjament tal-Unjoni għall-programmi settorjali ser ikun soġġett għall-eżitu tan-negozjati dwar il-QFP li jmiss, applikabbli mill-2028.
(18)
Il-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 73(4) tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jistgħu jiġu applikati dment li l-proġett jikkonforma mar-regoli stabbiliti f’dak ir-Regolament u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Fond Soċjali Ewropew Plus kif stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2021/1058 (14) u (UE) 2021/1057 (15) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rispettivament. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża tkun ikkonfrontata minn fallimenti speċifiċi tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali fit-territorji tal-Istati Membri, b’mod partikolari f’żoni vulnerabbli u remoti, u tali riżorsi jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-programm mnejn ġew ittrasferiti. F’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-programmi emendati ppreżentati mill-Istat Membru u tagħmel osservazzjonijiet fi żmien xahrejn mill-preżentazzjoni tal-programm emendat.
(19)
Fid-dawl tal-ħtieġa li jsir investiment aħjar u b’mod konġunt fil-kompetittività, ir-rispons u l-abbiltà tal-EDTIB li tiżgura d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża kif ukoll fl-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u partijiet terzi oħra jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Programm u tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna. Jenħtieġ li tali kontribuzzjonijiet jiġu implimentati f’konformità mal-istess regoli u kundizzjonijiet u jenħtieġ li jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2), il-punt (a), (d) jew (e), tar-Regolament Finanzjarju u jenħtieġ li jiġu indikati fil-proċedura baġitarja annwali f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà li jiddeċiedu kif jallokaw l-ammonti kkontribwiti għall-Programm jew għall-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jagħżlu li jagħmlu dawk il-fondi disponibbli għall-entitajiet kollha eliġibbli għall-finanzjament skont dan ir-Regolament, li jkunu ta’ benefiċċju biss għall-Istati Membri kkonċernati, jew li jkunu ta’ benefiċċju addizzjonali għal Stati Membri oħra jew, meta rilevanti, għall-Ukrajna. Dik il-flessibbiltà hija essenzjali biex jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi, li jippermetti l-allokazzjoni tal-finanzjament fejn huwa l-aktar meħtieġ.
(20)
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw il-flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-allokazzjonijiet tagħhom ta’ ġestjoni kondiviża offruti bir-Regolament (UE) 2021/1060. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li ċerti livelli ta’ finanzjament jiġu ttrasferiti bejn l-allokazzjonijiet ta’ ġestjoni kondiviża u l-Programm jew l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1060. Jenħtieġ li jkun possibbli li r-riżorsi li jibqgħu mhux impenjati sal-aħħar tal-2028 jiġu ttrasferiti lura għal programm wieħed jew aktar tas-sorsi rispettivi, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1060.
(21)
L-objettivi segwiti skont il-Programm biex jiżdiedu l-kompetittività u l-prontezza tal-EDTIB billi jingħata bidu għall-aġġustament tal-industrija għall-bidliet strutturali imposti mill-ambjent tas-sigurtà li qed jevolvi u billi dan l-aġġustament jitħaffef, inkluż bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-prodotti tad-difiża fl-Unjoni kollha, jistgħu jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni kif previst skont ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Għaldaqstant, jenħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri appoġġati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jintużaw sabiex jiġu appoġġati azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dik il-possibbiltà tintuża sa fejn tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/241. L-applikazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) hija essenzjali biex jiġi żgurat li r-riformi u l-investimenti mwettqa skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jiġu implimentati b’mod sostenibbli. Jenħtieġ li l-miżuri kollha appoġġati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jittieħdu f’konformità mal-acquis ambjentali tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u l-protezzjoni tan-natura. Fl-istess ħin, xi prodotti finali tad-difiża, min-natura tagħhom, x’aktarx li direttament jew indirettament jagħmlu ħsara lill-ambjent. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” għall-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri li jappoġġaw azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali li jikkonċernaw dawk il-prodotti tista’ ma tkunx fattibbli. Barra minn hekk, jista’ jkun xieraq li ma jiġix applikat il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” meta l-azzjoni ta’ tisħiħ industrijali appoġġata tikkonċerna prodotti tad-difiża, jew komponenti jew materja prima maħsubin jew użati kompletament għall-produzzjoni ta’ prodotti tad-difiża. Tabilħaqq, l-Unjoni qed tħabbat wiċċha ma’ deterjorament qawwi tal-kuntest tas-sigurtà tagħha li żied il-livell tat-theddida għall-Unjoni. Dan jeħtieġ investimenti immedjati u massivi fir-reżiljenza u t-tisħiħ tal-EDTIB u appoġġ għaliha biex tissaħħaħ l-abbiltà tagħha li tħejji għal kriżijiet futuri fil-provvista u tiġi żgurata d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża madwar l-Unjoni. Dan jirrappreżenta, fis-sitwazzjoni preżenti, objettiv prevalenti ta’ sigurtà pubblika li jieħu preċedenza fuq kunsiderazzjonijiet oħra. F’dan il-kuntest, huwa meħtieġ li jiġi evitat kwalunkwe tfixkil tul il-ktajjen tal-provvista tad-difiża, b’mod partikolari billi jkun possibbli li azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali li jikkonċernaw il-prodotti tad-difiża u l-komponenti u l-materja prima tad-difiża jiġu appoġġati, fejn xieraq, mingħajr restrizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. Għaldaqstant, meta l-Istati Membri jużaw il-kontribuzzjoni volontarja tagħhom appoġġata mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza favur azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li dawk l-azzjonijiet ma jkunux soġġetti għall-applikazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, dment li, fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni, l-Istat Membru kkonċernat jiġġustifika mal-Kummissjoni li ma jkunx fattibbli jew xieraq li jiġi żgurat li t-tip ta’ attivitajiet maħsuba biex jiġu appoġġati skont dan ir-Regolament jikkonformaw mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.
(22)
Jenħtieġ li l-pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-Programm bħala pajjiżi assoċjati fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilita skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (18), li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi abbażi ta’ deċiżjoni adottata taħt dak il-Ftehim.
(23)
Peress li dan ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb il-kompetittività u l-effiċjenza tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni u dik tal-Ukrajna, u sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, biex jibbenefikaw mill-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni skont il-Programm u skont l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, jenħtieġ li r-riċevituri ta’ tali appoġġ finanzjarju jkunu entitajiet ġuridiċi li huma stabbiliti u għandhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-Unjoni, f’pajjiżi assoċjati jew fl-Ukrajna u li jużaw, għall-finijiet tal-infrastruttura tal-azzjoni, faċilitajiet, assi u riżorsi li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ pajjiż assoċjat jew tal-Ukrajna. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-riċevituri ta’ tali appoġġ finanzjarju ma jkunux soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz mhux assoċjat, għajr l-Ukrajna jew minn entità ta’ pajjiż terz ieħor. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li “kontroll” jinftiehem bħala l-abbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità ġuridika b’mod dirett, jew indirett permezz ta’ entità ġuridika intermedja waħda jew aktar. Meta Stati Membri, pajjiżi assoċjati jew l-Ukrajna jkunu r-riċevituri ta’ tali appoġġ finanzjarju, għall-fini ta’ akkwist komuni, jenħtieġ li japplikaw kriterji ekwivalenti għall-kuntratturi u s-sottokuntratturi għall-kuntratti ta’ akkwist, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-istess kundizzjonijiet japplikaw għalihom filwaqt li jiġi rifless il-fatt li dawk il-kuntratturi u s-sottokuntratturi mhumiex riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni.
(24)
Jenħtieġ li l-kriterji ta’ eliġibbiltà jqisu l-ktajjen tal-provvista eżistenti u l-kooperazzjoni industrijali ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati għajr l-Ukrajna u jenħtieġ li jippermettu li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-kapaċità. Għalhekk, jenħtieġ li, taħt ċerta kundizzjoni, l-akkwist komuni li jinvolvi sottokuntrattur wieħed li jiġi allokat bejn 15 % u 35 % tal-valur tal-kuntratt, u li mhuwiex stabbilit jew li ma għandux l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tiegħu fl-Unjoni, f’pajjiż assoċjat jew, fejn rilevanti, fl-Ukrajna, ikunu eliġibbli għal finanzjament skont il-Programm u l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.
(25)
F’ċerti ċirkostanzi, jenħtieġ li jkun possibbli li ssir deroga mill-prinċipju li l-entitajiet ġuridiċi involuti f’azzjoni appoġġata mill-Programm jużaw infrastruttura, faċilitajiet, assi u riżorsi li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż assoċjat, u ma jkunux soġġetti għal kontroll minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li entità ġuridika stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat li tuża infrastruttura, faċilitajiet, assi jew riżorsi li jinsabu barra mit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż assoċjat, jew li tkun ikkontrollata minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, tkun tista’ tipparteċipa bħala riċevitur jekk jiġu sodisfatti kundizzjonijiet stretti relatati mal-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż il-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, kif stabbilit fil-qafas tal-PESK skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), inkluż fir-rigward tat-tisħiħ tal-EDTIB. Jenħtieġ li jiġu previsti derogi simili għal azzjonijiet appoġġati skont l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, biex jippermettu l-użu ta’ infrastruttura, faċilitajiet, assi jew riżorsi li jinsabu barra mit-territorju ta’ Stat Membru jew tal-Ukrajna, u għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni u kkontrollati minn pajjiż terz għajr l-Ukrajna jew minn entità ta’ pajjiż terz ieħor.
(26)
Jenħtieġ li l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat u kkontrollati minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, ikunu eliġibbli biex ikunu riċevitur jekk il-garanziji approvati f’konformità mal-proċeduri nazzjonali tal-Istat Membru jew tal-pajjiż assoċjat li fih ikunu stabbiliti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u jiġu vvalutati qabel ma tittieħed deċiżjoni li jingħata finanzjament mill-Unjoni. Jenħtieġ li tali garanziji jinħarġu biss dment li jiġu sodisfatti u miżmuma tul l-azzjoni kollha kundizzjonijiet stretti relatati mal-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, kif stabbilit fil-qafas tal-PESK skont it-Titolu V tat-TUE. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri li jiltaqgħu bħala kumitat dwar l-entitajiet ġuridiċi meqjusa bħala eliġibbli wara tali valutazzjoni. L-informazzjoni relatata mal-valutazzjoni sussegwenti tal-eliġibbiltà, minħabba fost l-oħrajn, bidla rrapportata fis-sjieda matul l-implimentazzjoni, ser tiġi rrapportata wkoll lill-Istati Membri li jiltaqgħu bħala kumitat sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fil-monitoraġġ tal-konformità kontinwa mal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà. Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet ikkontrollati minn pajjiżi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati ma tmurx kontra l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Għall-finijiet tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, jenħtieġ li tali regoli dwar l-eliġibilità japplikaw fil-każ ta’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni u kkontrollati minn pajjiż terz mhux assoċjat għajr l-Ukrajna jew minn entità ta’ pajjiż terz ieħor.
(27)
Sabiex tiżdied il-kompetittività tal-EDTIB, jitrawmu l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna u jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża minn dawk il-bażijiet teknoloġiċi u industrijali tad-difiża, huwa importanti li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi dwar il-valur iġġenerat fl-Unjoni u fil-pajjiżi assoċjati jew, meta rilevanti, fl-Ukrajna. Dan ser isaħħaħ l-effiċjenza tal-appoġġ tal-Unjoni skont il-Programm u l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna. Għalhekk, jenħtieġ li għall-azzjonijiet appoġġati mill-finanzjament tal-Unjoni skont il-Programm jew l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, il-kost tal-komponenti li joriġinaw barra mill-Unjoni u pajjiżi assoċjati jew, meta rilevanti, mill-Ukrajna, ma jkunx ogħla minn 35 % tal-kost stmat tal-komponenti tal-prodott finali jew tal-prodott li ż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu hija appoġġata minn finanzjament tal-Unjoni. L-objettivi segwiti skont dan ir-Regolament ser jintlaħqu b’mod aktar effettiv jekk il-kost ta’ dawk il-komponenti jkun aktar baxx minn dak il-limitu ta’ 35 %. Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni huma mistiedna jimmiraw biex ibaxxu gradwalment dak il-perċentwal fi prodotti ġodda. Il-materja prima ma titqiesx bħala komponent.
(28)
B’kont meħud tal-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata l-kapaċità operazzjonali tal-forzi armati tal-Istati Membri u li tiġi żgurata l-abbiltà tagħhom li jużaw il-prodotti tad-difiża koperti minn azzjoni mwettqa skont il-Programm mingħajr limitazzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti addizzjonali relatati mal-abbiltà li jiddeċiedu dwar id-definizzjoni, l-adattament u l-evoluzzjoni tad-disinn ta’ tali prodotti tad-difiża. Għalhekk, jenħtieġ li r-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni jew, meta rilevanti, il-kuntrattur jew il-konsorzju ta’ kuntratturi ma jkunux soġġetti għal limitazzjonijiet legali jew kuntrattwali minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati li jaffettwaw l-abbiltà tagħhom li jiddeċiedu dwar id-definizzjoni, l-adattament u l-evoluzzjoni tad-disinn tal-prodott tad-difiża, inkluż dwar is-sostituzzjoni jew it-tneħħija tal-komponenti li huma soġġetti għal restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati. Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, jenħtieġ li tiġi pprovduta deroga speċifika u mmirata għal dak ir-rekwiżit b’mod eċċezzjonali u temporanju għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali għall-produzzjoni ta’ munizzjon u missili. Jenħtieġ li tali deroga tkun tippermetti lir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni jew lill-awtoritajiet governattivi rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jipprovdu lill-Kummissjoni mpenn legalment vinkolanti mill-pajjiż terz mhux assoċjat jew mill-entità tal-pajjiż terz mhux assoċjat ikkonċernata li r-riċevituri ser jiksbu dik l-abbiltà li jiddeċiedu. Jenħtieġ li r-riċevituri jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li dak l-impenn jiġi implimentat. Fejn ir-riċevituri, minkejja l-isforzi tagħhom, ma jkunux jistgħu jiksbu tali abbiltà li jiddeċiedu, jittieħdu miżuri korrettivi f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari l-Artikolu 132.
(29)
Sabiex jiġi żgurat li, fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jiġu rrispettati l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jenħtieġ li l-azzjonijiet marbuta ma’ prodotti jew teknoloġiji li l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni tagħhom tkun ipprojbita mil-liġi internazzjonali applikabbli ma jkunux eliġibbli għall-finanzjament skont il-Programm jew skont l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.
(30)
Jenħtieġ li l-Programm u l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jipprovdu appoġġ finanzjarju f’konformità mar-Regolament Finanzjarju għal azzjonijiet li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kompetittività, tar-rispons u tal-abbiltà tal-EDTIB jew għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża, bħall-kooperazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi fl-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża u azzjonijiet li jkollhom l-għan li jaċċelleraw l-aġġustament għall-bidliet strutturali tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-prodotti tad-difiża, u tal-komponenti u tal-materja prima korrispondenti tagħhom. Dan jista’ jinkludi l-koordinazzjoni industrijali dwar ir-riżerva ta’ prodotti tad-difiża, l-aċċess għall-finanzi għall-impriżi involuti fil-manifattura ta’ prodotti tad-difiża, ir-riżerva tal-kapaċitajiet ta’ manifattura (“faċilitajiet dejjem lesti”) jew il-proċessi industrijali tar-rikondizzjonar ta’ prodotti skaduti, l-espansjoni, l-ottimizzazzjoni, il-modernizzazzjoni, it-titjib jew l-adattament għal skop ġdid tal-kapaċitajiet eżistenti ta’ produzzjoni, jew l-istabbiliment ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni ġodda f’dak il-qasam. Barra minn hekk, dan jista’ jkopri għadd ta’ azzjonijiet ta’ appoġġ addizzjonali, f’konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, bħat-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid jew it-titjib tal-ħiliet tal-persunal.
(31)
Fid-dawl tal-kuntest ġeopolitiku attwali, u b’mod partikolari l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi dwar l-akkwist ta’ prodotti tad-difiża mmirati lejn it-trawwim tal-kompetittività tal-EDTIB u l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża akkwistati mill-EDTIB, fl-Unjoni kollha. Il-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni tirrikjedi wkoll l-involviment tal-Ukrajna u tal-pajjiżi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea f’dawk il-miżuri, mhux biss minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom u l-fatt li l-Ukrajna qed tiffaċċa direttament il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja bħalissa, iżda wkoll fid-dawl tas-sħubija mill-qrib tagħhom mal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist, kif rifless b’mod partikolari fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (19) u fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
(32)
Billi huwa importanti li tiġi mitigata kwalunkwe distorsjoni tas-suq, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tirkupra l-profitt ġġenerat minn azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali li rnexxew u li huma appoġġati mill-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. B’deroga mill-Artikolu 195(2) tar-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li tali rkupru ta’ profitt jqis bis-sħiħ id-dħul kollu ġġenerat, inkluż id-dħul minn appoġġ għall-azzjoni mill-Istati Membri, mill-Ukrajna u minn partijiet terzi, flimkien mal-appoġġ tal-Unjoni nnifisha. Jenħtieġ li l-profitt irkuprat jerġa’ jintuża biex jgħin jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.
(33)
Il-funzjonament tas-settur tal-industrija tad-difiża ma jsegwix ir-regoli konvenzjonali u l-mudelli kummerċjali li jirregolaw swieq aktar tradizzjonali. Id-domanda tiġi kważi esklużivament minn Stati, li jikkontrollaw ukoll l-akkwist kollu ta’ prodotti u teknoloġiji relatati mad-difiża, inkluż l-esportazzjonijiet. Għalhekk, l-industrija tad-difiża ma tinvolvix ruħha f’investimenti industrijali sostanzjali awtofinanzjati u tagħmel dan biss bħala konsegwenza ta’ ordnijiet irrevokabbli. Barra minn hekk, l-EDTIB tiffaċċa ostakli persistenti fl-aċċess għall-finanzjament, inkluż il-kofinanzjament, b’mod partikolari l-finanzjament privat għall-investimenti, minħabba r-riskji li l-atturi tas-suq jassoċjaw ma’ tali investimenti. L-ingranaġġ tal-investiment pubbliku għas-settur tad-difiża tal-Unjoni huwa vitali minħabba l-ħtieġa urġenti li tingħata spinta lill-investiment f’dak is-settur. Dan japplika b’mod partikolari għall-azzjonijiet ta’ appoġġ, li jibbenefikaw lill-EDTIB f’sens aktar ġenerali, pereżempju billi jippermettu u jiffaċilitaw azzjonijiet oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament, u b’hekk jaġixxu bħala multiplikaturi b’effett ta’ ingranaġġ potenzjalment għoli. Billi l-azzjonijiet ta’ appoġġ ma kinux jistgħu jitwettqu b’mod ieħor, jidher ġustifikat li, b’deroga mill-Artikolu 193(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni skont il-Programm ikopri sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli tal-azzjonijiet ta’ appoġġ.
(34)
Peress li t-tipi differenti ta’ azzjonijiet huma komplementari u meħtieġa biex tiġi kkumpensata l-kumplessità tal-kooperazzjoni u jitnaqqsu r-riskji tal-investimenti industrijali permezz tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni li jippermetti adattament aktar rapidu tal-industrija tad-difiża għall-bidla strutturali li għaddejja fis-suq, jidher ġustifikat li ammont sostanzjali, li jirrappreżenta mill-inqas 15 % tal-pakkett finanzjarju allokat għall-Programm, ikun riżervat għall-azzjonijiet imsemmija għal azzjoni ta’ akkwist komuni u mill-inqas 30 % ta’ dak il-pakkett ikun riżervat għal azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali. Jenħtieġ li l-appoġġ tal-Unjoni għal azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali jkopri sa 35 % tal-kostijiet eliġibbli sabiex ir-riċevituri jkunu jistgħu jimplimentaw l-azzjonijiet malajr kemm jista’ jkun, jitnaqqas ir-riskju tal-investiment tagħhom u b’hekk jaċċelleraw id-disponibbiltà tal-prodotti rilevanti tad-difiża.
(35)
Għall-azzjonijiet taħt l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, l-appoġġ tal-Unjoni għat-tisħiħ tal-industrija u l-attivitajiet ta’ appoġġ li jinvolvu entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Ukrajna jenħtieġ li jkun jista’ jkopri sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli sabiex jakkomoda ż-żieda fil-kumplessità u l-ambjent tal-industrija tad-difiża tal-Ukrajna, inkluż il-ħtieġa biex jintlaħqu l-istandards tan-NATO u standards rilevanti oħra, kif ukoll iż-żieda fir-riskji assoċjati mal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, filwaqt li titqies il-ħtieġa li l-kapaċitajiet industrijali jinbnew mill-ġdid u jiġu mmodernizzati b’mod reżiljenti.
(36)
Jenħtieġ li l-azzjonijiet tal-akkwist komuni jiġu ffinanzjati skont dan ir-Regolament permezz ta’ għotjiet li jieħdu l-forma ta’ finanzjament mhux marbut mal-kostijiet ibbażat fuq il-kisba tar-riżultati b’referenza għall-pakketti ta’ ħidma, l-istadji importanti jew il-miri tal-proċess tal-akkwist konġunt, sabiex jinħoloq l-effett ta’ inċentiv meħtieġ.
(37)
Jenħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni skont il-Programm għall-azzjonijiet ta’ akkwist komuni, intiża bħala inċentiv għall-kooperazzjoni, ma taqbiżx il-15 % tal-valur stmat tal-kuntratt tal-akkwist komuni. Minħabba l-kumplessità akbar li tirriżulta mill-akkwist komuni mal-Ukrajna, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni skont l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna ma taqbiżx il-25 % tal-valur stmat tal-kuntratt tal-akkwist komuni.
(38)
Malli jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet speċifiċi marbuta mal-objettivi tal-Programm, jenħtieġ li l-limitu massimu għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-azzjonijiet ta’ akkwist komuni jiżdied għal 25 % tal-valur stmat tal-kuntratt tal-akkwist konġunt sabiex jikkumpensa għal kumplessitajiet partikolari relatati mal-kooperazzjoni transfruntiera msaħħa fl-Unjoni u l-kooperazzjoni fil-kuntest ta’ Struttura għall-Programm Ewropew dwar l-Armamenti (SEAP). Jenħtieġ li titqies ukoll il-ħtieġa li jitnaqqsu gradwalment id-dipendenzi strateġiċi, filwaqt li tiġi ġġustifikata rata ta’ finanzjament ogħla fejn l-azzjoni tappoġġa l-akkwist komuni ta’ prodotti finali mingħajr restrizzjoni. Barra minn hekk, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-sigurtà tal-Ukrajna u tal-Moldova fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq ukoll li tiġi prevista tali rata ta’ finanzjament ogħla f’każijiet li fihom l-azzjoni appoġġata tirriżulta fl-akkwist komuni ta’ kwantitajiet addizzjonali ta’ prodotti tad-difiża għal dawk iż-żewġ pajjiżi. Barra minn hekk, il-kuntest ġeopolitiku, inkluż il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, espona lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha għal riskju għoli ta’ materjalizzazzjoni ta’ theddid militari konvenzjonali, u b’hekk ħoloq ħtieġa għal aktar investimenti fid-difiża. Huwa għaldaqstant iġġustifikat ukoll li tiġi prevista rata ta’ finanzjament ogħla, sa mhux iktar minn 25 %, għal azzjonijiet ta’ akkwist komuni f’każijiet fejn in-nefqa għall-investiment fid-difiża tal-maġġoranza tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-azzjoni kkonċernata taqbeż it-30 % tal-infiq rispettiv tagħhom fid-difiża. Għall-azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali, jenħtieġ li jkun possibli li jiżdied il-limitu massimu sa 50 % tal-kostijiet eliġibbli meta l-maġġoranza tal-benefiċjarji jkunu intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jew kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (mid-caps) stabbiliti fl-Istati Membri jew f’pajjiżi assoċjati jew fejn l-azzjoni titwettaq minn SEAP, u meta l-azzjoni turi kontribut għall-ħolqien ta’ kooperazzjoni transfruntiera ġdida, bħall-espansjoni tal-ambitu ġeografiku tal-ktajjen tal-provvista eżistenti jew żieda sinifikanti tal-kummerċ, il-kollaborazzjoni, jew il-proġetti konġunti bejn entitajiet fi Stati Membri differenti jew l-espansjoni tan-networks transfruntieri eżistenti b’modi li jtejbu l-kapaċità u r-reżiljenza ġenerali tal-EDTIB, meta dan jinvolvi l-bini ta’ infrastruttura, faċilitajiet jew linji ta’ produzzjoni ġodda, jew meta jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ kapaċitajiet ta’ manifattura ġodda, jew għaż-żieda tal-kapaċitajiet ta’ manifattura eżistenti ta’ prodotti rilevanti għal kriżi. Barra minn hekk, meta l-Istati Membri jiddeċiedu speċifikament li jallokaw finanzjament għall-Programm li jibbenifika biss l-Istati Membri kkonċernati jew li jkun għall-benefiċċju addizzjonali ta’ Stati Membri oħra, jenħtieġ li jkun possibbli, b’deroga mill-Artikolu 193(1) tar-Regolament Finanzjarju, li tiżdied il-flessibbiltà u tkun permessa kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali li tkopri sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli. Jenħtieġ li dik il-possibbiltà tapplika wkoll għal każijiet li fihom il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri appoġġati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jintużaw għall-finanzjament ta’ tali azzjonijiet. Dan ser jimmassimizza l-impatt u l-effettività tal-azzjoni.
(39)
F’konformità mal-Artikolu 196(2) tar-Regolament Finanzjarju, tista’ tingħata għotja għal azzjoni li tkun diġà bdiet, dment li l-applikant ikun jista’ juri l-ħtieġa li l-azzjoni tinbeda qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. Madankollu, il-kostijiet imġarrba qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għotja mhumiex eliġibbli, għajr f’każijiet previsti fl-Artikolu 196(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Finanzjarju. Sabiex tkun possibbli l-kontinwità tal-perspettiva tal-finanzjament għall-azzjonijiet li setgħu ġew appoġġati mill-finanzjament tal-2024 skont ir-Regolamenti (UE) 2023/1525 jew (UE) 2023/2418, jenħtieġ li fid-deċiżjoni ta’ finanzjament ikun possibbli, b’deroga mill-Artikolu 196(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Finanzjarju, li jiġu previsti kontribuzzjonijiet finanzjarji skont il-Programm fir-rigward tal-azzjonijiet li jkopru l-perjodu li jibda mill-5 ta’ Marzu 2024 u ma tlestewx qabel l-iffirmar tal-ftehim tal-għotja. Fid-dawl tar-rabtiet bejn il-Programm u l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu appoġġati b’mod urġenti r-rikostruzzjoni, l-irkupru u l-modernizzazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna, filwaqt li titqies l-integrazzjoni futura possibbli tagħha fl-EDTIB, jenħtieġ li l-istess deroga tapplika għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji taħt l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna. Jenħtieġ li l-istess kostijiet qatt ma jiġu ffinanzjati darbtejn mill-baġit tal-Unjoni.
(40)
Meta tivvaluta l-proposti ppreżentati mill-applikanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kontribut ta’ dawk il-proposti għall-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-proposti jiġu vvalutati, b’mod partikolari, skont il-kontribut tagħhom għaż-żieda fil-prontezza u r-reżiljenza industrijali fil-qasam tad-difiża u l-kontribut tagħhom għall-kooperazzjoni industrijali transfruntiera fil-qasam tad-difiża fost l-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati u l-Ukrajna.
(41)
L-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ manifattura fil-qasam tad-difiża fl-Unjoni kollha, b’kont meħud tar-riskji assoċjati mad-deterjorament dejjem akbar tal-kuntest tas-sigurtà tal-Unjoni, huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għal EDTIB robusta u jibbenefikaw minnha. Fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-kontribut tal-azzjoni kkonċernata għar-reżiljenza industrijali, b’mod partikolari biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u s-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti tad-difiża fl-Unjoni kollha b’reazzjoni għar-riskji identifikati, bħall-esponiment għoli għar-riskju ta’ materjalizzazzjoni ta’ theddid militari konvenzjonali.
(42)
F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) u mar-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (21), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (22) u (UE) 2017/1939 (23), jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, il-kxif, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, meta xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24). F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni tikkoopera bis-sħiħ għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri parteċipanti, f’kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u li tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.
(43)
Jenħtieġ li f’dan ir-Regolament tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika li tirrikjedi lill-pajjiżi assoċjati li jipparteċipaw fil-Programm jagħtu d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, l-OLAF u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv.
(44)
Skont l-Artikolu 85 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1764 (25), persuni fiżiċi u korpi u istituzzjonijiet stabbiliti f’pajjiżi u territorji ekstra-Ewropej (OCTs) huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u l-objettivi tal-Programm u għall-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li magħhom ikun marbut l-OCT rilevanti.
(45)
Jenħtieġ li l-Unjoni tidentifika Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni (EDPCIs) li fuqhom għandhom jiġu ffukati l-isforzi u r-riżorsi, li jenħtieġ li jikkonsistu fi proġetti industrijali kollaborattivi mmirati lejn it-tisħiħ tal-kompetittività tal-EDTIB fl-Unjoni kollha filwaqt li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri essenzjali għall-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni, inkluż dawk li jiżguraw aċċess għall-oqsma operazzjonali kollha. Minħabba n-natura sensittiva tad-deċiżjoni li jiġi identifikat EDPCI fid-dawl tal-impatt potenzjali tiegħu fuq l-interessi tas-sigurtà nazzjonali, u l-importanza li jiġi żgurat il-kontribut ta’ tali proġetti għall-prontezza tal-Istati Membri kollha fir-rigward tad-difiża, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni biex jiġu identifikati EDPCIs tingħata lill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni. Qabel ma tipproponi tali atti ta’ implimentazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-fehmiet tal-Istati Membri kollha u l-proposti għal proġetti li jkollhom għal EDPCIs possibbli. Meta jkunu qed iħejju tali proposti għal proġetti, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkoordinaw b’mod inklużiv, billi jużaw għal dak l-għan l-appoġġ tal-EDA fejn jkun meħtieġ. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw kapaċitajiet b’użu doppju ta’ interess komuni. Sa fejn dawk il-proposti għal proġetti jinbidlu f’EDPCIs, il-kapaċitajiet b’użu doppju identifikati mill-Istati Membri jistgħu jiġu żviluppati għall-Unjoni, għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tagħha fil-kuntest tal-EDPCIs ikkonċernati. Minbarra li jkunu konsistenti mal-prijoritajiet tal-kapaċitajiet identifikati fil-kuntest tal-PESK, inkluż il-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP), l-objettivi tal-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża u l-opportunitajiet kollaborattivi identifikati fil-kuntest tar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), jenħtieġ li l-EDPCIs iqisu l-proġetti maqbula fil-kuntest tal-PESCO, tal-inizjattivi tal-EDA u l-attivitajiet rilevanti mwettqa min-NATO, bħall-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża tan-NATO. Qabel ma tippreżenta proposta għal att ta’ implimentazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-EDA, kif meħtieġ, biex jipprovdu kontribut bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza ma’ dawk il-prijoritajiet u l-objettivi. Dak il-kontribut ser jikkomplementa l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar il-proposti għal proġetti. Il-Kunsill jenħtieġ li jkun jista’ jżid jew ineħħi proġetti jew jagħmel emendi oħra għall-proposta tal-Kummissjoni għal att ta’ implimentazzjoni. Il-maturità ta’ proġett, il-kontribut previst tiegħu għall-prontezza għad-difiża u n-numru ta’ Stati Membri parteċipanti jenħtieġ li jitqiesu mill-Kunsill meta jivvaluta proposta għal att ta’ implimentazzjoni.
(46)
Fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Ukrajna u d-DTIB tal-Ukrajna żviluppaw għarfien espert speċifiku dwar proġetti industrijali tad-difiża, inkluż f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-EDTIB. Dak l-għarfien espert jista’ jkun essenzjali għall-iżvilupp tal-EDPCIs u jiffaċilita l-iżvilupp tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-EDTIB filwaqt li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri essenzjali għall-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni. Għalhekk, f’każijiet bħal dawn, jixraq li l-Ukrajna titħalla tipparteċipa fl-EDPCIs. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika li l-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati u l-Ukrajna kollha ġew infurmati dwar il-ħolqien ta’ proġett u ngħataw l-opportunità jipparteċipaw. Peress li l-Kummissjoni jista’ jkollha l-għarfien espert xieraq biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-EDPCIs għall-benefiċċju tal-kompetittività tal-EDTIB fl-Unjoni kollha, huwa xieraq li titħalla tieħu sehem fl-EDPCIs biex taqsam dan l-għarfien espert, jekk l-Istati Membri parteċipanti jitolbu dan.
(47)
Minħabba l-impatt potenzjalment sinifikanti tal-EDPCIs għall-kompetittività u l-prontezza industrijali tal-EDTIB, jenħtieġ li l-Programm jappoġġa lill-konsorzji tal-Istati Membri parteċipanti u tal-pajjiżi assoċjati fl-implimentazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li tali appoġġ finanzjarju mill-Programm ikun limitat għall-attivitajiet imwettqa minn dawk il-konsorzji li huma relatati mal-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża, filwaqt li jaċċellera l-aġġustament għall-bidliet strutturali tal-kapaċità eżistenti tal-produzzjoni tal-prodotti tad-difiża kif ukoll l-attivitajiet ta’ appoġġ relatati, l-iżvilupp industrijali ta’ prodotti ġodda tad-difiża jew l-aġġornament ta’ dawk eżistenti, u l-iżvilupp u l-akkwist tal-infrastruttura meħtieġa. Minħabba l-iskala partikolari ta’ dawk il-proġetti, li teħtieġ livell bla preċedent ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni fost l-Istati Membri u l-industrija, u b’kont meħud tar-riskji finanzjarji għall-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi assoċjati, jenħtieġ li l-finanzjament tal-Unjoni jkun jista’ jkopri, b’deroga mill-Artikolu 193(1) tar-Regolament Finanzjarju, sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli. Dak ikun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li ċerti attivitajiet tal-EDPCI jiġu appoġġati finanzjarjament taħt azzjonijiet oħra, dment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti għal dawk l-azzjonijiet u ma jkunux irċevew finanzjament taħt programmi oħra tal-Unjoni, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jiżguraw li l-attivitajiet tal-EDPCI jikkonformaw mal-objettivi tal-Programm, inkluż fejn ma jkun hemm l-ebda appoġġ finanzjarju mill-Unjoni. Biex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ ta’ konformità ma’ dawk l-objettivi, jenħtieġ li l-Istati Membri li jipparteċipaw f’EDPCI jittrażmettu lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, rapport konġunt dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-EDPCI. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jenħtieġ li jkun jista’ jemenda l-atti ta’ implimentazzjoni li jidentifikaw l-EDPCIs, inkluż billi jneħħi EDPCIs mil-lista. L-Istati Membri li jipparteċipaw f’EDPCI ser ikunu jistgħu, għall-finijiet tat-twettiq tal-attivitajiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha, jiddependu fuq l-għarfien espert u l-kapaċità amministrattiva tal-EDA jew organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti (OCCAR) u l-Aġenzija tal-Appoġġ u l-Akkwist tan-NATO (NSPA).
(48)
L-abbiltà tal-EDTIB li tiżgura d-disponibbiltà tal-prodotti tad-difiża, fil-ħin u fil-volum, hija essenzjali għall-kompetittività tagħha, speċjalment matul perjodi ta’ tensjonijiet akbar fil-qasam tas-sigurtà. Matul perjodi bħal dawn, l-EDTIB jista’ ma jkollhiex il-kapaċità tal-produzzjoni meħtieġa biex tissodisfa l-ħtiġijiet urġenti tal-Istati Membri u l-prodotti tagħha jistgħu jkunu inqas viżibbli għall-Istati Membri mill-prodotti offruti minn pajjiżi terzi jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi mekkaniżmu ta’ bejgħ militari Ewropew, inkluż miżuri biex tiżdied il-veloċità għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tad-difiża mill-EDTIB billi jiġu ffaċilitati l-proċeduri għall-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża u jiġi sfruttat l-użu ta’ kuntratti mogħtija minn gvern lil gvern ieħor.
(49)
Jenħtieġ li l-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati u l-Ukrajna, jew SEAP, ikunu jistgħu jistabbilixxu, jiġġestixxu u jżommu riżerva tal-prontezza industrijali tad-difiża magħmula minn prodotti tad-difiża li l-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati u l-Ukrajna jistgħu faċilment jixtru jew jużaw, għall-fini tat-tisħiħ tal-kompetittività tal-EDTIB u r-rikostruzzjoni, l-irkupru u l-modernizzazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna. Tali riżervi, li jikkonsistu fi stokkijiet ta’ prodotti tad-difiża akkwistati mill-EDTIB jew mid-DTIB tal-Ukrajna, jattiraw id-domanda u jżidu l-prevedibbiltà għas-settur tad-difiża. Dawn jagħtu sinjali pożittivi lill-Unjoni u lill-industrija tal-Ukrajna, filwaqt li jinċentivawhom jipproduċu prodotti tad-difiża u jinvestu għall-fini tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali f’dak is-settur. Barra minn hekk, riżervi tal-prontezza industrijali tad-difiża jtejbu s-sigurtà tal-provvista tal-prodotti tad-difiża għall-Istati Membri billi jtejbu d-disponibbiltà tal-prodotti u jnaqqsu ż-żmien meħtieġ għall-konsenja, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi fil-provvista. Meta tali riżervi jiġu stabbiliti fil-kuntest ta’ SEAP, jenħtieġ li l-Programm u l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jkunu jistgħu jappoġġaw l-akkwist komuni ta’ kwantitajiet addizzjonali ta’ prodotti tad-difiża permezz ta’ azzjonijiet ta’ akkwist komuni mwettqa mis-SEAP, kif ukoll l-istabbiliment u l-funzjonament tas-SEAP għall-fini tal-ġestjoni u ż-żamma ta’ dawk ir-riżervi.
(50)
Biex jittejjeb l-għarfien tal-Istati Membri dwar id-disponibbiltà tal-prodotti tal-EDTIB u tad-DTIB tal-Ukrajna, jenħtieġ li l-Programm jkun jista’ jappoġġa l-istabbiliment, mill-Kummissjoni, ta’ katalogu uniku, ċentralizzat u aġġornat ta’ prodotti tad-difiża żviluppat mill-EDTIB u mid-DTIB tal-Ukrajna, ibbażat fuq il-kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati Membri, tal-Ukrajna u tal-operaturi ekonomiċi (Katalogu Ewropew ta’ Bejgħ Militari). Għal dak l-għan jenħtieġ li l-prodotti preżenti fil-katalogu jiġu manifatturati minn operaturi ekonomiċi li huma stabbiliti u li għandhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-Unjoni, f’pajjiż assoċjat jew fl-Ukrajna, u jenħtieġ li l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi użati għall-fini tal-manifattura ta’ dawk il-prodotti jkunu jinsabu fl-Unjoni, f’pajjiż assoċjat jew fl-Ukrajna. Meta tistabbilixxi dak il-katalogu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-EDA u tqis l-għarfien espert tagħha.
(51)
Filwaqt li tibni fost l-oħrajn fuq l-esperjenza tal-Faċilità tal-Ekwità tad-Difiża, stabbilita fil-kuntest tal-Fond Ewropew għad-Difiża bħala operazzjoni ta’ taħlit tal-InvestEU, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistinka biex twaqqaf faċilità ddedikata bħala parti mill-Programm li għandha tissejjaħ il-Fond għall-Aċċellerazzjoni tat-Trasformazzjoni tal-Ktajjen tal-Provvista tad-Difiża (FAST). Jenħtieġ li l-FAST jiġi implimentat permezz ta’ ġestjoni indiretta. Il-FAST ser jisfrutta, inaqqas ir-riskju u jħaffef l-investimenti meħtieġa biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-manifattura tad-difiża fit-territorju tal-Unioni, tal-SMEs u tal-intrapriżi żgħar b’kapitalizzazzjoni medja (“mid-caps żgħar”) Ewropej, fil-forma ta’ operazzjoni ta’ taħlit li toffri appoġġ fil-forma ta’ dejn jew ekwità. Peress li l-applikazzjoni għal appoġġ fil-forma ta’ dejn skont il-FAST tista’ tinkludi informazzjoni relatata mal-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi jew ir-riżorsi użati mill-SME jew il-mid-cap żgħir għall-fini tal-industrijalizzazzjoni jew il-manifattura ta’ prodotti tad-difiża, huwa xieraq li dan l-appoġġ jiġi soġġett għal regoli li jirrikjedu li tali infrastruttura, faċilitajiet, assi u riżorsi jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż assoċjat, b’xi eċċezzjonijiet immirati. Jenħtieġ li l-FAST ikun stabbilit bħala operazzjoni ta’ taħlit, inkluż skont il-Programm InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab ta’ implimentazzjoni tiegħu.
(52)
Jenħtieġ li l-FAST jikseb effett multiplikatur sodisfaċenti f’konformità mat-taħlita ta’ dejn u ta’ ekwità u jikkontribwixxi biex jattira kemm il-finanzjament tas-settur pubbliku kif ukoll dak privat. Sabiex jikkontribwixxi għall-objettiv ġenerali li tissaħħaħ il-kompetittività tal-EDTIB, jenħtieġ li l-FAST jipprovdi wkoll appoġġ lill-SMEs, inkluż intrapriżi start-up u kumpaniji scale-up, u mid-caps żgħar madwar l-Unjoni li huma parti mill-ktajjen tal-provvista tad-difiża jew li għandhom pjanijiet imminenti li jsiru parti minnhom, fl-industrijalizzazzjoni jew fil-manifattura ta’ prodotti tad-difiża jew li jkollhom pjanijiet imminenti biex jagħmlu dan, u li jiffaċċaw diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament. Jenħtieġ ukoll li l-FAST iħaffef l-investiment fil-qasam tal-manifattura ta’ teknoloġiji u prodotti tad-difiża, u għalhekk isaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-ktajjen tal-valur tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni.
(53)
Iż-żieda fl-għadd u fid-daqs tal-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża mill-EDTIB u mid-DTIB tal-Ukrajna hija meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm u tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna. F’konformità mal-Artikolu 168(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju, l-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha f’akkwist konġunt magħhom, inkluż permezz ta’ ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem, jew bħala korp ċentrali għall-akkwisti. Jenħtieġ li l-pajjiżi assoċjati jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha f’akkwist konġunt, b’deroga mill-Artikolu 168(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Finanzjarju, għaliex tali possibbiltà mhijiex prevista fi trattat bilaterali jew multilaterali ma’ dawk il-pajjiżi. Flimkien ma’ mill-inqas Stat Membru wieħed, jenħtieġ li l-pajjiżi assoċjati jkunu jistgħu jitolbu wkoll lill-Kummissjoni taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 168(3) tar-Regolament Finanzjarju, għaliex ir-Regolament Finanzjarju, ma jipprevedix il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi f’tali azzjonijiet.
Bl-istess mod, għall-finijiet tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, jenħtieġ li l-Ukrajna tkun tista’ tipparteċipa f’tali azzjonijiet. Flimkien ma’ mill-inqas Stat Membru wieħed, jenħtieġ li l-Ukrajna tkun tista’ titlob lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha f’akkwist konġunt, b’deroga mill-Artikolu 168(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Finanzjarju, għaliex tali possibbiltà mhijiex prevista fi trattat bilaterali jew multilaterali mal-Ukrajna. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-Ukrajna, flimkien ma’ mill-inqas Stat Membru wieħed, tkun tista’ titlob ukoll lill-Kummissjoni taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 168(3) tar-Regolament Finanzjarju. Sabiex titrawwem l-aggregazzjoni tad-domanda fil-każ ta’ akkwist konġunt, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li tali proċedura ta’ akkwist tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha u, fejn rilevanti, għall-pajjiżi assoċjati. Bil-ħsieb li jitrawwem it-tisħiħ industrijali fil-kapaċitajiet ta’ manifattura tal-EDTIB u tad-DTIB tal-Ukrajna, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita wkoll il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ xiri f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u l-akkwist. Għall-fini tal-akkwist konġunt bl-appoġġ tal-Kummissjoni, l-użu tal-baġit tal-Unjoni ser ikun konformi mal-objettivi u l-kriterji ta’ eliġibbiltà applikabbli tal-Programm jew tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna u ser ikollu l-għan li jappoġġa l-adattament tal-kapaċità tal-manifattura tal-ktajjen tal-provvista industrijali tad-difiża. L-appoġġ mill-budget tal-Unjoni jista’, b’mod partikolari, iservi biex inaqqas ir-riskju tal-investimenti industrijali bħaż-żieda fil-kapaċitajiet tal-manifattura jew l-akkwist tal-makkinarju għodda meħtieġa biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt u jenħtieġ li, fi kwalunkwe każ, ikun strettament limitat biex ikopri l-kostijiet mhux rikorrenti mġarrba fil-kuntest tax-xiri jew tal-manutenzjoni tal-prodotti tad-difiża Jenħtieġ li l-allokazzjoni baġitarja tiġi inkluża fil-programmi ta’ ħidma tal-Programm u tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.
(54)
Fil-każijiet koperti minn dan ir-Regolament, l-għoti u l-eżekuzzjoni immedjati ta’ kuntratt qabel l-iffirmar tiegħu li jirriżultaw minn proċeduri ta’ akkwist imwettqa bl-appoġġ tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu ġġustifikati minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika eżistenti, speċjalment fejn is-serjetà taċ-ċirkostanzi u tal-implikazzjonijiet tagħhom għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni jirrikjedu li l-konsenji tal-prodott tad-difiża kkonċernat jitwettqu b’mod effettiv mingħajr dewmien. Għal dak l-għan speċifiku u b’deroga mill-Artikolu 175(1) tar-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li jkun possibbli li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tkun tista’ tibda qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt, meta l-ħtieġa għal tali miżura tkun dokumentata kif meħtieġ mill-awtorità kontraenti.
(55)
Il-programmi kooperattivi dwar l-armamenti fl-Unjoni jiffaċċaw sfidi sinifikanti, billi fil-biċċa l-kbira tagħhom ikunu stabbiliti fuq bażi ad hoc u milquta minn kumplessità, dewmien u kostijiet akbar milli ppjanat. Biex tiġi rrimedjata dik is-sitwazzjoni u jiġi żgurat l-impenn kontinwu tal-Istati Membri sa tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti tad-difiża, hemm bżonn approċċ aktar strutturat fil-livell tal-Unjoni. Biex jinkiseb approċċ bħal dan, jenħtieġ li l-isforzi tal-Istati Membri jiġu appoġġati billi jsir disponibbli qafas legali ġdid, jiġifieri s-SEAP, biex jirfed u jsaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom. Biex tilħaq l-objettiv tagħha li trawwem il-kompetittività tal-EDTIB u, meta rilevanti, tad-DTIB tal-Ukrajna, jenħtieġ li SEAP tkun tista’ twettaq l-iżvilupp, l-akkwist, il-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja komuni jew il-ġestjoni dinamika tad-disponibbiltà tal-prodotti tad-difiża. Jenħtieġ li s-SEAPs ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet addizzjonali meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tagħhom, bħal attivitajiet relatati ma’ infrastruttura relatata direttament mal-prodotti tad-difiża. Jenħtieġ li l-azzjonijiet li jittieħdu fil-qafas ta’ SEAP ikunu ta’ tisħiħ reċiproku ma’ dawk imwettqa taħt il-PESK, b’mod partikolari fil-kuntest tas-CDP. Jenħtieġ ukoll li tali azzjonijiet ma jmorrux kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż irrispett għall-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat.
(56)
Fi ħdan is-SEAPs, jenħtieġ li l-Istati Membri jibbenefikaw minn proċeduri standardizzati li jistgħu jiġu pprovduti mill-Kumnissjoni għall-bidu u l-ġestjoni ta’ programmi kooperattivi dwar l-armamenti, inkluż linji gwida dwar il-ġestjoni ta’ proġetti, l-akkwist, il-ġestjoni finanzjarja u r-rappurtar. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni skont il-qafas ta’ SEAP tippermetti wkoll, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 2006/112/KE (27) u (UE) 2020/262 (28), eżenzjoni mill-VAT jew mid-dazju tas-sisa, meta s-SEAP tkun is-sid tat-tagħmir akkwistat. Minbarra l-kontribuzzjonijiet mill-Programm u mill-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, jenħtieġ li s-SEAPs ikunu jistgħu jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet minn programmi oħra tal-Unjoni, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kost. Jenħtieġ li r-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni kkonċernata.
(57)
Jekk il-membri tagħhom ikunu jixtiequ jagħmlu dan b’mod unanimu, jenħtieġ li s-SEAPs ikunu jistgħu joħorġu titoli f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru fejn għandhom is-sede statutorja tagħhom biex jiżguraw il-pjan ta’ finanzjament fit-tul tal-programmi dwar l-armamenti u l-konformità mal-qafas ta’ governanza ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni ma tkunx responsabbli għat-titoli maħruġa mis-SEAPs. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni jistgħu jtejbu l-kundizzjonijiet għall-finanzjament tal-programmi dwar l-armamenti mill-Istati Membri.
(58)
Sabiex tilħaq l-objettivi tagħha, jenħtieġ li SEAP tkun tista’ tafda, permezz ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni, entità waħda jew aktar eliġibbli għall-finanzjament taħt azzjonijiet ta’ akkwist komuni taħt il-Programm b’kompitu wieħed jew aktar tagħha. B’mod partikolari, l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OCCAR u l-NSPA, kif ukoll l-EDA għandhom riżorsi, kompetenzi u ħiliet fil-ġestjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, li jistgħu joffru valur miżjud lis-SEAPs. Meta SEAP tafda entità oħra bit-twettiq tal-kompiti tagħha, jenħtieġ li tibqa’ responsabbli għall-konformità mal-obbligi tagħha skont il-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari dan ir-Regolament. Għalhekk jenħtieġ li hija tiżgura li l-ftehim ta’ kontribuzzjoni jinkludi tali obbligi u jieħu kwalunkwe miżura xierqa biex jiżgura li dawn jiġu sodisfatti.
(59)
Sabiex tkun tista’ ssir proċedura effiċjenti għall-istabbiliment ta’ SEAP, huwa meħtieġ li l-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati jew l-Ukrajna li lesti jistabbilixxu SEAP, jippreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni, li jenħtieġ li tivvaluta jekk l-istatuti proposti tas-SEAP ikunux konformi ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tali applikazzjoni jkun fiha dikjarazzjoni tal-Istat Membru li fih ikun previst li s-SEAP ikollha s-sede statutorja tagħha li tirrikonoxxi s-SEAP bħala korp jew organizzazzjoni internazzjonali għall-fini tal-applikazzjoni tad-Direttivi 2006/112/KE u (UE) 2020/262 mill-istabbiliment tagħha. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-applikazzjoni mingħajr dewmien żejjed, idealment fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-applikazzjoni kompluta. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’, tistieden lill-EDA tipprovdi l-għarfien espert tagħha.
(60)
Għal raġunijiet ta’ trasparenza, jenħtieġ li l-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu SEAPs, u n-notifiki tad-deċiżjonijiet għall-istrlċ ta’ SEAP u tal-għeluq tagħhom, kif ukoll kwalunkwe avviż fil-każ li SEAP ma tkunx tista’ tħallas id-djun tagħha, jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(61)
Sabiex twettaq il-kompiti tagħha bl-aktar mod effiċjenti, jenħtieġ li SEAP ikollha personalità ġuridika mill-jum li fih l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi s-SEAP jidħol fis-seħħ u jenħtieġ li tibbenefika mill-aktar kapaċità ġuridika estensiva f’kull Stat Membru. Jenħtieġ li SEAP tibbenefika wkoll mill-aktar kapaċità ġuridika estensiva fil-pajjiżi assoċjati u fl-Ukrajna f’każijiet fejn ikunu membri tas-SEAP. Jenħtieġ li jkollha sede statutorja fit-territorju ta’ Stat Membru.
(62)
L-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati u l-Ukrajna jistgħu jkunu membri ta’ SEAP. Jenħtieġ li s-sħubija f’SEAP tinkludi mill-inqas tliet pajjiżi, li mill-inqas tnejn minnhom jenħtieġ li jkunu Stati Membri.
(63)
Għall-implimentazzjoni tas-SEAP, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet iktar dettaljati fl-istatuti tagħha, li abbażi tagħhom, jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina l-konformità ta’ applikazzjoni mar-regoli ta’ dan ir-Regolament. Huwa importanti li l-istatuti jiċċaraw liema kapaċitajiet amministrattivi huma previsti biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni u l-liġijiet nazzjonali applikabbli għall-immaniġġar ta’ prodotti tad-difiża. Mingħajr preġudizzju għar-regoli eżistenti tal-Unjoni u nazzjonali dwar l-esportazzjoni ta’ prodotti tad-difiża, jenħtieġ li l-membri tas-SEAP ikunu jistgħu jaqblu b’mod unanimu dwar approċċ għal tali esportazzjonijiet.
(64)
Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li, minn naħa waħda, SEAP ikollha l-flessibbiltà meħtieġa biex temenda l-istatuti tagħha u, min-naħa l-oħra, li ċerti elementi essenzjali, b’mod partikolari dawk li kienu meħtieġa għall-għoti tal-istatus tas-SEAP, jiġu ppreservati permezz ta’ kontroll meħtieġ fil-livell tal-Unjoni. Jekk emenda tikkonċerna element essenzjali tal-istatuti, jenħtieġ li tali emenda tiġi approvata mill-Kummissjoni, qabel ma tieħu effett. Jenħtieġ li kwalunkwe emenda oħra tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. Bl-eċċezzjoni tal-emendi relatati ma’ approċċ possibbli għall-esportazzjoni ta’ prodotti tad-difiża, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-opportunità li toġġezzjona għal tali emendi jekk tqis li jmorru kontra dan ir-Regolament.
(65)
Jenħtieġ li SEAP tkun tista’ takkwista prodotti tad-difiża f’isimha stess jew f’isem il-membri tagħha jew għalihom. Għal dawk il-finijiet, jenħtieġ li s-SEAPs jitqiesu bħala organizzazzjonijiet internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 12, il-punt (c), tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (29) Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2009/81/KE ma tapplikax għal akkwist bħal dan. Meta SEAP takkwista f’isem il-membri tagħha li huma Stati Membri jew, meta rilevanti, pajjiżi assoċjati, jenħtieġ li ma tapplikax id-Direttiva 2009/81/KE f’każijiet bħal dawn meta l-proċedura ta’ akkwist tikkonforma mal-objettivi tas-SEAP li trawwem il-kompetittività tal-EDTIB u, meta rilevanti, tad-DTIB tal-Ukrajna. Jenħtieġ li d-Direttiva 2009/81/KE ma tapplikax lanqas għall-proċeduri ta’ akkwist imwettqa mill-Istati Membri meta jagħmlu akkwist għal jew f’isem SEAP, peress li jenħtieġ li tali kuntratti jingħataw f’konformità mar-regoli tal-akkwist tas-SEAP. Meta l-Istati Membri, jew, fejn applikabbli, il-pajjiżi assoċjati jakkwistaw prodotti tad-difiża minn SEAP, jenħtieġ li l-akkwist jitqies bħala kuntratt mogħti minn gvern lil gvern ieħor kif imsemmi fl-Artikolu 13, il-punt (f), tad-Direttiva 2009/81/KE. Jenħtieġ li s-SEAPs jiddefinixxu r-regoli tal-akkwist tagħhom stess, f’konformità mal-prinċipji tal-liġi primarja tal-Unjoni applikabbli għall-akkwist, b’mod partikolari dawk tat-trattament ugwali, tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità u mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. F’każ li SEAP tafda kompiti ta’ akkwist lil entità waħda jew aktar, jenħtieġ li tiżgura li r-regoli tal-akkwist li għandhom jiġu applikati jikkonformaw ma’ dawk il-prinċipji.
(66)
Jenħtieġ li l-Istati Membri li jipparteċipaw f’SEAP jiżguraw li l-politika tal-akkwist tas-SEAP tikkonforma mal-objettivi li titrawwem il-kompetittività tal-EDTIB jew tad-DTIB tal-Ukrajna, inkluż meta ma jkun hemm l-ebda appoġġ finanzjarju mill-Unjoni. Dak ikun mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw fil-każ li SEAP tirċievi finanzjament tal-Unjoni taħt programm rilevanti.
(67)
Sabiextwettaq il-kompiti tagħha bl-iktar mod effiċjenti u bħala konsegwenza loġika tal-personalità ġuridika tagħha, jenħtieġ li SEAP tkun responsabbli għad-djun tagħha. Sabiex tippermetti lill-membri ta’ SEAP jsibu soluzzjonijiet adegwati dwar ir-responsabbiltà tagħhom, jenħtieġ li tingħata l-opzjoni li fl-istatuti jiġu previsti reġimi differenti ta’ responsabbiltà li jmorru lil hinn mir-responsabbiltà limitata għall-kontribuzzjonijiet tal-membri.
(68)
Sabiex jiġi żgurat kontroll suffiċjenti tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li SEAP tibgħat ir-rapport annwali tagħha u kwalunkwe informazzjoni dwar ċirkostanzi li jheddu li jipperikolaw serjament il-ksib tal-kompiti tagħha lill-Kummissjoni. Jekk il-Kummissjoni tikseb indikazzjonijiet, permezz tar-rapport annwali jew b’mod ieħor, li s-SEAP qiegħda taġixxi bi ksur serju ta’ dan ir-Regolament jew ta’ liġi applikabbli oħra, jenħtieġ li titlob spjegazzjonijiet jew azzjonijiet mis-SEAP jew mill-membri tagħha. F’każijiet estremi u jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni ta’ rimedju, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tħassar l-att ta’ implimentazzjoni tas-SEAP, u b’hekk tagħti bidu għall-istralċ tas-SEAP. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’rapport annwali aggregat dwar l-attivitajiet tas-SEAPs attivi kollha.
(69)
Wara l-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, is-sigurtà tal-provvista saret fattur dejjem aktar importanti fid-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar l-akkwist fir-rigward tal-prodotti tad-difiża. B’konsegwenza ta’ dan, l-abbiltà tal-ktajjen tal-provvista transfruntieri tal-Unjoni li jiżguraw provvista mingħajr xkiel ta’ prodotti tad-difiża saret fattur determinanti għall-kompetittività tagħhom. L-introduzzjoni ta’ reġim ta’ sigurtà tal-provvista fl-Unjoni kollha tista’ għalhekk tirriżulta f’effetti pożittivi fuq il-kompetittività tal-EDTIB.
(70)
Mal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1525, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill appellaw lill-Kummissjoni tikkunsidra li tressaq qafas legali maħsub biex jiżgura s-sigurtà tal-provvista, fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom tal-11 ta’ Lulju 2023. Dik id-Dikjarazzjoni Konġunta tenniet il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2013 li appellaw għal reġim komprensiv ta’ sigurtà tal-provvista fl-Unjoni kollha u r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2022 li tħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta, mingħajr dewmien, tali reġim.
(71)
Kriżijiet reċenti, bħall-pandemija tal-COVID-19 u ż-żieda qawwija fid-domanda għal ċerti prodotti tad-difiża, b’mod partikolari l-munizzjon, kixfu vulnerabbiltajiet tal-ktajjen tal-provvista tal-Unjoni. Dawk il-kriżijiet żvelaw ukoll kif it-tfixkil fil-provvista ta’ dawk il-prodotti, jew tal-komponenti jew tal-materja prima essenzjali għall-produzzjoni tagħhom, jista’ jfixkel il-funzjonament tas-suq intern. Dawk il-kriżijiet enfasizzaw ir-riskju probabbli li jitfaċċaw miżuri diverġenti fil-livell nazzjonali, inkluż għall-preservazzjoni tal-istokkijiet bħala kwistjoni ta’ sigurtà nazzjonali u ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti tad-difiża, u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ prodotti ta’ importanza kritika għar-rispons għall-kriżijiet emerġenti, kif ukoll tal-komponenti u l-materja prima indispensabbli għall-produzzjoni tagħhom, li jirriżultaw f’diffikultajiet biex jaċċessaw jew jakkwistaw il-prodotti, il-komponenti u l-materja prima meħtieġa għall-manifattura tal-prodotti rilevanti, bir-riskju konkret li b’hekk ixekklu l-ktajjen tal-produzzjoni kollha. Huwa kruċjali li jiġi evitat li jitfaċċaw ostakli għall-kummerċ transfruntier bejn l-Istati Membri minħabba diverġenzi fil-liġi nazzjonali, peress li tali diverġenzi jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ prodotti kritiċi u tal-komponenti u l-materja prima relatati fis-suq intern u jfixklu l-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista. Dawk id-diffikultajiet tul il-ktajjen tal-provvista żvelaw ukoll nuqqas ta’ għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, kondiviżjoni insuffiċjenti tal-informazzjoni, u ħarsa ġenerali insuffiċjenti tal-kapaċitajiet ta’ manifattura fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari għall-prodotti tad-difiża.
(72)
Id-degradazzjoni kostanti tal-kuntest tas-sigurtà, ikkaratterizzata minn theddid fit-tul li qed jiżdied, aċċellerazzjoni fl-iżvilupp tat-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-qasam tad-difiża, u ż-żieda probabbli fl-infiq fid-difiża, x’aktarx li twassal għal żidiet fid-domanda għall-prodotti tad-difiża u taggrava l-kriżijiet futuri tal-provvista fir-rigward ta’ tali prodotti. Huwa probabbli li tali domanda akbar ser tintensifika l-pressjoni fuq il-ktajjen tal-provvista tal-Unjoni għall-prodotti tad-difiża u, jekk ma jiġi adottat l-ebda qafas fil-livell tal-Unjoni, ser tirriżulta fit-tfaċċar jew tfaċċar mill-ġdid ta’ miżuri nazzjonali diverġenti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet, li b’hekk iwasslu għall-ħolqien ta’ ostakli għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li konsegwentement jimminaw l-interessi tad-difiża u tas-sigurtà tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
(73)
Barra minn hekk, l-ambjent tas-sigurtà li qed jevolvi malajr jista’ jikkontribwixxi għal kriżijiet oħra li jieħdu varjetà ta’ forom, bħal attakki ċibernetiċi fuq l-industriji tad-difiża jew tfixkil fuq skala kbira fl-infrastruttura kritika, li jkunu jeħtieġu reazzjonijiet koordinati rapidi u deċiżivi biex jiġi evitat tfixkil serju fil-ktajjen tal-provvista relatati tad-difiża. B’antiċipazzjoni ta’ domanda akbar fil-prodotti tad-difiża u pressjoni intensifikata fuq il-ktajjen tal-provvista relatati, il-funzjonament affidabbli ta’ dawk il-ktajjen tal-provvista huwa għalhekk essenzjali biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-prodotti tad-difiża.
(74)
Kif muri mit-tagħlimiet meħuda mill-ħidma tat-Task Force ta’ Akkwist Konġunt għad-Difiża dwar il-koordinazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ akkwist fil-qasam tad-difiża fuq terminu qasir ħafna u mill-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1525, il-ktajjen tal-provvista tad-difiża tal-Unjoni spiss ikollhom dimensjoni transfruntiera, b’mod partikolari f’livelli aktar baxxi. Huwa essenzjali li tiġi evitata l-kumplessità dejjem tikber tal-ktajjen tal-provvista fl-Unjoni kollha għall-prodotti tad-difiża li tirriżulta fin-nuqqas ta’ viżibbiltà tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni u l-ktajjen tal-provvista ġenerali tal-EDTIB u fl-inabbiltà tal-Istati Membri li jieħdu deċiżjonijiet infurmati, b’mod partikolari biex jindirizzaw in-nuqqasijiet jew biex itaffu r-riskju ta’ nuqqasijiet.
(75)
Hemm riskju konkret li l-miżuri ta’ sigurtà tal-provvista adottati fil-livell nazzjonali mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi fil-futur u li l-effetti transfruntiera fuq il-ktajjen tal-provvista tad-difiża fl-Unjoni kollha ma jistgħux jitqiesu b’mod suffiċjenti u lanqas ma jistgħu jiġu indirizzati b’mod xieraq mill-Istati Membri individwali. Barra minn hekk, approċċi mhux koordinati fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni u t-trasferiment intra-UE ta’ prodotti tad-difiża u l-prijoritizzazzjoni ta’ ordnijiet bi skop militari, jista’ jkollhom impatt negattiv serju fuq il-funzjonament tas-suq intern għall-prodotti tad-difiża, b’mod partikolari billi joħolqu ostakli għall-kummerċ transfruntier, u jaggravaw in-nuqqasijiet u t-tfixkil ġenerali fil-ktajjen tal-provvista.
(76)
Fid-dawl ta’ dawk l-isfidi, jidher li huwa meħtieġ u xieraq li jiġi stabbilit reġim ta’ sigurtà tal-provvista fl-Unjoni kollha bl-għan li tiżdied is-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti tad-difiża sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u dan isir reżiljenti għal kwalunkwe xokk. F’dak il-kuntest, huwa essenzjali li: jiġu previsti miżuri ta’ koordinazzjoni u jitħejjew u jirrispondu għall-impatt ta’ kriżijiet futuri fil-provvista fuq is-suq intern għall-prodotti tad-difiża; tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti tad-difiża, tal-komponenti u tal-materja prima tagħhom, u ta’ kwalunkwe prodott u servizz essenzjali għall-produzzjoni tagħhom, li d-disponibbiltà tagħhom hija indispensabbli biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-ktajjen tal-provvista tiegħu u li jridu jiġu ggarantiti sabiex jirrispondu għal kriżi fil-provvista (“prodotti rilevanti għal kriżi”); u jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-prodotti tad-difiża, inkluż billi jiġi evitat li jitfaċċaw ostakli għalih. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jkunu bbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE.
(77)
Id-Direttiva 2009/81/KE tikkonċerna, fost affarijiet oħra, l-istabbiliment ta’ qafas leġiżlattiv adegwat, li huwa prerekwiżit għall-ħolqien ta’ suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża, dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri ta’ akkwist għall-għoti ta’ kuntratti biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-Istati Membri u l-obbligi li jirriżultaw mit-TFUE. Biex jinkiseb dak l-għan, id-Direttiva 2009/81/KE tipprevedi b’mod partikolari, l-indirizzar tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi, b’mod partikolari billi tipprovdi dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli f’każijiet ta’ urġenza li jirriżultaw minn kriżi, bħat-tqassir tal-perjodi għall-ilqugħ tal-offerti u l-possibbiltà li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt. Madankollu, f’ċerti każijiet ta’ urġenza, dawk ir-regoli jistgħu ma jkunux biżżejjed, speċjalment fejn l-urġenza li tirriżulta mill-kriżi tkun tista’ tiġi indirizzata biss jekk żewġ Stati Membri jew aktar jinvolvu ruħhom f’akkwist komuni. F’dawk il-każijiet, spiss l-unika soluzzjoni li tiżgura l-interessi tas-sigurtà ta’ dawk l-Istati Membri hija li jinfetaħ ftehim qafas eżistenti għall-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri li oriġinarjament ma kinux parti għalih, minkejja li dik il-possibbiltà ma kinitx prevista fil-ftehim qafas oriġinali. Peress li dawk il-possibbiltajiet mhumiex previsti fid-Direttiva 2009/81/KE fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jipprevedi l-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva tiġi kkomplementata jew idderogata f’każijiet ta’ urġenza li tirriżulta minn kriżi, dment li jinkiseb il-qbil tal-impriża li tkun ikkonkludiet il-ftehim qafas.
(78)
F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-modifiki għal kuntratt pubbliku għandhom ikunu strettament limitati għal dak li huwa assolutament meħtieġ fiċ-ċirkostanzi, filwaqt li jikkonformaw kemm jista’ jkun possibbli mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, trasparenza u proporzjonalità. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li jkun possibbli li ssir deroga mid-Direttiva 2009/81/KE billi l-kwantitajiet previsti fi ftehim qafas jiżdiedu b’sa 100 % tal-valur ta’ dak il-ftehim qafas meta jinfetaħ għall-awtoritajiet kontraenti ta’ Stati Membri oħra, sa fejn tali żieda tkun strettament meħtieġa għall-ftuħ tal-ftehim qafas għal dawk l-awtoritajiet kontraenti. Fir-rigward ta’ dawk il-kwantitajiet addizzjonali, jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet kontraenti jgawdu mill-istess kundizzjonijiet bħall-awtorità kontraenti oriġinali li tkun ikkonkludiet il-ftehim qafas oriġinali. Barra minn hekk, jenħtieġ li jittieħdu miżuri xierqa ta’ trasparenza biex jiġi żgurat li l-partijiet potenzjalment interessati kollha jiġu infurmati.
(79)
Matul dawn l-aħħar snin, l-Istati Membri impenjaw ruħhom dejjem aktar fil-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, b’mod partikolari bil-ħsieb li jikkonverġu l-kapaċitajiet militari tagħhom. Il-proċessi tal-Unjoni, bħal CARD u PESCO għandhom, b’mod partikolari, il-fini li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet rilevanti permezz tal-identifikazzjoni u t-teħid ta’ opportunitajiet għal kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tad-difiża bil-ħsieb li jiġi ssodisfat il-livell ta’ ambizzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Id-deterjorament kostanti tal-ambjent ġeopolitiku u l-volatilità estrema tal-ambjent internazzjonali jagħmlu l-iżvilupp tal-kooperazzjoni operazzjonali dejjem aktar meħtieġ. Biex tkun effettiva, jista’ jkun meħtieġ li kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża tirrikjedi li l-forzi armati tal-Istati Membri li jikkooperaw jużaw eżattament l-istess prodott tad-difiża jew, tal-anqas, prodotti tant qrib li jkunu interkambjabbli. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li Stat Membru li jipparteċipa fl-istabbiliment ta’ tali inizjattiva ta’ kooperazzjoni jew li jingħaqad ma’ tali inizjattiva, li tmur lil hinn minn sempliċi akkwist kooperattiv ta’ prodotti tad-difiża, ikun awtorizzat jidderoga mill-prinċipji tat-trasparenza u tal-kompetizzjoni u jagħti kuntratt direttament mingħajr kompetizzjoni minn qabel jew pubblikazzjoni ta’ avviż dwar kuntratt lill-impriża mill-EDTIB li tipproduċi dak il-prodott, dment li dan ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni tad-difiża kkonċernata.
(80)
Minħabba l-kuntest tas-sigurtà u t-tensjonijiet u l-effetti lembut eżistenti u prevedibbli fis-suq intern għall-prodotti tad-difiża u l-ktajjen tal-provvista tiegħu li jirriżultaw b’mod partikolari mid-diskrepanza bejn il-kapaċitajiet limitati tal-manifattura fl-Unjoni u ż-żieda fid-domanda mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jeħtieġ li jiġi previst sett ta’ miżuri li jippermettu lill-Unjoni tantiċipa, tħejji u timmitiga r-riskji ta’ tfixkil serju fil-provvista ta’ prodotti tad-difiża li jirriżultaw jew li x’aktarx jirriżultaw fl-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali diverġenti li jwasslu għal impatt negattiv serju fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.
(81)
L-abbiltà tal-Unjoni li tantiċipa u tindirizza l-kriżijiet fil-provvista tal-prodotti tad-difiża li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tiddependi mill-għarfien u s-sorveljanza, fil-livell tal-Unjoni, tal-istruttura, il-punti b’saħħithom u d-dgħufijiet tal-ktajjen tal-provvista tal-Unjoni ta’ tali prodotti. Fid-dawl tal-kumplessitajiet tal-ktajjen tal-provvista tad-difiża u tat-tensjonijiet eżistenti u r-riskju ta’ nuqqasijiet tul dawk il-ktajjen tal-provvista, huwa meħtieġ li jiġu pprovduti strumenti għal approċċ ikkoordinat kontinwu għall-immappjar u l-monitoraġġ tal-ktajjen tal-provvista tal-Unjoni tal-prodotti rilevanti għal kriżi. Ir-riżultati ta’ tali mmappjar ser jipprovdu wkoll informazzjoni rilevanti għall-iżvilupp ta’ miżuri tal-Unjoni mmirati lejn it-tisħiħ tal-kompetittività tal-EDTIB u għall-valutazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża dinjin. F’dik il-perspettiva, jenħtieġ li l-immappjar u l-monitoraġġ jiffukaw fuq prodotti li t-tfixkil serju tagħhom, jew ir-riskju imminenti ta’ tali tfixkil, jirriżulta jew x’aktarx jirriżulta f’miżuri nazzjonali diverġenti li jwasslu għal impatt negattiv serju fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, b’mod partikolari ostakli għall-kummerċ transfruntier.
(82)
Għall-finijiet tal-immappjar, jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika u taġġorna regolarment lista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi, filwaqt li tiffoka fuq tfixkil jew effetti lembut possibbli li jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista ta’ tali prodotti. Jenħtieġ li l-identifikazzjoni ta’ dawk il-prodotti mill-Kummissjoni tkun ibbażata fuq data pprovduta mill-Istati Membri u tirriżulta mill-identifikazzjoni tal-kapaċitajiet tal-manifattura u l-ktajjen tal-provvista rilevanti. Sabiex tiġi żgurata l-eżawrjenza tad-data aggregata, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel kontroverifika ta’ dik id-data, billi tuża, għal dak l-għan, id-data disponibbli kif ukoll, jekk ikun meħtieġ, id-data miksuba permezz ta’ talbiet volontarji ta’ informazzjoni mill-impriżi.
(83)
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprevedi qafas u metodoloġija biex jiġu identifikati prodotti rilevanti għal kriżi. Sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-immappjar, jenħtieġ li dak il-qafas u dik il-metodoloġija jiġu definiti b’mod li jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn fuq l-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li jibnu fuq l-oqfsa u l-metodoloġiji nazzjonali eżistenti li l-Istati Membri jikkondividu mal-Kummissjoni. Jenħtieġ li dak il-qafas u dik il-metodoloġija, l-ewwel nett, jiffukaw fuq l-effetti lembut eżistenti tul il-ktajjen tal-provvista tad-difiża u jwasslu għall-identifikazzjoni tal-kapaċitajiet tal-manifattura u l-ktajjen tal-provvista tagħhom.
(84)
Bħala parti mill-immappjar, jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika u tiżviluppa wkoll lista ta’ indikaturi ta’ twissija bikrija mmirati lejn l-identifikazzjoni ta’ fatturi li jistgħu jfixklu, jikkompromettu jew jaffettwaw b’mod negattiv il-provvista ta’ tali prodotti. Tali indikaturi jistgħu jinkludu: żidiet atipiċi fiż-żmien meħtieġ; id-disponibbiltà ta’ materja prima, prodotti intermedji u kapital uman meħtieġa għall-manifattura ta’ prodotti rilevanti għal kriżi jew ta’ tagħmir tal-manifattura xieraq; id-domanda prevista; iż-żidiet fil-prezzijiet li jaqbżu l-fluttwazzjoni normali tal-prezzijiet; l-inċidenti, l-attakki, id-diżastri naturali jew avvenimenti serji oħra; l-effett tal-politiki kummerċjali, it-tariffi, ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, l-ostakli għall-kummerċ u miżuri oħra relatati mal-kummerċ; u l-effett tal-għeluq tan-negozju, id-delokalizzazzjoni jew l-akkwiżizzjonijiet tal-fornituri ewlenin ta’ prodotti rilevanti għal kriżi. Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni jiffukaw fuq dawk l-indikaturi ta’ twissija bikrija, li jistgħu jinvolvu, jekk meħtieġ, talbiet għal informazzjoni volontarja lill-atturi rilevanti.
(85)
Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż għall-impriżi li jwieġbu għall-monitoraġġ u sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni miksuba tkun tista’ tinġabar b’mod sinifikattiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprevedi mezzi standardizzati u siguri għal kwalunkwe ġbir ta’ informazzjoni. Jenħtieġ li dawk il-mezzi jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni miġbura tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali, filwaqt li jiġu żgurati s-segretezza tan-negozju u ċ-ċibersigurtà. Bl-istess mod, sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jitolbu lill-Kummissjoni twettaq il-kompiti li jkunu ġew fdati bihom għall-fini tal-immappjar tal-ktajjen tal-provvista tal-prodotti tad-difiża.
(86)
Abbażi tal-lista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi identifikati mill-Kummissjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jidentifikaw fit-territorju tagħhom il-fornituri ewlenin ta’ tali prodotti. Jenħtieġ li l-lista ta’ tali fornituri tiġi trażmessa lill-Kummissjoni biex jiġi żgurat approċċ ikkoordinat effiċjenti fil-livell tal-Unjoni. Sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw u jirrapportaw dwar kwalunkwe avveniment li jista’ jikkawża konsegwenzi negattivi u dejjiema fuq id-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ dawk il-prodotti, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmonitorjaw l-abbiltà ta’ tali fornituri li jwettqu l-attivitajiet tagħhom, fid-dawl tal-indikaturi ta’ twissija bikrija identifikati mill-Kummissjoni. Għal dak l-istess għan, jenħtieġ li l-fornituri ewlenin ta’ prodotti rilevanti għal kriżi jinfurmaw ukoll lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu stabbiliti jekk jidentifikaw tfixkil fil-provvista li jista’ jaffettwa b’mod sinifikanti l-attivitajiet tagħhom relatati mal-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għal kriżi.
(87)
Bħala parti mill-qafas ta’ tħejjija għall-kriżijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq u tikkoordina testijiet tal-istress u simulazzjonijiet, filwaqt li tibni b’mod partikolari fuq il-parir tal-Bord għas-Sigurtà tal-Provvista fil-Qasam tad-Difiża (il-“Bord”) dwar suġġetti ta’ importanza kritika għall-ktajjen tal-provvista tad-difiża. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tiżviluppa xenarji u parametri li jaqbdu r-riskji partikolari assoċjati ma’ kriżi fil-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi. Sabiex tiġi żgurata t-tħejjija għall-kriżijiet tal-atturi rilevanti kollha, jenħtieġ li l-Istati Membri kollha u, meta rilevanti, ir-Rappreżentant Għoli, l-EDA u atturi rilevanti oħra, jiġu mistiedna jieħdu sehem, fuq bażi volontarja, f’dawk it-testijiet tal-istress. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita u tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ strateġiji għat-tħejjija għall-emerġenzi, inkluż strateġiji għall-komunikazzjoni f’każ ta’ kriżi u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet applikabbli f’ċirkostanzi diffiċli. Minħabba s-sensittività tal-informazzjoni relatata mal-effetti lembut fil-ktajjen tal-provvista għall-interessi tad-difiża u tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jenħtieġ li r-riżultati ta’ dawk it-testijiet tal-istress jikkostitwixxu informazzjoni klassifikata.
(88)
In-nuqqas ta’ trasparenza dwar l-identità tal-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni u l-proċeduri taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti tad-difiża fl-Unjoni jirriżulta f’kontroċertifikazzjoni limitata tal-prodotti tad-difiża, u b’hekk iwassal għal aktar frammentazzjoni tas-suq intern għall-prodotti tad-difiża, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżijiet fil-provvista, kif muri mill-kriżi fil-provvista tal-munizzjon tal-2023. Għalhekk, bħala parti mill-qafas ta’ tħejjija, huwa meħtieġ li tiżdied it-trasparenza dwar il-proċessi ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali u li tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni, bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-kontroċertifikazzjoni tal-prodotti tad-difiża u jitrawwem il-moviment ta’ tali prodotti fis-suq intern. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tfassal u żżomm aġġornata lista tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni.
(89)
Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ nuqqasijiet fil-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi, huwa meħtieġ li titħaffef iż-żieda fil-faċilitajiet tal-produzzjoni relatati mal-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti, b’mod partikolari billi jiġi żgurat trattament amministrattiv effiċjenti u f’waqtu ta’ kwalunkwe applikazzjoni relatata mal-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ tali faċilitajiet. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiżguraw li jingħata l-aktar trattament rapidu legalment possibbli lil tali applikazzjonijiet.
(90)
Sabiex l-Unjoni tkun tista’ timmitiga r-riskju li jkun hemm kriżi fil-provvista, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri javżaw lill-Bord meta jsiru konxji minn riskju ta’ tfixkil serju fil-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi jew ikollhom informazzjoni konkreta u affidabbli li jista’ jimmaterjalizza kwalunkwe fattur jew avveniment ta’ riskju rilevanti ieħor. Sabiex jiġi żgurat approċċ ikkoordinat għall-fini tal-mitigazzjoni ta’ tali riskju, jenħtieġ li l-Kummissjoni, meta ssir taf b’tali riskju, twettaq azzjonijiet preventivi, bħas-sejħa ta’ laqgħa straordinarja tal-Bord biex tiddiskuti s-severità tat-tfixkil possibbli kif ukoll ir-rispons possibbli u, meta rilevanti, tikkonsulta pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet kooperattivi biex jiġi evitat jew indirizzat tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, f’konformità mal-obbligi internazzjonali.
(91)
Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi wkoll strumenti biex tiġi indirizzata, b’mod effiċjenti u kkoordinat, kriżi fil-provvista li tkun imminenti jew li tkun inqalgħet. Minħabba l-ħtieġa li jiġu previsti miżuri mmirati skont jekk impatt negattiv serju fuq il-funzjonament tas-suq intern, jew riskju imminenti tiegħu, jikkonċernax prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża jew prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi, għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi żewġ stati differenti ta’ kriżi fil-provvista.
(92)
Jenħtieġ li l-istat ta’ kriżi fil-provvista jiġi attivat abbażi ta’ evidenza konkreta u affidabbli f’każ ta’ tfixkil serju jew riskju imminenti ta’ tali tfixkil fil-forniment ta’ prodotti rilevanti għal kriżi, u meta tali tfixkil serju jew ir-riskju imminenti tiegħu jkun qed jirriżulta jew x’aktarx jirriżulta fl-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali diverġenti relatati ma’ prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża, li jwasslu għal impatt negattiv serju fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, b’mod partikolari ostakli għall-kummerċ transfruntier fi prodotti rilevanti għal kriżi bħal dawn.
(93)
Jenħtieġ li l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà jiġi attivat fil-każ ta’ tfixkil serju jew riskju imminenti ta’ tali tfixkil fil-forniment ta’ prodotti ta’ difiża, u meta tali tfixkil serju jew ir-riskju imminenti tiegħu jkun qed jirriżulta jew x’aktarx jirriżulta fl-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali diverġenti relatati ma’ prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi, li jwasslu għal impatt negattiv serju fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, b’mod partikolari ostakli għall-kummerċ transfruntier fi prodotti rilevanti għal kriżi bħal dawn. Meta l-Kummissjoni tivvaluta jekk intlaħqux il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-istat ta’ kriżi fil-provvista relatata mas-sigurtà, hija għandha tqis jekk tkunx ġiet identifikata kriżi li taffettwa l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fil-qasam tal-PESK, bħal jekk Stat Membru jkunx attiva l-klawżola ta’ assistenza reċiproka skont l-Artikolu 42(7) TUE. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tqis jekk tali kriżi ġietx identifikata wkoll fin-NATO.
(94)
Minħabba n-natura sensittiva tad-deċiżjoni li jiġi attivat l-istat ta’ kriżi fil-provvista jew l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatata mas-sigurtà, li jirriżulta b’mod partikolari mill-konsegwenzi potenzjali tal-miżuri li jistgħu jittieħdu b’rispons għaliha, inkluż l-impatt sinifikanti li tali miżuri jista’ jkollhom fuq l-impriżi privati fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Kunsill jingħata s-setgħa li jadotta att ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-attivazzjoni, l-estensjoni u t-tmiem ta’ tali stati ta’ kriżi fil-provvista. Sabiex jiġi żgurat li r-rispons fil-livell tal-Unjoni jiġi adattat għan-natura tal-kriżi fil-provvista, jenħtieġ li l-Kunsill jiddetermina wkoll liema mill-miżuri previsti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu attivati għall-fini li tiġi indirizzata l-kriżi fil-provvista li tkun għaddejja, u jenħtieġ li jkun jista’ jidentifika għal liema prodotti rilevanti għal kriżi jenħtieġ li jiġu attivati dawk il-miżuri.
(95)
Sabiex ikunu jistgħu jsiru valutazzjonijiet preċiżi u kważi f’ħin reali tan-natura u s-severità tal-kriżi fil-provvista, u ta’ jekk hijiex meħtieġa l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ prijoritizzazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’, fejn att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill jipprevedi dan taħt l-istat ta’ kriżi tal-provvista jew l-istat ta’ kriżi tal-provvista relatat mas-sigurtà,tindirizza talbiet għal informazzjoni lill-operaturi ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-produzzjoni tal-prodotti rilevanti għal kriżi kkonċernati. Jenħtieġ li tali talbiet għal informazzjoni jiġu indirizzati biss fejn l-informazzjoni disponibbli ma tkunx biżżejjed u jenħtieġ li dawn ikunu limitati għal informazzjoni dwar kapaċitajiet potenzjali ta’ produzzjoni, kapaċitajiet eżistenti tal-produzzjoni jew it-tfixkil primarju possibbli. Fid-dawl tan-natura sensittiva tal-informazzjoni li tista’ tintalab, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirċievi l-qbil minn qabel tal-Istat Membru li fih jinsab is-sit tal-produzzjoni tal-operatur ekonomiku relevanti, u jenħtieġ li l-informazzjoni mitluba tgħaddi minn dak l-Istat Membru. Meta l-Istat Membru kkonċernat jaqbel mat-tnedija ta’ tali talba għal informazzjoni, jenħtieġ li jkun jista’ jiddeċiedi li jindirizza dik it-talba direttament lill-operatur ekonomiku rilevanti u jinforma lill-Kummissjoni b’dan. Huwa importanti wkoll li l-Kummissjoni tkun konxja mit-talbiet għal informazzjoni minn pajjiżi terzi relatati mal-attivitajiet tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Unjoni dwar il-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi, peress li tali talbiet għal informazzjoni jistgħu jirriżultaw f’miżuri ta’ prijoritizzazzjoni minn dawk il-pajjiżi terzi li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-provvista ta’ tali prodotti fl-Unjoni u fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Għalhekk, l-operatur ekonomiku kkonċernat jenħtieġ li jinforma fi żmien debitu lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab is-sit tal-produzzjoni tiegħu li, min-naħa tiegħu, jenħtieġ li jinforma lill-Kummissjoni, sabiex l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jitolbu lill-operatur ekonomiku kkonċernat jipprovdi informazzjoni simili ta’ dak mitlub mill-pajjiż terz.
(96)
F’każijiet ta’ nuqqasijiet serji u persistenti ta’ prodotti rilevanti għal kriżi li jġorru riskju imminenti jew li jimmaterjalizzaw f’impatt negattiv serju fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, jew, ta’ domanda eċċezzjonalment għolja għalihom, il-miżuri ta’ prijoritizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni li għandhom l-għan li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ prodotti rilevanti għal kriżi jistgħu jkunu indispensabbli biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern għall-prodotti tad-difiża u l-ktajjen tal-provvista tiegħu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tuża f’dan ir-rigward, fuq talba ta’ Stat Membru, talbiet klassifikati bħala prijorità għall-iffaċilitar tal-provvista kemm ta’ prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi kif ukoll ta’ prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża, u ordnijiet klassifikati bħala prijorità biex tiġi żgurata l-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża. Jenħtieġ li dawk il-miżuri ta’ prijoritizzazzjoni jiġu attivati mill-Kunsill.
(97)
Jenħtieġ li t-talbiet klassifikati bħala prijorità jikkonsistu f’talbiet mill-Kummissjoni, fuq inizjattiva ta’ Stat Membru, lill-operaturi ekonomiċi rilevanti stabbiliti fl-Unjoni biex jaċċettaw jew jipprijoritizzaw ordnijiet ta’ prodotti rilevanti għal kriżi. Bħala strument tal-aħħar istanza biex jiġi żgurat li l-ktajjen tal-provvista tad-difiża jkunu jistgħu jkomplu joperaw fi żmien ta’ kriżi fil-provvista, u jintużaw biss meta jkun meħtieġ u proporzjonat għal dak l-għan, jenħtieġ li dawk it-talbiet klassifikati bħala prijorità jkollhom l-għan li jappoġġaw lil Stat Membru li jiffaċċa diffikultajiet serji jew fit-tqegħid ta’ ordni jew fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għall-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkollhom il-possibbiltà li jirrifjutaw li jkunu soġġetti għal talba klassifikata bħala prijorità. Jenħtieġ li meta toħroġ talba klassifikata bħala prijorità, il-Kummissjoni tqis l-impatt negattiv possibbli fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern u r-riskju li jiġu aggravati d-distorsjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-għażla tar-riċevituri u tal-benefiċjarji tat-talbiet klassifikata bħala prijorità ma tkunx diskriminatorja.
(98)
Fid-dawl tad-deterjorament akbar fil-kuntest tas-sigurtà tal-Unjoni, marbut mat-theddida persistenti u intensifikata tar-Russja fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, huwa kruċjali li jiġu indirizzati d-diffikultajiet li l-Istati Membri jistgħu jiffaċċaw fit-tqegħid ta’ ordni jew fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt relatat mal-provvista ta’ prodotti tad-difiża, b’mod partikolari meta tali diffikultajiet jirriżultaw minn tfixkil fil-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża. Fil-fatt, meta l-prodotti rilevanti għal kriżi jkunu prodotti b’użu doppju jew ċivili, il-ktajjen tal-provvista tad-difiża jistgħu jiffaċċaw kompetizzjoni mill-ktajjen tal-provvista mhux tad-difiża b’saħħa tax-xiri ferm aktar b’saħħitha meta jippruvaw jaċċessaw dawk il-prodotti rilevanti għal kriżi. Għalhekk jeħtieġ li jiġi previst strument addizzjonali tal-aħħar istanza, f’każijiet fejn il-produzzjoni jew il-provvista ta’ tali prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża ma jistgħux jinkisbu bi kwalunkwe miżura oħra, inkluż talba klassifikata bħala prijorità. Għalhekk, jenħtieġ li l-ordnijiet klassifikati bħala prijorità jippermettu lill-Kummissjoni tobbliga lill-operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Unjoni jipproduċu jew ifornu ċerti prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża wara li jirċievu l-qbil minn qabel tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab is-sit tal-produzzjoni tal-operatur ekonomiku kkonċernat u tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab l-istruttura maniġerjali eżekuttiva tal-operatur ekonomiku. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ma toħroġx ordnijiet klassifikati bħala prijorità meta l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jissodisfa l-ordni anki jekk tingħata prijorità, kemm jekk minħabba kapaċità potenzjali jew eżistenti tal-produzzjoni insuffiċjenti jew minħabba raġunijiet tekniċi, jew minħabba li tpoġġi piż ekonomiku mhux raġonevoli fuq, u jinvolvi diffikultajiet partikolari, għall-operatur ekonomiku, inkluż riskju sostanzjali relatat mal-kontinwità tan-negozju. Meta tali raġunijiet jirriżultaw wara li l-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni li jissoġġetta operatur ekonomiku għal kwalunkwe ordni jew talba klassifikata bħala prijorità, jenħtieġ li dak l-operatur ekonomiku jkun jista’ jitlob lill-Kummissjoni timmodifika l-att ta’ implimentazzjoni kkonċernat.
(99)
Jenħtieġ li ordni klassifikata bħala prijorità jew talba klassifikata bħala prijorità tittieħed abbażi ta’ data oġġettiva, fattwali, li tista’ titkejjel u sostanzjata. Jenħtieġ li tqis l-interessi leġittimi tal-impriżi u l-kost u l-isforz meħtieġa għal kwalunkwe bidla fis-sekwenza tal-produzzjoni. Meta jiġi aċċettat jew impost, l-obbligu li titwettaq it-talba klassifikata bħala prijorità jew l-ordni klassifikata bħala prijorità jenħtieġ li jieħu preċedenza fuq l-obbligi ta’ prestazzjoni taħt il-liġi privata jew pubblika. Meta l-oġġett ta’ talba klassifikata bħala prijorità jkun jikkonċerna prodott tad-difiża, jenħtieġ li t-talba tispeċifika l-ambitu tal-obbligi kuntrattwali li fuqhom jenħtieġ li jkollha preċedenza. Jenħtieġ li kull talba klassifikata bħala prijorità tiġi ppreżentata bi prezz ġust u raġonevoli. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-kalkolu ta’ tali prezz jitwettaq fuq il-bażi tal-prezzijiet applikabbli dawn l-aħħar snin, soġġett għall-għoti ta’ raġunijiet għal kwalunkwe żieda jew tnaqqis, pereżempju billi titqies l-inflazzjoni jew iż-żieda fil-kostijiet tal-input. Fid-dawl tal-importanza li tiġi żgurata l-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi, li huma indispensabbli għall-funzjonament korrett tas-suq intern u l-ktajjen tal-provvista tiegħu, jenħtieġ li l-konformità mal-obbligu li titwettaq talba jew ordni klassifikata bħala prijorità ma tinvolvix responsabbiltà lil partijiet terzi għal danni li jistgħu jirriżultaw minn kwalunkwe ksur tal-obbligi kuntrattwali rregolati mil-liġi ta’ Stat Membru, sakemm il-ksur tal-obbligi kuntrattwali kien meħtieġ għall-konformità mal-prijoritizzazzjoni obbligatorja. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi li potenzjalment ikunu fl-ambitu ta’ talba klassifikata bħala prijorità jitħallew jipprevedu, fil-kundizzjonijiet tal-kuntratti kummerċjali tagħhom, il-konsegwenzi possibbli ta’ talba klassifikata bħala prijorità.
(100)
Meta l-operatur ekonomiku jkun aċċetta espressament talba klassifikata bħala prijorità u l-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni wara tali aċċettazzjoni, jew meta ordni klassifikata bħala prijorità kienet imposta fuq l-operatur ekonomiku permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni, jenħtieġ li l-operatur ekonomiku jikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha ta’ dak l-att ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li n-nuqqas ta’ konformità mill-operatur ekonomiku mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-att ta’ implimentazzjoni jirriżulta f’telf tal-benefiċċju ta’ rinunzja tar-responsabbiltà kuntrattwali. Fejn in-nuqqas ta’ konformità jkun intenzjonat jew attribwibbli għal negliġenza serja, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ timponi multa jew pagament perjodiku ta’ penali fuq l-operatur ekonomiku, soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe ġustifikazzjoni debitament ġustifikata ppreżentata mill-operatur ekonomiku sabiex tiddetermina jekk il-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta’ penali jitqisux neċessarji u proporzjonati.
(101)
Fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li operatur ekonomiku stabbilit fl-Unjoni jkun soġġett għal miżura li tinvolvi ordni klassifikata bħala prijorità jew talba klassifikata bħala prijorità ta’ prodott rilevanti għal kriżi minn pajjiż terz, jenħtieġ li jinnotifika lill-Kummissjoni, sabiex tinforma valutazzjoni dwar jekk tali miżura hux ser ikollha impatt sinifikanti fuq is-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi u l-funzjonament xieraq tas-suq intern, kif ukoll dwar kwalunkwe pass xieraq li jista’ jkun meħtieġ li jittieħed b’reazzjoni għal dik il-miżura.
(102)
It-talba jew l-obbligu li tingħata prijorità lill-produzzjoni jew il-provvista ta’ ċerti prodotti ma jaffettwax b’mod sproporzjonat il-libertà ta’ intrapriża u l-libertà kuntrattwali, li huma protetti mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), u d-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tagħha. F’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet trid tkun prevista mil-liġi u trid tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet, u trid tkun soġġetta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.
(103)
Meta l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà jiġi attivat jenħtieġ li l-miżuri disponibbli taħt l-istat ta’ kriżi fil-provvista jkunu disponibbli wkoll jekk jitqies xieraq mill-Kunsill u jkunu speċifikati fl-att ta’ implimentazzjoni li jattiva l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà.
(104)
It-trasferimenti intra-UE ta’ prodotti tad-difiża huma rregolati bid-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30), li għandha l-għan li tissimplifika dawk it-trasferimenti sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-prodotti tad-difiża. Kif juru evalwazzjonijiet preċedenti ta’ dik id-Direttiva, l-għoti ta’ liċenzji ta’ trasferiment globali u individwali a priori jibqa’ fil-biċċa l-kbira n-norma għall-moviment ta’ prodotti tad-difiża fi ħdan is-suq intern u ż-żmien medju għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet jvarja, xi kultant b’mod sinifikanti, minn Stat Membru wieħed għal ieħor. Matul kriżi fil-provvista relatata mas-sigurtà, u meta l-Kunsill iqis li jkun meħtieġ, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kunsill li jadotta att ta’ implimentazzjoni li jattiva l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà biex jiddetermina perjodu ta’ żmien, li ma jistax ikun itwal minn ġimagħtejn, li fih jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati jittrattaw l-applikazzjonijiet ladarba jaslu kompletament sabiex jiġi ffaċilitat aktar il-moviment ta’ dawk il-prodotti fis-suq intern. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu l-għan li jiffaċilita t-trasferimenti intra-UE ta’ prodotti rilevanti għal kriżi fil-kuntest ta’ kriżi fil-provvista. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li jenħtieġ li Stat Membru li jimponi limitazzjonijiet fuq l-esportazzjoni għal komponenti li huma prodotti rilevanti għal kriżi u li jqis bħala sensittivi skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/43/KE ma jirrikjedix awtorizzazzjonijiet ulterjuri għat-trasferiment intra-UE tal-komponenti kkonċernati meta r-riċevitur jipprovdi dikjarazzjoni tal-użu li fiha jiddikjara li l-komponenti soġġetti għal dik il-liċenzja ta’ trasferiment huma integrati jew għandhom jiġu integrati fi prodott tad-difiża u ma jistgħux jiġu ttrasferiti jew esportati bħala tali. Jenħtieġ li tali miżura ma taffettwax ir-regoli eżistenti tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jirregolaw it-trasferiment u l-esportazzjoni ta’ prodotti tad-difiża.
(105)
Peress li ċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti tad-difiża hija kruċjali biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-prodotti tad-difiża, b’mod partikolari matul kriżi fil-provvista relatata mas-sigurtà, jenħtieġ li dan ir-Regolament jippermetti, minbarra l-aċċellerazzjoni tal-proċessi nazzjonali eżistenti, ir-rikonoxximent reċiproku obbligatorju ta’ prodott tad-difiża rilevanti għal kriżi ċċertifikat legalment fi Stat Membru.
(106)
Minbarra miżuri oħrajn previsti minn dan ir-Regolament għall-iskop li jiġi indirizzat stat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà, jenħtieġ li l-Istati Membri, meta l-Kunsill jattiva dawk il-miżuri, jikkunsidraw, skont il-każ, l-użu ta’ eżenzjonijiet jew derogi relatati mad-difiża skont il-liġi nazzjonali u dik applikabbli tal-Unjoni għall-iskop tal-għoti ta’ permessi relatati mal-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi jew bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kontinwità tal-produzzjoni ta’ tali prodotti, jekk iqisu li l-użu ta’ tali eżenzjonijiet jew derogi jiffaċilita s-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi. Dak jista’ japplika b’mod partikolari għal-liġi tal-Unjoni dwar kwistjonijiet ambjentali, tas-saħħa u tas-sikurezza, li huwa indispensabbli biex tittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, kif ukoll biex jinkiseb żvilupp sostenibbli u sikur. Peress li kriżi fil-provvista relatata mas-sigurtà tkun ikkaratterizzata minn ostakli għall-moviment ta’ prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi fis-suq intern, huwa xieraq li jiġi permess, f’ċirkostanzi bħal dawn, l-appoġġ finanzjarju skont il-Programm ta’ azzjonijiet ta’ innovazzjoni, u b’hekk tkun possibbli disponibbiltà partikolarment rapida ta’ prodotti tad-difiża fis-suq. L-appoġġ għal tali azzjonijiet tabilħaqq jagħti kontribut biex jiġu indirizzati l-ostakli kkonċernati, b’mod partikolari billi jippermetti tqassir sinifikanti taż-żmien meħtieġ għall-konsenja ta’ prodotti tad-difiża jew produzzjoni tal-massa ta’ tali prodotti. Għalhekk jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kunsill, meta jattiva l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà, li jagħmel tali azzjonijiet ta’ innovazzjoni eliġibbli skont il-Programm.
(107)
Jenħtieġ li l-konformità mal-obbligi imposti skont dan ir-Regolament tkun infurzabbli permezz ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli xierqa ta’ multi għan-nuqqas ta’ konformità mat-talbiet għal informazzjoni, l-obbligi li jirriżultaw minn talba klassifikata bħala prijorità u l-obbligu ta’ notifika li japplika meta operatur ekonomiku stabbilit fl-Unjoni jkun soġġett għal miżura ta’ prijoritizzazzjoni ta’ pajjiż terz, filwaqt li jitqiesu l-livelli differenti ta’ gravità tan-nuqqas ta’ konformità bejn iż-żewġ obbligi, u b’limiti massimi differenti għall-SMEs. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti pagamenti perjodiċi ta’ penali għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li jiġu aċċettati u mwettqa ordnijiet klassifikati bħala prijorità u jenħtieġ li jkunu proporzjonati, b’limiti massimi differenti għall-SMEs. Jenħtieġ li japplikaw perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjonijiet ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali, minbarra l-perjodi ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-penali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati d-dritt li jinstemgħu.
(108)
Waħda mill-isfidi identifikati matul il-kriżi tal-COVID-19 kienet in-nuqqas ta’ network biex tiġi żgurata l-preparatezza, kif ukoll l-insuffiċjenza tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u tal-koordinazzjoni tal-miżuri ta’ rispons bejn l-Istati Membri, minn naħa waħda, u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra. Għalhekk, jenħtieġ li l-kisba tal-objettiv ta’ dan ir-Regolament li jkun hemm tħejjija u rispons għall-impatt ta’ kriżijiet fil-provvista futuri fuq is-suq intern għall-prodotti tad-difiża tkun appoġġata minn mekkaniżmu ta’ governanza. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi Bord, biex jiffaċilita l-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-implimentazzjoni bla xkiel, effettiva u armonizzata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament immirati lejn l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-prodotti tad-difiża. Jenħtieġ li l-Bord jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Billi l-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern għal prodotti tad-difiża fi żminijiet ta’ kriżi fil-provvista, jew it-tħejjija għal tali kriżijiet, jirrikjedu li titqies l-abbiltà tal-Istati Membri li jiżviluppaw, jakkwistaw u jiġġestixxu l-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom u li jsaħħu l-prontezza tad-difiża tagħhom, huwa xieraq li l-Kummissjoni u l-Istat Membru li jkollu l-presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill jikkopresiedu l-Bord. Barra minn hekk, minħabba l-kontribut tar-reġim ta’ sigurtà tal-provvista għall-abbiltà tal-Unjoni li tiddefendi l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tagħha, jenħtieġ li r-Rappreżentant Għoli u l-EDA jkunu wkoll membri tal-Bord. B’mod partikolari, il-linji ta’ ħidma li għaddejjin tal-EDA dwar is-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti tad-difiża jistgħu jkunu utli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-EDA tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar is-sigurtà tal-provvista relatata mad-difiża. Hija tiġġenera wkoll għarfien dwar l-effetti lembut li jaffettwaw il-ktajjen tal-provvista tal-prodotti tad-difiża. Għalhekk, jenħtieġ li l-EDA tkun tista’ taqsam il-fehmiet u l-għarfien espert tagħha fost l-oħrajn fil-Bord, li ser jikkontribwixxi għat-tħejjija u r-rispons għall-impatt tal-kriżijiet fil-provvista fuq is-suq intern għall-prodotti tad-difiża. Jenħtieġ li l-pajjiżi assoċjati jkollhom id-dritt li jsiru membri, mingħajr drittijiet tal-vot, tal-Bord f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti taħt l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew jiġu mistiedna bħala osservaturi għal-laqgħat tal-Bord. Jenħtieġ li l-Bord jiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri u jipprovdi rakkomandazzjonijiet u jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi stabbiliti b’dan ir-Regolament bl-għan li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista, b’mod partikolari billi jantiċipaw, iħejju, jipprevjenu u jindirizzaw il-kriżijiet fil-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi.
(109)
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet ta’ finanzjament u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament applikabbli, l-għoti ta’ finanzjament għal azzjonijiet speċifiċi, l-istabbiliment tas-SEAPs, l-identifikazzjoni u l-aġġornament ta’ prodotti rilevanti għal kriżi, l-istabbiliment u ż-żamma ta’ lista ta’ awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali, miżuri ta’ prijoritizzazzjoni, u l-impożizzjoni ta’ penali. Jenħtieġ li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża, b’mod partikolari r-responsabbiltà tal-Istati Membri, tal-pajjiżi assoċjati jew tal-Ukrajna għall-proċess tal-ippjanar u tal-akkwist. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31).
(110)
Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu mistiedna rappreżentanti tal-Ukrajna għal-laqgħat tal-kumitat fejn il-kontribut tagħhom ikun meħtieġ b’rabta mal-miżuri ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw lill-Ukrajna, bħall-atti ta’ implimentazzjoni relatati mal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna. Dak jippermetti li tali rappreżentanti jaqsmu l-fehmiet tagħhom u jwieġbu għall-mistoqsijiet mill-Istati Membri. Madankollu, jenħtieġ li ma jitħallewx ikunu preżenti matul id-deliberazzjonijiet, u lanqas li jipparteċipaw fil-votazzjonijiet tal-kumitat.
(111)
Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 101 sa 109 TFUE u l-atti legali li jagħtu effett lil dawk l-Artikoli.
(112)
Il-finanzjament tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament jeħtieġ li jkopri biss l-ispejjeż meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm u l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna u ma jistax ikopri l-kostijiet li jirriżultaw mill-PESK. B’konsegwenza ta’ dan, jenħtieġ li l-finanzjament tal-Unjoni skont il-Programm u l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna ma jkoprix il-kostijiet tax-xiri u tal-manutenzjoni ta’ prodotti tad-difiża għal finijiet militari jew ta’ difiża, inkluż fil-kuntest tal-istabbiliment, il-ġestjoni u ż-żamma ta’ riżervi tal-prontezza industrijali ta d-difiża. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li l-finanzjament tal-Unjoni skont il-Programm u l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jkopri l-kostijiet imġarrba fil-kuntest tax-xiri jew tal-manutenzjoni ta’ tali prodotti fejn dawk il-kostijiet huma meħtieġa għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-EDTIB jew l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna, b’mod partikolari l-kostijiet mhux rikorrenti.
(113)
F’konformità mal-Artikolu 241 TFUE, il-Kunsill jista’ jitlob lill-Kummissjoni twettaq kwalunkwe studju li l-Kunsill iqis mixtieq għall-ilħuq tal-objettivi komuni, u biex tippreżentalu kwalunkwe proposta xierqa. Il-Kummissjoni ser tikkunsidra fil-pront u fid-dettall kwalunkwe tali talba għal proposti.
(114)
Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża ta’ ċerti Stati Membri.
(115)
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli eżistenti tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar l-esportazzjoni ta’ prodotti tad-difiża u għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/43/KE.
(116)
Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jtejjeb it-tmexxija teknoloġika, l-innovazzjoni, il-prontezza, il-kompetittività fit-tul, ir-reżiljenza, l-integrazzjoni u l-preparazzjoni tal-EDTIB, filwaqt li jiżgura d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża u jikkontribwixxi għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.
(117)
Sabiex l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun tista’ tibda malajr kemm jista’ jkun, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tiegħu, jenħtieġ li huwa jidħol fis-seħħ b’urġenza,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Objettivi ġenerali u suġġett
1. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jsaħħaħ it-tmexxija teknoloġika, l-innovazzjoni, il-prontezza, il-kompetittività fit-tul, ir-reżiljenza, l-integrazzjoni u l-preparatezza tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB), filwaqt li jiżgura d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża u jikkontribwixxi għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża tal-Ukrajna (id-“DTIB tal-Ukrajna”).
2. Dan ir-Regolament jistabbilixxi baġit għall-perjodu mill-2025 sal-2027 u dan li ġej:
(1)
il-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (il-“Programm”), li jinkludi miżuri għat-tisħiħ tal-kompetittività, ir-rispons u l-abbiltà tal-EDTIB, kif stabbilit fil-Kapitolu II;
(2)
l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, programm ta’ kooperazzjoni mal-Ukrajna bil-ħsieb tal-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna, filwaqt li titqies l-integrazzjoni futura possibbli tad-DTIB tal-Ukrajna fl-EDTIB, kif stabbilit fil-Kapitolu III;
(3)
qafas legali għal Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni (EDPCIs), kif stabbilit fil-Kapitolu IV;
(4)
Mekkaniżmu Ewropew ta’ Bejgħ Militari, kif stabbilit fil-Kapitolu V;
(5)
qafas legali għall-Istrutturi għall-Programmi Ewropej dwar l-Armamenti (SEAPs) kif stabbilit fil-Kapitolu VI;
(6)
qafas legali għat-tħejjija u r-rispons għall-impatt tal-kriżijiet fil-provvista fuq is-suq intern, kif stabbilit fil-Kapitolu VII, bl-għan li jiżgura:
(a)
s-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi; u
(b)
l-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-prodotti tad-difiża, inkluż billi jiġi evitat il-ħolqien ta’ ostakli għalih.
3. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà unika li kull Stat Membru għandu għas-sigurtà nazzjonali tiegħu, kif previst fl-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TUE), u għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“ftehim ta’ xiri bil-quddiem” tfisser kuntratt pubbliku ma’ operatur ekonomiku wieħed jew aktar li għandu l-għan li jappoġġa l-iżvilupp jew il-produzzjoni rapida ta’ prodott, u li permezz tiegħu, id-dritt li jinxtraw għadd speċifikat ta’ prodotti f’perjodu ta’ żmien partikolari u bi prezz partikolari huwa soġġett għall-prefinanzjament ta’ parti mill-kostijiet bil-quddiem li jiffaċċaw l-operaturi ekonomiċi kkonċernati; filwaqt li ftehim ta’ xiri bil-quddiem jorbot legalment lill-awtoritajiet kontraenti parteċipanti u lill-kuntrattur, jeħtieġ li jiġi implimentat aktar permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratti mal-kuntratturi kkonċernati;
(2)
“entità ta’ pajjiż terz ieħor” tfisser entità ġuridika li hija stabbilita f’pajjiż terz mhux assoċjat għajr l-Ukrajna, jew entità ġuridika li tkun stabbilita fl-Unjoni, fl-Ukrajna jew f’pajjiż assoċjat, iżda li jkollha l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħha f’pajjiż terz mhux assoċjat għajr l-Ukrajna;
(3)
“pajjiżi assoċjati” tfisser membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea li japplikaw dan ir-Regolament f’konformità mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;
(4)
“effett lembut” tfisser punt ta’ konġestjoni f’sistema ta’ produzzjoni li jwaqqaf jew inaqqas il-produzzjoni b’mod serju;
(5)
“operazzjoni ta’ taħlit” tfisser azzjoni appoġġata mill-baġit tal-Unjoni, inkluż f’faċilità jew pjattaforma ta’ taħlit kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (6), tar-Regolament Finanzjarju, li tikkombina forom ta’ appoġġ mhux ripagabbli jew strumenti finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni ma’ forom ta’ appoġġ ripagabbli minn istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħra, jew minn istituzzjonijiet finanzjarji kummerċjali u investituri;
(6)
“informazzjoni klassifikata” tfisser informazzjoni jew materjal, fi kwalunkwe forma, li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħha jista’ jikkawża livelli differenti ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri, u li jkollha marka ta’ klassifikazzjoni tal-UE jew marka ta’ klassifikazzjoni korrispondenti, kif stabbilit fil-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea (32);
(7)
“awtoritajiet kontraenti” tfisser awtoritajiet kontraenti kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (1), tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill (33) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34);
(8)
“kontroll” tfisser l-abbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità ġuridika direttament, jew indirettament permezz ta’ entità ġuridika intermedja waħda jew aktar;
(9)
“prodotti rilevanti għal kriżi” tfisser prodotti tad-difiża jew komponenti jew materja prima tagħhom, jew kwalunkwe prodott jew servizz kritiku għall-produzzjoni tagħhom, li d-disponibbiltà tagħhom hija indispensabbli biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tal-ktajjen tal-provvista tiegħu u li għandhom jiġu ggarantiti sabiex ikun hemm rispons għal kriżi fil-provvista.
(10)
“azzjoni ta’ innovazzjoni fil-qasam tad-difiża” tfisser azzjoni li primarjament tikkonsisti minn attivitajiet li għandhom l-għan dirett li jipproduċu pjanijiet u arranġamenti jew disinji għal prodotti, proċessi jew servizzi ġodda tad-difiża, mibdula jew imtejba li possibbilment jinkludu l-ħolqien ta’ prototipi, l-ittestjar, id-dimostrazzjoni, il-pilotaġġ, il-validazzjoni ta’ prodotti fuq skala kbira u r-replikazzjoni fis-suq;
(11)
“prodotti tad-difiża” tfisser kwalunkwe prodott relatat mad-difiża kif imsemmi fl-Anness tad-Direttiva 2009/43/KE, kif ukoll xogħlijiet, provvisti u servizzi relatati direttament ma’ dawk il-prodotti għal kwalunkwe element u l-elementi kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (c), tad-Direttiva 2009/81/KE;
(12)
“ġestjoni dinamika tad-disponibbiltà” tfisser il-provvista fil-ħin tal-prodotti tad-difiża, fil-post miftiehem u fil-livelli ta’ disponibbiltà miftiehma, kif ukoll il-ġestjoni tar-riskji għad-disponibbiltà li jistgħu jimmaterjalizzaw fil-forma ta’ nuqqasijiet ta’ disponibbiltà tal-prodott tad-difiża kkonċernat; f’dan il-kuntest, id-“disponibbiltà” tfisser l-abbiltà tal-prodott tad-difiża li jiffunzjona bla ħsara f’kundizzjonijiet definiti u li jkun lest biex jintuża meta jkun meħtieġ;
(13)
“struttura maniġerjali eżekuttiva” tfisser korp ta’ entità ġuridika, maħtur f’konformità mal-liġi nazzjonali u li, fejn applikabbli, jirrapporta lill-uffiċjal kap eżekuttiv, li għandu s-setgħa jistabbilixxi l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni kumplessiva tal-entità ġuridika, u li jissorvelja u jwettaq monitoraġġ tat-teħid tad-deċiżjonijiet maniġerjali tal-entità ġuridika;
(14)
“informazzjoni ġdida” tfisser data, għarfien espert jew informazzjoni ġġenerata f’azzjoni partikolari fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, tkun xi tkun il-forma jew in-natura tagħha;
(15)
“żmien meħtieġ” tfisser il-perjodu ta’ żmien bejn meta ssir ordni ta’ xiri u meta l-manifattur ilesti l-ordni;
(16)
“entità ġuridika” tfisser persuna ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont il-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali, li jkollha personalità ġuridika u l-kapaċità li taġixxi f’isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew entità li ma għandhiex personalità ġuridika kif imsemmi fl-Artikolu 200(2), il-punt (c), tar-Regolament Finanzjarju;
(17)
“ċiklu tal-ħajja” tfisser l-istadji suċċessivi kollha possibbli ta’ prodott, mir-riċerka u l-iżvilupp sad-dekummissjonar u r-rimi;
(18)
“manutenzjoni” tfisser l-azzjonijiet kollha meħuda biex jiġu żgurati l-prontezza u l-kapaċità operazzjonali ta’ prodott tad-difiża, b’mod partikolari biex it-tagħmir jinżamm f’kundizzjonijiet speċifikati, jew jiġi restawrat għalihom, sa tmiem l-użu tiegħu, inkluż il-prontezza għal missjonijiet, il-lonġevità u l-aġġornamenti, l-adattament u l-ispeċjalizzazzjoni, l-ispezzjoni, it-tiġdid maġġuri, l-ittestjar, il-manutenzjoni, il-modifiki, il-klassifikazzjoni fir-rigward tal-kapaċità għas-servizz, it-tiswija, l-irkupru, ir-rikostruzzjoni, ir-reklamazzjoni, is-salvataġġ u l-kannibalizzazzjoni;
(19)
“kumpanija b’kapitalizzazzjoni medja” jew “mid-cap” tfisser intrapriża li mhix SME u li timpjega massimu ta’ 3 000 persuna, li l-għadd tal-persunal tagħha jiġi kkalkolat f’konformità mal-Artikoli 3 sa 6 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (35);
(20)
“entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat” tfisser entità ġuridika stabbilita f’pajjiż terz mhux assoċjat, jew entità ġuridika li tkun stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat iżda li jkollha l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħha f’pajjiż terz mhux assoċjat;
(21)
“kostijiet mhux rikorrenti” tfisser kostijiet li jseħħu fuq bażi ta’ darba jew f’intervalli irregolari, b’mod partikolari l-kostijiet tad-disinn, l-iżvilupp u l-investiment meħtieġa għall-produzzjoni jew għall-manutenzjoni tal-prodotti tad-difiża jew għar-riżerva tal-kapaċitajiet tal-manifattura;
(22)
“ftehim ta’ xiri” tfisser kwalunkwe ftehim kuntrattwali bejn, minn naħa wahda, mill-inqas tliet Stati Membri u, meta rilevanti, pajjiżi assoċjati jew l-Ukrajna u, min-naħa l-ohra mill-inqas manifattur wieħed tal-prodotti tad-difiża, li jkun fih impenn mill-Istati Membri u, meta rilevanti, minn pajjiżi assoċjati jew l-Ukrajna li jakkwistaw ċerta kwantità ta’ prodotti tad-difiża fuq ċertu perjodu ta’ żmien, jew impenn mill-manifattur tal-prodotti tad-difiża li jipprovdi lill-Istati Membri u, meta rilevanti, lil pajjiżi assoċjati jew l-Ukrajna bl-opzjoni li jagħmlu tali akkwist;
(23)
“oriġinatur” tfisser l-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni, l-Istat Membru, jew entità stabbilita skont dan ir-Regolament li taħt l-awtorità tagħha tkun inħolqot informazzjoni klassifikata;
(24)
“aġent tal-akkwist” tfisser awtorità kontraenti stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat, Struttura għall-Programm Ewropew dwar l-Armamenti (SEAP), l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) jew organizzazzjoni internazzjonali li hija deżinjata mill-Istati Membri, mill-pajjiżi assoċjati, l-Ukrajna jew SEAP biex twettaq akkwist komuni f’isimhom;
(25)
“materja prima” tfisser materja prima kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36);
(26)
“riżultati” tfisser kwalunkwe effett tanġibbli jew intanġibbli ta’ azzjoni partikolari, bħal data, għarfien espert jew informazzjoni, ta’ kwalunkwe forma jew natura, u sew jekk jista’ jiġi protett jew le, kif ukoll kwalunkwe dritt marbut miegħu, inkluż drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;
(27)
“Siġill ta’ Eċċellenza” tfisser tikketta ta’ kwalità li turi li proposta ppreżentata għal sejħa għal proposti taħt il-Programm jew l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna tkun għaddiet mil-livelli limitu kollha ta’ evalwazzjoni stabbiliti fil-programm ta’ ħidma, iżda li ma setgħetx tiġi ffinanzjata minħabba nuqqas ta’ baġit disponibbli għal dik is-sejħa għal proposti fil-programm ta’ ħidma, u li tista’ tirċievi appoġġ minn sorsi ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni jew nazzjonali;
(28)
“informazzjoni sensittiva” tfisser informazzjoni u data mhux klassifikata li għandhom jiġu protetti minn aċċess jew żvelar mhux awtorizzat minħabba obbligi stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, fejn applikabbli, jew sabiex titħares il-privatezza jew is-sigurtà ta’ persuna fiżika jew ġuridika;
(29)
“intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju” (SMEs) tfisser intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.
(30)
“kumpanija żgħira b’kapitalizzazzjoni medja” jew “mid-cap żgħira” għandha t-tifsira kif assenjata lilha f’ fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1099 (37);
(31)
“sottokuntrattur” tfisser operatur ekonomiku li huwa propost minn kandidat, offerent jew kuntrattur biex iwettaq kompiti jew servizzi speċifiċi taħt is-superviżjoni tal-kuntrattur ewlieni, li jikkontribwixxi għad-disinn jew il-manifattura ta’ prodott tad-difiża, għajr dak li jiġi pprovdut mill-fornituri biex jimplimentaw il-kuntratt, li għalih jiġi allokat mill-inqas 15 % tal-valur tal-kuntratt, u li jeħtieġ aċċess għal informazzjoni klassifikata għat-twettiq ta’ dak il-kuntratt; għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, “fornitur” għandha tinftiehem bħala operatur ekonomiku li jipprovdi lill-kuntrattur komponenti li jiddisinja jew jipproduċi huwa stess;
Artikolu 3
Baġit
1. Il-pakketti finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mit-30 ta’ Diċembru 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun magħmul minn:
(a)
EUR 1 200 000 000 fi prezzijiet attwali; u
(b)
il-kontribuzzjonijiet addizzjonali f’konformità mal-Artikolu 5.
2. Il-pakketti finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għall-perjodu mit-30 ta’ Diċembru 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun magħmul minn:
(a)
EUR 300 000 000 fi prezzijiet attwali; u
(b)
kontribuzzjonijiet addizzjonali f’konformità mal-Artikolu 23, sal-punt allokat.
3. Il-finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandu jkopri biss il-kostijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm u tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna. Għaldaqstant, il-finanzjament tal-Unjoni taħt il-Programm u l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna ma għandux ikopri l-kostijiet tax-xiri u l-manutenzjoni ta’ prodotti tad-difiża għal finijiet militari jew ta’ difiża, inkluż fil-kuntest tal-istabbiliment, il-ġestjoni u ż-żamma ta’ riżervi tal-prontezza industrijali tad-difiża kif imsemmi fl-Artikolu 38 (“riżervi tal-prontezza industrijali tad-difiża”) Il-finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament jista’ jkopri kostijiet imġarrba fil-kuntest tax-xiri jew manutenzjoni ta’ tali prodotti fejn dawk il-kostijiet huma meħtieġa għal tisħiħ tal-kompetittività tal-EDTIB jew għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna, b’mod partikolari l-kostijiet mhux rikorrenti.
4. Mill-inqas 15 % tal-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi allokat għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11, u mill-inqas 30 % ta’ dak il-pakkett finanzjarju għandu jiġi allokat għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12. Sa 25 % ta’ dak il-pakkett finanzjarju jista’ jiġi allokat għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 35.
5. Sabiex twieġeb għal sitwazzjonijiet mhux previsti jew għal żviluppi u ħtiġijiet ġodda, il-Kummissjoni tista’ tittrasferixxi l-ammonti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu bejn il-Programm u l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
6. Sa 3,5 % tal-ammont imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jintużaw ukoll għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm u l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, bħal attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditjar u ta’ evalwazzjoni, inkluż investigazzjonijiet tal-prezzijiet u sistemi u pjattaformi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva, u kull assistenza teknika u amministrattiva oħra jew spejjeż relatati mal-persunal imġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm u l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.
7. L-impenji baġitarji għall-attivitajiet li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq bosta snin f’pagamenti akkont annwali.
8. Jekk ikun meħtieġ biex tkun possibbli l-ġestjoni ta’ azzjonijiet mhux kompluti sal-31 ta’ Diċembru 2027, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni sal-2033 biex ikopru l-ispejjeż neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4 għall-Programm, jew, meta rilevanti, fl-Artikolu 22 għall-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, biex jippermettu l-ġestjoni ta’ azzjonijiet mhux kompluti sa tmiem il-Programm jew l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, u biex jiġu koperti l-ispejjeż relatati ma’ attivitajiet u servizzi operazzjonali kritiċi.
KAPITOLU II
IL-PROGRAMM
TAQSIMA 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI APPLIKABBLI GĦALL-PROGRAMM
Artikolu 4
Objettivi
1. Il-Programm għandu jkollu l-għan li jżid il-kompetittività, ir-reżiljenza u l-prontezza tal-EDTIB billi jibda u jaċċelera l-aġġustament tal-industrija għall-bidliet strutturali imposti mill-ambjent tas-sigurtà li qed jevolvi. B’mod partikolari, il-Programm għandu jkollu l-għan li:
(a)
isaħħaħ il-kooperazzjoni fl-akkwist fil-qasam tad-difiża billi jinċentiva lill-Istati Membri jaggregaw id-domanda għall-prodotti tad-difiża, jarmonizzaw ir-rekwiżiti tal-kapaċità tad-difiża u jsaħħu s-solidarjetà bejniethom, li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal interoperabbiltà u interkambjabbiltà akbar, u billi jtejjeb il-prevedibbiltà tad-domanda għall-EDTIB, b’mod korrispondenti għall-ħtiġijiet tal-prodotti tad-difiża tal-Istati Membri;
(b)
itejjeb u jaċċellera l-kapaċità għall-adattament tal-ktajjen tal-provvista industrijali tad-difiża, jiftaħ il-ktajjen tal-provvista għall-kooperazzjoni transfruntiera, b’mod partikolari għall-SMEs u l-mid-caps, iżid il-kapaċitajiet tal-manifattura, inaqqas iż-żmien meħtieġ għall-produzzjoni ta’ prodotti tad-difiża, u jappoġġa l-industrijalizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tad-difiża appoġġati minn azzjonijiet iffinanzjati mill-Unjoni jew minn attivitajiet kooperattivi oħra tal-Unjoni mwettqa bl-appoġġ tal-Istati Membri, bil-ħsieb li jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista tal-prodotti tad-difiża fl-Unjoni kollha, u jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri fil-każ ta’ materjalizzazzjoni ta’ theddid militari konvenzjonali;
(c)
itejjeb is-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-EDTIB billi jappoġġa l-iżvilupp u l-preżenza tal-EDTIB fl-Unjoni kollha.
2. Il-Programm għandu jiġi implimentat b’kont meħud tal-objettivi tal-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża u għandu jkun konsistenti mal-prijoritajiet tal-kapaċità tad-difiża maqbula b’mod komuni mill-Istati Membri fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), b’mod partikolari fil-kuntest tal-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP), u mal-opportunitajiet kollaborattivi identifikati fir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD).
3. Il-Programm għandu jkun konsistenti mal-kooperazzjoni tal-Istati Membri fil-qafas ta’kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO), l-inizjattivi u l-proġetti tal-EDA, u l-assistenza ċivili u militari tal-Unjoni għall-Ukrajna. Il-Programm għandu jieħu kont kif xieraq tal-attivitajiet rilevanti mwettqa mill-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u sħab oħra meta tali attivitajiet ikunu jservu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni.
Artikolu 5
Riżorsi finanzjarji addizzjonali
1. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, il-pajjiżi terzi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew partijiet terzi oħra, jistgħu jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali għall-Programm, inkluż lill-Fond għall-Aċċellerazzjoni tat-Trasformazzjoni tal-Ktajjen tal-Provvista tad-Difiża (FAST) imsemmi fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 211(2) tar-Regolament Finanzjarju. Dawn il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2), il-punti (a), (d) jew (e), jew l-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.
2. Dment li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ wieħed jew aktar mill-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri appoġġati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat u jistgħu, b’deroga mill-Artikolu 20(6) ta’ dan ir-Regolament u mill-Artikolu 193(1) tar-Regolament Finanzjarju, jintużaw għall-fini li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ azzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament, sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli.
B’deroga mill-Artikolu 5(2), l-Artikolu 18(4), il-punt (d), u l-Artikolu 19(3), il-punt (d), u l-Anness V, il-kriterju 2.4, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” ma għandux japplika għall-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri appoġġati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, dment li l-Istat Membru kkonċernat jiġġustifika fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni rilevanti mal-Kummissjoni li la huwa fattibbli u lanqas xieraq li jiġi żgurat li t-tip ta’ attivitajiet maħsuba biex jiġu appoġġati skont dan ir-Regolament jikkonformaw mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.
3. Kwalunkwe ammont addizzjonali riċevut skont il-ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 (38) għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju u għandu jintuża għall-Programm f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
4. Ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq talba tal-Istati Membri kkonċernati, jiġu trasferiti għall-Programm soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1060. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament f’konformità mal-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament f’konformità mal-punt (c) ta’ dak is-subparagrafu. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.
5. Fir-rigward tal-ammonti kontribwiti f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jieħdu deċiżjonijiet rigward il-proporzjon ta’ dawk l-ammonti li jridu jsiru disponibbli għall-entitajiet kollha eliġibbli għall-finanzjament skont dan ir-Regolament, li jridu jsiru disponibbli biss għall-benefiċċju tal-Istati Membri kkonċernati jew li jridu jsiru disponibbli għall-benefiċċju addizzjonali ta’ Stati Membri oħra. Meta l-ammonti jsiru disponibbli għall-benefiċċju ta’ Stat Membru kkonċernat jew għall-benefiċċju addizzjonali ta’ Stati Membri oħra, tali ammonti jistgħu, b’deroga mill-Artikolu 20(6) ta’ dan ir-Regolament u mill-Artikolu 193(1) tar-Regolament Finanzjarju, jintużaw għall-fini li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ azzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament, sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli.
6. Meta l-Kummissjoni ma tkunx daħlet f’impenn legali taħt ġestjoni diretta jew indiretta għar-riżorsi ttrasferiti f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2028, ir-riżorsi mhux impenjati korrispondenti jistgħu jiġu ttrasferiti lura għal programm wieħed jew aktar ta’ sors rispettiv, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1060.
Artikolu 6
Finanzjament alternattiv, ikkombinat u kumulattiv
1. Il-Programm għandu jiġi implimentat f’sinerġija ma’ programmi oħra tal-Unjoni. Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni taħt il-Programm, dment li dawk il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti, jew jista’ jiġi applikat sett uniku ta’ regoli ta’ kwalunkwe wieħed mill-programmi tal-Unjoni kontribwenti għall-kontribuzzjonijiet kollha u jista’ jiġi konkluż impenn legali uniku. L-appoġġ kumulattiv mill-baġit tal-Unjoni ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni u jista’ jiġi kkalkulat fuq bażi prorata f’konformità mad-dokumenti li jistipulaw l-kundizzjonijiet għall-appoġġ.
2. Sabiex jingħataw Siġill ta’ Eċċellenza taħt il-Programm, l-azzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)
ikunu ġew ivvalutati f’sejħa għal proposti skont il-Programm;
(b)
ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità ta’ dik is-sejħa għal proposti;
(c)
ma jkunux iffinanzjati taħt dik is-sejħa għal proposti minħabba limitazzjonijiet baġitarji.
3. F’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jew il-Fond Soċjali Ewropew Plus + (FSE+) jista’ jappoġġa proposti ppreżentati bi tweġiba għal sejħa għal proposti skont il-Programm, li kienu ngħataw Siġill ta’ Eċċellenza.
Artikolu 7
Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni
1. Il-Programm għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni diretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju jew taħt ġestjoni indiretta mal-entitajiet msemmija fl-Artikolu 62(1), il-punt (c), tar-Regolament Finanzjarju.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-Regolament, il-finanzjament tal-Unjoni jista’ jiġi pprovdut fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari fil-forma ta’ għotjiet, premjijiet, akkwisti, u strumenti finanzjarji f’operazzjonijiet ta’ taħlit taħt il-programm InvestEU f’konformità mat-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju.
3. Fir-rigward ta’ azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-Regolament, li għalihom il-finanzjament tal-Unjoni huwa pprovdut fil-forma ta’ għotja, u jsir profitt, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tirkupra l-perċentwal tal-profitt li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-kostijiet eliġibbli fil-fatt imġarrba mill-benefiċjarju li jwettaq l-azzjoni, sal-ammont finali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni. B’deroga mill-Artikolu 195(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-profitt għandu jiġi kkalkulat b’surplus ta’ dħul fuq il-kostijiet eliġibbli tal-azzjoni, fejn id-dħul ikun limitat għall-finanzjament tal-Unjoni, il-finanzjament tal-Istati Membri, inkluż akkwisti, dħul ieħor iġġenerat matul l-azzjoni u kwalunkwe dħul li jirriżulta mill-azzjoni. Il-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jistipulaw aktar dettalji.
4. B’deroga mill-Artikolu 196(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jistgħu, meta rilevanti u meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni, ikopru azzjonijiet li jkunu bdew u kostijiet imġarrba qabel id-data tas-sottomissjoni tal-proposta għal dawk l-azzjonijiet, dment li dawk l-azzjonijiet ma jkunux bdew qabel il-5 ta’ Marzu 2024 u ma jkunux ġew kompluti qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja.
Artikolu 8
Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm
Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi assoċjati, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
Artikolu 9
Entitajiet ġuridiċi eliġibbli
1. Entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat u li għandhom l-istrutturi ta’ ġestjoni eżekuttiva tagħhom fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat biss għandhom ikunu eliġibbli biex ikunu riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.
2. Il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-paragrafu 3 sa 9 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw flimkien mal-kriterji stabbiliti f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
3. L-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tar-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni involuti f’azzjoni li jintużaw għall-finijiet ta’ dik l-azzjoni għandhom ikunu fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż assoċjat għad-durata sħiħa tal-azzjoni.
4. B’deroga mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, meta r-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni involuti f’azzjoni ma jkollhomx alternattivi jew infrastruttura, faċilitajiet, assi u riżorsi rilevanti lesti għad-dispożizzjoni tagħhom fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat, jistgħu jużaw l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi jew ir-riżorsi tagħhom li jinsabu jew li jinżammu barra mit-territorju tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi assoċjati, dment li taliużu ma jkunx imur kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett tal-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, u jkun konsistenti mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4. Il-kostijiet relatati mal-attivitajiet li jużaw tali infrastruttura, faċilitajiet, assi jew riżorsi ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Programm.
5. Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni skont il-Programm ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat.
6. B’deroga mill-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, entità ġuridika stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat u kkontrollata minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għandha tkun eliġibbli biex tkun riċevitur ta’ finanzjament mill-Unjoni jekk il-garanziji approvati f’konformità mal-proċeduri nazzjonali ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita, bħal miżuri adegwati skont l-iskrinjar, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39), ikunu disponibbli għall-Kummissjoni.
Il-garanziji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jipprovdu assigurazzjonijiet li l-involviment f’azzjoni ta’ entità ġuridika kif imsemmija f’dak is-subparagrafu ma jmurx kontra l-interessi ta’ sigurtà u difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif stabbiliti fil-qafas tal-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, inkluż ir-rispett tal-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, jew l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-garanziji għandhom b’mod partikolari jissostanzjaw li, għall-finijiet ta’ azzjoni, hemm fis-seħħ miżuri biex jiġi żgurat li:
(a)
il-kontroll fuq l-entità ġuridika ma jiġix eżerċitat b’mod li jillimita jew jirrestrinġi l-abbiltà tagħha li twettaq l-azzjoni u tikseb riżultati, li jimponi restrizzjonijiet b’rabta mal-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi, ir-riżorsi, il-propjetà intellettwali jew l-għarfien espert tagħha meħtieġa għall-finijiet tal-azzjoni, jew li jdgħajjef il-kapaċitajiet u l-istandards tagħha meħtieġa għat-twettiq tal-azzjoni;
(b)
l-aċċess minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għal informazzjoni klassifikata jew sensittiva relatata mal-azzjoni jiġi evitat u l-impjegati jew persuni oħra involuti fl-azzjoni jkollhom l-approvazzjoni tas-sigurtà nazzjonali maħruġa minn Stat Membru jew minn pajjiż assoċjat, meta xieraq, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali;
(c)
is-sjieda tal-proprjetà intellettwali li tirriżulta mill-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1), il-punt (d), ma tkunx soġġetta għal restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat u lanqas ma tiġi trasferita lil entitajiet stabbiliti barra mit-territorju tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi assoċjati, mingħajr l-approvazzjoni tal-Istat Membru jew tal-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita l-entità ġuridika. Tali approvazzjoni ma għandhiex tikser l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4.
Jekk jitqies xieraq mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita l-entità ġuridika, jistgħu jiġu pprovduti garanziji addizzjonali.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 77 bi kwalunkwe entità ġuridika li titqies eliġibbli biex tkun riċevitur ta’ finanzjament tal-Unjoni f’konformità ma’ dan il-paragrafu.
7. Il-garanziji msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jissejsu fuq mudell standardizzat provdut mill-Kummissjoni, megħjuna mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 77, sabiex ikun żgurat approċċ armonizzat fl-Unjoni kollha.
8. Meta jwettqu azzjoni eliġibbli, ir-riċevituri jistgħu jikkooperaw ukoll ma’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti barra mit-territorju tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi assoċjati, jew ikkontrollati minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, inkluż billi jużaw l-assi, l-infrastruttura, il-faċilitajiet u r-riżorsi ta’ tali entitajiet ġuridiċi, dment li tali użu ma jmurx kontra l-interessi ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett tal-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, jew l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4.
Ma għandu jkun hemm l-ebda aċċess mhux awtorizzat minn pajjiż terz mhux assoċjat, jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għal informazzjoni klassifikata relatata mat-twettiq tal-azzjoni, u għandhom jiġu evitati effetti negattivi potenzjali fuq is-sigurtà ta’provvista tal-inputs kritiċi għall-azzjoni.
Il-kostijiet relatati mal-kooperazzjoni ma’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti barra mit-territorju tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi assoċjati, jew ikkontrollati minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Programm.
9. Il-paragrafi 5 u 6 ma għandhomx japplikaw għal:
(a)
l-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati;
(b)
l-organizzazzjonijiet internazzjonali;
(c)
is-SEAPs;
(d)
l-EDA.
TAQSIMA 2
AZZJONIJIET ELIĠIBBLI
Artikolu 10
Azzjonijiet eliġibbli
1. L-azzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament taħt il-Programm għandhom jimplimentaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4 u jista’ jkollhom waħda mill-forom li ġejjin, jew taħlita tagħhom:
(a)
azzjonijiet ta’ akkwist komuni kif imsemmi fl-Artikolu 11, inkluż għall-fini ta’ l-istabbiliment, il-ġestjoni jew iż-żamma tar-riżervi tal-prontezza industrijali tad-difiża;
(b)
azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali kif imsemmi fl-Artikolu 12;
(c)
azzjonijiet ta’ appoġġ kif imsemmi fl-Artikolu 13;
(d)
l-implimentazzjoni ta’ EDPCIskif imsemmi fl-Artikolu 35.
2. L-azzjonijiet li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament skont il-Programm:
(a)
azzjonijiet relatati ma’ prodotti tad-difiża li huma pprojbiti mil-liġi internazzjonali applikabbli;
(b)
azzjonijiet relatati ma’ sistemi awtonomi letali li joperaw barra minn katina responsabbli ta’ kmand u kontroll mill-bniedem jew li ma jistgħux jintużaw f’konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali;
(c)
azzjonijiet relatati ma’ munizzjonijiet dispersivi;
(d)
azzjonijiet, jew partijiet minnhom, li diġà huma ffinanzjati kompletament minn sorsi pubbliċi jew privati oħra.
3. Għal akkwist mwettaq skont l-Artikoli 11, 13 u 35, li huma appoġġati minn finanzjament tal-Unjoni, il-kost tal-komponenti li joriġinaw barra mill-Unjoni u minn pajjiżi assoċjati ma għandux ikun ogħla minn 35 % tal-kost stmat tal-komponenti tal-prodott finali. L-ebda komponent ma għandu jinġieb minn sorsi minn pajjiżi terzi li jiksru l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
4. Għall-azzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 12 u għall-attivitajiet imwettqa skont l-Artikolu 35 għajr attivitajiet ta’ akkwist, il-kost tal-komponenti li joriġinaw barra mill-Unjoni u minn pajjiżi assoċjati ma għandux ikun ogħla minn 35 % tal-kost stmat tal-komponenti tal-prodott li ż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu hija appoġġata minn finanzjament tal-Unjoni. L-ebda komponent tal-prodott li ż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu hija appoġġata minn finanzjament tal-Unjoni ma għandu jinġieb minn sorsi minn pajjiżi terzi li jmorru kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
5. Ir-riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni jew, meta rilevanti, il-kuntratturi, għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu, mingħajr restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati, dwar id-definizzjoni, l-adattament u l-evoluzzjoni tad-disinn tal-prodotti tad-difiża kkonċernati, inkluż dwar l-awtorità ġuridika li jissostitwixxu jew ineħħu komponenti li jkunu soġġetti għal restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati.
6. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/43/KE, l-Istati Membri jistgħu jippubblikaw liċenzji ġenerali ta’ trasferiment għat-trasferiment ta’ prodotti relatati ma’ azzjonijiet appoġġati mill-Programm lejn Stati Membri oħra.
Artikolu 11
Azzjonijiet ta’ akkwist komuni
1. L-azzjonijiet ta’ akkwist komuni għandhom jikkonsistu minn attivitajiet relatati mal-kooperazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi fl-akkwist ta’ prodotti tad-difiża, fi kwalunkwe punt fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ tali prodotti tad-difiża, inkluż għall-fini tal-istabbiliment, il-ġestjoni u ż-żamma ta’ riżervi tal-prontezza industrijali tad-difiża.
2. L-entitajiet ġuridiċi li ġejjin biss għandhom ikunu eliġibbli għal azzjonijiet ta’ akkwist komuni:
(a)
l-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi assoċjati;
(b)
l-organizzazzjonijiet internazzjonali;
(c)
is-SEAPs;
(d)
l-EDA.
3. L-azzjonijiet ta’ akkwist konġunt għandhom jitwettqu minn:
(a)
konsorzju ta’ entitajiet ġuridiċi kif imsemmi fil-paragrafu 2, inkluż mill-inqas tliet entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), minn mill-inqas tliet Stati Membri jew pajjiżi assoċjati li mill-inqas tnejn minnhom għandhom ikunu awtoritajiet kontraenti ta’ żewġ Stati Membri; jew
(b)
SEAP.
4. L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati li jwettqu azzjoni ta’ akkwist komuni għandhom jaħtru, b’mod unanimu, aġent tal-akkwist biex jaġixxi f’isimhom għall-finijiet ta’ dak l-akkwist konġunt. L-aġent tal-akkwist għandu jwettaq il-proċeduri ta’ akkwist u jikkonkludi l-kuntratti li jirriżultaw mal-kuntratturi f’isem il-pajjiżi parteċipanti. L-aġent tal-akkwist jista’ jipparteċipa fl-azzjoni bħala benefiċjarju u jaġixxi bħala l-koordinatur tal-konsorzju tal-entitajiet ġuridiċi, u jista’ għalhekk ikun kapaċi jiġġestixxi u jikkombina fondi mill-Programm u fondi mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati parteċipanti.
5. Il-proċeduri ta’ akkwist imsemmija fil-paragrafu 4 għandhom ikunu bbażati fuq ftehim li għandu jiġi ffirmat mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati parteċipanti, mal-aġent tal-akkwist skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-programm ta’ ħidma. Il-ftehim għandu, b’mod partikolari, jiddetermina l-arranġamenti prattiċi li jirregolaw l-akkwist komuni u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-għażla tal-proċedura, il-valutazzjoni tal-offerti u l-għoti tal-kuntratt.
6. L-aġent tal-akkwist għandu japplika kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 9 għall-proċeduri ta’ akkwist u l-kuntratti tiegħu mal-kuntratturi, u jirrikjedi li dawk il-kriterji jiġu applikati għas-sottokuntratturi.
7. B’deroga mill-paragrafu 6, sabiex titqies il-kooperazzjoni industrijali ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati, l-akkwist komuni li jinvolvi sottokuntrattur li jiġi allokat bejn 15 % u 35 % tal-valur tal-kuntratt, u li ma jkunx stabbilit jew ma jkollux l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tiegħu fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat, għandu ikun eliġibbli għal appoġġ skont il-Programm dment li tkun ġiet stabbilita relazzjoni kuntrattwali diretta relatata mal-prodott tad-difiża bejn il-kuntrattur u dak is-sottokuntrattur qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
8. L-aġenti tal-akkwist għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-garanziji msemmija fl-Artikolu 9(6). Aktar informazzjoni dwar dawk il-garanziji għandhom ikunu disponibbli għall-Kummissjoni fuq talba. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 77 bi kwalunkwe notifika pprovduta f’konformità ma’ dan il-paragrafu.
9. Qabel ma jniedi proċedura ta’ akkwist għal azzjoni ta’ akkwist komuni taħt dan ir-Regolament, l-aġent tal-akkwist għandu jinforma lill-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-proċedura ppjanata u jagħtihom l-opportunità jippreżentaw, fi żmien raġonevoli, talba sostanzjata lill-aġent tal-akkwist sabiex jixtri kwantitajiet addizzjonali ta’ prodotti tad-difiża għalihom. Jekk tiġi ppreżentata talba bħal din, il-kuntratt ta’ akkwist komuni għandu jirriżerva d-dritt tal-awtoritajiet kontraenti parteċipanti li jixtru kwantitajiet addizzjonali ta’ prodotti tad-difiża għal dawn l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli tal-Unjoni u dawk nazzjonali relatati mal-esportazzjoni ta’ prodotti tad-difiża.
10. Qabel ma jniedi proċedura ta’ akkwist għal azzjoni ta’ akkwist komuni skont dan ir-Regolament, l-aġent tal-akkwist għandu, fejn possibbli, jinforma wkoll lill-pajjiżi assoċjati u lill-Ukrajna dwar il-proċedura ppjanata, u jagħtihom l-opportunità jippreżentaw talba sostanzjata lill-aġent tal-akkwist sabiex jixtri kwantitajiet addizzjonali ta’ prodotti tad-difiża għalihom. Jekk tiġi ppreżentata talba bħal din, il-kuntratt ta’ akkwist komuni għandu jirriżerva d-dritt tal-awtoritajiet kontraenti parteċipanti li jixtru kwantitajiet addizzjonali ta’ prodotti tad-difiża għall-pajjiżi assoċjati u l-Ukrajna.
Artikolu 12
Azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali
1. L-azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali għandhom jikkonsistu minn attivitajiet relatati mal-aċċellerazzjoni tal-aġġustament għall-bidliet strutturali tal-kapaċità eżistenti tal-produzzjoni ta’ prodotti tad-difiża, inkluż il-komponenti tagħhom u l-materja prima korrispondenti sa fejn dawn ikunu maħsuba jew jintużaw kollha kemm huma għall-produzzjoni ta’ prodotti tad-difiża, b’mod partikolari:
(a)
l-ottimizzazzjoni, l-espansjoni, il-modernizzazzjoni, inkluż l-awtomatizzazzjoni, it-titjib jew l-adattament għal skop ġdid tal-kapaċità eżistenti tal-produzzjoni, jew l-istabbiliment ta’ kapaċità eżistenti tal-produzzjoni ġdida ta’ prodotti tad-difiża, komponenti u materja prima korrispondenti, inkluż abbażi tal-akkwist jew l-akkwiżizzjoni tal-makkinarji għodda meħtieġa u kwalunkwe input meħtieġ ieħor;
(b)
l-istabbiliment ta’ sħubijiet industrijali transfruntieri, inkluż permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati jew forom oħra ta’ kooperazzjoni industrijali li jinkludu SMEs u mid-caps żgħar, bi sforz industrijali konġunt, inkluż attivitajiet maħsuba biex jikkoordinaw it-tiftix ta’ sorsi ta’ provvista jew ir-riżerva u l-kumulazzjoni ta’ riżerva ta’ prodotti tad-difiża, komponenti u materja prima korrispondenti, u biex jikkoordinaw il-kapaċitajiet eżistenti tal-produzzjoni u l-pjanijiet tal-produzzjoni;
(c)
il-bini u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kapaċitajiet riżervati ta’ manifattura f’daqqa ta’ prodotti tad-difiża, il-komponenti u l-materja prima korrispondenti tagħhom, f’konformità mal-volumi tal-produzzjoni ordnati jew ippjanati;
(d)
it-trawwim tal-industrijalizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tad-difiża żviluppati fil-qafas ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Unjoni jew ta’ attivitajiet kooperattivi oħra mwettqa bl-appoġġ ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ sħubijiet industrijali transfruntieri, sħubijiet pubbliċi-privati jew forom oħra ta’ kooperazzjoni industrijali u permezz taż-żieda fil-produzzjoni inizjali u tal-liċenzjar tal-produzzjoni, meta xieraq;
(e)
l-ittestjar, inkluż l-infrastruttura meħtieġa, u, kif xieraq, iċ-ċertifikazzjoni tar-rikondizzjonar ta’ prodotti tad-difiża bil-ħsieb li tiġi indirizzata l-obsolexxenza tagħhom u biex ikunu jistgħu jintużaw mill-utenti finali.
2. Għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d), l-azzjoni għandha titwettaq minn entitajiet ġuridiċi li jikkooperaw f’konsorzju ta’ mill-inqas tliet entitajiet ġuridiċi eliġibbli, li mill-inqas tnejn minnhom għandhom ikunu stabbiliti fi Stati Membri differenti. Tul il-perjodu kollu li matulu titwettaq l-azzjoni, mill-inqas tlieta minn dawk l-entitajiet ġuridiċi eliġibbli stabbiliti f’mill-inqas żewġ Stati Membri differenti ma għandhomx jkunu kkontrollati, direttament jew indirettament, mill-istess entità ġuridika u ma għandhomx jikkontrollaw lil xulxin.
3. Minkejja l-paragrafu 2, l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitwettqu minn SEAP.
4. Għall-produzzjoni ta’ munizzjon u ta’ missili, ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni jew l-awtoritajiet governattivi rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu, mingħajr restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati, dwar id-definizzjoni, l-adattament u l-evoluzzjoni tad-disinn tal-prodott tad-difiża kkonċernat, inkluż ikollhom l-awtorità ġuridika biex jissostitwixxu jew ineħħu komponenti li huma soġġetti għal restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati, jew inkella, b’deroga mill-Artikolu 10(5), għandhom ikunu kisbu impenn legalment vinkolanti mill-pajjiż terz mhux assoċjat jew mill-entità tal-pajjiż terz mhux assoċjat ikkonċernata li ser jiksbu tali kapaċità li jiddeċiedu fi żmien raġonevoli proporzjonat mal-kumplessità tal-azzjoni kkonċernata, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2033.
Artikolu 13
Azzjonijiet ta’ appoġġ
1. L-azzjonijiet ta’ appoġġ għandhom jikkonsistu minn:
(a)
attivitajiet li jżidu l-interoperabbiltà u l-interkambjabbiltà, inkluż iċ-ċertifikazzjoni transversali ta’ prodotti u attivitajiet tad-difiża li jwasslu għal rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikazzjoni, jew li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-istandards militari, b’mod partikolari l-istandards tan-NATO u standards rilevanti oħra, b’hekk titnaqqas kwalunkwe differenzazzjoni eċċessiva ta’ prodotti tad-difiża fl-Unjoni kollha;
(b)
attivitajiet li jiffaċilitaw aċċess għas-suq tad-difiża għall-SMEs, il-mid-caps u l-intrapriżi start-up u appoġġ biex jinkisbu ċ-ċertifikazzjonijiet meħtieġa tal-kwalità u tal-produzzjoni;
(c)
it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid jew it-titjib tal-kompetenzi tal-persunal b’rabta mal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 10(1);
(d)
l-akkwist ta’ sistemi ta’ protezzjoni fiżika u ċibernetika b’rabta mal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 12;
(e)
azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ tekniku, li b’mod partikolari jindirizzaw l-effetti lembut identifikati fil-kapaċitajiet eżistenti tal-produzzjoni u l-ktajjen tal-provvista bil-ħsieb li tiġi żgurata u aċċellerata l-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għal kriżi sabiex jiġu żgurati l-provvista effettiva u d-disponibbiltà f’waqtha tagħhom;
(f)
l-istabbiliment ta’ Katalogu Ewropew ta’ Bejgħ Militari kif imsemmi fil-Kapitolu V;
(g)
appoġġ għall-istabbiliment u l-funzjonament ta’ SEAPs, inkluż għall-fini tal-istabbiliment, tal-ġestjoni u taż-żamma ta’ riżervi tal-prontezza industrijali tad-difiża;
(h)
attivitajiet bl-għan li jadattaw u jimmodifikaw malajr il-prodotti ċivili għall-applikazzjonijiet tad-difiża;
(i)
azzjonijiet ta’ innovazzjoni fil-qasam tad-difiża, inkluż azzjonijiet ta’ innovazzjoni ta’ emerġenza fil-qasam tad-difiża fejn tiġi attivata l-miżura msemmija fl-Artikolu 68.
2. Għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), l-azzjoni għandha titwettaq minn entitajiet ġuridiċi li jikkooperaw f’konsorzju ta’ mill-inqas tliet entitajiet ġuridiċi eliġibbli, li mill-inqas tnejn minnhom għandhom ikunu stabbiliti f’mill-inqas żewġ Stati Membri differenti. Tul il-perjodu kollu li matulu titwettaq l-azzjoni, mill-inqas tlieta minn dawk l-entitajiet ġuridiċi eliġibbli ma għandhomx jkunu kkontrollati, direttament jew indirettament, mill-istess entità ġuridika u ma għandhomx jikkontrollaw lil xulxin.
3. Minkejja l-paragrafu 2, l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitwettqu minn SEAP.
TAQSIMA 3
FOND GĦALL-AĊĊELERAZZJONI TAT-TRASFORMAZZJONI TAL-KTAJJEN TAL-PROVVISTA TAD-DIFIŻA (FAST)
Artikolu 14
Fond għall-Aċċellerazzjoni tat-Trasformazzjoni tal-Ktajjen tal-Provvista tad-Difiża (FAST)
1. Sabiex jiġu sfruttati, jitnaqqsu r-riskji ta’ u jiġu aċċellerati l-investimenti meħtieġa biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-manifattura tad-difiża tal-SMEs u tal-mid-caps li jikkonformaw mal-kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 9(1) u, meta rilevanti, l-Artikolu 9(3) u (4), tista’ tiġi stabbilita operazzjoni ta’ taħlit li toffri appoġġ għad-dejn, appoġġ għall-ekwità jew it-tnejn li huma, li tkun intitolata “Fond għall-Aċċellerazzjoni tat-Trasformazzjoni tal-Ktajjen tal-Provvista tad-Difiża” (FAST). Din għandha tiġi implimentata f’konformità mat-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju u mar-Regolament (UE) 2021/523.
2. L-objettivi speċifiċi segwiti mill-FAST għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a)
li jikseb effett multiplikatur sodisfaċenti li jkun f’konformità mat-taħlita ta’ dejn u ekwità u li jikkontribwixxi biex jattira kemm il-finanzjament tas-settur pubbliku kif ukoll ta’ dak privat;
(b)
li jipprovdi appoġġ lill-SMEs, inkluż kumpaniji start-up u kumpaniji scale-up u mid-caps żgħar fl-Unjoni kollha, li qed jiffaċċaw diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament u li huma:
(i)
qed jindustrijalizzaw jew jimmanifatturaw prodotti tad-difiża jew għandhom pjanijiet imminenti biex jagħmlu dan; jew
(ii)
parti mill-katina tal-provvista tad-difiża tal-Unjoni jew għandhom pjanijiet imminenti biex isiru parti minnha;
(c)
li jaċċellera l-investiment fl-oqsma tal-manifattura ta’ prodotti tad-difiża u teknoloġiji tal-iżvilupp tad-difiża, u għalhekk isaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-ktajjen tal-valur tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni.
TAQSIMA 4
AKKWIST
Artikolu 15
Akkwist bl-appoġġ tal-Kummissjoni
1. F’konformità mal-Artikolu 168 tar-Regolament Finanzjarju, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni:
(a)
tinvolvi ruħha magħhom f’akkwist konġunt kif imsemmi fl-Artikolu 168(2) tar-Regolament Finanzjarju li bih l-Istati Membri jistgħu jakkwistaw, jikru jew jillokaw bis-sħiħ il-prodotti tad-difiża akkwistati b’mod konġunt;
(b)
taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti kif imsemmi fl-Artikolu 168(3) tar-Regolament Finanzjarju biex takkwista prodotti tad-difiża f’isem l-Istati Membri interessati jew għan-nom tagħhom.
2. Meta l-Kummissjoni tintalab taġixxi skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri għandhom jitqiesu li kkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2009/81/KE.
3. B’deroga mill-Artikolu 168(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Finanzjarju, pajjiż assoċjat jista’ jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha f’akkwist konġunt, kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu. Il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 168(2) tar-Regolament Finanzjarju għandhom japplikaw għal tali akkwist konġunt.
4. B’deroga mill-Artikolu 168(3) tar-Regolament Finanzjarju, pajjiż assoċjat flimkien ma’ mill-inqas Stat Membru wieħed jista’ jitlob lill-Kummissjoni taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu. Kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 168(3) tar-Regolament Finanzjarju għandhom japplikaw fejn il-Kummissjoni taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti.
5. Minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, il-proċedura ta’ akkwist imsemmija fil-paragrafi 1, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tikkonforma wkoll mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ akkwist tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha u, b’deroga mill-Artikolu 168(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju, tista’ tkun miftuħa għall-pajjiżi assoċjati;
(b)
il-Kummissjoni tistieden mill-inqas espert wieħed b’esperjenza rilevanti għan-negozjati minn kull pajjiż parteċipanti biex jifforma tim konġunt ta’ negozjar;
(c)
il-pajjiżi parteċipanti jiddikjaraw b’mod espliċitu jekk jiddeċidux li jmexxu proċessi ta’ negozjar paralleli għall-prodott ikkonċernat, u dik id-deċiżjoni tkun soġġetta għal approvazzjoni unanima mill-pajjiżi parteċipanti.
6. Meta l-Kummissjoni taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti skont il-paragrafu 1, il-punt (b), u l-paragrafu 4, hija tista’ takkwista għall-Istati Membri jew għall-pajjiżi assoċjati jew f’isimhom, komponenti u materja prima meħtieġa għall-provvista ta’ prodotti tad-difiża għall-fini tal-bini ta’ riżervi strateġiċi minn pajjiżi parteċipanti, inkluż il-kumulazzjoni ta’ riżerva.
7. Meta debitament ġustifikat mill-urġenza estrema tas-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tista’, b’deroga mill-Artikolu 175(1) tar-Regolament Finanzjarju, titlob il-konsenja ta’ prodotti tad-difiża mid-data li fiha jintbagħtu l-abbozzi tal-kuntratti li jirriżultaw mill-akkwist imwettaq għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
8. Sabiex jidħlu fi ftehimiet ta’ xiri ma’ operaturi ekonomiċi, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, jew l-esperti nnominati mill-Kummissjoni, jistgħu jwettqu żjarat fuq il-post f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fil-postijiet tal-faċilitajiet tal-produzzjoni ta’ prodotti tad-difiża rilevanti.
9. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli eżistenti tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jirregolaw is-sjieda, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta’ prodotti tad-difiża.
10. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-pajjiżi parteċipanti jiġu ttrattati b’mod ugwali waqt it-twettiq tal-proċeduri ta’ akkwist u meta jiġu implimentati l-ftehimiet li jirriżultaw.
11. Minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, il-kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 9(1), (3) u (4) ta’ dan ir-Regolament għandhom ukoll japplikaw għall-offerenti, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi f’kuntratti li jirriżultaw minn akkwist imwettaq skont dan l-Artikolu.
12. Għall-akkwist imwettaq skont il-paragrafu 1, il-punt (a), u l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 10(3) u (5).
Artikolu 16
Xiri bil-quddiem ta’ prodotti tad-difiża
1. L-akkwist konġunt kif imsemmi fl-Artikolu 15(1), il-punt (a), jista’ jieħu l-forma ta’ ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem ta’ prodotti tad-difiża, nnegozjati u konklużi f’isem il-pajjiżi parteċipanti jew għan-nom tagħhom. Tali ftehimiet jistgħu jinkludu mekkaniżmu ta’ ħlas minn qabel għall-produzzjoni ta’ tali prodotti bi skambju għad-dritt għar-riżultat, li ma għandux jaqbeż il-partijiet tal-kuntratt dwar il-kostijiet mhux rikorrenti, inkluż ir-riżerva tal-kapaċitajiet ta’ manifattura.
2. Meta l-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jinkludu mekkaniżmu ta’ ħlas minn qabel, il-ħlas bil-quddiem lill-kuntrattur jista’ jkun kopert mill-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 3(1). Il-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi parteċipanti kif imsemmija fl-Artikolu 5 għandhom jitqiesu f’termini ugwali għal kull oġġett ordnat mill-pajjiżi parteċipanti.
3. F’każijiet fejn l-ammonti nnegozjati jkunu jaqbżu d-domanda, il-Kummissjoni, fuq it-talba tal-pajjiżi parteċipanti kkonċernati, għandha telabora mekkaniżmu għar-riallokazzjoni lejn il-ħażniet nazzjonali jew għall-istabbiliment tar-riżervi tal-prontezza industrijali għad-difiża.
Artikolu 17
Faċilitazzjoni ta’ ftehimiet ta’ xiri
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema li tiffaċilita l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ xiri relatati mat-tisħiħ industrijali fil-kapaċitajiet ta’ manifattura tal-EDTIB, bejn l-Istati Membri u, meta rilevanti, il-pajjiżi assoċjati minn naħa waħda u l-operaturi ekonomiċi tal-EDTIB min-naħa l-oħra, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u l-akkwist. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġi evitat aċċess minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għal informazzjoni klassifikata jew sensittiva relatata mal-azzjoni u li l-impjegati jew persuni oħra involuti fl-azzjoni jkollhom l-awtorizzazzjoni ta’ sigurtà nazzjonali maħruġa minn Stat Membru jew minn pajjiż assoċjat.
2. Is-sistema msemmija fil-paragrafu 1 għandha tippermetti lill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati interessati jagħmlu offerti għal prodotti tad-difiża li jindikaw:
(a)
il-volum u l-kwalità;
(b)
il-prezz jew il-firxa tal-prezzijiet maħsuba;
(c)
id-durata maħsuba tal-ftehim ta’ xiri.
3. Is-sistema msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tippermetti li l-manifatturi tal-prodotti tad-difiża li jikkonformaw mal-kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 9(1), (3) u (4) jagħmlu offerti li jindikaw:
(a)
il-volum u l-kwalità tal-prodotti tad-difiża li għalihom qed ifittxu li jikkonkludu ftehimiet ta’ xiri;
(b)
il-prezz jew il-firxa tal-prezzijiet maħsuba li bihom ikunu lesti li jbigħu;
(c)
iż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni stmat għall-konsenja ta’ prodotti tad-difiża fil-qafas tal-ftehim ta’ xiri;
(d)
id-durata maħsuba tal-ftehim ta’ xiri.
4. Abbażi tat-talbiet u tal-offerti li tirċievi skont il-paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tqiegħed lill-manifatturi rilevanti ta’ prodotti tad-difiża f’kuntatt mal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati interessati.
5. Minbarra l-kuntatt imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-pajjiżi interessati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha fi proċedura ta’ akkwist konġunt jew fi proċedura ta’ akkwist f’isimhom, jew għan-nom tagħhom, skont l-Artikolu 15.
6. Il-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 3(1) jista’ jkopri l-partijiet tal-kuntratt dwar il-kostijiet mhux rikorrenti, inkluż ir-riżerva tal-kapaċitajiet ta’ manifattura.
TAQSIMA 5
KRITERJI GĦALL-AĠĠUDIKAZZJONI U PROGRAMMI TA’ ĦIDMA
Artikolu 18
Kriterji għall-għoti
1. Il-proposti għall-azzjonijiet għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-objettivi stabbiliti għall-azzjoni rilevanti, ir-riżultati mistennija tal-azzjoni rilevanti, u l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tagħha. B’mod partikolari, dik l-evalwazzjoni għandha tinkludi wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:
(a)
kontribuzzjoni għall-kompetittività;
(b)
kontribuzzjoni għar-reżiljenza u d-distribuzzjoni ġeografika tal-kapaċitajiet tal-manifattura;
(c)
żieda fil-kapaċitajiet eżistenti tal-produzzjoni;
(d)
żieda fl-interoperabbiltà;
(e)
żieda fl-interkambjabbiltà; u
(f)
kontribuzzjoni għat-tnaqqis fid-dipendenzi strateġiċi.
2. Minbarra l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-proposti għal azzjonijiet ta’ akkwist komuni msemmija fl-Artikolu 11 għandhom jiġu evalwati abbażi tal-kriterji li ġejjin:
(a)
l-għadd ta’ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati parteċipanti;
(b)
il-kontribut tal-azzjoni għall-adattament, il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tal-EDTIB fl-Unjoni kollha; u
(c)
il-parteċipazzjoni tal-SMEs u tal-mid-caps.
3. Minbarra l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-proposti għal azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali kif msemmija fl-Artikolu 12 għandhom jiġu evalwati abbażi tal-kriterji li ġejjin:
(a)
it-tnaqqis fiż-żmien meħtieġ tal-produzzjoni, u ż-żieda fil-kapaċità eżistenti tal-produzzjoni fl-Unjoni, fil-kapaċità riżervata u fil-forza tax-xogħol kwalifikata;
(b)
il-kontribut għall-iżgurar tad-disponibbiltà u s-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni kollha b’rispons għar-riskji identifikati, inkluż b’mod partikolari esponiment għoli għar-riskju ta’ materjalizzazzjoni ta’ theddid militari konvenzjonali; u
(c)
il-kontribut għall-kooperazzjoni industrijali transfruntiera tad-difiża fl-Unjoni kollha, it-titjib tal-inklużjoni tal-SMEs u tal-mid-caps, jew ir-rabta mal-ordnijiet li jirriżultaw mill-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża minn tal-inqas tliet Stati Membri jew pajjiżi assoċjati.
4. Il-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 21 għandhom jistabbilixxu aktar dettalji dwar l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż kwalunkwe fattur korrettiv li għandu jiġi applikat. Il-programmi ta’ ħidma ma għandhomx jistabbilixxu livelli limiti individwali.
5. Il-kumitat ta’ evalwazzjoni jista’ jiġi assistit minn esperti esterni indipendenti f’konformità mal-Artikolu 153(3) tar-Regolament Finanzjarju. Il-programmi ta’ ħidma jistgħu jispeċifikaw li dawk l-esperti huma meħtieġa li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sigurtà personali valida.
Artikolu 19
Proċedura tal-għażla u tal-aġġudikazzjoni
Ħlief għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11, l-Artikolu 13(1), il-punt (g), l-Artikolu 10(1), il-punt (d), il-Kummissjoni għandha tagħti l-finanzjament skont dan il-Kapitolu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(4).
Artikolu 20
Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni
1. Għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 13 u 35 ta’ dan ir-Regolament, u b’deroga mill-Artikolu 193(1) tar-Regolament Finanzjarju, meta l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tieħu l-forma ta’ għotjiet il-Programm jista’ jiffinanzja sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli.
2. Meta l-għotja tal-Unjoni tieħu l-forma ta’ finanzjament mhux marbut mal-kostijiet, skont l-Artikolu 183(3) tar-Regolament Finanzjarju, il-livell tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni attribwit għal kull azzjoni jista’ jkun ibbażat fuq fatturi bħal:
(a)
il-grad ta’ kumplessità tal-akkwist komuni, li għalih proporzjon tal-valur stmat tal-kuntratt tal-akkwist komuni u l-esperjenza miksuba f’azzjonijiet simili jistgħu jservu bħala indikatur inizjali;
(b)
il-kontribut tal-azzjoni għat-titjib tal-eżiti tal-interoperabbiltà;
(c)
il-karatteristiċi tal-azzjoni li x’aktarx iwasslu għal sinjali akbar tal-investiment fit-tul għall-industrija, b’mod partikolari meta l-akkwist komuni jkun ikopri attivitajiet eliġibbli għal finanzjament mill-baġit tal-Unjoni, bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni, il-produzzjoni inizjali jew attivitajiet ta’ appoġġ fis-servizz;
(d)
l-għadd ta’ Stati Membri u pajjiżi assoċjati parteċipanti, jew l-inklużjoni ta’ Stati Membri addizzjonali jew pajjiżi assoċjati fil-kooperazzjonijiet eżistenti;
(e)
il-kontribut tal-azzjoni biex jissaħħew il-kapaċitajiet tal-manifattura meħtieġa;
(f)
il-kontribut tal-azzjoni għat-tnaqqis tad-dipendenzi fuq pajjiżi mhux assoċjati;
(g)
il-kontribut tal-azzjoni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati bl-għan li jiġu stabbiliti, ġestiti jew jinżammu riżervi tal-prontezza industrijali għad-difiża;
(h)
il-kontribut tal-azzjoni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati li jirriżulta fl-akkwist komuni ta’ kwantitajiet addizzjonali ta’ prodotti tad-difiża għall-Ukrajna jew għall-Moldova;
(i)
il-kumplessità tas-soluzzjonijiet teknoloġiċi meħtieġa għall-integrazzjoni tal-prodott tad-difiża akkwistat fil-forzi armati ta’ Stat Membru parteċipanti.
3. L-azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ għotjiet fil-forma ta’ finanzjament mhux marbut mal-kostijiet, skont l-Artikolu 183(3) tar-Regolament Finanzjarju.
4. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull azzjoni msemmija fl-Artikolu 11 ma għandhiex taqbeż il-15 % tal-valur stmat tal-kuntratt ta’ akkwist komuni kkonċernat.
5. B’deroga mill-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull azzjoni msemmija fl-Artikolu 11 tista’ tkun sa 25 % tal-valur stmat tal-kuntratt tal-akkwist komuni kkonċernat, dment li tiġi ssodisfata mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
l-azzjoni titwettaq minn SEAP;
(b)
l-azzjoni tappoġġa l-akkwist komuni ta’ prodotti finali mingħajr restrizzjonijiet;
(c)
l-azzjoni tirriżulta fl-akkwist komuni ta’ kwantitajiet addizzjonali ta’ prodotti tad-difiża għall-Ukrajna jew għall-Moldova;
(d)
l-azzjoni tiżgura distribuzzjoni wiesgħa ta’ fornituri madwar l-Istati Membri fejn aktar minn 20 % tal-valur totali tal-prodott finali jsir minn fornituri stabbiliti f’mill-inqas Stat Membru wieħed għajr l-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-kuntrattur ewlieni;
(e)
in-nefqa għall-investiment fid-difiża tal-maġġoranza tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-azzjoni kkonċernata qabżet it-30 % tal-infiq fid-difiża rispettiv tagħhom fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-applikazzjoni.
6. Għall-azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 12, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni ma għandhiex taqbeż il-35 % tal-kostijiet eliġibbli.
7. B’deroga mill-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull azzjoni msemmija fl-Artikolu 12 tista’ tkun sa 50 % tal-kostijiet eliġibbli meta l-maġġoranza tal-benefiċjarji jkunu SMEs jew mid-caps stabbiliti fl-Istati Membri jew f’pajjiżi assoċjati jew meta l-azzjoni titwettaq minn SEAP, u meta tiġi ssodisfata mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
il-benefiċjarju juri kontribut għall-ħolqien ta’ kooperazzjoni transfruntiera ġdida bejn l-entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi assoċjati;
(b)
l-azzjoni tinvolvi l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura, faċilitajiet jew linji ta’ produzzjoni ġodda mill-bidu nett jew fuq siti li ma kinux jintużaw qabel għal tali attivitajiet, u b’hekk tikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista u t-trasferiment tat-teknoloġija madwar l-Unjoni;
(c)
l-azzjoni tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ kapaċitajiet tal-manifattura ġodda, jew għaż-żieda fil-kapaċitajiet tal-manifattura eżistenti, ta’ prodotti rilevanti għal kriżi.
8. Il-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 21 għandhom jistabbilixxu aktar dettalji.
Artikolu 21
Programmi ta’ ħidma
1. Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma kif imsemmi fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju. Il-programmi ta’ ħidma jistgħu jkunu pluriennali, fejn xieraq. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu l-azzjonijiet u l-baġit assoċjat meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm u, meta jkun applikabbli, l-ammont kumplessiv riżervat għal operazzjonijiet ta’ taħlit.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(4).
3. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jinkludu, b’mod partikolari:
(a)
l-ammont kumplessiv tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull tip ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) u deskrizzjoni dettaljata ta’ kull tip ta’ azzjoni;
(b)
fir-rigward tal-azzjonijiet msemmija fl-Artikoli 11 u 12, id-daqs finanzjarju minimu tal-azzjonijiet;
(c)
fir-rigward tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12, l-għadd massimu ta’ entitajiet ġuridiċi li jiffurmaw parti mill-konsorzju, li ma għandux jaqbeż il-15-il entità ġuridika;
(d)
il-proċedura għall-evalwazzjoni u l-għażla tal-proposti, inkluż, fejn rilevanti, deskrizzjoni tal-istadji importanti, li għandhom jitfasslu b’tali mod li jimmarkaw progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, ir-riżultati li għandhom jinkisbu u l-ammonti assoċjati li għandhom jiġu żborżati, kif ukoll l-arranġamenti għall-verifika tal-istadji importanti, l-issodisfar tal-kundizzjonijiet u l-kisba tar-riżultati;
(e)
l-ammont kumplessiv tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-akkwist konġunt bl-appoġġ tal-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 15(1), il-punt (a), l-Artikolu 15(3), l-Artikolu 16 u l-Artikolu 17; u
(f)
il-metodi għad-determinazzjoni u, fejn applikabbli, l-aġġustament tal-finanzjament.
4. Meta tadotta programmi ta’ ħidma, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħtieġa għal koerenza ma’ programmi u strumenti rilevanti oħra tal-Unjoni..
5. Il-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 3(1) jista’ jkopri akkwist konġunt kif imsemmi fl-Artikolu 15(1), il-punt (a), li ma għandux jeċċedi l-partijiet tal-kuntratt dwar il-kostijiet mhux rikorrenti, inkluż ir-riżerva tal-kapaċitajiet tal-manifattura.
KAPITOLU III
L-ISTRUMENT TA’ APPOĠĠ GĦALL-UKRAJNA
TAQSIMA 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI APPLIKABBLI GĦALL-ISTRUMENT TA’ APPOĠĠ GĦALL-UKRAJNA
Artikolu 22
Objettivi
1. L-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandu jikkontribwixxi għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna bil-ħsieb li tiżdied il-prontezza industrijali għad-difiża tagħha, filwaqt li titqies l-integrazzjoni futura possibbli tagħha fl-EDTIB, permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna, u b’hekk jissaħħu l-istabbiltà, is-sigurtà, il-paċi, il-prosperità, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà reċiproċi.
2. L-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jiġi segwit b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-EDTIB u d-DTIB tal-Ukrajna, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tat-tisħiħ tal-industrija tad-difiża u tal-akkwist fil-qasam tad-difiża tal-Ukrajna, permezz tal-ħolqien jew it-tisħiħ fil-kapaċitajiet ta’ manifattura f’konformità mal-istandards tan-NATO u standards rilevanti oħra, il-protezzjoni tal-assi, l-assistenza teknika u l-iskambju tal-persunal, aktar kooperazzjoni fil-qasam tal-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża li jinvolvu lill-Ukrajna u d-DTIB tal-Ukrajna, inkluż il-manutenzjoni tagħhom, u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-liċenzjartal-produzzjoni bi sħubijiet pubbliċi-privati jew forom oħra ta’ kooperazzjoni, bħal impriżi konġunti. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-objettiv li l-Ukrajna tiġi appoġġata biex tallinja progressivament mar-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni bil-ħsieb ta’ sħubija futura fl-Unjoni.
Artikolu 23
Riżorsi finanzjarji addizzjonali
1. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, il-pajjiżi terzi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew partijiet terzi oħra jistgħu jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali għall-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna f’konformità mal-Artikolu 208(2) tar-Regolament Finanzjarju. Tali kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2), il-punt (a), (d) jew (e), jew l-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.
2. Kwalunkwe ammont addizzjonali riċevut skont il-ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2025/1106 għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju u għandu jintuża għall-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
3. Kwalunkwe ammont addizzjonali riċevut taħt il-miżuri restrittivi rilevanti tal-Unjoni għandu jkun dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju u għandu jintuża għal azzjonijiet li jsaħħu d-DTIB tal-Ukrajna.
4. Riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq it-talba tal-Istat Membru kkonċernat, jiġu ttrasferiti lill-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1060. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament f’konformità mal-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament f’konformità mal-punt (c) ta’ dak is-subparagrafu. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.
5. Fir-rigward tal-ammonti kontribwiti f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jieħdu deċiżjonijiet rigward il-proporzjon ta’ dawk l-ammonti li jridu jsiru disponibbli għall-entitajiet kollha eliġibbli għall-finanzjament skont dan ir-Regolament, li jridu jsiru disponibbli biss għall-benefiċċju tal-Istati Membri kkonċernati jew li jridu jsiru disponibbli għall-benefiċċju addizzjonali ta’ Stati Membri oħra jew tal-Ukrajna.
6. Meta l-Kummissjoni ma tkunx daħlet f’impenn legali taħt ġestjoni diretta jew indiretta għar-riżorsi trasferiti f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2028, ir-riżorsi mhux impenjati korrispondenti jistgħu jiġu trasferiti lura għal programm sors rispettiv wieħed jew aktar, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1060.
Artikolu 24
Finanzjament alternattiv, ikkombinat u kumulattiv
1. L-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandu jiġi implimentat f’sinerġija ma’ programmi oħra tal-Unjoni. Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni taħt l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, sakemm dawk il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti, jew jista’ jiġi applikat sett uniku ta’ regoli ta’ kwalunkwe wieħed mill-programmi kontribwenti tal-Unjoni għall-kontribuzzjonijiet kollha u jista’ jiġi konkluż impenn legali uniku. L-appoġġ kumulattiv mill-baġit tal-Unjoni ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni u jista’ jiġi kkalkulat fuq bażi prorata f’konformità mad-dokumenti li jistabilixxu il-kundizzjonijiet għall-appoġġ.
2. Sabiex jingħataw Siġill ta’ Eċċellenza skont l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, l-azzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)
ikunu ġew ivvalutati f’sejħa għal proposti taħt l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna;
(b)
ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità ta’ dik is-sejħa għal proposti;
(c)
ma jkunux iffinanzjati taħt dik is-sejħa għal proposti minħabba limitazzjonijiet baġitarji.
3. F’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-FEŻR jew il-FSE+ jista’ jappoġġa proposti ppreżentati wara sejħa għal proposti skont il-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna li kienu ngħataw Siġill ta’ Eċċellenza.
Artikolu 25
Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni
1. L-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni diretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju jew taħt ġestjoni indiretta mal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 62(1), il-punt (c), tar-Regolament Finanzjarju.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 33(3) ta’ dan ir-Regolament, il-finanzjament tal-Unjoni jista’ jiġi pprovdut fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju f’konformità mat-Titolu X tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-operazzjoni ta’ taħlit taħt il-programm InvestEU.
3. Fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(1), il-punt (d), ta’ dan ir-Regolament, li għalihom il-finanzjament tal-Unjoni huwa pprovdut fil-forma ta’ għotja taħt l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna u jsir profitt, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata tirkupra l-perċentwal tal-profitt li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-kostijiet eliġibbli fil-fatt imġarrba mill-benefiċjarju li jwettaq l-azzjoni, sal-ammont finali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni. B’deroga mill-Artikolu 195(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-profitt għandu jkun kkalkulat b’surplus ta’ dħul fuq il-kostijiet eliġibbli tal-azzjoni, fejn id-dħul ikun limitat għall-finanzjament tal-Unjoni, il-finanzjament tal-Istati Membri, inkluż akkwist, dħul ieħor iġġenerat matul l-azzjoni u kwalunkwe dħul li jirriżulta mill-azzjoni. Il-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 34 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jistabilixxu aktar dettalji.
4. B’deroga mill-Artikolu 196(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jistgħu, fejn rilevanti u meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni, ikopru azzjonijiet li jkunu bdew u kostijiet imġarrba qabel id-data tas-sottomissjoni tal-proposta għal dawk l-azzjonijiet, dment li dawk l-azzjonijiet ma jkunux bdew qabel il-5 ta’ Marzu 2024 u ma jkunux ġew kompluti qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja.
Artikolu 26
Entitajiet ġuridiċi eliġibbli
1. Entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni jew fl-Ukrajna u li għandhom l-istrutturi ta’ ġestjoni eżekuttiva tagħhom fl-Unjoni jew fl-Ukrajna biss għandhom ikunu eliġibbli biex ikunu riċevituri ta’ finanzjament mill-Unjoni skont dan ir-Regolament.
Entitajiet legali stabbiliti fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-Ukrajna ma għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament skont dan ir-Regolament.
2. Il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-paragrafu 3 sa 9 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw flimkien mal-kriterji stabbiliti f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
3. L-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tar-riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni involuti f’azzjoni li jintużaw għall-finijiet ta’ dik l-azzjoni għandhom ikunu qegħdin fit-territorju ta’ Stat Membru jew fl-Ukrajna għad-durata sħiħa tal-azzjoni.
4. B’deroga mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, meta r-riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni involuti f’azzjoni ma jkollhomx alternattivi jew infrastruttura, faċilitajiet, assi u riżorsi rilevanti lesti għad-dispożizzjoni tagħhom fl-Unjoni jew fl-Ukrajna, jistgħu jużaw l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi jew r-riżorsi tagħhom li jinsabu jew li jinżammu barra mit-territorju tal-Istati Membri jew f’pajjiż terz ieħor għajr l-Ukrajna, dment li dan l-użu ma jkunx imur kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett tal-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, u jkun konsistenti mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 22. Il-kostijiet relatati mal-attivitajiet li jużaw tali infrastruttura, faċilitajiet, assi jew riżorsi ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ mill-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.
5. Għall-finijiet ta’ azzjoni appoġġata mill-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, ir-riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz mhux assoċjat għajr l-Ukrajna jew minn entità ta’ pajjiż terz ieħor.
6. B’deroga mill-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, entità ġuridika stabbilita fl-Unjoni u kkontrollata minn pajjiż terz mhux assoċjat għajr l-Ukrajna jew minn entità ta’ pajjiż terz ieħor għandha tkun eliġibbli biex tkun riċevitur ta’ finanzjament tal-Unjoni jekk il-garanziji approvati f’konformità mal-proċeduri nazzjonali ta’ Stat Membru li fih tkun stabbilita, bħal miżuri adegwati skont l-iskrinjar, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2019/452, ikunu disponibbli għall-Kummissjoni.
Il-garanziji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jipprovdu assigurazzjonijiet li l-involviment f’azzjoni ta’ entità ġuridika kif imsemmija f’dak is-subparagrafu ma jmurx kontra l-interessi ta’ sigurtà u difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif stabbiliti fil-qafas tal-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, inkluż ir-rispett tal-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, jew l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-garanziji għandhom b’mod partikolari jissostanzjaw li, għall-finijiet ta’ azzjoni, hemm fis-seħħ miżuri biex jiġi żgurat li:
(a)
il-kontroll fuq l-entità ġuridika ma jiġix eżerċitat b’mod li jillimita jew jirrestrinġi l-abbiltà tagħha li twettaq l-azzjoni u tikseb riżultati, li jimponi restrizzjonijiet b’rabta mal-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi, ir-riżorsi, il-propjetà intellettwali jew l-għarfien espert tagħha meħtieġa għall-finijiet tal-azzjoni, jew li jdgħajjef il-kapaċitajiet u l-istandards tagħha meħtieġa għat-twettiq tal-azzjoni;
(b)
l-aċċess minn pajjiż terz mhux assoċjat għajr l-Ukrajna jew minn entità ta’ pajjiż terz ieħor għal informazzjoni klassifikata jew sensittiva relatata mal-azzjoni jiġi evitat u l-impjegati jew persuni oħra involuti fl-azzjoni jkollhom l-awtorizzazzjoni ta’ sigurtà nazzjonali maħruġa minn Stat Membru, pajjiż assoċjat jew l-Ukrajna, meta xieraq, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali;
(c)
is-sjieda ta’ proprjetà intellettwali li tirriżulta mill-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27(1), il-punt (b), relatata mal-azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali li jrawmu l-industrijalizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tad-difiża li ġew żviluppati fil-qafas ta’ azzjonijiet ffinanzjati mill-Unjoni jew attivitajiet kooperattivi oħra mwettqa bl-appoġġ tal-Istati Membri, mhijiex soġġetta għal restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat għajr l-Ukrajna jew minn entità ta’ pajjiż terz ieħor u lanqas ma tiġi ttrasferita lil entitajiet stabbiliti barra mit-territorju tal-Istati Membri, ta’ pajjiżi assoċjati jew tal-Ukrajna, mingħajr l-approvazzjoni tal-Istat Membru jew tal-pajjiż assoċjat fejn tkun stabbilita l-entità legali jew, meta l-entità legali tkun stabbilita fl-Ukrajna, l-approvazzjoni tal-Ukrajna. Tali approvazzjoni ma għandhiex tmur kontra l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 22.
Jekk jitqies xieraq mill-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-entità ġuridika, jistgħu jiġu pprovduti garanziji addizzjonali.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 77 bi kwalunkwe entità ġuridika li titqies eliġibbli biex tkun riċevitur ta’ finanzjament tal-Unjoni f’konformità ma’ dan il-paragrafu.
7. Il-garanziji msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkunu bbażati fuq mudell standardizzat provvdut mill-Kummissjoni, megħjuna mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 77, sabiex ikun żgurat approċċ armonizzat fl-Unjoni kollha.
8. Meta jwettqu azzjoni eliġibbli, ir-riċevituri jistgħu jikkooperaw ukoll ma’ entitajiet legali stabbiliti barra mit-territorju tal-Istati Membri jew tal-Ukrajna, jew ikkontrollati minn pajjiż terz mhux assoċjat għajr l-Ukrajna jew minn entità ta’ pajjiż terz ieħor, fosthom billi jużaw l-assi, l-infrastruttura, il-faċilitajiet u r-riżorsi ta’ tali entitajiet legali, dment li tali użu ma jmurx kontra l-interessi ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett tal-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, jew l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 22.
Ma għandu jkun hemm l-ebda aċċess mhux awtorizzat minn pajjiż terz mhux assoċjat għajr l-Ukrajna jew minn entità ta’ pajjiż terz ieħor għal informazzjoni klassifikata relatata mat-twettiq tal-azzjoni, u għandhom jiġu evitati effetti negattivi potenzjali fuq is-sigurtà tal-provvista tal-inputs kritiċi għall-azzjoni.
Il-kostijiet relatati mal-kooperazzjoni ma’ entitajiet legali stabbiliti barra mit-territorju tal-Istati Membri jew tal-Ukrajna, jew ikkontrollati minn pajjiż terz mhux assoċjat għajr l-Ukrajna jew minn entità ta’ pajjiż terz ieħor, ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.
9. Il-paragrafi 5 u 6 ma għandhomx japplikaw għal:
(a)
l-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri u l-Ukrajna;
(b)
l-organizzazzjonijiet internazzjonali;
(c)
is-SEAPs;
(d)
l-EDA.
TAQSIMA 2
AZZJONIJIET ELIĠIBBLI
Artikolu 27
Azzjonijiet eliġibbli
1. L-azzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament taħt l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandhom jimplimentaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 22 u jista’ jkollhom waħda mill-forom li ġejjin, jew taħlita tagħhom:
(a)
azzjonijiet ta’ akkwist komuni kif imsemmi fl-Artikolu 11, inkluż għall-fini tal-istabbiliment, il-ġestjoni u iż-żamma ta’ riżervi tal-prontezza industrijali għad-difiża;
(b)
azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali kif imsemmija fl-Artikolu 12;
(c)
azzjonijiet ta’ appoġġ kif imsemmi fl-Artikolu 13.
2. L-azzjonijiet li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament taħt l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna:
(a)
azzjonijiet relatati ma’ prodotti tad-difiża li huma pprojbiti mil-liġi internazzjonali applikabbli;
(b)
azzjonijiet relatati ma’ sistemi awtonomi letali li joperaw barra minn katina responsabbli ta’ kmand u kontroll mill-bniedem jew li ma jistgħux jintużaw f’konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali;
(c)
azzjonijiet relatati ma’ munizzjonijiet dispersivi;
(d)
azzjonijiet, jew partijiet minnhom, li diġà huma ffinanzjati kompletament minn sorsi pubbliċi jew privati oħra.
3. Għall-akkwist imwettaq skont il-paragrafu 1, il-punti (a) u (c), li huwa appoġġat minn finanzjament tal-Unjoni, il-kost tal-komponenti li joriġinaw barra mill-Unjoni u mill-Ukrajna ma għandux ikun ogħla minn 35 % tal-kost stmat tal-komponenti tal-prodott finali. L-ebda komponent ma għandu jinġieb minn sorsi minn pajjiżi terzi li jiksru l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
4. Għall-azzjonijiet imwettqa skont il-paragrafu 1, il-punt (b), il-kost tal-komponenti li joriġinaw barra mill-Unjoni u mill-Ukrajna ma għandux ikun ogħla minn 35 % tal-kost stmat tal-komponenti tal-prodott li ż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu hija appoġġata minn finanzjament tal-Unjoni. L-ebda komponent tal-prodott li ż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu hija appoġġata minn finanzjament tal-Unjoni ma għandu jinġieb minn sorsi minn pajjiżi terzi li jmorru kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
5. Riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni jew, meta rilevanti, il-kuntratturi għandu jkollhom il-kapaċità li jiddeċiedu, mingħajr restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati għajr l-Ukrajna jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi oħra, dwar id-definizzjoni, l-adattament u l-evoluzzjoni tad-disinn tal-prodotti tad-difiża kkonċernati, inkluż l-awtorità legali li jissostitwixxu jew ineħħu komponenti li jkunu soġġetti għal restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati għajr l-Ukrajna jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi oħra.
6. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/43/KE, l-Istati Membri jistgħu jippubblikaw liċenzji ġenerali ta’ trasferiment għat-trasferiment ta’ prodotti relatati ma’ azzjonijiet appoġġati mill-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna lejn Stati Membri oħra.
7. L-azzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament taħt l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandhom jitwettqu minn, jew bl-involviment ta’, mill-anqas, l-Ukrajna jew entità ġuridika waħda stabbilita u li jkollha l-istruttura maniġerjali eżekuttiva tagħha fl-Ukrajna.
8. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, ir-referenzi għall-Istati Membri fl-Artikoli 11, 12, 13 u 38 għandhom jinftiehmu li jinkludu l-Ukrajna. Ir-referenzi għall-pajjiżi assoċjati fl-Artikoli 11, 12, 13 u 38 ma għandhomx japplikaw għal dan il-Kapitolu. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, ir-referenzi għall-Artikolu 9 li jinsabu fl-Artikolu 11 għandhom jinftiehmu li jirreferu għall-Artikolu 26 u r-referenzi għall-Artikolu 10(5) li jinsabu fl-Artikolu 12 għandhom jinftiehmu li jirreferu għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
TAQSIMA 3
AKKWIST
Artikolu 28
Akkwist bl-appoġġ tal-Kummissjoni
1. B’deroga mill-Artikolu 168(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Finanzjarju, l-Ukrajna, tista’ titlob, flimkien ma’ tal-inqas Stat Membru wieħed, lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha f’akkwist konġunt, kif imsemmi fil-paragrafu 168(2) tar-Regolament Finanzjarju, li permezz tagħha l-Istati Membri u l-Ukrajna jistgħu jakkwistaw, jikru jew jillokaw il-prodotti tad-difiża akkwistati b’mod konġunt. Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 168(2) tar-Regolament Finanzjarju għandhom japplikaw għal tali akkwist konġunt.
2. B’deroga mill-Artikolu 168(3) tar-Regolament Finanzjarju, l-Ukrajna tista’ titlob, flimkien ma’ tal-inqas Stat Membru wieħed, lill-Kummissjoni taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti kif imsemmi fl-Artikolu 168(3) tar-Regolament Finanzjarju biex takkwista prodotti tad-difiża f’isimhom jew għan-nom tagħhom. Kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 168(3) tar-Regolament Finanzjarju għandhom japplikaw kull meta l-Kummissjoni taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti.
3. Meta l-Kummissjoni tintalab taġixxi skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri għandhom jitqiesu li kkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2009/81/KE.
4. Minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, il-proċedura ta’ akkwist imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tikkonforma wkoll mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ akkwist tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha;
(b)
il-Kummissjoni tistieden mill-inqas espert wieħed b’esperjenza rilevanti għan-negozjati minn kull pajjiż parteċipanti biex jifforma tim konġunt ta’ negozjar;
(c)
il-pajjiżi parteċipanti jiddikjaraw b’mod espliċitu jekk jiddeċidux li jmexxu proċessi ta’ negozjar paralleli għall-prodott ikkonċernat, u dik id-deċiżjoni tkun soġġetta għal approvazzjoni unanima mill-pajjiżi parteċipanti.
5. Meta l-Kummissjoni taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti skont il-paragrafu 2, hija tista’, bħala parti mill-akkwist, takkwista komponenti u materja prima meħtieġa għall-provvista ta’ prodotti tad-difiża għall-fini tal-bini ta’ riżervi strateġiċi minn pajjiżi parteċipanti, inkluż il-kumulazzjoni ta’ riżerva.
6. Meta debitament ġustifikat mill-urġenza estrema tas-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tista’, b’deroga mill-Artikolu 175(1) tar-Regolament Finanzjarju, titlob il-konsenja ta’ prodotti mid-data li fiha jintbagħtu l-abbozzi tal-kuntratti li jirriżultaw mill-akkwist imwettaq għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
7. Sabiex jidħlu fi ftehimiet ta’ xiri ma’ operaturi ekonomiċi, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, jew l-esperti nnominati mill-Kummissjoni, jistgħu jwettqu żjarat fuq il-post f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fil-postijiet tal-faċilitajiet tal-produzzjoni ta’ prodotti tad-difiża rilevanti.
8. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli eżistenti tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jirregolaw is-sjieda, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta’ prodotti tad-difiża.
9. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-pajjiżi parteċipanti jiġu ttrattati b’mod ugwali waqt it-twettiq tal-proċeduri ta’ akkwist u meta jiġu implimentati l-ftehimiet li jirriżultaw.
10. Minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, il-kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 26(1), (3) u (4) ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll għall-offerenti, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi f’kuntratti li jirriżultaw mill-akkwist imwettaq skont dan l-Artikolu.
11. Għall-akkwist imwettaq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandhom japplikaw ir-regoli kif stabbiliti fl-Artikolu 27(3) u (5).
Artikolu 29
Xiri bil-quddiem ta’ prodotti tad-difiża
1. L-akkwist konġunt kif imsemmi fl-Artikolu 28 jista’ jieħu l-forma ta’ ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem ta’ prodotti tad-difiża, innegozjati u konklużi f’isem il-pajjiżi parteċipanti, jew għan-nom tagħhom. Tali ftehimiet jistgħu jinkludu mekkaniżmu ta’ ħlas minn qabel għall-produzzjoni ta’ tali prodotti bi skambju għad-dritt għar-riżultat, li ma għandux jaqbeż il-partijiet tal-kuntratt dwar il-kostijiet mhux rikorrenti, inkluż ir-riżerva tal-kapaċitajiet ta’ manifattura.
2. Meta l-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jinkludu mekkaniżmu ta’ ħlas minn qabel, il-ħlas bil-quddiem lill-kuntrattur għandu jkun kopert mill-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 3(2). Il-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi parteċipanti kif imsemmija fl-Artikolu 23 għandhom jitqiesu f’termini ugwali għal kull oġġett ordnat mill-pajjiżi parteċipanti.
3. F’każijiet fejn l-ammonti nnegozjati jkunu jaqbżu d-domanda, il-Kummissjoni, fuq it-talba tal-pajjiżi parteċipanti kkonċernati, għandha tistabbilixxi mekkaniżmu għar-riallokazzjoni lejn il-ħażniet nazzjonali jew għall-istabbiliment tar-riżervi tal-prontezza industrijali tad-difiża.
Artikolu 30
Faċilitazzjoni ta’ ftehimiet ta’ xiri
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema biex tiffaċilita l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ xiri relatati mat-tisħiħ industrijali tal-kapaċitajiet ta’ manifattura tad-DTIB tal-Ukrajna, bejn l-Istati Membri u l-Ukrajna minn naħa u l-operaturi ekonomiċi tad-DTIB tal-Ukrajna min-naħa l-oħra, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u l-akkwist. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġi evitat aċċess minn pajjiż terz mhux assoċjat għajr l-Ukrajna jew minn entità ta’ pajjiż terz ieħor għal informazzjoni klassifikata jew sensittiva relatata mal-azzjoni, u li l-impjegati jew persuni oħra involuti fl-azzjoni jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà nazzjonali maħruġa minn Stat Membru, pajjiż assoċjat jew l-Ukrajna.
2. Is-sistema msemmija fil-paragrafu 1 għandha tippermetti lill-Istati Membri interessati u lill-Ukrajna jagħmlu offerti għal prodotti tad-difiża li jindikaw:
(a)
il-volum u l-kwalità;
(b)
il-prezz jew il-firxa tal-prezzijiet maħsuba;
(c)
id-durata maħsuba tal-ftehim ta’ xiri.
3. Is-sistema msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tippermetti li l-manifatturi tal-prodotti tad-difiża li jikkonformaw mal-kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 26(1), (3) u (4) jagħmlu offerti li jindikaw:
(a)
il-volum u l-kwalità tal-prodotti tad-difiża li għalihom qed ifittxu li jikkonkludu ftehimiet ta’ xiri;
(b)
il-prezz jew il-firxa tal-prezzijiet maħsuba li bihom ikunu lesti li jbigħu;
(c)
iż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni stmat għall-konsenja ta’ prodotti tad-difiża fil-qafas tal-ftehim ta’ xiri;
(d)
id-durata maħsuba tal-ftehim ta’ xiri.
4. Abbażi tat-talbiet u l-offerti li tirċievi skont il-paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni għandha ġġib lill-manifatturi rilevanti tal-prodotti tad-difiża f’kuntatt mal-Istati Membri interessati u mal-Ukrajna.
5. Minbarra l-kuntatt imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Ukrajna u l-Istati Membri interessati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha fi proċedura ta’ akkwist konġunt jew fi proċedura ta’ akkwist f’isimhom, jew għan-nom tagħhom, skont l-Artikolu 28.
6. Il-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 3(2) jista’ jkopri l-partijiet tal-kuntratt dwar il-kostijiet mhux rikorrenti, inkluż ir-riżerva tal-kapaċitajiet ta’ manifattura.
TAQSIMA 4
KRITERJI GĦALL-AĠĠUDIKAZZJONI U PROGRAMMI TA’ ĦIDMA
Artikolu 31
Kriterji għall-aġġudikazzjoni
1. Il-proposti għall-azzjonijiet għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-objettivi stabbiliti għall-azzjonijiet rilevanti, kif imsemmija fl-Artikolu 22, ir-riżultati mistennija tal-azzjoni rilevanti u l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tagħha.
2. Minbarra l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-proposti għal azzjonijiet tal-akkwist komuni kif imsemmija fl-Artikolu 11 jistgħu jiġu evalwati abbażi ta’ wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:
(a)
il-valur stmat tal-akkwist komuni;
(b)
il-kontribuzzjoni tal-azzjoni għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tad-DTIB tal-Ukrajna;
(c)
il-kontribuzzjoni tal-azzjoni għall-aċċellerazzjoni tal-akkwist u t-tnaqqis taż-żmien meħtieġ għall-produzzjoni u l-konsenja tal-prodotti tad-difiża.
3. Minbarra l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-proposti għal azzjonijiet ta’ tisħiħ industrijali kif imsemmija fl-Artikolu 12 jistgħu jiġu evalwati abbażi ta’ wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:
(a)
it-tnaqqis fiż-żmien meħtieġ għall-produzzjoni u żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni fl-Ukrajna;
(b)
il-kontribuzzjoni biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom tal-prodotti tad-difiża fl-Ukrajna kollha;
(c)
il-kontribuzzjoni għall-kooperazzjoni industrijali transfruntiera fil-qasam tad-difiża bejn l-Ukrajna u l-Unjoni.
4. Il-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 34 għandhom jistabbilixxu aktar dettalji dwar l-applikazzjoni tal-kriterji għall-aġġudikazzjoni, inkluż kwalunkwe fattur korrettiv li għandu jiġi applikat. Il-programm ta’ ħidma ma għandux jistabbilixxi livelli limiti individwali.
5. Il-kumitat ta’ evalwazzjoni jista’ jiġi assistit minn esperti esterni indipendenti f’konformità mal-Artikolu 153(3) tar-Regolament Finanzjarju. Il-programmi ta’ ħidma jistgħu jispeċifikaw li dawk l-esperti jeħtieġ li jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà personali valida.
Artikolu 32
Proċedura ta’ għażla u ta’ aġġudikazzjoni
Ħlief għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11 u l-Artikolu 13(1), il-punt (g), il-Kummissjoni għandha tagħti l-finanzjament skont dan il-Kapitolu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(4).
Artikolu 33
Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni
1. Meta l-kontribuzzjoni tal-Unjoni jkollha l-forma ta’ għotjiet, skont l-Artikolu 193(3) tar-Regolament Finanzjarju, l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jista’ jiffinanzja sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27(1), il-punti (b) u (c), ta’ dan ir-Regolament.
2. Meta l-għotja tal-Unjoni jkollha l-forma ta’ finanzjament mhux marbut mal-kostijiet, il-livell tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull azzjoni jista’ jkun ibbażat fuq fatturi bħal:
(a)
il-grad ta’ kumplessità tal-akkwist komuni, li għalih proporzjon tal-valur stmat tal-azzjoni u l-esperjenza miksuba f’azzjonijiet simili jistgħu jservu bħala indikatur inizjali;
(b)
il-kontribut tal-azzjoni għat-titjib tal-eżiti tal-interoperabbiltà;
(c)
il-karatteristiċi tal-azzjoni li x’aktarx iwasslu għal sinjali akbar ta’ investiment fit-tul lill-industrija;
(d)
il-kontribuzzjoni tal-azzjoni biex jissaħħew il-kapaċitajiet ta’ manifattura meħtieġa fl-Ukrajna;
(e)
il-grad ta’ kumplessità għall-Ukrajna biex tagħmel progress fil-proċess lejn l-adeżjoni mal-Unjoni, inkluż riformi u miżuri strutturali li jippromwovu l-konverġenza mar-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni;
(f)
il-grad ta’ kumplessità għall-Ukrajna biex tadatta l-proċessi ta’ akkwist tad-difiża tagħha u l-ambjent għall-industrija tad-difiża Ukrena, inkluż biex jintlaħqu l-istandards tan-NATO u standards rilevanti oħrajn;
(g)
it-tbatijiet u r-riskji assoċjati mal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, filwaqt li titqies il-ħtieġa li l-infrastruttura li ġarrbet ħsara minħabba dik il-gwerra terġa’ tinbena u tiġi modernizzata b’mod reżiljenti u l-ħtieġa li dawk il-ħsarat jiġu evitati, prevenuti, imnaqqsa u, fejn possibbli jiġu kkumpensati.
3. L-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ għotjiet fil-forma ta’ finanzjament mhux marbut mal-kostijiet, skont l-Artikolu 183(3) tar-Regolament Finanzjarju.
4. Għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27(1), il-punt (a), l-appoġġ mill-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna ma għandux jaqbeż il-25 % tal-valur stmat tal-kuntratt ta’ akkwist komuni kkonċernat.
5. Il-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 34 għandhom jistabbilixxu aktar dettalji.
Artikolu 34
Programmi ta’ ħidma
1. L-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandu jiġi implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma kif imsemmi fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju. Il-programmi ta’ ħidma jistgħu jkunu pluriennali, fejn xieraq. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu l-azzjonijiet u l-baġit assoċjat meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(4).
3. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jinkludu b’mod partikolari:
(a)
l-ammont kumplessiv tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull tip ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 27(1) u deskrizzjoni dettaljata ta’ kull tip ta’ azzjoni;
(b)
fir-rigward tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 27(1), il-punti (a) u (b), id-daqs finanzjarju minimu tal-azzjonijiet;
(c)
fir-rigward tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27(1), il-punt (b), l-għadd massimu ta’ entitajiet ġuridiċi li jiffurmaw parti mill-konsorzju, li ma għandux jaqbeż 15-il entità legali;
(d)
il-proċedura għall-evalwazzjoni u l-għażla tal-proposti, inkluż, fejn rilevanti, deskrizzjoni tal-istadji importanti, imfassla f’tali mod li jimmarkaw progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, ir-riżultati li għandhom jinkisbu u l-ammonti assoċjati li għandhom jiġu żborżati, kif ukoll l-arranġamenti għall-verifika tal-istadji importanti, l-issodisfar tal-kundizzjonijiet u l-kisba tar-riżultati;
(e)
l-ammont kumplessiv tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-akkwist konġunt bl-appoġġ tal-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 28(1), l-Artikolu 29 u l-Artikolu 30; u
(f)
il-metodi għad-determinazzjoni u, fejn applikabbli, l-aġġustament tal-finanzjament.
4. Meta tadotta programmi ta’ ħidma, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħtieġa għal koerenza ma’ programmi u strumenti oħra rilevanti tal-Unjoni.
KAPITOLU IV
PROĠETTI EWROPEJ GĦAD-DIFIŻA TA’ INTERESS KOMUNI
Artikolu 35
Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni
1. Il-Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni (EDPCIs) għandhom jikkonsistu minn proġetti industrijali kollaborattivi immirati lejn it-tisħiħ tal-kompetittività tal-EDTIB fl-Unjoni kollha filwaqt li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet militari tal-Istati Membri li huma kritiċi għall-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u inkluż dawk il-kapaċitajiet li jiżguraw aċċess għall-oqsma operazzjonali kollha, jiġifieri l-art, il-baħar, l-ajru, l-ispazju u ċ-ċibersigurtà.
2. L-EDPCIs għandhom jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:
(a)
isaħħu b’mod sinifikanti l-kompetittività, l-effiċjenza u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-EDTIB, b’mod partikolari billi:
(i)
jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ kooperazzjoni transfruntiera ġdida jew għat-twessigħ ta’ kooperazzjoni transfruntiera eżistenti, inkluż mal-SMEs u l-mid-caps;
(ii)
joħolqu effetti kollaterali pożittivi fis-suq intern;
(iii)
jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-integrazzjoni tas-suq u għat-tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-suq;
(iv)
jtejbu l-interoperabbiltà u l-interkambjabbiltà tal-prodotti tad-difiża; u
(v)
jimmiraw li jnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi, inkluż permezz tad-diversifikazzjoni tal-provvista, u jżidu l-kapaċitajiet;
(b)
jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri li huma kritiċi għall-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u jkunu konsistenti mal-objettivi tal-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża, mal-prijoritajiet b’rabta mal-kapaċitajiet ta’ difiża maqbula b’mod komuni mill-Istati Membri fil-qafas tal-PESK, b’mod partikolari fil-kuntest tas-CDP, u mal-opportunitajiet kollaborattivi identifikati fil-kuntest tal-CARD;
(c)
iqisu l-kooperazzjoni tal-Istati Membri fil-qafas tal-PESCO u tal-inizjattivi u l-proġetti tal-EDA;
(d)
iqisu l-attivitajiet rilevanti mwettqa min-NATO, bħall-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża tan-NATO, meta attivitajiet bħal dawn ikunu jservu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni;
(e)
ikunu jinvolvu mill-inqas erba’ Stati Membri, u l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati kollha, kif ukoll l-Ukrajna, jingħataw opportunità ġenwina jipparteċipaw fl-EDPCI;
(f)
il-benefiċċji tagħhom jiġu estiżi madwar l-Unjoni kollha;
(g)
ikunu partikolarment sinifikanti fid-daqs jew fl-ambitu jew ikollhom l-għan li jimmitigaw livell konsiderevoli ta’ riskju teknoloġiku jew finanzjarju, jew it-tnejn li huma;
(h)
il-benefiċċji kumplessivi potenzjali tagħhom jisbqu l-kostijiet tagħhom, inkluż fuq medda itwal ta’ żmien.
3. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jadotta atti ta’ implimentazzjoni li jidentifikaw l-EDPCIs.
4. L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw biex iħejju proposti għal proġetti għal EDPCIs possibbli b’mod inklużiv, bl-appoġġ tal-EDA fejn jkun meħtieġ.
5. Qabel ma tipproponi l-atti ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-konformità tal-proposti għal proġetti msemmija fil-paragrafu 4 mal-kriterji kollha elenkati fil-paragrafu 2 u:
(a)
tikkonsulta lill-Istati Membri b’mod inklużiv u tqis il-fehmiet u l-proposti tal-proġetti tagħhom għal EDPCIs possibbli;
(b)
tistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) u lill-EDA jipprovdu l-għarfien espert tagħhom bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza mal-prijoritajiet u l-objettivi msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (b), (c) u (d), b’mod partikolari l-prijoritajiet b’rabta mal-kapaċitajiet ta’ difiża maqbula b’mod komuni mill-Istati Membri fil-qafas tal-PESK, b’mod partikolari kif espressi b’mod konġunt fil-kuntest tas-CDP, biex jikkomplementaw l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri rigward proposti għal proġetti; u
(c)
tivverifika li l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati kollha, u,l fejn rilevanti, l-Ukrajna, ikunu ġew infurmati dwar il-ħolqien ta’ proġett u ngħataw l-opportunità jipparteċipaw.
6. Fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-Kunsill għandu:
(a)
jistabbilixxi l-objettivi u l-karatteristiċi tal-EDPCI fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2;
(b)
jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi li jipparteċipaw fl-EDPCI fid-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni; u
(c)
jistima d-daqs finanzjarju kumplessiv tal-EDPCI.
7. Il-Kunsill għandu jadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. Il-Kunsill jista’ jemenda l-proposti tal-proġetti msemmija fil-paragrafu 4, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.
8. L-iskjerament tal-EDPCI li huwa eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 10(1), punt (d), għandu jikkonsisti biss minn attività waħda jew aktar relatati ma’:
(a)
l-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża;
(b)
l-aċċellerazzjoni tal-aġġustament għal bidliet strutturali tal-kapaċità tal-produzzjoni ta’ prodotti tad-difiża kif ukoll l-attivitajiet ta’ appoġġ relatati;
(c)
l-iżvilupp industrijali ta’ prodotti ġodda tad-difiża jew it-titjib ta’ dawk eżistenti;
(d)
l-iżvilupp u l-akkwist ta’ infrastruttura meħtieġa.
9. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw li jiġu applikati kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 9 fil-kuntratti relatati mal-attivitajiet tal-EDPCI appoġġati mill-finanzjament tal-Unjoni. Għall-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża appoġġati minn finanzjament tal-Unjoni taħt l-EDPCIs, għandu japplika wkoll l-Artikolu 11(6).
10. L-Istati Membri li jipparteċipaw f’EDPCI għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tal-EDPCI, inkluż dawk mhux appoġġati mill-finanzjament tal-Unjoni, jikkonformaw mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4 u fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u ma jaffettwawx il-konformità tal-EDPCI mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
11. EDPCI jista’ jindirizza l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet b’użu doppju għall-Unjoni.
12. EDPCI, kif ukoll l-attivitajiet speċifiċi tiegħu, jistgħu jiġu stabbiliti fil-qafas ta’ SEAP.
13. Huma biss l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati, kif ukoll SEAPs li jikkonsistu minn Stati Membri jew minn Stati Membri u pajjiżi assoċjati li għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament taħt l-attivitajiet tal-EDPCI.
14. Meta rilevanti, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tipparteċipa fil-proġett. L-Istati Membri parteċipanti jistgħu jiddeċiedu li jinvolvu lir-Rappreżentant Għoli u lill-EDA bħala osservaturi għal EDPCI.
15. L-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 TFUE, japplikaw skemi ta’ appoġġ u jipprevedu appoġġ amministrattiv għall-EDPCIs.
16. L-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni relatati ma’ EDPCI jistgħu jitqiesu bħala raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku prevalenti skont it-tifsira tal-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 16(1), il-punt (c), tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (40) u l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41), fl-interessi tad-difiża skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42), u fl-interessi tas-saħħa u s-sikurezza pubblika skont it-tifsira tal-Artikolu 9(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43), dment li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet.
17. L-Istati Membri li jipparteċipaw f’EDPCI għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, rapport konġunt dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-EDPCI, inkluż dwar il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu.
18. Fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 3, inkluż billi jneħħi proġett milli jkun EDPCI jew billi jirrifletti l-bidliet lill-elementi stabbiliti fil-paragrafu 6.
19. L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati kollha, u l-Ukrajna, għandu jkollhom l-opportunità jissieħbu f’EDPCI wara l-istabbiliment tiegħu, soġġett għall-approvazzjoni tal-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fl-EDPCI.
KAPITOLU V
MEKKANIŻMU EWROPEW TA’ BEJGĦ MILITARI
Artikolu 36
Mekkaniżmu Ewropew ta’ Bejgħ Militari
1. Sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-EDTIB kif ukoll, fejn rilevanti, tad-DTIB tal-Ukrajna, b’mod partikolari billi tiżdied l-abbiltà tal-EDTIB sabiex tiżgura d-disponibbiltà tal-prodotti tad-difiża fil-ħin u fil-volum, b’dan qed jiġi stabbilit Mekkaniżmu ta’ Bejgħ Militari Ewropew.
2. Il-Mekkaniżmu ta’ Bejgħ Militari Ewropew għandu jikkonsisti minn dawn li ġejjin:
(a)
l-istabbiliment ta’ Katalgu ta’ Bejgħ Militari Ewropew;
(b)
il-possibilità li jiġu stabbiliti, ġestiti u miżmuma riżervi tal-prontezza industrijali tad-difiża; u
(c)
miżuri li jikkontribwixxu għall-faċilitazzjoni ta’ proċeduri għall-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża.
Artikolu 37
Katalgu Ewropew ta’ Bejgħ Militari
1. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta l-EDA, għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornat katalgu ċentralizzat uniku ta’ prodotti tad-difiża żviluppat mill-EDTIB u mid-DTIB tal-Ukrajna (il-“katalgu”). Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-EDA u tqis il-fehmiet tagħha fit-tfassil tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-katalgu u fejn xieraq, takkwista l-pjattaforma korporattiva tal-IT meħtieġa biex dan jiġi stabbilit. L-Istati Membri, l-Ukrajna u l-operaturi ekonomiċi għandhom jiġu mistiedna jimlew il-katalgu fuq bażi volontarja.
2. Il-prodotti tad-difiża preżenti fil-katalgu għandhom jiġu manifatturati minn operaturi ekonomiċi li jirrispettaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 9(1), (3) u (4) jew l-Artikolu 26(1), (3) u (4). Barra minn hekk, il-katalgu għandu jindika jekk l-operatur ekonomiku jkollux l-abbiltà li jiddeċiedi, mingħajr restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati, dwar id-definizzjoni, l-adattament u l-evoluzzjoni tad-disinn tal-prodott tad-difiża, inkluż l-awtorità legali li jissostitwixxi jew ineħħi komponenti li jkunu soġġetti għal restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati. L-appoġġ riċevut skont il-Programm, l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jew ir-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (44), ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (45) jew ir-Regolament (UE) 2023/1525 jew (UE) 2023/2418 jista’ jiġi indikat ukoll fil-katalgu.
Artikolu 38
Riżervi tal-prontezza industrijali tad-difiża
1. Konsorzju ta’ Stati Membri, pajjiżi assoċjati jew l-Ukrajna jew SEAP jista’ jistabbilixxi, jimmaniġġja u jżomm riżervi tal-prontezza industrijali tad-difiża, u jista’, għal dak l-għan, jistieden lill-EDA tipprovdi l-għarfien espert tagħha.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, konsorzju ta’ Stati Membri, pajjiżi assoċjati jew l-Ukrajna għandu jikkonsisti minn mill-inqas tlieta minn dawk il-pajjiżi, li minnhom mill-inqas tnejn għandhom ikunu Stati Membri.
2. L-Istati Membri li jistabbilixxu riżervi tal-prontezza industrijali tad-difiża għandhom jiżguraw li l-istabbiliment, il-ġestjoni u l-manutenzjoni ta’ dik ir-riżerva jikkonformaw mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 36(1), kif ukoll mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4, u fejn rilevanti, l-Artikolu 22.
3. L-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati, l-Ukrajna u s-SEAPs li jistabbilixxu riżerva tal-prontezza industrijali tad-difiża għandhom jagħtu lill-Istati Membri, lill-pajjiżi assoċjati kollha u lill-Ukrajna, opzjoni preferenzjali ta’ xiri, użu jew lokazzjoni għal prodotti tad-difiża li huma parti minn dik ir-riżerva tal-prontezza industrijali tad-difiża.
4. Meta tiġi stabbilita riżerva tal-prontezza industrijali tad-difiża fil-kuntest ta’ SEAP, il-Programm jew l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jistgħu jappoġġaw finanzjarjament dan li ġej:
(a)
l-akkwist komuni ta’ kwantitajiet addizzjonali ta’ prodotti tad-difiża permezz ta’ azzjonijiet ta’ akkwist komuni mwettqa mis-SEAP f’konformità mal-Artikolu 11;
(b)
l-istabbiliment u l-funzjonament tas-SEAP għall-fini tal-ġestjoni u ż-żamma ta’ riżerva tal-prontezza industrijali tad-difiża f’konformità mal-Artikolu 13(1), il-punt (g).
5. Għall-fini li l-Istati Membri, jew, fejn applikabbli, il-pajjiżi assoċjati jixtru mir-riżerva tal-prontezza industrijali tad-difiża stabbilita, ġestita u miżmuma minn SEAP, l-akkwist għandu jitqies bħala kuntratt mogħti minn gvern lill-gvern iehor kif imsemmi fl-Artikolu 13, il-punt (f), tad-Direttiva 2009/81/KE.
Artikolu 39
Faċilitazzjoni ta’ proċeduri għall-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża
Meta l-Istati Membri jidħlu fi ftehim biex jakkwistaw b’mod komuni prodotti tad-difiża, huma jistgħu japplikaw ir-regoli u l-proċeduri previsti fl-Artikolu 11(9) u (10), l-Artikolu 52 u l-Artikolu 53, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fihom.
KAPITOLU VI
STRUTTURA GĦALL-PROGRAMM EWROPEW DWAR L-ARMAMENTI
Artikolu 40
Objettiv speċifiku u attivitajiet ta’ Struttura għall-Programm Ewropew dwar l-Armamenti
1. Struttura għall-Programm Ewropew dwar l-Armamenti (SEAP) għandha trawwem il-kompetittività tal-EDTIB u, fejn rilevanti, tad-DTIB tal-Ukrajna. Dak għandu jinkiseb billi tiġi aggregata d-domanda għal prodotti tad-difiża matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom tagħhom, kif ukoll billi tiġi stimulata l-kooperazzjoni industrijali transfruntiera.
2. Biex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1, il-kompiti prinċipali ta’ SEAP għandhom ikunu mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)
l-iżvilupp komuni ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża, inkluż ir-riċerka u l-iżvilupp, l-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni fil-qasam tad-difiża; il-bini tal-kapaċità industrijali, inkluż permezz tal-industrijalizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni; u appoġġ għal investimenti mhux rikorrenti relatati mal-produzzjoni inizjali jew l-appoġġ fis-servizz, b’mod partikolari fejn il-prodotti tad-difiża jkunu qed jiġu jew ikunu ġew żviluppati fil-qafas ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Unjoni taħt il-programm tal-Unjoni korrispondenti;
(b)
l-akkwist komuni ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża, inkluż għall-fini tal-istabbiliment, il-ġestjoni u ż-żamma ta’ riżervi tal-prontezza industrijali tad-difiża;
(c)
il-ġestjoni komuni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti tad-difiża, inkluż l-akkwist ta’ spare parts, servizzi loġistiċi jew ta’ manutenzjoni u, meta xieraq, l-istabbiliment ta’ sħubijiet pubbliċi-privati biex jiġu żgurati l-effiċjenza u d-disponibbiltà għolja tal-prodotti tad-difiża; jew
(d)
il-ġestjoni dinamika tad-disponibbiltà ta’ kwantitajiet addizzjonali, li tiżgura xiri immedjat u preferenzjali,opzjoni ta’ użu jew lokazzjoni għall-Istati Membri, għall-pajjiżi assoċjati jew għall-Ukrajna fil-kuntest tar-riżervi tal-prontezza industrijali tad-difiża.
3. SEAP tista’ tafda, permezz ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni, entità waħda jew aktar eliġibbli msemmija fl-Artikolu 11(2) bit-twettiq ta’ wieħed jew aktar mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Is-SEAP għandha tkun responsabbli biex tiżgura li l-obbligi tagħha skont il-liġi tal-Unjoni, u b’mod partikolari skont dan ir-Regolament, jiġu sodisfatti.
Artikolu 41
Rekwiżiti relatati mal-istabbiliment ta’ SEAP
1. Bl-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tal-EDTIB jew tad-DTIB tal-Ukrajna, SEAP għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:
(a)
tappoġġa l-kooperazzjoni sa tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott tad-difiża jew sal-istralċ tas-SEAP;
(b)
tappoġġa l-iżvilupp, l-akkwist jew appoġġ fis-servizz komuni ta’ prodotti tad-difiża, konsistenti mal-prijoritajiet b’rabta mal-kapaċitajiet ta’ difiża li l-Istati Membri jaqblu dwarhom b’mod komuni fil-qafas tal-PESK, b’mod partikolari fil-kuntest tas-CDP;
(c)
tqis l-attivitajiet rilevanti mwettqa min-NATO, bħall-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża tan-NATO, meta tali attivitajiet ikunu jservu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni; u
(d)
ikollha mill-inqas tliet membri, li mill-inqas tnejn minnhom ikunu Stati Membri.
2. SEAP għandha tuża proċeduri standardizzati għall-inizjar u l-ġestjoni ta’ programmi kooperattivi dwar l-armamenti. Il-Kummissjoni, filwaqt li tqis il-fehmiet espressi mill-Istati Membri, tista’ tistabbilixxi gwida jew mudelli għal dawk il-proċeduri, inkluż linji gwida dwar il-ġestjoni tal-proġetti, l-akkwist, il-ġestjoni finanzjarja u r-rappurtar.
Artikolu 42
Applikazzjonijiet għall-istabbiliment ta’ SEAP
1. L-applikazzjonijiet għall-istabbiliment ta’ SEAP għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. L-applikazzjoni għandu jkun fiha dawn li ġejjin:
(a)
talba lill-Kummissjoni għall-istabbiliment tas-SEAP;
(b)
l-istatuti proposti tas-SEAP imsemmija fl-Artikolu 45, iffirmati u adottati fil-forma dovuta mill-membri kollha tas-SEAP proposta;
(c)
deskrizzjoni fil-qosor tal-prodotti tad-difiża li għandhom jiġu żviluppati, akkwistati jew ġestiti mis-SEAP, li tindirizza b’mod partikolari r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 41(1), il-punti (a) u (b);
(d)
dikjarazzjoni mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu s-SEAP tkun maħsuba li jkollha s-sede statutorja, li tirrikonoxxi s-SEAP bħala korp internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 143(1), il-punt (g), u l-Artikolu 151(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2006/112/KE u bħala organizzazzjoni internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2020/262, mill-istabbiliment tagħha;
(e)
meta pajjiż assoċjat jew l-Ukrajna tkun membru tas-SEAP, dikjarazzjoni tar-rikonoxximent tal-aktar kapaċità ġuridika estensiva tas-SEAP skont l-Artikolu 44(2).
Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-limiti u l-kundizzjonijiet tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 143(1), il-punt (g), u l-Artikolu 151(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2006/112/KE u fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva (UE) 2020/262 għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-membri tas-SEAP.
2. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tirċievi l-applikazzjoni kompluta kif imsemmija fil-paragrafu 1, tivvaluta dik l-applikazzjoni f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u għal dak l-għan, tista’ tistieden lill-EDA tipprovdi l-għarfien espert tagħha. Ir-riżultat ta’ dik il-valutazzjoni għandu jiġi kkomunikat lill-applikanti li, jekk ikun meħtieġ, għandhom jiġu mistiedna jikkompletaw jew jemendaw l-applikazzjoni.
3. Il-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, filwaqt li tqis ir-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, għandha:
(a)
tistabbilixxi s-SEAP wara li tkun ikkonkludiet li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament ikunu ntlaħqu; jew
(b)
tirrifjuta l-applikazzjoni jekk tikkonkludi li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament ma jintlaħqux, inkluż fin-nuqqas tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d), wara li tingħata l-opportunità lill-applikanti biex jikkompletaw jew jemendaw l-applikazzjoni.
4. Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għandha tiġi notifikata lill-applikanti. F’każ li din tiġi miċħuda, id-deċiżjoni għandha tiġi spjegata f’termini ċari u preċiżi lill-applikanti.
5. L-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi s-SEAP imsemmi fil-paragrafu 3, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(4) u għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 43
Status u sede ta’ SEAP
1. SEAP għandu jkollha personalità ġuridika mid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-att ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxiha.
2. SEAP għandu jkollha, f’kull Stat Membru, l-aktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lill-entitajiet ġuridiċi skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, b’mod partikolari, il-kapaċità li takkwista, tippossjedi u tiddisponi minn proprjetà mobbli, proprjetà immobbli u proprjetà intellettwali, tikkonkludi kuntratti u tkun parti fi proċedimenti legali. L-aġenziji nazzjonali ta’ finanzjament kollha tal-Istati Membri għandhom iqisu SEAP bħala riċevitur eliġibbli tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji nazzjonali.
3. SEAP għandu jkollha sede statutorja, li għandha tkun tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.
Artikolu 44
Rekwiżiti għal sħubija ta’ SEAP
1. Il-pajjiżi li ġejjin jistgħu jkunu membri ta’ SEAP:
(a)
l-Istati Membri;
(b)
il-pajjiżi assoċjati;
(c)
l-Ukrajna.
2. Il-pajjiżi assoċjati jew l-Ukrajna jistgħu jkunu membri ta’ SEAP soġġetti għar-rikonoxximent tagħhom, għall-benefiċċju tas-SEAP, tal-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lill-entitajiet ġuridiċi skont il-liġi ta’ dak il-pajjiż, inkluż għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratti u li tkun parti għal proċedimenti legali.
3. L-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati jew l-Ukrajna, jistgħu jissieħbu bħala membri ta’ SEAP fi kwalunkwe ħin wara l-istabbiliment ta’ dak is-SEAP, b’termini ġusti u raġonevoli speċifikati fl-istatuti msemmija fl-Artikolu 45, jew bħala osservaturi mingħajr drittijiet tal-vot bil-kundizzjonijiet speċifikati f’dawk l-istatuti.
4. SEAP tista’ tikkoopera wkoll ma’ pajjiż terz mhux assoċjati għajr l-Ukrajna jew entità ta’ pajjiż terz ieħor inkluż billi tuża l-assi, l-infrastruttura, il-faċilitajiet u r-riżorsi ta’ tali entitajiet ġuridiċi, dment li tali kooperazzjoni ma tmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett tal-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat.
Artikolu 45
Statuti ta’ SEAP
1. L-istatuti ta’ SEAP għandu jkun fihom, tal-inqas, dan li ġej:
(a)
lista tal-membri tas-SEAP, tal-osservaturi u, meta applikabbli, tal-entitajiet ġuridiċi li jirrappreżentaw il-membri u l-kundizzjonijiet u l-proċedura għal bidliet fis-sħubija u r-rappreżentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 44;
(b)
l-objettivi speċifiċi, il-kompiti u l-attivitajiet tas-SEAP, f’konformità mal-Artikoli 40 u 41, inkluż deskrizzjoni fil-qosor tal-prodotti tad-difiża li għandhom jiġu żviluppati, akkwistati jew ġestiti mis-SEAP;
(c)
lista tal-prodotti tad-difiża li huma proprjetà tas-SEAP, jekk ikun hemm, u li huma eliġibbli għal eżenzjoni mill-VAT jew mid-dazji tas-sisa;
(d)
is-sede statutorja tas-SEAP f’konformità mal-Artikolu 43(3);
(e)
l-identifikazzjoni tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jiddetermina l-ġuriżdizzjoni kompetenti għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim fost il-membri tas-SEAP fir-rigward tas-SEAP, bejn il-membri tas-SEAP u s-SEAP, u bejn is-SEAP u partijiet terzi, f’konformità mal-Artikolu 49(2);
(f)
l-isem tas-SEAP;
(g)
id-durata u l-proċedura għall-istralċ tas-SEAP f’konformità mal-Artikolu 50;
(h)
deskrizzjoni tal-kriterji ewlenin li s-SEAP għandha tapplika meta jiġu akkwistati prodotti tad-difiża biex tiġi żgurata l-konformità mal-objettiv stabbilit fl-Artikolu 40(1);
(i)
ir-reġim ta’ responsabbiltà, inkluż il-possibbiltà li jinħarġu titoli, jekk jiġi deċiż hekk, f’konformità mal-Artikolu 48;
(j)
id-drittijiet u l-obbligi tal-membri tas-SEAP, inkluż l-obbligu li jagħtu kontribuzzjonijiet għal baġit ibbilanċjat u d-drittijiet tal-vot;
(k)
il-korpi ta’ governanza tas-SEAP, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom u l-mod kif inhuma kostitwiti u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fis-SEAP, inkluż ir-regoli tal-votazzjoni applikabbli, b’mod partikolari dwar l-emendi tal-istatuti f’konformità mal-Artikolu 46;
(l)
l-identifikazzjoni tal-lingwa jew tal-lingwi ta’ ħidma tas-SEAP;
(m)
ir-referenzi għar-regoli li jimplimentaw l-istatuti tas-SEAP;
(n)
regoli dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata;
(o)
l-identifikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni u tar-regoli nazzjonali applikabbli għall-immaniġġjar tal-prodotti tad-difiża li għandhom jiġu żviluppati, akkwistati jew ġestiti mis-SEAP, u l-kapaċitajiet amministrattivi previsti biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk ir-regoli.
Għall-finijiet tal-punt (k) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ir-regoli tal-votazzjoni applikabbli għall-emendi relatati mal-approċċ għall-esportazzjoni ta’ prodotti tad-difiża, jekk inklużi fl-istatuti, u mar-reġim tar-responsabbiltà finanzjarja għandhom jikkonformaw mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u mal-Artikolu 48(5) rispettivament.
2. Fejn il-membri ta’ SEAP jiddeċiedu li jistabbilixxu riżerva tal-prontezza industrijali tad-difiża, l-istatuti għandhom jinkludu r-regoli li jirregolaw il-ġestjoni ta’ dik ir-riżerva tal-prontezza industrijali tad-difiża.
3. L-istatuti, iffirmati u adottati unanimament mill-membri kollha ta’ SEAP f’konformità mal-Artikolu 42(1), il-punt (b), jista’ jkun fihom approċċ għall-esportazzjoni ta’ prodotti tad-difiża.
4. Kwalunkwe bidla fl-approċċ għall-esportazzjoni tal-prodotti tad-difiża msemmija f’paragrafu 3 għandha tiġi deċiża b’mod unanimu mill-membri ta’ SEAP.
Artikolu 46
Emendi tal-istatuti ta’ SEAP
1. Kwalunkwe emenda tal-istatuti ta’ SEAP dwar il-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 45(1), il-punti (a) sa (k), għandha tiġi adottata f’konformità mar-regoli tal-votazzjoni speċifikati fl-istatuti f’konformità mal-Artikolu 45(1), il-punt (k), u tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni mis-SEAP għall-approvazzjoni.
2. Kwalunkwe emenda tal-istatuti dwar il-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 45(3) għandha tiġi adottata f’konformità mar-regoli tal-votazzjoni speċifikati fl-istatuti f’konformità mal-Artikolu 45(1), il-punt (k), u tiġi preżentata lill-Kummissjoni mis-SEAP fi żmien 10 ijiem mid-data tal-adozzjoni tagħha.
3. Kwalunkwe emenda fl-istatuti għajr dak imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi adottata f’konformità mar-regoli ta’ votazzjoni speċifikata fl-istatuti f’konformità mal-Artikolu 45(1), il-punt (k), u għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni mis-SEAP fi żmien 10 ijiem mid-data tal-adozzjoni tagħha.
4. Il-Kummissjoni tista’ tqajjem oġġezzjoni għal emenda tal-istatuti kif imsemmija fil-paragrafu 3 fi żmien 30 jum mid-data tal-preżentazzjoni tagħha, u billi tagħti r-raġunijiet għaliex l-emenda ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
5. Emenda tal-istatuti kif imsemmija fil-paragrafu 3 ma għandhomx jieħdu effett qabel ma jkun skada l-perjodu msemmi fil-paragrafu 4 biex tqajjem oġġezzjoni jew qabel ma dan jitneħħa mill-Kummissjoni jew qabel ma tkun irtirata oġġezzjoni li tkun tqajmet.
6. Applikazzjoni għall-emenda tal-istatuti kif imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandu jkun fiha dan li ġej:
(a)
it-test tal-emenda proposta jew, meta xieraq, it-test tal-emenda kif adottata; u
(b)
il-verżjoni konsolidata emendata tal-istatuti.
Artikolu 47
Kundizzjonijiet speċifiċi dwar l-akkwist
1. F’konformità mal-Artikolu 40(3), SEAP tista’ tafda entità eliġibbli msemmija fl-Artikolu 11(2) bit-twettiq ta’ azzjonijiet ta’ akkwist. Tali entità għandha taġixxi f’isem jew għan-nom ta’ dik is-SEAP.
2. Għall-finijiet tal-akkwist ta’ prodotti tad-difiża, is-SEAPs għandhom jitqiesu bħala organizzazzjonijiet internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 12, il-punt (c), tad-Direttiva 2009/81/KE. Is-SEAPs għandhom jiddefinixxu r-regoli tal-akkwist tagħhom stess f’konformità mal-prinċipji li jirregolaw l-akkwist pubbliku, b’mod partikolari dawk tan-nondiskriminazzjoni, it-trattament ugwali, il-proporzjonalità u t-trasparenza.
3. Meta takkwista prodotti tad-difiża, SEAP għandha tapplika għall-proċeduri ta’ akkwist u l-kuntratti tagħha, kriterji li jiżguraw li l-politika tal-akkwist tagħha tikkonforma mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 40(1). SEAP għandha tfittex b’mod attiv li tinkludi entitajiet ġuridiċi differenti minn diversi Stati Membri fil-ktajjen tal-provvista tal-prodotti tad-difiża.
4. Meta jiġi konkluż ftehim ta’ kontribuzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 40(3), il-partijiet għal dak il-ftehim jistgħu jiddeċiedu li japplikaw ir-regoli tal-akkwist tal-entità li twettaq l-akkwist, dment li dawk ir-regoli jikkonformaw mal-prinċipji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari dawk ta’ nondiskriminazzjoni, trattament ugwali, proporzjonalità u trasparenza.
5. Meta l-Istati Membri jew, fejn applikabbli, il-pajjiżi assoċjati jixtru prodotti tad-difiża minn SEAP, inkluż minn riżerva tal-prontezza industrijali tad-difiża, dak l-akkwist għandu jitqies bħala kuntratt mogħti minn gvern lil gvern ieħor kif imsemmi fl-Artikolu 13, il-punt (f), tad-Direttiva 2009/81/KE.
Artikolu 48
Responsabbiltà u assigurazzjoni
1. SEAP għandha tkun responsabbli għad-djun tagħha.
2. Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri ta’ SEAP għad-djun tas-SEAP għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom lis-SEAP. Il-membri jistgħu jispeċifikaw fl-istatuti ta’ SEAP li ser jassumu responsabbiltà fissa ‘l fuq mill-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom jew ser jassumu responsabbiltà bla limitu.
3. Jekk ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri tagħha tkun limitata, is-SEAP għandha tieħu assigurazzjoni xierqa biex tkopri r-riskji speċifiċi għall-istabbiliment u l-ġestjoni tal-kapaċità tas-SEAP.
4. Jekk jiġi deċiż b’mod unanimu mill-membri tagħha, SEAP tista’ toħroġ titoli f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru fit-territorju li fih ikollha s-sede statutorja tagħha. Is-SEAP għandha tkun responsabbli għal tali titoli.
5. Kwalunkwe bidla fir-reġim ta’ responsabbiltà jew kwalunkwe miżura li taffettwa r-responsabbiltà finanzjarja tal-membri tas-SEAP għandha tiġi deċiża b’mod unanimu minn dawk il-membri.
6. L-Unjoni ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe dejn ta’ SEAP.
Artikolu 49
Liġi applikabbli u ġuriżdizzjoni
1. L-istabbiliment u l-funzjonament intern ta’ SEAP għandhom jiġu rregolati:
(a)
mil-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari dan ir-Regolament u l-att ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 42(3), il-punt (a);
(b)
mill-istatuti tagħha u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom.
(c)
mil-liġi tal-Istat Membru fit-territorju ta’ fejn is-SEAP ikollha s-sede statutorja tagħha fir-rigward ta’ kwistjonijiet li mhumiex, jew li huma biss parzjalment, irregolati mill-atti msemmija fil-punti (a) u (b);
2. Mingħajr preġudizzju għal każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġuriżdizzjoni skont it-Trattati, il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fit-territorju li fih is-SEAP ikollha s-sede statutorja tagħha għandu jiddetermina l-ġuriżdizzjoni kompetenti għas-soluzzjoni ta’ tilwim fost il-membri ta’ SEAP b’rabta mas-SEAP, bejn il-membri ta’ SEAP u s-SEAP, u bejn SEAP u partijiet terzi.
3. Ftehimiet ta’ kontribuzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 40(3) għandhom jiddeterminaw liema ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru hija kompetenti għas-soluzzjoni ta’ tilwim relatat mal-ftehim ta’ kontribuzzjoni kkonċernat. Il-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni jistgħu jipprevedu wkoll mekkaniżmi għas-soluzzjoni bonarja tat-tilwim. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġuriżdizzjoni skont it-Trattati.
Artikolu 50
Stralċ u insolvenza
1. L-istatuti ta’ SEAP għandhom jiddeterminaw il-proċedura li għandha tiġi applikata f’każ ta’ stralċ tas-SEAP wara deċiżjoni tal-assemblea tal-membri tagħha jew f’każ li l-Kummissjoni tħassar l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi s-SEAP, kif imsemmi fl-Artikolu 51(7). L-istralċ jista’ jinkludi t-trasferiment ta’ attivitajiet u tas-sjieda ta’ prodotti tad-difiża lil entità ġuridika oħra.
2. Is-SEAP għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni dwar l-istralċ tas-SEAP u taħtar rappreżentant għall-istralċ mingħajr dewmien żejjed wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-assemblea tal-membri tagħha, u fi kwalunkwe każ fi żmien 10 ijiem minn tali adozzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż xieraq tad-deċiżjoni ta’ stralċ f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
3. Il-proċedura ta’ stralċ ma għandhiex tingħalaq qabel ma jitlesta t-trasferiment tas-sjieda tal-prodotti tad-difiża li jkunu proprjetà tas-SEAP.
4. Ir-rappreżentant tas-SEAP għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-għeluq tal-proċedura tal-istralċ mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ fi żmien 10 ijiem minn dan l-għeluq. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż xieraq tal-għeluq f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Is-SEAP ma għandhiex tibqa’ teżisti mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dak l-avviż.
5. Fil-każ li s-SEAP ma tkunx tista’ tħallas id-djun tagħha, għandha tinnotifika minnufih lill-Kummissjoni b’dan. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż xieraq dwar dan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 51
Rappurtar u kontroll
1. SEAP għandha tipproduċi rapport annwali tal-attività, li jkun fih deskrizzjoni teknika u rapport finanzjarju tal-attivitajiet tagħha msemmija fl-Artikolu 40. Għandu jintbagħat lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja. Il-Kummissjoni għandha tqassam ir-rapport lill-Istati Membri kollha.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’rapport annwali aggregat fuq l-attivitajiet tas-SEAPs attivi kollha.
3. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi rakkomandazzjonijiet lil SEAP rigward il-kwistjonijiet koperti fir-rapport annwali tal-attività msemmi fil-paragrafu 1.
4. SEAP u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe ċirkostanza li thedded li tfixkel serjament il-kisba tal-kompitu tas-SEAP jew li tfixkel is-SEAP milli tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.
5. Meta l-Kummissjoni tikseb indikazzjonijiet li SEAP tkun qiegħda taġixxi bi ksur serju ta’ dan ir-Regolament, l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxiha, l-istatuti tagħha jew liġi applikabbli oħra, għandha titlob spjegazzjonijiet mis-SEAP jew mill-membri tagħha.
6. Meta, wara li tkun tat lis-SEAP jew lill-membri tagħha mill-inqas xahrejn sabiex jipprovdu l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-SEAP tkun qiegħda taġixxi bi ksur serju ta’ dan ir-Regolament, l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxiha, l-istatuti tagħha jew liġi applikabbli oħra, hija tista’ tipproponi azzjoni ta’ rimedju lis-SEAP u lill-membri tagħha.
7. Meta ma tittieħed l-ebda azzjoni ta’ rimedju kif imsemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tħassar l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi s-SEAP. L-att li jħassar għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-pubblikazzjoni tal-att ta’ tħassir għandha tiskatta l-istralċ tas-SEAP, kif imsemmi fl-Artikolu 50.
KAPITOLU VII
SIGURTÀ TAL-PROVVISTA
TAQSIMA 1
AKKWIST KOOPERATTIV FIL-QASAM TAD-DIFIŻA
Artikolu 52
Modifika tal-ftehimiet qafas fil-kuntest ta’ kriżi skont id-Direttiva 2009/81/KE
1. Meta mill-inqas żewġ Stati Membri jkunu daħlu fi ftehim biex jakkwistaw b’mod komuni prodotti tad-difiża għalihom infushom jew għall-Ukrajna u fejn ikunu ġġustifikati minn urġenza li tirriżulta minn kriżi kif definita fl-Artikolu 1(10) tad-Direttiva 2009/81/KE, ir-regoli previsti fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu applikati għal ftehimiet qafas li ma jinkludux regoli li jirregolaw il-possibbiltà li jiġi emendat il-ftehim b’mod sostanzjali. Meta tapplika r-regoli fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kontraenti li ikkonkludiet il-ftehim qafas għandha tikseb il-ftehim tal-impriża li magħha tkun ikkonkludiet il-ftehim qafas.
2. Awtorità kontraenti ta’ Stat Membru tista’ timmodifika ftehim qafas eżistenti għall-prodotti tad-difiża, meta dak il-ftehim qafas ġie konkluż ma’ impriża li tikkonforma mal-kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 9(1), (3) u (4) ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiżdiedu awtoritajiet kontraenti ġodda bħala parti għal dak il-ftehim qafas sabiex id-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw għal awtoritajiet kontraenti li oriġinarjament ma kinux parti għall-ftehim qafas. L-Artikolu 29(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2009/81/KE, ma għandux japplika għall-awtoritajiet kontraenti li oriġinarjament ma kinux parti għall-ftehim qafas.
3. B’deroga mill-Artikolu 29(2), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2009/81/KE, meta taġġudika kuntratti bbażati fuq ftehim qafas b’valur stmat ogħla mil-livell limitu stabbilit fl-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva, awtorità kontraenti ta’ Stat Membru tista’ tagħmel emendi sostanzjali għall-kwantitajiet stabbiliti f’dak il-ftehim qafas sa 100 % tal-valur tal-ftehim qafas, fejn dak il-ftehim qafas ġie konkluż ma’ impriża li tikkonforma ma’ kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 9(1), (3) u (4), ta’ dan ir-Regolament u sa fejn il-modifika tkun strettament meħtieġa għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
4. Għall-fini tal-kalkolu tal-valur imsemmi fil-paragrafu 3 meta l-kuntratt ikun jinkludi klawżola ta’ indiċjar, il-valur aġġornat għandu jkun il-punt ta’ referenza.
5. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, il-prinċipju ta’ drittijiet u obbligi ugwali għandu japplika għar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kontraenti li huma parti għall-ftehim qafas, b’mod partikolari fir-rigward tal-kost ta’ kwantitajiet addizzjonali akkwistati.
6. Awtorità kontraenti li tkun immodifikat ftehim qafas fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jew 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jippubblikaw avviż dwar dan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tali avviż għandu jiġi ppubblikat f’konformità mal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/81/KE.
Artikolu 53
Każijiet li jiġġustifikaw l-użu tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt fil-kuntest ta’ inizjattiva ta’ kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża
Awtorità kontraenti ta’ Stat Membru, meta tistabbilixxi inizjattiva ta’ kooperazzjoni ġenwina ġdida fil-qasam tad-difiża jew tingħaqad ma’ inizjattiva ta’ kooperazzjoni ġenwina eżistenti fil-qasam tad-difiża stabbilita permezz ta’ ftehim internazzjonali jew arranġament bejn l-Istati Membri u, fejn rilevanti, pajjiż assoċjat wieħed jew aktar jew l-Ukrajna, bl-għan tal-konverġenza tal-kapaċitajiet militari, tista’ tagħti kuntratt lil impriża, jew tikkonkludi ftehim qafas dwar prodott tad-difiża magħha, f’konformità mal-Artikolu 28(1), il-punt (e), tad-Direttiva 2009/81/KE, dment li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu sodisfatti:
(a)
l-impriża kkonċernata tikkonforma mal-kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 9(1), (3) u (4);
(b)
l-inizjattiva ta’ kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża msemmija fis-sentenza introduttorja ta’ dan l-Artikolu tkun inbdiet qabel il-bidu tal-proċedura ta’ akkwist mill-awtorità kontraenti tal-Istat Membru kkonċernat;
(c)
wieħed mill-Istati Membri l-oħra li jkunu qed jipparteċipaw fl-inizjattiva ta’ kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża msemmija fis-sentenza introduttorja ta’ dan l-Artikolu jkun diġà ta kuntratt lill-istess impriża, jew ikkonkluda ftehim qafas dwar prodott tad-difiża ma’ dik l-impriża;
(d)
il-prodott tad-difiża li jkun irid jiġi akkwistat ikun identiku għal dak imsemmi fil-punt (c) ta’ dan l-Artikolu jew ikun soġġett għal modifiki żgħar biss;
(e)
l-aġġudikazzjoni tal-kuntratt jew il-konklużjoni tal-ftehim qafas tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva ta’ kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża msemmija fil-punt (b) ta’ dan l-Artikolu.
TAQSIMA 2
TĦEJJIJA
Artikolu 54
Aċċellerazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi għad-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom tal-prodotti rilevanti għal kriżi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet amministrattivi relatati mal-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni, it-trasferiment ta’ inputs fi ħdan l-Unjoni u l-kwalifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti finali jiġu pproċessati b’mod effiċjenti u f’waqtu. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet nazzjonali kollha kkonċernati għandhom jiżguraw li jingħata l-aktar trattament rapidu legalment possibbli lil tali applikazzjonijiet.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-proċess tal-ippjanar u tal-għoti tal-permessi, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ impjanti u installazzjonijiet għall-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għal kriżi jingħataw prijorità meta jiġu bbilanċjati l-interessi legali fil-każ individwali kkonċernat.
Artikolu 55
Faċilitazzjoni tal-proċess ta’ kontroċertifikazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw lista ta’ awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni għall-finijiet ta’ difiża u jinnotifikawha lill-Kummissjoni, li għandha tagħmilha disponibbli għall-Istati Membri.
2. Il-Kummissjoni, filwaqt li tqis il-fehmiet tal-EDA, għandha tfassal u żżomm aġġornata, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, lista uffiċjali tal-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni għall-finijiet ta’ difiża kif identifikati mill-Istati Membri.Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(4).
3. Awtorità taċ-ċertifikazzjoni ta’ Stat Membru wieħed tista’ titlob mingħand l-awtorità taċ-ċertifikazzjoni ta’ Stat Membru ieħor informazzjoni dwar l-ambitu taċ-ċertifikazzjoni ta’ prodott tad-difiża partikolari.
4. L-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jikkooperaw ma’ xulxin fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament u għandhom jagħtu lill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra l-appoġġ kollu meħtieġ għal dak l-għan. Il-Kummissjoni, filwaqt li tistieden, fejn rilevanti, lill-EDA tipprovdi l-għarfien espert tagħha, għandha tappoġġa tali kooperazzjoni sabiex tiffaċilita moviment effiċjenti u effettiv ta’ prodotti tad-difiża fis-suq intern.
Artikolu 56
Immappjar tal-ktajjen tal-provvista tad-difiża
1. L-immappjar tal-ktajjen tal-provvista tad-difiża tal-Unjoni għandu jimmira li janalizza l-kwalitajiet tajbin u d-dgħufijiet ta’ tali ktajjen tal-provvista, b’enfasi fuq il-punti fejn hemm effett lembut. Fejn rilevanti, l-iżvilupp tal-programmi ta’ ħidma tal-Programm u tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna kif imsemmi fl-Artikoli 21 u 34 għandu jkun ibbażat fuqu.
2. L-immappjar tal-ktajjen tal-provvista tad-difiża tal-Unjoni għandu jikkonsisti mill-attivitajiet li ġejjin, li għandhom jiġu mwettqa regolarment:
(a)
l-identifikazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ manifattura u l-ktajjen tal-provvista rilevanti tal-prodotti tad-difiża skont il-paragrafu 5;
(b)
l-identifikazzjoni ta’ prodotti rilevanti għal kriżi u l-kapaċitajiet ta’ manifattura relatati magħhom, skont il-paragrafu 9;
(c)
l-aggregazzjoni, il-kontroverifika u l-valutazzjoni tad-data miġbura skont il-paragrafi 6, 7 u 8;
(d)
l-identifikazzjoni ta’ indikaturi ta’ twissija bikrija, skont il-paragrafu 11; u
(e)
l-identifikazzjoni tal-fornituri ewlenin ta’ prodotti rilevanti għal kriżi u l-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħhom, skont il-paragrafi 12 u 13.
3. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Bord għas-Sigurtà tal-Provvista fil-Qasam tad-Difiża (il-“Bord”), għandha twettaq l-attivitajiet msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (b), (c) u (d). L-Istati Membri għandhom iwettqu l-attivitajiet msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (e). Kull Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni twettaq, f’ismu, l-attivitajiet msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (e).
4. Wara li tikkonsulta lill-Bord, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa qafas u metodoloġija għall-identifikazzjoni ta’ prodotti rilevanti għal kriżi, b’enfasi fuq il-punti eżistenti fejn hemm effett lembut, kif ukoll il-kapaċitajiet ta’ manifattura relatati magħhom fl-Unjoni, u għall-immappjar tal-ktajjen tal-provvista ta’ dawk il-prodotti. Dik il-metodoloġija għandha tibni fuq kwalunkwe qafas jew metodoloġija li jeżisti fl-Istati Membri. Għal dak l-għan, il-Bord jista’ joħroġ rakkomandazzjonijiet dwar it-tip ta’ informazzjoni li hija xierqa għall-immappjar tal-ktajjen tal-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi, dwar l-ispeċifikazzjonijiet u l-formati tekniċi għall-komunikazzjoni ta’ dik l-informazzjoni u dwar il-perjodiċità ta’ tali komunikazzjoni.
5. Abbażi tal-qafas u l-metodoloġija żviluppati skont il-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw fit-territorju tagħhom il-kapaċitajiet ta’ manifattura u l-ktajjen tal-provvista rilevanti ta’ prodotti tad-difiża u għandhom jipprovdu l-eżitu ta’ dik l-identifikazzjoni lill-Kummissjoni.
6. Il-Kummissjoni għandha tiġbor flimkien id-data provduta mill-Istati Membri skont il-paragrafu 5 u twettaq kontroverifika, bil-ħsieb li tidentifika lista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi u l-kapaċitajiet ta’ manifattura relatati magħhom u li tivvaluta l-karatteristiċi tajbin u d-dgħufijiet tal-ktajjen tal-provvista tal-Unjoni ta’ tali prodotti.
7. Biex tikkomplementa d-data provduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tuża data pubblikament u kummerċjalment disponibbli u informazzjoni mhux kunfidenzjali rilevanti mingħand operaturi ekonomiċi, kif ukoll ir-riżultati ta’ analiżijiet simili mwettqa, inkluż fil-kuntest tal-liġi tal-Unjoni dwar il-materja prima, s-semikondutturi u l-enerġija rinnovabbli, ir-riżultati tal-attivitajiet rilevanti tal-EDA, r-riżultati tat-testijiet tal-istress imwettqa skont l-Artikolu 58 u r-riżultati tal-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 85(2).
8. Meta d-data msemmija fil-paragrafi 6 u 7 ma jkunux suffiċjenti għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont il-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-atturi rilevanti involuti fil-ktajjen tal-provvista kkonċernati u bbażati fl-Unjoni biex jipprovdu, fuq bażi volontarja, informazzjoni lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab is-sit tal-produzzjoni tal-operatur ekonomiku indirizzat. It-talba tal-Kummissjoni għandha tindika b’mod espliċitu li l-operatur ekonomiku huwa liberu li jirrifjuta tali talba. It-talba għall-informazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab is-sit tal-produzzjoni tal-operatur ekonomiku indirizzat li lilhom għandha tintbagħat it-tweġiba. Meta l-operatur ekonomiku kkonċernat jiddeċiedi li jipprovdi l-informazzjoni mitluba lill-Istat Membru kkonċernat, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħmel dik l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni.
9. Il-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, għandha tfassal u taġġorna regolarment il-lista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(4).
10. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord bir-riżultati aggregati tal-immappjar fuq bażi annwali jew fuq it-talba ta’ wieħed mill-membri tal-Bord kif imsemmi fl-Artikolu 76(5). Dawk ir-riżultati għandhom jikkostitwixxu informazzjoni klassifikata.
11. Abbażi tal-eżitu tal-attivitajiet li jitwettqu skont il-paragrafi 4, 6 u 7 u wara li tikkonsulta lill-Bord, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa lista ta’ indikaturi ta’ twissija bikrija mmirati biex jidentifikaw fatturi li jistgħu jfixklu, jikkompromettu jew jaffettwaw b’mod negattiv il-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi. Wara li tikkonsulta lill-Bord, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-lista ta’ indikaturi ta’ twissija bikrija fuq bażi regolari, u mill-inqas kull sentejn.
12. L-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-EDA, għandhom, fejn ikun rilevanti, jidentifikaw il-fornituri ewlenin ta’ prodotti rilevanti għal kriżi stabbiliti fit-territorju tagħhom, mingħajr dewmien bla bżonn, wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-fornituri ewlenin ta’ prodotti rilevanti għal kriżi stabbiliti fit-territorju tiegħu li jkunu ġew identifikati skont dan il-paragrafu u jinfurmahom dwar l-obbligu li jirrappurtaw tfixkil fil-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi kif stabbilit fl-Artikolu 57(1), il-punt (c). Dik in-notifika għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni ta’ kuntatt rilevanti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li lilhom għandu jintbagħat dak ir-rapport.
13. L-identifikazzjoni tal-fornituri ewlenin kif imsemmi fil-paragrafu 12 tista’ tqis l-elementi li ġejjin:
(a)
is-sehem mis-suq tal-fornitur fis-suq għal dak il-prodott rilevanti għal kriżi;
(b)
l-importanza tal-fornitur fiż-żamma ta’ livell suffiċjenti ta’ provvista ta’ prodott rilevanti għal kriżi fl-Unjoni, filwaqt li titqies id-disponibbiltà fl-Unjoni ta’ mezzi alternattivi għall-forniment ta’ dak il-prodott; jew
(c)
l-impatt li tfixkil fil-provvista tal-prodott rilevanti għal kriżi provdut mill-fornitur jista’ jkollu fuq il-funzjonament tas-suq intern.
14. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe informazzjoni miksuba skont dan l-Artikolu għandha tiġi trattata f’konformità mal-obbligi ta’ kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 80.
15. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu f’konformità mal-Artikolu 346(1), il-punt (a), TFUE.
Artikolu 57
Monitoraġġ
1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Bord, għandhom iwettqu monitoraġġ regolari tal-kapaċitajiet ta’ manifattura tal-Unjoni meħtieġa għall-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi, identifikati f’konformità mal-Artikolu 56(9), bil-ħsieb li jiġu identifikati r-riskji possibbli għall-provvista ta’ dawk il-prodotti. Fit-twettiq ta’ dak il-monitoraġġ:
(a)
il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Bord, għandha timmonitorja l-indikaturi ta’ twissija bikrija identifikati skont l-Artikolu 56(11), inkluż billi tiġbor flimkien kwalunkwe input li tirċievi mingħand l-Istati Membri fuq il-bażi ta’ informazzjoni miġbura fil-livell nazzjonali;
(b)
l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw, fid-dawl tal-indikaturi ta’ twissija bikrija, l-abbiltà tal-fornituri ewlenin tal-prodotti rilevanti għal kriżi imsemmija fl-Artikolu 56(12) li jwettqu l-attivitajiet tagħhom u jirrappurtaw lill-Bord dwar kwalunkwe avveniment li jista’ jkollu konsegwenzi negattivi u dejjiema fuq id-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ dawk il-prodotti;
(c)
meta l-fornituri ewlenin ta’ prodotti rilevanti għal kriżi jidentifikaw tfixkil fil-provvista li jista’ jkollu effett sinifikanti fuq l-attivitajiet tagħhom relatati mal-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti, dawn għandhom jirrappurtaw tali tfixkil lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu stabbiliti u l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed;
(d)
il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha tidentifika l-aħjar prattiki għall-mitigazzjoni preventiva tar-riskju u trasparenza akbar tal-kapaċitajiet ta’ manifattura tal-Unjoni meħtieġa għall-provvista tal-prodotti rilevanti għal kriżi.
Wara li tikkonsulta lill-Bord, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-frekwenza tal-monitoraġġ msemmi fl-ewwel subparagrafu.
2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-SMEs sabiex inaqqsu kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv li jirriżulta mill-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 u jistgħu, fejn meħtieġ, jipprovdu assistenza ddedikata.
3. Wara li tikkonsulta lill-Bord, il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-fornituri ewlenin ta’ prodotti rilevanti għal kriżi msemmija fl-Artikolu 56(12), lill-Istati Membri, lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-industrija tad-difiża u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jipprovdu informazzjoni, fuq bażi volontarja, għall-fini tat-twettiq tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ f’konformità mal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) ta’ dan l-Artikolu.
4. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu informazzjoni, fuq bażi volontarja, mingħand il-fornituri ewlenin ta’ prodotti rilevanti għal kriżi msemmija fl-Artikolu 56(12) meta jkun meħtieġ u proporzjonat.
5. Għall-finijiet tal-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu lista ta’ kuntatti tal-fornituri ewlenin ta’ prodotti rilevanti għal kriżi li huma stabbiliti fit-territorju tagħhom. Dik il-lista għandha tintbagħat lill-Kummissjoni. Fi ħdan il-Bord, il-Kummissjoni għandha tipprevedi format standardizzat għal dik il-lista ta’ kuntatti.
6. Mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Bord informazzjoni rilevanti addizzjonali, b’mod partikolari informazzjoni fuq l-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi fl-Unjoni kollha u fuq il-miżuri futuri rilevanti fil-livell nazzjonali għall-akkwist, ix-xiri jew il-manifattura ta’ prodotti rilevanti għal kriżi.
7. Abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ imwettqa skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tipprovdi regolarment rapport tas-sejbiet aggregati lill-Bord. Dan ir-rapport għandu jikkostitwixxi informazzjoni klassifikata. Il-Bord għandu jiltaqa’ biex jivvaluta r-riżultati ta’ dak ir-rapport u jidentifika, fejn xieraq, soluzzjonijiet potenzjali għal kwistjonijiet ta’ interess komuni. Meta jkun rilevanti, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, tista’ tistieden assoċjazzjonijiet tal-industrija tad-difiża nazzjonali, fornituri ewlenin ta’ prodotti rilevanti għal kriżi msemmija fl-Artikolu 56(12), u esperti mid-dinja akkademika u mis-soċjetà ċivili għal tali laqgħat.
8. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu f’konformità mal-Artikolu 346(1), il-punt (a), TFUE.
Artikolu 58
Testijiet tal-istress
1. Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Bord, għandha tidentifika suġġetti rilevanti għat-twettiq ta’ testijiet tal-istress.
2. Il-Kummissjoni, filwaqt li tqis is-suġġetti rilevanti identifikati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha twettaq u tikkoordina testijiet tal-istress, inkluż simulazzjonijiet li għandhom l-għan li jantiċipaw u jħejju għal kriżi fil-provvista kif imsemmi fl-Artikolu 60, u b’mod partikolari tista’:
(a)
tiżviluppa xenarji u parametri li jidentifikaw ir-riskji partikolari assoċjati ma’ kriżi tal-provvista, sabiex tivvaluta l-impatt potenzjali fuq il-forniment ta’ prodotti rilevanti għal kriżi u l-funzjonament xieraq tas-suq intern;
(b)
tiffaċilita u tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ strateġiji għat-tħejjija għall-emerġenzi;
(c)
tidentifika, f’kooperazzjoni mal-Bord, miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju wara li jitlestew it-testijiet tal-istress.
3. Il-Kummissjoni għandha twettaq it-testijiet tal-istress kif imsemmija fil-paragrafu 2 fuq bażi regolari. Il-Bord għandu jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar il-frekwenza għat-twettiq ta’ tali testijiet tal-istress.
4. Il-Kummissjoni għandha tistieden rappreżentanti tal-Istati Membri kollha biex jipparteċipaw f’testijiet tal-istress kif imsemmija fil-paragrafu 2. Hekk kif jiġi kkonsultat il-Bord, il-Kummissjoni tista’ wkoll tistieden rappreżentanti tar-Rappreżentant Għoli, l-EDA jew atturi rilevanti oħra biex jipparteċipaw f’dawk it-testijiet tal-istress.
5. Fuq talba minn żewġ Stati Membri jew aktar, il-Kummissjoni tista’ twettaq testijiet tal-istress f’żoni ġeografiċi jew reġjuni tal-fruntiera speċifiċi f’dawk l-Istati Membri.
6. Mat-tlestija tat-testijiet tal-istress imwettqa skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-riżultati lill-Istati Membri parteċipanti. Il-Kummissjoni għandha taqsam mal-Bord rapport b’rakkomandazzjonijiet ibbażat fuq ir-riżultati ta’ dawk it-testijiet tal-istress mingħajr dewmien żejjed. Dawk ir-riżultati u dak ir-rapport għandhom jikkostitwixxu informazzjoni klassifikata.
Artikolu 59
Twissijiet u azzjoni preventiva
1. Meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ssir konxja minn riskju ta’ tfixkil serju fil-provvista ta’ prodott rilevanti għal kriżi jew ikollha informazzjoni konkreta u affidabbli dwar kwalunkwe fattur ta’ riskju jew avveniment rilevanti ieħor li jaffettwa materjalment il-provvista ta’ prodott rilevanti għal kriżi, hija għandha twissi lill-Bord mingħajr dewmien żejjed.
2. Sabiex jiġi ddeterminat jekk riskju ta’ tfixkil serju fil-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi għandux jiskatta twissija kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu dan li ġej:
(a)
il-pożizzjoni fis-suq tal-operaturi ekonomiċi li tista’ tiġi affettwata mit-tfixkil;
(b)
id-durata antiċipata tat-tfixkil potenzjali;
(c)
iż-żona ġeografika u l-proporzjon tas-suq intern affettwat mit-tfixkil potenzjali u l-effetti transfruntieri possibbli tiegħu, kif ukoll l-impatt tiegħu fuq żoni ġeografiċi partikolarment vulnerabbli jew esposti; u
(d)
l-impatt tat-tfixkil potenzjali fuq il-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi.
3. Meta l-Bord jew il-Kummissjoni jsiru konxji minn riskju ta’ tfixkil serju fil-provvista ta’ prodott rilevanti għal kriżi jew ikollhom informazzjoni konkreta u affidabbli ta’ kwalunkwe fattur dwar riskju jew avveniment rilevanti ieħor li jaffettwa materjalment il-provvista ta’ prodott rilevanti għal kriżi, inkluż abbażi ta’ indikaturi ta’ twissija bikrija, fuq twissija skont il-paragrafu 1 jew minn sħab internazzjonali, il-Kummissjoni għandha twettaq l-azzjonijiet preventivi li ġejjin, mingħajr dewmien żejjed:
(a)
issejjaħ laqgħa straordinarja tal-Bord biex jikkoordina l-azzjonijiet li ġejjin:
(i)
jiddiskuti s-severità tat-tfixkil potenzjali għad-disponibbiltà u l-provvista tal-prodotti rilevanti għal kriżi kkonċernati;
(ii)
jirrakkomanda lill-Kummissjoni tagħti bidu għal azzjoni f’konformità mal-Kapitoli II u III;
(iii)
jiddiskuti l-approċċi u jaqsam l-aħjar prattiki tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, inkluż biex tiġi vvalutata l-preparatezza tal-fornituri ewlenin ta’ prodotti rilevanti għal kriżi;
(iv)
jistieden lill-Istati Membri jidħlu fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati tal-kapaċitajiet tal-manifattura tal-Unjoni meħtieġa għall-provvista tal-prodotti rilevanti għal kriżi bil-ħsieb li jidentifika, iħejji u possibbilment jikkoordina miżuri preventivi;
(v)
jiddiskuti jekk l-attivazzjoni tal-istat ta’ kriżi fil-provvista msemmija fl-Artikolu 60 tkunx meħtieġa u proporzjonata.
(b)
f’isem l-Unjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, tidħol f’konsultazzjonijiet jew kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rilevanti u organizzazzjonijiet internazzjonali bl-għan li tfittex soluzzjonijiet kooperattivi biex tevita jew tindirizza tfixkil fil-katina tal-provvista, f’konformità mal-obbligi internazzjonali li jistgħu jinvolvu, meta xieraq, it-twettiq ta’ koordinazzjoni f’fora internazzjonali rilevanti;
(c)
tiżgura sinerġiji ma’ programmi u atti legali rilevanti tal-Unjoni.
4. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 346(1), il-punt (a), TFUE.
TAQSIMA 3
MITIGAZZJONI TA’ KRIŻI FIL-PROVVISTA
Artikolu 60
Attivazzjoni tal-istat ta’ kriżi fil-provvista
1. Għandu jitqies li sseħħ kriżi fil-provvista meta:
(a)
ikun hemm tfixkil serju jew riskju imminenti ta’ tali tfixkil fil-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi; u
(b)
tali tfixkil serju jew ir-riskju imminenti ta’ tali tfixkil jirriżulta jew x’aktarx jirriżulta fl-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali diverġenti relatati ma’ prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża li jwasslu għal impatt negattiv sever fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, b’mod partikolari ostakli għall-kummerċ transfruntier f’tali prodotti rilevanti għal kriżi, u għall-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista tad-difiża tal-Unjoni.
2. Meta, skont l-Artikolu 59, il-Kummissjoni jew il-Bord jsiru konxji minn riskju ta’ tfixkil serju fil-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi jew ikollhom informazzjoni konkreta u affidabbli fuq kwalunkwe fattur ta’ riskju rilevanti ieħor jew avveniment li jaffettwa materjalment il-provvista ta’ tali prodotti, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu humiex sodisfatti. Dik il-valutazzjoni għandha tqis l-impatt u l-konsegwenzi potenzjali tal-istat ta’ kriżi fil-provvista fuq il-ktajjen tal-provvista tal-prodotti rilevanti għal kriżi kkonċernati fl-Unjoni, ir-riżultati tat-testijiet tal-istress imwettqa skont l-Artikolu 58, u l-valutazzjonijiet imwettqa f’oqfsa rilevanti oħra tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet. Meta dik il-valutazzjoni tipprovdi evidenza konkreta u affidabbli u wara li tikkonsulta lill-Bord, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill biex jattiva l-istat ta’ kriżi fil-provvista. Meta tipproponi lill-Kunsill biex jattiva l-istat ta’ kriżi fil-provvista, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament dwar dan.
3. Il-Kunsill, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jattiva l-istat ta’ kriżi fil-provvista. Id-durata tal-istat ta’ kriżi fil-provvista għandha tiġi speċifikata fl-att ta’ implimentazzjoni u inizjalment ma għandhiex tkun aktar minn 12-il xahar. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jispeċifika wkoll liema mill-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 62 u 63 jiġu attivati. Barra minn hekk, l-att ta’ implimentazzjoni jista’ jidentifika għal liema prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża jiġu attivati dawk il-miżuri.
4. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda l-proposta msemmija fil-paragrafu 3.
5. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura fuq bażi regolari u mill-inqas kull tliet xhur lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-istat ta’ kriżi fil-provvista.
6. Qabel l-iskadenza tad-durata tal-istat ta’ kriżi fil-provvista, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjoni tal-Bord, għandha tivvaluta jekk huwiex ġustifikat li dan jittawwal. Meta tali valutazzjoni tipprovdi evidenza konkreta u affidabbli li l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-istat ta’ kriżi fil-provvista jkunu għadhom sodisfatti u wara li tikkonsulta lill-Bord, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill jestendi l-istat ta’ kriżi fil-provvista.
7. Il-Kunsill, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jtawwal l-istat ta’ kriżi fil-provvista. Id-durata tal-estensjoni għandha tkun limitata għal massimu ta’ 12-il xahar u speċifikata fl-att ta’ implimentazzjoni.
8. Matul l-istat ta’ kriżi fil-provvista u wara li tikkonsulta lill-Bord-, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-adegwatezza ta’ terminazzjoni bikrija tal-istat ta’ kriżi fil-provvista. Jekk il-valutazzjoni tindika hekk, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill itemm l-istat ta’ kriżi fil-provvista
9. Il-Kunsill, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jittermina l-istat ta’ kriżi fil-provvista qabel id-data ta’ skadenza speċifikata fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 jew 7.
10. Matul l-istat ta’ kriżi fil-provvista u fuq talba minn Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħat straordinarji tal-Bord meta jkun meħtieġ. F’konformità mal-Artikolu 76(10), il-Bord għandu jistieden, fejn rilevanti, rappreżentanti industrijali ta’ livell għoli biex jiltaqgħu f’konfigurazzjoni speċjali sabiex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-prodotti rilevanti għal kriżi. L-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni fi ħdan il-Bord sabiex jiżguraw il-koordinazzjoni ta’ kwalunkwe miżura tal-Unjoni u nazzjonali meħuda fir-rigward tal-ktajjen tal-provvista tal-prodotti rilevanti għal kriżi kkonċernati li mhumiex prodotti tad-difiża.
11. Mal-iskadenza tal-perjodu li għalih jiġi attivat jew mtawwal l-istat ta’ kriżi fil-provvista jew mat-terminazzjoni bikrija tiegħu, il-miżuri meħuda f’konformità mal-Artikoli 62 u 63 għandhom jieqfu japplikaw minnufih. Madankollu, l-atti ta’ implimentazzjoni li jkunu ġew adottati f’konformità mal-Artikolu 63(7) u (9) għandhom ikomplu japplikaw sakemm it-talbiet jew l-ordnijiet klassifikati bħala prijorità ikkonċernati jkunu tlestew.
12. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaġġornaw l-immappjar u l-monitoraġġ tal-ktajjen tal-provvista tad-difiża tal-Unjoni skont l-Artikoli 56 u 57, filwaqt li jqisu l-esperjenza misluta mill-kriżi fil-provvista, mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-iskadenza jew it-terminazzjoni bikrija tal-istat ta’ kriżi fil-provvista.
Artikolu 61
Sett ta’ għodod f’każ ta’ kriżi fil-provvista
1. Meta jiġi attivat l-istat ta’ kriżi fil-provvista skont l-Artikolu 60 u meta jkun meħtieġ sabiex tiġi indirizzata l-kriżi fil-provvista fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri previsti fl-Artikoli 62 u 63 kif speċifikat fl-att ta’ implimentazzjoni adottat mil-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 60(3).
2. Wara li tikkonsulta lill-Bord, il-Kummissjoni għandha tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għall-prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża li huma soġġetti għal tfixkil serju jew f’riskju imminenti ta’ tali tfixkil minħabba l-kriżi fil-provvista. L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun proporzjonata u ristretta għal dak li huwa meħtieġ biex jiġi indirizzat it-tfixkil serju jew għall-mitigazzjoni ta’ riskju imminenti ta’ tali tfixkil li jaffettwa l-ktajjen tal-provvista tal-prodotti rilevanti għal kriżi kkonċernati fl-Unjoni u għandha tkun fl-aħjar interess tal-Unjoni. L-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri għandha tevita t-tqegħid ta’ piż amministrattiv sproporzjonat, b’mod partikolari fuq l-SMEs.
3. Meta jiġi attivat l-istat ta’ kriżi fil-provvista skont l-Artikolu 60 u meta jkun xieraq sabiex tiġi indirizzata l-kriżi fil-provvista tal-Unjoni, il-Bord għandu jivvaluta u jagħti pariri dwar miżuri xierqa u effettivi.
4. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kwalunkwe miżura meħuda f’konformità mal-paragrafu 1 u tispjega r-raġunijiet għall-azzjoni tagħha.
5. Wara li tqis ir-rakkomandazzjoni tal-Bord, il-Kummissjoni għandha toħroġ gwida dwar l-implimentazzjoni u l-użu tal-miżuri previsti fl-Artikoli 62 u 63.
Artikolu 62
Talbiet għal informazzjoni
1. Meta l-Kunsill jattiva il-miżura skont dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 60(3), il-Kummissjoni tista’, meta l-informazzjoni disponibbli ma tkunx biżżejjed, titlob lil operatur ekonomiku li jikkontribwixxi għall-produzzjoni tal-prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża, bi qbil minn qabel mal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab is-sit tal-produzzjoni ta’ dak l-operatur ekonomiku, biex jipprovdi informazzjoni lil dak l-Istat Membri f’limitu ta’ żmien stabbilit dwar il-kapaċitajiet potenzjali tal-produzzjoni, il-kapaċitajiet eżistenti tal-produzzjoni u t-tfixkil primarju attwali tiegħu. L-Istat Membru kkonċernat għandu jagħmel l-informazzjoni mitluba disponibbli għall-Kummissjoni. L-informazzjoni mitluba għandha tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ biex tiġi vvalutata n-natura tal-kriżi fil-provvista jew biex jiġu identifikati u vvalutati miżuri potenzjali ta’ mitigazzjoni.
2. Qabel ma tniedi talba għall-informazzjoni skont il-paragrafu 1, u bil-qbil minn qabel tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab is-sit tal-produzzjoni tal-operatur ekonomiku kkonċernat, il-Kummissjoni tista’ twettaq konsultazzjoni volontarja ma’ għadd rappreżentattiv ta’ operaturi ekonomiċi rilevanti bil-ħsieb li tidentifika l-kontenut xieraq u proporzjonat ta’ tali talba. Il-Kummissjoni għandha tħejji t-talba għal informazzjoni f’kooperazzjoni mal-Bord.
3. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tibgħat kopja tat-talba għal informazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab is-sit tal-produzzjoni tal-operatur ekonomiku kkonċernat.
4. It-talba għall-informazzjoni għandha:
(a)
tiddikjara l-bażi legali tagħha;
(b)
tkun limitata għall-minimu meħtieġ u tkun proporzjonata mil-lat tal-granularità u l-volum tad-data mitluba u tal-frekwenza tal-aċċess għad-data mitluba;
(c)
tqis l-interessi leġittimi tal-operatur ekonomiku u l-kost u l-isforz meħtieġa biex id-data ssir disponibbli;
(d)
tinkludi l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab is-sit tal-produzzjoni tal-operatur ekonomiku kkonċernat fejn għandha tintbagħat it-tweġiba;
(e)
tistabbilixxi l-limitu ta’ żmien li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat; u
(f)
tindika l-penali previsti fl-Artikolu 72.
5. Meta l-Istat Membru kkonċernat jaqbel mat-tnedija ta’ talba għal informazzjoni skont il-paragrafu 1, huwa jista’ jiddeċiedi li jindirizza dik it-talba, kif imħejji mill-Kummissjoni skont il-paragrafi 2 u 4, direttament lill-operatur ekonomiku kkonċernat.
6. Kull operatur ekonomiku kkonċernat, jew persuna debitament awtorizzata li tirrappreżenta lil dak l-operatur ekonomiku, għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba fuq bażi individwali lill-Istat Membru kkonċernat.
7. L-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-informazzjoni mitluba ssir disponibbli mingħajr dewmien żejjed għall-Kummissjoni.
8. Jekk operatur ekonomiku stabbilit fl-Unjoni jkun soġġett għal talba għal informazzjoni minn pajjiż terz, relatata mal-attivitajiet tiegħu għall-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża, dan għandu jinforma lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab is-sit tal-produzzjoni, fi żmien xieraq. Min-naħa tiegħu, dak l-Istat Membru, għandu jinforma lill-Kummissjoni, b’tali mod li jippermetti lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni jitolbu informazzjoni simili mill-operatur ekonomiku. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord bl-eżistenza ta’ tali talba minn pajjiż terz.
9. Jekk operatur ekonomiku jipprovdi informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba magħmula skont dan l-Artikolu, jew ma jipprovdix l-informazzjoni fil-limitu ta’ żmien preskritt, hu għandu jkun soġġett għal multi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 72, ħlief meta l-operatur ekonomiku jkollu raġunijiet suffiċjenti biex ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba jew ma jipprovdihiex fil-limitu ta’ żmien preskritt, b’mod partikolari meta l-ipproċessar tat-talba għal informazzjoni minn operatur ekonomiku jkollu l-potenzjal li jfixkel b’mod sinifikanti l-operazzjonijiet tiegħu, meta l-informazzjoni tkun klassifikata u mmarkata li tkun għal użu nazzjonali biss jew meta l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni tkun tista’ tagħmel ħsara sinifikanti għall-attività kummerċjali tal-operatur ekonomiku.
10. Il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jużaw mezzi siguri biex iniedu t-talba għal informazzjoni u jittrattaw kwalunkwe informazzjoni miksuba f’konformità mal-Artikolu 80.
11. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 346(1), il-punt (a), TFUE.
Artikolu 63
Prijoritizzazzjoni tal-prodotti li mhumiex prodotti tad-difiża
1. Meta l-Kunsill jattiva l-miżura skont dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 60(3), Stat Membru li jiffaċċa diffikultajiet serji fit-tqegħid ta’ ordni jew fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt relatat mal-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi jista’ jippreżenta talba lill-Kummissjoni biex titlob lil operatur ekonomiku jaċċetta, jew jipprijoritizza, ċerta ordni ta’ prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża.
2. Fuq talba kif imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’, meta l-produzzjoni jew il-provvista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi li mhumiex prodotti tad-difiża ma jistgħux jinkisbu permezz ta’ kwalunkwe miżura oħra prevista f’dan il-Kapitolu, tagħmel talba lill-operatur ekonomiku kkonċernat wara li:
(a)
tikkonsulta lil, u tirċievi qbil minn qabel mingħand, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab is-sit ta’ produzzjoni tal-operatur ekonomiku kkonċernat; u
(b)
tikkonsulta lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab l-istruttura maniġerjali eżekuttiva tal-operatur ekonomiku kkonċernat.
3. It-talba msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinkludi informazzjoni dwar il-bażi legali għat-talba, tispeċifika l-prodotti, l-ispeċifikazzjonijiet u l-kwantitajiet tagħhom, tispeċifika l-iskeda u l-limitu ta’ żmien għat-twettiq u t-tlestija tal-ordni, u tiddikjara r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu tat-talba klassifikata bħala prijorità.
4. Il-Kummissjoni għandha turi li l-għażla tar-riċevituri u tal-benefiċjarji tat-talba msemmija fil-paragrafu 2 hija nondiskriminatorja u tikkonforma mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.
5. Il-Kummissjoni għandha tibbaża t-talba msemmija fil-paragrafu 2 fuq data oġġettiva, fattwali, li tista’ titkejjel u sostanzjata, li turi li tali prijoritizzazzjoni hija indispensabbli sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u b’kont meħud tal-interessi leġittimi tal-operatur ekonomiku kkonċernat u għall-kost u l-isforz meħtieġ għal kwalunkwe bidla fis-sekwenza tal-produzzjoni tal-katina tal-provvista.
6. L-operatur ekonomiku kkonċernat għandu jwieġeb lill-Kummissjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 2 u jiddikjara jekk jaċċettax jew jirrifjutax it-talba. Meta l-urġenza tas-sitwazzjoni tirrikjedi dan, il-Kummissjoni tista’, abbażi ta’ ġustifikazzjoni ta’ tali urġenza, titlob lill-operatur ekonomiku jwieġeb f’perjodu ta’ żmien iqsar.
7. Meta l-operatur ekonomiku li lilu tkun indirizzata t-talba msemmija fil-paragrafu 2 ikun aċċetta espressament dik it-talba, il-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, għandha tadotta, talba klassifikata bħala prijorità li tistabbilixxi:
(a)
l-bażi legali tat-talba klassifikata bħala prijorità li l-operatur ekonomiku għandu jikkonforma magħha;
(b)
l-lista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi soġġetti għat-talba klassifikata bħala prijorità, l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom, il-prezz u l-kwantitajiet li fihom għandhom jiġu fornuti;
(c)
il-limiti ta’ żmien li fihom għandha titlesta t-talba klassifikata bħala prijorità;
(d)
il-benefiċjarji tat-talba kklassifikata bħala prijorità;
(e)
ir-rinunzja tar-responsabbiltà kuntrattwali bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 12 ta’ dan l-Artikolu; u
(f)
il-penali previsti fl-Artikolu 72 għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn dak l-att ta’ implimentazzjoni.
8. Meta l-operatur ekonomiku jirrifjuta t-talba msemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’ġustifikazzjoni dettaljata għal dak ir-rifjut.
9. Filwaqt li tqis kif xieraq il-ġustifikazzjonijiet ipprovduti mill-operatur ekonomiku skont il-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, u wara li tikkonsulta u tirċievi l-qbil minn qabel tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab is-sit ta’ produzzjoni tal-operatur ekonomiku kkonċernat u l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab l-istruttura maniġerjali eżekuttiva tal-operatur ekonomiku, il-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tista’ tadotta ordni klassifikata bħala prijorità li timponi fuq l-operatur ekonomiku kkonċernat obbligu li jwettaq dik l-ordni. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u mad-drittijiet fundamentali tal-operatur ekonomiku skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fid-dawl taċ-ċirkostanzi deskritti fil-paragrafu 1, kien meħtieġ li tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni. Kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni bħal dan għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 7.
10. Il-Kummissjoni ma għandhiex toħroġ l-ordni klassifikata bħala prijorità fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a)
l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jwettaq l-ordni klassifikata bħala prijorità minħabba nuqqas ta’ kapaċità potenzjali ta’ produzzjoni jew kapaċità eżistenti ta’ produzzjoni, jew abbażi ta’ raġunijiet tekniċi, anke jekk l-ordni tingħata trattament preferenzjali; jew
(b)
it-twettiq tal-ordni tpoġġi piż ekonomiku mhux raġonevoli fuq, u tinvolvi diffikultajiet partikolari, għall-operatur ekonomiku, inkluż riskji sostanzjali relatati mal-kontinwità tal-operat.
11. It-talbiet klassifikati bħala prijorità msemmija fil-paragrafu 7 u l-ordnijiet klassifikati bħala prijorità msemmija fil-paragrafu 9 għandhom:
(a)
jitqiegħdu bi prezz ġust u raġonevoli, filwaqt li jitqiesu b’mod adegwat il-kostijiet tal-opportunità tal-operatur ekonomiku meta jissodisfa t-talba klassifikata bħala prijorità jew l-ordni klassifikat bħala prijorità meta mqabbla mal-obbligi kuntrattwali eżistenti;
(b)
jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe obbligu ta’ prestazzjoni skont il-liġi privata jew pubblika, relatat mal-prodotti rilevanti ghal kriżi soġġetti għat-talba klassifikata bħala prijorità jew mal-ordni klassifikata bħala prijorità, bl-eċċezzjoni tal-obbligi direttament relatati ma’ ordnijiet bi skop militari.
12. Operaturi ekonomiċi soġġetti għal talba klassifikata bħala prijorità skont il-paragrafu 7 jew għal ordni klassifikata bħala prijorità skont il-paragrafu 9 ma għandhomx ikunu responsabbli għal kwalunkwe ksur ta’ obbligu kuntrattwali li jkun irregolat mil-liġi ta’ Stat Membru, dment li:
(a)
il-ksur tal-obbligu kuntrattwali jkun meħtieġ għall-konformità mal-prijoritizzazzjoni meħtieġa;
(b)
ikun hemm konformità mal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 7 jew 9; u
(c)
fejn applikabbli, l-aċċettazzjoni tat-talba klassifikata bħala prijorità ma kellhiex l-uniku skop li tevita b’mod mhux xieraq obbligu kuntrattwali preċedenti.
13. Kwalunkwe kunflitt bejn talba klassifikata bħala prijorità jew ordni klassifikata bħala prijorità u miżura skont kwalunkwe mekkaniżmu ieħor ta’ prijoritizzazzjoni tal-Unjoni għandu jiġi diskuss fil-Bord u solvut mill-Kummissjoni, filwaqt li jitwieżen l-interess pubbliku.
14. L-operatur ekonomiku soġġett għal talba klassifikata bħala prijorità skont il-paragrafu 7 jew ordni klassifikata bħala prijorità skont il-paragrafu 9 jista’ jitlob lill-Kummissjoni timmodifika l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 7 jew 9 meta jqis li dan ikun debitament ġustifikat abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
(a)
l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jwettaq it-talba klassifikata bħala prijorità jew l-ordni klassifikata bħala prijorità minħabba nuqqas ta’ kapaċità potenzjali jew eżistenti tal-produzzjoni, anke jekk it-talba jew l-ordni tingħata trattament preferenzjali;
(b)
it-tlestija tat-talba jew tal-ordni tpoġġi piż ekonomiku mhux raġonevoli fuq, u tinvolvi diffikultajiet partikolari, għall-operatur ekonomiku.
15. L-operatur ekonomiku għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti u sostanzjata kollha biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-merti tat-talba għall-modifika msemmija fil-paragrafu 14.
16. Abbażi tal-eżami tar-raġunijiet u l-evidenza pprovduti mill-operatur ekonomiku, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab is-sit tal-produzzjoni tal-operatur ekonomiku kkonċernat u lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-istruttura maniġerjali eżekuttiva ta’ dak l-operatur ekonomiku, temenda l-att ta’ implimentazzjoni tagħha biex teħles, parzjalment jew kompletament, lill-operatur ekonomiku kkonċernat mill-obbligi tiegħu skont dan l-Artikolu.
17. Meta operatur ekonomiku stabbilit fl-Unjoni jkun soġġett għal miżura ta’ pajjiż terz li tinvolvi ordni klassifikata bħala prijorità jew talba klassifikata bħala prijorità ta’ prodott rilevanti għal kriżi li ma jkunx prodott tad-difiża, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan. Il-Kummissjoni għandha mbagħad tinforma lill-Bord bl-eżistenza ta’ tali miżura.
18. Meta operatur ekonomiku, soġġett għal talba klassifikata bħala prijorità skont il-paragrafu 7 jew ordni klassifikata bħala prijorità skont il-paragrafu 9, intenzjonalment, jew permezz ta’ negliġenza serja, ma jikkonformax ma’ dik it-talba jew dik l-ordni, huwa għandu jkun soġġett għal multi stabbilitif’konformità mal-Artikolu 72, ħlief meta:
(a)
l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jwettaq it-talba klassifikata bħala prijorità jew l-ordni klassifikata bħala prijorità minħabba kapaċità potenzjali jew eżistenti tal-produzzjoni insuffiċjenti, jew għal raġunijiet tekniċi; jew
(b)
it-twettiq jew it-tlestija tal-ordni tpoġġi piż mhux raġonevoli fuq, u tinvolvi diffikultajiet partikolari, għall-operatur ekonomiku, inkluż riskji sostanzjali relatati mal-kontinwità tal-operat.
19. Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tat-talbiet klassifikati bħala prijorità u tal-ordnijiet klassifikati bħala prijorità, inkluż metodoloġija għad-determinazzjoni tal-prezz tal-prodotti rilevanti għal kriżi soġġetti għal ordnijiet klassifikati bħala prijorità.
20. L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(4).
21. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 346(1), il-punt (b), TFUE.
TAQSIMA 4
STAT TA’ KRIŻI FIL-PROVVISTA RELATAT MAS-SIGURTÀ
Artikolu 64
Attivazzjoni tal-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà
1. Kriżi fil-provvista relatata mas-sigurtà għandha titqies li sseħħ meta:
(a)
ikun hemm tfixkil serju jew riskju imminenti ta’ tali tfixkil fil-forniment ta’ prodotti tad-difiża, bħal tfixkil minħabba l-impatt ta’ avvenimenti relatati mas-sigurtà tal-Unjoni; u
(b)
tali tfixkil serju jew ir-riskju imminenti ta’ tali tfixkil jirriżulta jew x’aktarx jirriżulta fl-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali diverġenti relatati ma’ prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi li jwasslu għal impatt negattiv sever fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, b’mod partikolari ostakli għall-kummerċ transfruntier f’tali prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi fi ħdan l-Unjoni li jikkawżaw nuqqas sinifikanti ta’ prodotti tad-difiża.
2. Meta, skont l-Artikolu 59, il-Kummissjoni jew il-Bord jsiru konxji minn riskju ta’ tfixkil serju fil-provvista ta’ prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi jew ikollhom informazzjoni konkreta u affidabbli dwar kwalunkwe fattur ta’ riskju jew avveniment rilevanti ieħor li jaffettwa materjalment il-provvista ta’ tali prodotti, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu humiex sodisfatti. Dik il-valutazzjoni għandha tqis l-impatt u l-konsegwenzi potenzjali tal-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà fuq il-ktajjen tal-provvista tad-difiża fl-Unjoni, ir-riżultati tat-testijiet tal-istress imwettqa skont l-Artikolu 58, u l-valutazzjonijiet imwettqa f’oqfsa rilevanti oħra tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet. Meta dik il-valutazzjoni tipprovdi evidenza konkreta u affidabbli, u wara li tikkonsulta lill-Bord, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill jattiva l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà. Meta tipproponi lill-Kunsill jattiva l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament dwar dan.
3. Meta tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ikunux sodisfatti skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tqis jekk tkunx ġiet identifikata kriżi li taffettwa l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fil-qasam tal-PESK, bħal jekk dik il-kriżi tkunx skattat l-attivazzjoni tal-klawżola ta’ assistenza reċiproka skont l-Artikolu 42(7) TUE.
4. Il-Kunsill, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat b’maġġoranza kwalifikata u fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jattiva l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà. Id-durata tal-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà għandha tiġi speċifikata fl-att ta’ implimentazzjoni u inizjalment ma għandhiex tkun aktar minn 12-il xahar. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jispeċifika wkoll liema mill-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 65 sa 71 jiġu attivati. Barra minn hekk, l-att ta’ implimentazzjoni jista’ jidentifika għal liema prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi għandhom jattivaw dawk il-miżuri.
5. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda l-proposta msemmija fil-paragrafu 4.
6. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta fuq bażi regolari u mill-inqas kull tliet xhur lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-istat tal-kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà.
7. Mhux aktar tard minn tliet ġimgħat qabel tintemm id-durata tal-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjoni tal-Bord, għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill, li jivvaluta jekk dik id-durata għandhiex tiġi estiża. Ir-rapport għandu b’mod partikolari janalizza l-impatt tal-miżuri attivati preċedentement skont dan il-Kapitlu. Meta tali valutazzjoni tipprovdi evidenza konkreta u affidabbli li l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà jkunu għadhom sodisfatti, u wara li tikkonsulta lill-Bord, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li l-Kunsill jestendi l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà.
8. Il-Kunsill, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottatb’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jestendi l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà. Id-durata tal-estensjoni għandha tkun limitata għal massimu ta’ sitt xhur u speċifikata fl-att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jispeċifika wkoll liema mill-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 65 sa 71 jibqgħu jiġu applikati, jew, fejn rilevanti, jiġu attivati. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi ripetutament li jestendi l-perjodu li għalih jiġi attivat l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà meta ikun iġġustifikat biex tiġi indirizzata l-kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà.
9. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill jestendi l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà l-ammont ta’ drabi li jitqies meħtieġ biex tiġi indirizzata l-kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 7. Fuq tali proposta mill-Kummissjoni, għandu japplika l-paragrafu 8.
10. Matul l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà, u wara li tikkonsulta lill-Bord, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-adegwatezza ta’ terminazzjoni bikrija tal-istat ta’ kriżi relatat mas-sigurtà. Jekk il-valutazzjoni tindika hekk, il-Kummissjoni għandha tipproponi li l-Kunsill itemm l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà.
11. Il-Kunsill, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jittermina l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà qabel id-data ta’ skadenza speċifikata fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 4 jew 8.
12. Mal-iskadenza tal-perjodu li għalih jiġi attivat jew mtawwal l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà jew mat-terminazzjoni bikrija tiegħu, il-miżuri meħuda f’konformità mal-Artikoli 65 sa 71 għandhom jieqfu japplikaw minnufih. Madankollu, l-atti ta’ implimentazzjoni li jkunu ġew adottati f’konformità mal-Artikolu 66(6), għandhom ikomplu japplikaw sakemm it-talbiet klassifikati bħala prijorità kkonċernati jkunu tlestew.
Matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 65 sa 71, il-Kummissjoni għandha, kull meta jkun possibbli, taġixxi f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Bord, li għandu jipprovdi pariri f’waqthom. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord dwar l-azzjoni li tkun ittieħdet. Matul l-istat ta’ kriżi relatat mas-sigurtà fil-provvista u fuq talba minn Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħat straordinarji tal-Bord meta jkun meħtieġ. F’konformità mal-Artikolu 76(10), il-Bord għandu jistieden, fejn rilevanti, rappreżentanti industrijali ta’ livell għoli biex jiltaqgħu f’konfigurazzjoni speċjali sabiex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-prodotti tad-difiża kkonċernati. L-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni fi ħdan il-Bord sabiex jiżguraw il-koordinazzjoni ta’ kwalunkwe miżura tal-Unjoni u nazzjonali meħuda fir-rigward tal-ktajjen tal-provvista tad-difiża relatati mal-prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi kkonċernati.
13. Meta l-istat ta’ kriżi fil-provvista relatat mas-sigurtà jiġi attivat, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill jattiva l-miżuri previsti fl-Artikoli 62 u 63, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fihom u fl-Artikoli 60 u 61.
Artikolu 65
Talbiet għal informazzjoni
Meta l-Kunsill jattiva l-miżura skont dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 64(4), il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri previsti fl-Artikolu 62 fir-rigward tal-prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi, f’konformità mal-kundizzjonijiet definiti fih.
Artikolu 66
Prijoritizzazzjoni tal-prodotti tad-difiża
1. Meta l-Kunsill jattiva l-miżura skont dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 64(4), Stat Membru jista’ jippreżenta talba lill-Kummissjoni biex titlob lil operatur ekonomiku li s-sit tal-produzzjoni tiegħu jinsab fit-territorju tiegħu jaċċetta, jew jipprijoritizza, ċertu ordni ta’ prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet serji li dak l-Istat Membru jew Stat Membru ieħor ikun qed jiffaċċa jew fit-tqegħid ta’ ordni jew fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għall-provvista ta’ tali prodotti.
2. Fuq talba kif msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’, meta l-produzzjoni jew il-provvista ta’ prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi ma jistgħux jinkisbu permezz ta’ kwalunkwe miżura oħra prevista f’dan il-Kapitolu, tagħmel talba lill-operatur ekonomiku kkonċernat wara li:
(a)
tikkonsulta lil, u tirċievi qbil minn qabel mingħand, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab is-sit ta’ produzzjoni tal-operatur ekonomiku kkonċernat; u
(b)
tikkonsulta lil, u tirċievi qbil minn qabel mingħand, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab l-istruttura maniġerjali eżekuttiva tal-operatur ekonomiku kkonċernat.
It-talba tal-Kummissjoni għandha tindika b’mod espliċitu li l-operatur ekonomiku huwa liberu li jirrifjuta t-talba.
3. It-talba msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinkludi informazzjoni dwar il-bażi legali għat-talba, tispeċifika l-prodotti, l-ispeċifikazzjonijiet u l-kwantitajiet tagħhom, tispeċifika l-iskeda u l-limitu ta’ żmien għat-twettiq u t-tlestija tal-ordni, u tiddikjara r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu tat-talba klassifikata bħala prijorità.
4. Il-Kummissjoni għandha turi li l-għażla tar-riċevituri u tal-benefiċjarji tat-talba msemmija fil-paragrafu 2 hija nondiskriminatorja u tikkonforma mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.
5. Il-Kummissjoni għandha tibbaża t-talba msemmija fil-paragrafu 2 fuq data oġġettiva, fattwali, li tista’ titkejjel u sostanzjata, li turi li tali prijoritizzazzjoni hija indispensabbli sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u b’kont meħud tal-interessi leġittimi tal-operatur ekonomiku kkonċernat u għall-kost u l-isforz meħtieġa għal kwalunkwe bidla fis-sekwenza tal-produzzjoni tal-katina tal-provvista.
6. Meta l-operatur ekonomiku li lilu tkun indirizzata t-talba msemmija fil-paragrafu 2 ikun aċċetta b’mod espliċitu dik it-talba, il-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni u wara li tikkonsulta lil u tirċievi qbil minn qabel mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab is-sit ta’ produzzjoni tal-operatur ekonomiku kkonċernat u tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-istruttura maniġerjali eżekuttiva tal-operatur ekonomiku kkonċernat, għandha tadotta talba klassifikata bħala prijorità li tistabbilixxi:
(a)
il-bażi legali tat-talba klassifikata bħala prijorità li l-operatur ekonomiku għandu jikkonforma magħha;
(b)
il-lista ta’ prodotti rilevanti għal kriżi soġġetti għat-talba klassifikata bħala prijorità, l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom u l-kwantitajiet li fihom għandhom jiġu fornuti;
(c)
il-limiti ta’ żmien li fihom għandha titlesta t-talba klassifikata bħala prijorità;
(d)
il-benefiċjarji tat-talba klassifikata bħala prijorità;
(e)
l-ambitu tal-obbligi kuntrattwali li fuqhom it-talba klassifikata bħala prijorità għandu jkollha preċedenza;
(f)
ir-rinunzja tar-responsabbiltà kuntrattwali bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu; u
(g)
il-penali previsti fl-Artikolu 72 għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn dak l-att ta’ implimentazzjoni.
L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(4).
7. It-talbiet klassifikati bħala prijorità msemmija fil-paragrafu 6 għandhom:
(a)
jitqegħdilhom prezz ġust u raġonevoli, filwaqt li jitqiesu b’mod adegwat il-kostijiet tal-opportunità tal-operatur ekonomiku meta jissodisfa t-talbiet klassifikati bħala prijorità meta mqabbla mal-obbligi kuntrattwali eżistenti; u
(b)
jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe obbligu kuntrattwali relatat mal-prodotti rilevanti għal kriżi soġġetti għat-talba klassifikata bħala prijoritàskont il-liġi privata jew pubblika, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 6.
8. L-operatur ekonomiku soġġett għal talba klassifikata bħala prijorità skont il-paragrafu 6 ma għandu jkun responsabbli għal ebda ksur tal-obbligu kuntrattwali li jkun irregolat mil-liġi ta’ Stat Membru, dment li:
(a)
il-ksur tal-obbligu kuntrattwali jkun strettament meħtieġ għall-konformità mal-prijoritizzazzjoni meħtieġa;
(b)
ikun hemm konformità mal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 6; u
(c)
l-aċċettazzjoni tat-talba klassifikata bħala prijorità ma kellhiex l-iskop waħdieni li tevita b’mod mhux xieraq obbligu preċedenti ta’ prestazzjoni.
9. L-operatur ekonomiku soġġett għal talba klassifikata bħala prijorità jista’ jitlob lill-Kummissjoni timmodifika l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 6 meta jqis li dan ikun debitament ġustifikat abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
(a)
l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jwettaq it-talba klassifikata bħala prijorità minħabba nuqqas ta’ kapaċità potenzjali jew eżistenti tal-produzzjoni, anke jekk it-talba tingħata trattament preferenzjali;
(b)
it-tlestija tat-talba tpoġġi piż ekonomiku mhux raġonevoli fuq, u tinvolvi diffikultajiet partikolari, għall-operatur ekonomiku.
10. L-operatur ekonomiku għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti u sostanzjata kollha biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-merti tat-talba għall-modifika msemmija fil-paragrafu 9.
11. Abbażi tal-eżami tar-raġunijiet u l-evidenza provduti mill-operatur ekonomiku, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta u tirċievi qbil minn qabel mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab is-sit ta’ produzzjoni rilevanti tal-operatur ekonomiku kkonċernat u mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-istruttura maniġerjali eżekuttiva ta’ dak l-operatur ekonomiku kkonċernat, temenda l-att ta’ implimentazzjoni tagħha biex teħles, parzjalment jew kompletament, lill-operatur ekonomiku kkonċernat mill-obbligi tiegħu skont dan l-Artikolu.
12. Meta operatur ekonomiku, wara li jkun aċċetta b’mod espliċitu li jipprijoritizza l-ordnijiet mitluba mill-Kummissjoni, ma jikkonformax intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja mal-obbligu li jipprijoritizza dawk l-ordnijiet, huwa għandu jkun soġġett għal multi ffissati f’konformità mal-Artikolu 72, ħlief meta:
(a)
l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jwettaq it-talba klassifikata bħala prijorità minħabba kapaċità potenzjali jew eżistenti tal-produzzjoni insuffiċjenti, jew għal raġunijiet tekniċi; jew
(b)
it-twettiq jew it-tlestija tat-talba tpoġġi piż ekonomiku mhux raġonevoli fuq, u tinvolvi diffikultajiet partikolari, għall-operatur ekonomiku, inkluż riskji sostanzjali relatati mal-kontinwità tal-operat.
13. Meta operatur ekonomiku stabbilit fl-Unjoni jkun soġġett għal miżura ta’ pajjiż terz li tinvolvi talba klassifikata bħala prijorità ta’ prodott tad-difiża rilevanti għal kriżi, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord bl-eżistenza ta’ tali miżuri. Fejn rilevanti, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Bord dwar kwalunkwe pass xieraq li għandu jittieħed b’reazzjoni għal dik il-miżura.
14. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 346(1), il-punt (b), TFUE.
Artikolu 67
Trasferimenti intra-UE ta’ prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi
1. Meta l-Kunsill jattiva l-miżura skont dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 64(4) ta’ dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2009/43/KE u għall-prerogattivi tal-Istati Membri skont dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet relatati mat-trasferimenti intra-UE jiġu pproċessati b’mod effiċjenti u f’waqtu. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet nazzjonali kollha kkonċernati għandhom jiżguraw li jingħata l-aktar trattament rapidu legalment possibbli lil tali applikazzjonijiet. L-att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmi fl-Artikolu 64(4) ta’ dan ir-Regolament għandu jispeċifika l-perjodu ta’ żmien li fih l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati għandhom jittrattaw l-applikazzjonijiet ladarba jkunu rċevew l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-applikant. Dak il-perjodu ta’ żmien ma għandux ikun itwal minn ġimagħtejn.
2. Meta Stat Membru jimponi, f’konformità mal-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2009/43/KE, limitazzjonijiet tal-esportazzjoni fuq komponenti li huma prodotti rilevanti għal kriżi, dak l-Istat Membru ma għandux jirrikjedi awtorizzazzjonijiet ulterjuri għat-trasferiment intra-UE tal-komponenti kkonċernati meta r-riċevitur jipprovdi dikjarazzjoni tal-użu li fiha jiddikjara li l-komponenti soġġetti għal dik il-liċenzja ta’ trasferiment huma integrati jew ikunu ser jiġu integrati fi prodott tad-difiża u ma jistgħux jiġu ttrasferiti jew esportati bħala tali. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tar-riċevituri stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/43/KE.
Artikolu 68
Appoġġ għal azzjonijiet ta’ innovazzjoni ta’ emerġenza fil-qasam tad-difiża
Meta l-Kunsill jattiva l-miżura skont dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 64(4), l-azzjonijiet ta’ innovazzjoni relatati ma’ waħda mill-attivitajiet li ġejjin għandhom jitqiesu eliġibbli taħt il-Programm:
(a)
attivitajiet immirati biex iqassru b’mod sinifikanti ħafna ż-żmien meħtieġ għall-konsenja tal-prodotti tad-difiża;
(b)
attivitajiet immirati li jissimplifikaw b’mod sinifikanti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-prodotti tad-difiża sabiex jippermettu l-produzzjoni tal-massa tagħhom;
(c)
attivitajiet immirati li jissimplifikaw b’mod sinifikanti l-proċess tal-produzzjoni tal-prodotti tad-difiża biex jippermettu l-produzzjoni tal-massa tagħhom; jew
(d)
attivitajiet immirati li jissostitwixxu komponenti b’alternattivi li huma disponibbli fl-Unjoni jew li huma faċilment adattabbli jew li jistgħu jiġu żviluppati fil-ħin minn operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Unjoni.
Artikolu 69
Ċertifikazzjoni
1. Meta l-Kunsill jattiva l-miżura skont dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 64(4), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi relatati maċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi u, meta meħtieġ, l-adattamenti tekniċi ta’ tali prodotti jiġu pproċessati bl-aktar mod rapidu possibbli, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli tagħhom.
2. Meta tali status ikun jeżisti fil-liġi nazzjonali, iċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi għandha tiġi allokata l-istatus tal-ogħla importanza possibbli.
3. Meta din il-miżura tiġi attivata, il-prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi ċċertifikati fi Stat Membru għandhom jitqiesu ċċertifikati fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jiġu soġġetti għal kontroll addizzjonali.
4. L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 64(4) jista’ jistabbilixxi dispożizzjonijiet aktar preċiżi dwar l-ambitu ta’ din il-miżura.
5. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu f’konformità mal-Artikolu 346(1), il-punt (b), TFUE.
Artikolu 70
Aċċellerazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi f’livell nazzjonali
Meta l-Kunsill jattiva l-miżura skont dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 64(4) ta’ dan ir-Regolament, is-sigurtà tal-provvista tal-prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi tista’ titqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku prevalenti skont it-tifsira tal-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 16(1), il-punt (c), tad-Direttiva 92/43/KEE u tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE. Għalhekk, l-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-faċilitajiet tal-produzzjoni relatati jistgħu jitqiesu bħala ta’ interess pubbliku prevalenti, dment li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħrajn stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet.
Artikolu 71
Kontinwità tal-produzzjoni ta’ prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi
1. Meta l-Kunsill jattiva l-miżura skont dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 64(4) ta’ dan ir-Regolament u meta d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (46) tapplika għall-attivitajiet ta’ produzzjoni rilevanti, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw, jew li jinkoraġġixxu lill-operaturi ekonomiċi li s-siti tal-produzzjoni tagħhom jinsabu fit-territorju tagħhom u li jipproduċu l-prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi kkonċernati jagħmlu użu, mid-derogi previsti fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2003/88/KE sabiex jippermettu l-espansjoni tax-xiftijiet tax-xogħol u b’hekk jiffaċilitaw il-kontinwità tal-produzzjoni tal-prodotti tad-difiża rilevanti għal kriżi kkonċernati, jekk iqisu li dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.
2. Meta tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel, l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati kollha għandhom jiżguraw li jingħata l-aktar trattament rapidu legalment possibbli lill-applikazzjonijiet minn operaturi ekonomiċi li jipproduċu prodott tad-difiża rilevanti għal kriżi biex jużaw id-derogi msemmija fil-paragrafu 1.
TAQSIMA 5
PENALI
Artikolu 72
Penali
1. Meta tqis li dan ikun meħtieġ u proporzjonat, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, timponi fuq l-operaturi ekonomiċi li jkunu destinatarji tat-talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 62 jew li jkunu soġġetti għal kwalunkwe wieħed mill-obbligi li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar obbligu b’rabta ma’ pajjiż terz skont l-Artikolu 63(17) u l-Artikolu 66(13) jew li jipprijoritizzaw il-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għal kriżi skont l-Artikoli 63 u 66, il-multi jew il-penali li ġejjin:
(a)
multi li ma jaqbżux EUR 300 000 meta l-operatur ekonomiku, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, jipprovdi informazzjoni skorretta, mhux sħiħa jew qarrieqa bi tweġiba għal talba magħmula skont l-Artikolu 62(1), jew ma jipprovdix l-informazzjoni fil-limitu ta’ żmien preskritt, f’konformità mal-Artikolu 62(9);
(b)
multi li ma jaqbżux EUR 150 000 meta l-operatur ekonomiku, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ma jikkonformax mal-obbligu li jinforma lill-Kummissjoni dwar obbligu b’rabta ma’ pajjiż terz skont l-Artikolu 63(17) u l-Artikolu 66(13);
(c)
pagamenti perjodiċi ta’ penali li ma jaqbżux il-1,5 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena kontabilistika preċedenti għal kull jum ta’ xogħol ta’ nuqqas ta’ konformità mid-data stabbilita fid-deċiżjoni li fiha tkun inħarġet l-ordni klassifikata bħala prijorità, meta l-operatur ekonomiku, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ma jikkonformax ma’ obbligu li tingħata prijorità lill-produzzjoni tal-prodotti rilevanti għal kriżi skont l-Artikolu 63(9), f’konformità mal-Artikolu 63(18), u, meta l-operatur ekonomiku fuq min il-pagamenti perjodiċi ta’ penali ġew imposti ikun SME, li ma jaqbżux 0,5 % tal-fatturat medju ta’ kuljum tiegħu fis-sena kontabilistika preċedenti;
(d)
multi li ma jaqbżux EUR 300 000 meta l-operatur ekonomiku, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ma jikkonformax mal-obbligu li tingħata prijorità lill-produzzjoni tal-prodotti rilevanti għal kriżi skont l-Artikolu 63(8) u l-Artikolu 66(6), f’konformità mal-Artikolu 63(18) u l-Artikolu 66(12), rispettivament.
L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(4).
2. Qabel ma tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tipprovdi opportunità biex l-operatur ekonomiku kkonċernat jinstema’ f’konformità mal-Artikolu 75. Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe ġustifikazzjoni debitament ġustifikata ppreżentata mill-operatur ekonomiku sabiex tiddetermina jekk il-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta’ penali jitqisux meħtieġa u proporzjonati.
3. Fl-iffissar tal-ammont tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali, il-Kummissjoni għandha tqis in-natura, il-gravità u d-durata tal-ksur, inkluż, b’rabta ma’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li tiġi aċċettata jew ipprijoritizzata ordni klassifikata bħala prijorità stabbilit fl-Artikolu 63(9) jew talba klassifikata bħala prijorità stabbilit fl-Artikolu 63(7) jew l-Artikolu 66(6), jekk l-operatur ekonomiku jkunx ikkonforma parzjalment mal-ordni klassifikata bħala prijorità jew mat-talba klassifikata bħala prijorità.
4. Il-multi għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju u għandhom jiġu diretti lejn l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.
Artikolu 73
Perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni tal-penali
1. Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bl-Artikolu 72 għandhom ikunu soġġetti għall-perjodi ta’ limitazzjoni li ġejjin:
(a)
sentejn fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 62(1);
(b)
sentejn fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 63(17) u l-Artikolu 66(13);
(c)
tliet snin fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-obbligu relatat mal-prijoritizzazzjoni tal-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għal kriżi skont l-Artikoli 63 u 66.
2. Il-perjodi ta’ limitazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jibdew jgħoddu mill-jum li fih jitwettaq il-ksur. Fejn ikun hemm ksur kontinwu jew ripetut, il-perjodi ta’ limitazzjoni għandhom jibdew jiddekorru mill-jum li fih twettaq l-aħħar ksur.
3. Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-finijiet li tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni.
4. L-interruzzjoni tal-perjodu ta’ limitazzjoni għandha tapplika għall-partijiet kollha li jinżammu responsabbli għall-parteċipazzjoni fil-ksur.
5. Ma’ kull interruzzjoni tal-perjodu ta’ limitazzjoni, dak il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jerġa’ jibda jiddekorri mill-bidu. Madankollu, il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jiskadi mhux aktar tard mill-jum li fih ikun għadda perjodu twil id-doppju tal-perjodu ta’ limitazzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu ta’ limitazzjoni jiġi sospiż minħabba li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 74
Perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-penali
1. Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 72 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ tliet snin.
2. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jibda mill-ġurnata li fiha d-deċiżjoni ssir finali.
3. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ multi u ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi interrott bi:
(a)
notifika ta’ deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali jew tirrifjuta l-applikazzjoni għal varjazzjoni;
(b)
kwalunkwe azzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, imfassla biex tinforza l-ħlas tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali.
4. Ma’ kull interruzzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 3, il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jerġa’ jibda jiddekorri mill-bidu.
5. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ multi u ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm:
(a)
huwa permess iż-żmien għall-ħlas;
(b)
l-infurzar tal-pagament jiġi sospiż skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 75
Id-dritt li wieħed jinstema’ għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali
1. Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 72, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jkunu ngħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar:
(a)
is-sejbiet preliminari li tkun għamlet il-Kummissjoni, inkluż kwalunkwe kwistjoni li b’rabta magħha l-Kummissjoni tkun qajmet oġġezzjonijiet;
(b)
il-miżuri li l-Kummissjoni tista’ tkun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.
2. L-operaturi ekonomiċi kkonċernati jistgħu jippreżentaw lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f’limitu ta’ żmien li għandha tiffissa l-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha, u li ma jistax ikun ta’ inqas minn 14-il jum ta’ xogħol.
3. Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-impożizzjoni tagħha ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom l-operaturi ekonomiċi kkonċernati setgħu jikkummentaw.
4. Meta l-Kummissjoni tkun infurmat lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati bis-sejbiet preliminari tagħha kif imsemmijin fil-paragrafu 1, għandha tagħti aċċess, jekk tintalab tagħmel dan, għall-fajl tal-Kummissjoni skont it-termini ta’ żvelar innegozjat, soġġett għall-interess leġittimu tal-operaturi ekonomiċi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom, jew sabiex jiġu ppreservati sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ kwalunkwe persuna. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali u għal dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiżvela u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tagħti prova li jkun sar ksur.
TAQSIMA 6
BORD GĦAS-SIGURTÀ TAL-PROVVISTA FIL-QASAM TAD-DIFIŻA
Artikolu 76
Bord għas-Sigurtà tal-Provvista fil-qasam tad-Difiża
1. Il-Bord għas-Sigurtà tal-Provvista fil-qasam tad-Difiża (il-“Bord”) huwa b’dan stabbilit.
2. Il-kompitu ġenerali tal-Bord huwa li jassisti u jipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni skont dan il-Kapitolu.
3. Il-Kummissjoni għandha żżomm fluss regolari ta’ informazzjoni lill-Bord dwar kwalunkwe miżura ppjanata u dwar miżuri li jkunu ttieħdu wara l-attivazzjoni tal-istati ta’ kriżi tal-provvista skont l-Artikolu 60 jew 64. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa permezz ta’ sistema sigura tal-IT.
4. Għall-finijiet tat-tħejjija għal, u l-indirizzar ta’, stat ta’ kriżi tal-provvista msemmija fl-Artikolu 60 jew 64, il-Bord għandu jassisti lill-Kummissjoni:
(a)
fl-analiżi ta’ informazzjoni rilevanti għal kriżi miġbura mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni;
(b)
fil-valutazzjoni ta’ miżuri possibbli ta’ tħejjija;
(c)
fil-valutazzjoni ta’ jekk il-kriterji għall-attivazzjoni jew id-diżattivazzjoni tal-istati ta’ kriżi tal-provvista msemmija fl-Artikolu 60 jew 64 ġewx sodisfatti;
(d)
fl-iffaċilitar ta’ azzjoni kkoordinata mal-Istati Membri;
(e)
fl-għoti ta’ gwida dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri magħżula bħala rispons għall-kriżijiet tal-provvista fil-livell tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 60 jew 64, inkluż dwar l-attivazzjoni tal-miżuri msemmijin fl-Artikoli 62 sa 63 u 65 sa 71;
(f)
fl-identifikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi ta’ rispons biex l-Istati Membri jiżguraw id-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti rilevanti għal kriżi;
(g)
fil-faċilitazzjoni tal-iskambji u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, inkluż ma’ korpi oħrajn rilevanti għal kriżi fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll, kif xieraq, ma’ pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u rappreżentanti tal-industrija, is-soċjetà ċivili u d-dinja akkademika;
(h)
fl-identifikazzjoni ta’ suġġetti rilevanti għat-twettiq tat-testijiet tal-istress;
(i)
fl-iżvilupp ta’ qafas u metodoloġija għall-identifikazzjoni ta’ prodotti rilevanti għal kriżi u l-lista ta’ indikaturi ta’ twissija bikrija;
(j)
fit-twettiq tal-immappjar rigward il-prodotti rilevanti għal kriżi u l-indikaturi ta’ twissija bikrija;
(k)
fil-valutazzjoni ta’ jekk tkunx meħtieġa u proporzjonata estensjoni tal-istat ta’ kriżi tal-provvista u jekk tkunx xierqa terminazzjoni;
(l)
fil-valutazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ u l-identifikazzjoni, fejn xieraq, ta’ soluzzjonijiet potenzjali għal kwistjonijiet ta’ interess komuni; u
(m)
fl-identifikazzjoni tal-frekwenza xierqa għat-twettiq tat-testijiet tal-istress.
5. Il-Bord għandu jkun magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli u l-EDA. Għandu jkun kopresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni u tal-Istat Membru li jkollu l-presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill. Is-segretarjat tal-Bord għandu jiġi żgurat mill-Kummissjoni. L-Istati Membri biss għandu jkollhom drittijiet tal-vot.
6. Il-kopresidenti għandhom jistiednu rappreżentanti tal-Parlament Ewropew biex jattendu, bħala osservaturi, il-laqgħat tal-Bord.
7. Il-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom id-dritt li jsiru membri, mingħajr drittijiet tal-vot, tal-Bord f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
8. Il-Bord għandu jiltaqa’ kull meta s-sitwazzjoni tkun teżiġi dan, fuq talba tal-Kummissjoni, ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż assoċjat li sar membru tal-Bord. Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi ta’ proposta ppreżentata mill-Kummissjoni. Dawk ir-regoli ta’ proċedura għandhom jipprovdu mekkaniżmi biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-Bord fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, inkluż billi jipprevedu proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim relatati ma’ tilwim potenzjali bejn il-kopresidenti.
9. Il-Bord jista’ joħroġ rakkomandazzjonijiet, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tiegħu stess. Il-Bord għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkollhom l-akbar appoġġ possibbli.
10. Il-Bord għandu jistieden, mill-inqas darba fis-sena, rappreżentanti mill-assoċjazzjonijiet industrijali tad-difiża nazzjonali u rappreżentanti industrijali magħżula biex jieħdu sehem, bħala osservaturi, fil-ħidma tiegħu, filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata rappreżentanza ġeografika bbilanċjata. Meta jkun ġie attivat l-istat ta’ kriżi tal-provvista msemmi fl-Artikolu 60 jew 64, il-Bord għandu jistieden, meta rilevanti, rappreżentanti industrijali ta’ livell għoli biex jieħdu sehem, bħala osservaturi, fil-ħidma tiegħu, imlaqqgħin f’konfigurazzjoni speċjali sabiex jiddiskutu kwistjonijiet marbuta ma’ prodotti rilevanti għal kriżi jew, fejn jiġi attivat stat ta’ kriżi fil-provvista relata mas-sigurtà skont l-Artikolu 64, il-prodott tad-difiża kkonċernat.
11. Il-Bord għandu jistieden lir-rappreżentanti ta’ korpi rilevanti għal kriżi oħra fil-livell tal-Unjoni bħala osservaturi waqt il-laqgħat rilevanti tiegħu.
12. Il-Bord għandu jistieden rappreżentant mill-Ukrajna biex jattendi l-laqgħat bħala osservatur, meta rilevanti, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tiegħu u b’rispett dovut għall-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
13. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-inklużività u tipprovdi aċċess ugwali għall-informazzjoni lill-membri tal-Bord sabiex tiżgura li l-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord jirrifletti s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri kollha. Il-Bord għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura t-trattament u l-ipproċessar sikur tal-informazzjoni klassifikata u sensittiva f’konformità mal-Artikoli 79 u 80.
14. Fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq proposta tal-Bord, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi gruppi ta’ ħidma fuq bażi ad hoc biex jappoġġaw lill-Bord fil-ħidma tiegħu għall-fini li jeżamina kwistjonijiet speċifiċi abbażi tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw esperti għal dawk il-gruppi ta’ ħidma. L-EDA tista’ tiġi mistiedna għal-laqgħat ta’ tali gruppi ta’ ħidma.
15. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ ħidma skont it-tifsira tal-paragrafu 14 dwar l-ostakli legali, regolatorji u amministrattivi. L-objettivi ta’ dak il-grupp ta’ ħidma għandhom ikunu:
(a)
l-identifikazzjoni ta’ ostakli legali, regolatorji u amministrattivi eżistenti jew potenzjali fil-livelli internazzjonali, tal-Unjoni u nazzjonali għall-kisba tal-objettivi elenkati fl-Artikolu 1(2), il-punt (6);
(b)
l-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet potenzjali u miżuri ta’ mitigazzjoni għall-ostakli identifikati.
KAPITOLU VIII
GOVERNANZA, EVALWAZZJONI U KONTROLL
Artikolu 77
Proċedura ta’ Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. L-EDA għandha tiġi mistiedna tagħti l-fehmiet u l-għarfien espert tagħha lill-kumitat bħala osservatur. Anke s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jiġi mistieden jassisti fil-ħidma tal-kumitat.
3. Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba minn Stat Membru wieħed jew aktar, tistieden, meta rilevanti, rappreżentanti tal-Ukrajna biex jattendu l-laqgħat tal-kumitat. Ir-rappreżentanti tal-Ukrajna ma għandhomx ikunu preżenti matul id-deliberazzjonijiet, u ma għandhomx jipparteċipaw fil-votazzjoni tal-kumitat.
4. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
5. Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 78
Ftehim ta’ finanzjament mal-Ukrajna
1. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi mal-Ukrajna ftehim ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 114(2) tar-Regolament Finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament li jikkonċernaw l-Ukrajna jew l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Ukrajna li jirċievu fondi mill-Unjoni.
2. Il-ftehim ta’ finanzjament konkluż mal-Ukrajna u l-kuntratti u l-ftehimiet iffirmati ma’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Ukrajna li jirċievu fondi mill-Unjoni, għandhom jiżguraw li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju jkunu jistgħu jiġu sodisfatti.
3. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistabbilixxi l-obbligi tal-awtoritajiet u l-korpi Ukreni inkarigati bil-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluż miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi, biex jirrispettaw il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, trasparenza u nondiskriminazzjoni, biex jiżguraw il-viżibbiltà tal-azzjoni tal-Unjoni fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, biex jissodisfaw l-obbligi xierqa ta’ kontroll u awditjar u jġorru r-responsabbiltajiet li jirriżultaw, u biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, billi, b’mod partikolari, jippromulgaw dispożizzjonijiet dettaljati dwar:
(a)
l-attivitajiet relatati mal-kontroll, is-superviżjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rappurtar u l-awditjar tal-finanzjament tal-Unjoni taħt l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, kif ukoll l-attivitajiet relatati mal-investigazzjonijiet, il-miżuri kontra l-frodi u l-kooperazzjoni;
(b)
ir-regoli dwar it-taxxi, id-dazji u l-imposti f’konformità mal-Artikolu 27(9) u (10) tar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (47);
(c)
id-dritt tal-Kummissjoni li timmonitorja l-attivitajiet skont dan ir-Regolament imwettqa mill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Ukrajna, matul iċ-ċiklu kollu tal-proġett, inkluż għall-kooperazzjoni għal azzjoni ta’ akkwist komuni, li tieħu sehem f’dawk l-attivitajiet bħala osservatur, kif xieraq, u li tagħmel rakkomandazzjonijiet għat-titjib ta’ tali attivitajiet, u impenn mill-awtoritajiet Ukreni biex jagħmlu mill-aħjar ħalli jimplimentaw tali rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u jirrapportaw dwar dik l-implimentazzjoni;
(d)
l-obbligi msemmija fl-Artikolu 83(2), li jinkludu regoli preċiżi u perjodu ta’ żmien fir-rigward tal-ġbir tad-data mill-Ukrajna u l-aċċess għal din id-data mill-Kummissjoni u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF);
(e)
il-protezzjoni u t-trattament ta’ informazzjoni klassifikata f’konformità mar-regoli applikabbli;
(f)
dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali.
4. Il-finanzjament għandu jingħata lill-Ukrajna biss wara li l-ftehim ta’ finanzjament ikun daħal fis-seħħ u l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati r-rekwiżiti li jistabbilixxi jkunu ġew implimentati mill-partijiet.
5. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, min-naħa tagħha, jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex l-arranġament finanzjarju isir effettiv mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2026.
Artikolu 79
Protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata
1. L-informazzjoni klassifikata li tiġi maħluqa, ittrattata, maħżuna, skambjata jew kondiviża skont dan ir-Regolament għandha tiġi protetta f’konformità mar-regoli tas-sigurtà stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (48) jew fil-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, rigward il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, kif xieraq.
2. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiddeċiedu min hu l-oriġinatur tal-informazzjoni ġdida miksuba klassifikata fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet eliġibbli elenkati skont l-Artikolu 10.
3. Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni klassifikata meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha skont dan ir-Regolament dwar l-azzjonijiet eliġibbli elenkati skont l-Artikolu 10.
4. Fil-kuntest ta’ SEAP, ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata msemmija fl-Artikolu 45(1), il-punt (n), għandhom jikkonformaw mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
5. Meta SEAP tinkludi pajjiżi assoċjati jew l-Ukrajna fost il-membri jew l-osservaturi tagħha, tali SEAP għandha tiżgura livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak mogħti mill-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea.
6. Il-qafas ta’ sigurtà applikabbli għal azzjoni għandu jitqiegħed fis-seħħ mill-Istati Membri parteċipanti sa mhux aktar tard minn qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim ta’ għotja jew il-kuntratt. Id-dokumenti rilevanti għandhom jiffurmaw parti integrali mill-ftehim ta’ għotja jew mill-kuntratt.
7. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema li tkun akkreditata għas-sigurtà f’konformità mad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/444 sabiex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati, u, fejn xieraq, mal-applikanti u r-riċevituri.
Artikolu 80
Kunfidenzjalità tal-informazzjoni
1. L-informazzjoni li tasal b’riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-iskop li għalih tkun intalbet.
2. L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-EDA għandhom jiżguraw il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u tan-negozju u ta’ informazzjoni sensittiva oħra miksuba u ġġenerata bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-liġital-Unjoni u mal-liġi nazzjonali rispettiv.
3. Il-Kummissjoni għandha tittratta l-informazzjoni li jkun fiha kwalunkwe data ta’ entità jew kwalunkwe sigriet kummerċjali b’mod li ma jkunx inqas strett minn meta tittratta informazzjoni sensittiva, inkluż l-applikazzjoni tal-“prinċipju tal-ħtieġa ta’ tagħrif” u l-użu ta’ ambjenti kriptati xierqa għat-trattament u l-kondiviżjoni ta’ tali informazzjoni.
Artikolu 81
Protezzjoni ta’ data personali
Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (49) u r-Regolamenti (UE) 2016/679 (50) u (UE) 2018/1725 (51) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Artikolu 82
Awditjar
L-awditi dwar l-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew entitajiet, inkluż minn persuni jew entitajiet li mhumiex inkarigati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji jew mill-aġenziji tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija globali skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u tan-nefqa kollha tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 287 TFUE.
Artikolu 83
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. Meta pajjiż assoċjat jieħu sehem fil-Programm permezz ta’ deċiżjoni adottata skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew abbażi ta’ kwalunkwe strument legali ieħor, il-pajjiż assoċjat għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji li jkunu meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l-OLAF u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, tali drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq l-investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.
2. Il-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 78 għandu jipprevedi l-obbligi tal-Ukrajna:
(a)
li tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li tidentifika u tevita finanzjament doppju u li tieħu azzjoni legali biex jiġu rkuprati fondi li ġew miżapproprjati;
(b)
li tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut intuża f’konformità mar-regoli applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess;
(c)
li takkumpanja talba għal pagament skont l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna ma’ dikjarazzjoni li l-fondi ntużaw f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u għall-iskop maħsub tagħhom u li ġew ġestiti b’mod xieraq, b’mod partikolari f’konformità mar-regoli Ukreni kkomplementati minn standards internazzjonali dwar il-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess;
(d)
li tawtorizza b’mod ċar lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, meta applikabbli, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom kif previst fl-Artikolu 129(1) tar-Regolament Finanzjarju, billi japplikaw il-prinċipju tal-proporzjonalità.
Artikolu 84
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità
1. Ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini tal-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà ta’ dak il-finanzjament, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż il-media u l-pubbliku.
2. Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati ma’ dan ir-Regolament, mal-azzjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament, u mar-riżultati miksuba.
3. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm u għall-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandhom jikkontribwixxu għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, dment li dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikoli 4 u 22.
4. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm u għall-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jistgħu jikkontribwixxu għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ tixrid, avvenimenti ta’ tlaqqigħ u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, b’mod partikolari li jkunu maħsuba biex jiftħu l-ktajjen tal-provvista biex titrawwem il-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs.
Artikolu 85
Monitoraġġ, evalwazzjoni u rieżami
1. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Programm u tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna fuq bażi regolari u tirrapporta lura kull sena dwar il-progress li jkun sar, inkluż dwar il-livell ta’ involviment tal-SMEs u tal-mid-caps żgħar u dwar in-nefqa ġenerali tal-Programm u tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna mqassma skont it-tip ta’ azzjonijiet u skont il-forma tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti ta’ monitoraġġ meħtieġa li jiżguraw li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Programm u tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu. Għal dak il-għan, jistgħu jiġu imposti rekwiżiti proporzjonati ta’ rapportar fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni u, fejn meħtieġ, lill-Istati Membri.
2. Sat-30 ta’ Ġunju 2027, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport, ibbażat fuq indikaturi fejn xieraq, li jevalwa l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament u r-riżultati tagħhom u li jivvaluta l-ħtieġa għal reviżjoni possibbli ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jibni fuq il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin u għandu jevalwa l-kontribut ta’ dan ir-Regolament għall-progress li jkun sar biex jiżdiedu l-valur tat-tagħmir tad-difiża akkwistat fl-Unjoni b’mod kollaborattiv; il-valur tal-kummerċ tad-difiża intra-UE, u l-valur tal-investiment fid-difiża tal-Istati Membri akkwistat fl-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bi proposti leġiżlattivi rilevanti mehmużin miegħu meta jkun meħtieġ.
Artikolu 86
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(1) ĠU C, C/2025/805, 31.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/805/oj.
(2) ĠU C, C/2024/4662, 9.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4662/oj.
(3) ĠU C, C/2025/1705, 26.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1705/oj.
(4) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2025.
(5) Ir-Regolament (UE) 2023/1525 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP) (ĠU L 185, 24.7.2023, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1525/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) (ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2418/oj).
(7) Ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).
(9) Ir-Regolament (UE) 2024/2773 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna u li jipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna (ĠU L, 2024/2773, 28.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2773/oj).
(10) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri Parteċipanti (ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2315/oj).
(12) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.
(13) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi, (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).
(14) Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2021/1058/oj).
(15) Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2021/1057/oj).
(16) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(17) Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/852/oj).
(18) ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/1/oj.
(19) ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/295/oj.
(20) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/883/oj).
(21) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/2988/oj).
(22) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2185/oj).
(23) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1939/oj).
(24) Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/1371/oj).
(25) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1764 tal-5 ta’ Ottubru 2021 dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u t-Territorji ekstra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea inkluż ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea minn naħa, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni ekstra-Ewropea, inkluż Greenland) (ĠU L 355, 7.10.2021, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1764/oj).
(26) Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/523/oj).
(27) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj).
(28) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/262/oj).
(29) Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/81/oj).
(30) Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/43/oj).
(31) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).
(32) ĠU C 202, 8.7.2011, p. 13.
(33) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/24/oj).
(34) Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/25/oj).
(35) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2003/361/oj).
(36) Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj).
(37) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1099 tal-21 ta’ Mejju 2025 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi żgħar b’kapitalizzazzjoni medja (ĠU L, 2025/1099, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2025/1099/oj).
(38) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj).
(39) Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/452/oj).
(40) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/43/oj).
(41) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/60/oj).
(42) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj).
(43) Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/147/oj).
(44) Ir-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni (ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1092/oj).
(45) Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/697/oj).
(46) Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/88/oj).
(47) Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/947/oj).
(48) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj).
(49) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).
(50) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(51) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
Saru tliet dikjarazzjonijiet fir-rigward ta’ dan ir-Regolament u jistgħu jinstabu fil-ĠU C, C/2025/6783, 29.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6783/oj, ĠU C, C/2025/6784, 29.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6784/oj u ĠU C, C/2025/6785, 29.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6785/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2643/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top