Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2026/1030
12.5.2026
REGOLAMENT (UE) 2026/1030 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-29 ta’ April 2026
dwar il-kontabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91(1) u 100(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
(1)
L-appoġġ favur l-isforzi lejn aktar sostenibbiltà u effiċjenza tas-sistema tat-trasport tal-Unjoni huwa prerekwiżit biex jinżamm perkors stabbli lejn in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li fl-istess ħin titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u inklużiva, jiġi ppreservat it-tkabbir kontinwu u tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea.
(2)
Il-kontabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tintuża f’diversi setturi ekonomiċi – inkluż it-trasport – biex tiġi kkwantifikata d-data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn attivitajiet speċifiċi ta’ korpi pubbliċi, intrapriżi u konsumaturi. Informazzjoni aħjar dwar il-prestazzjoni tas-servizzi tat-trasport hija għodda b’saħħitha sabiex jinħolqu l-inċentivi xierqa biex l-utenti tat-trasport jagħmlu għażliet aktar sostenibbli, biex jiġu influwenzati d-deċiżjonijiet kummerċjali tal-operaturi tat-trasport, tal-organizzaturi tas-servizzi tat-trasport u tal-operaturi tal-hubs, u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-entitajiet li jwettqu kuntratti ta’ akkwist pubbliku. Data affidabbli u komparabbli dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra hija r-rekwiżit sottostanti biex jinħolqu dawk l-inċentivi, u b’hekk tiġi inċentivata bidla fl-imġiba fost il-korpi pubbliċi, l-intrapriżi u l-konsumaturi bl-istess mod, sabiex jingħata kontribut għall-objettivi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” għat-trasport, u r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dan ir-Regolament jikkostitwixxi waħda mill-azzjonijiet meħuda mill-Unjoni lejn tranżizzjoni ekoloġika, flimkien ma’ atti jew inizjattivi legali oħra tal-Unjoni, inkluż id-Direttiva (UE) 2024/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).
(3)
Minkejja l-interess dejjem jikber tal-partijiet ikkonċernati tat-trasport, l-adozzjoni ġenerali tal-kontabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport għadha limitata. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-utenti tat-trasport ma jiksbux informazzjoni preċiża dwar il-prestazzjoni tas-servizzi tat-trasport, u l-operaturi tat-trasport, l-organizzaturi tas-servizzi tat-trasport u l-operaturi tal-hubs ma jikkalkulawx u ma jiżvelawx l-emissjonijiet tagħhom. Adozzjoni sproporzjonament baxxa tal-kontabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra hija osservata b’mod partikolari fost l-intrapriżi mikro, żgħar u medji (SMEs) li jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tal-intrapriżi li joffru servizzi tat-trasport fis-suq intern. Fil-fatt, l-SMEs jiffaċċjaw b’mod sproporzjonat aktar piżijiet finanzjarji u amministrattivi meta jiddeċiedu li jikkalkulaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport tagħhom.
(4)
Il-Kummissjoni, fil-White Paper tagħha tat-28 ta’ Marzu 2011 intitolata “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”, tippreżenta viżjoni għall-futur tas-sistema tat-trasport tal-Unjoni u tiddefinixxi aġenda ta’ politika biex tindirizza l-isfidi futuri tat-trasport, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tinżamm u tiġi żviluppata l-mobbiltà u li jitnaqqsu b’mod konsiderevoli l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-operazzjonijiet tat-trasport u tal-loġistika.
(5)
Il-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tad-9 ta’ Diċembru 2020 intitolata “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti — inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur”, tirreferi għal inċentivi biex jintgħażlu l-opzjonijiet ta’ trasport l-aktar sostenibbli, minn fost il-modi tat-trasport u bejniethom. Dawk l-inċentivi jinkludu l-istabbiliment ta’ qafas Ewropew għall-kejl armonizzat tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport u l-loġistika, ibbażat fuq standards rikonoxxuti globalment, li mbagħad ikun jista’ jintuża biex jipprovdi lin-negozji u lill-utenti finali stima tal-impronta tal-karbonju tal-għażliet tagħhom, u biex iżid id-domanda mill-utenti finali u mill-konsumaturi għal soluzzjonijiet ta’ trasport u mobbiltà aktar sostenibbli, filwaqt li jiġi evitat il-“greenwashing”.
(6)
Il-gassijiet serra relatati mat-trasport u l-loġistika jiġu emessi matul l-operazzjonijiet tal-vetturi, l-operazzjonijiet tal-hubs tat-trasport u tal-loġistika, il-produzzjoni tal-vetturi tal-enerġija rispettivi, il-manifattura u t-tmiem tal-ħajja ta’ vettura, u l-kostruzzjoni, u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tat-trasport.
(7)
Għalhekk, l-istabbiliment ta’ regoli armonizzati għall-kontabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri huwa xieraq biex jinkisbu ċifri komparabbli għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport u biex tiġi evitata informazzjoni qarrieqa dwar il-prestazzjoni tagħhom li tirriżulta meta jkun possibbli li wieħed jagħżel bejn diversi metodi għall-kalkolu tal-emissjoni u d-data tal-input. Jenħtieġ li regoli armonizzati bħal dawn jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-entitajiet tat-trasport u tal-hubs tal-Unjoni u l-entitajiet tat-trasport u tal-hubs minn pajjiżi terzi, bejn il-modi tat-trasport, is-segmenti, u n-networks nazzjonali tat-trasport. Jenħtieġ li l-istabbiliment ta’ regoli armonizzati jgħin ukoll biex jinħolqu inċentivi għal bidla fl-imġiba fost il-korpi pubbliċi, l-intrapriżi u l-konsumaturi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-servizzi tat-trasport permezz tal-adozzjoni u l-użu ta’ data komparabbli u affidabbli dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
(8)
Dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprovdi qafas ta’ referenza għall-kalkolu u l-iżvelar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, fuq bażi kuntrattwali jew volontarja għal finijiet kummerċjali, jew fejn tali kalkolu u żvelar ikunu meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali applikabbli. Jenħtieġ li dak il-qafas ta’ referenza jiffaċilita miżuri oħra għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jistgħu jittieħdu b’mod ulterjuri mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-industrija, inkluż meta jiġu stabbiliti klawżoli ta’ trasparenza dwar il-gassijiet serra fil-kuntratti tat-trasport, meta tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ servizz ta’ trasport lill-passiġġieri jew lill-klijenti, jew meta jiġu stabbiliti kriterji relatati mal-klima għal proċeduri ta’ akkwist ekoloġiku.
(9)
Minkejja l-benefiċċji li jirriżultaw miż-żieda fit-trasparenza dwar il-prestazzjoni tas-servizzi tat-trasport, l-applikazzjoni obbligatorja ta’ dan ir-Regolament għall-entitajiet kollha tat-trasport u tal-hubs li joffru servizzi tat-trasport fis-suq intern tkun sproporzjonata u twassal għal kostijiet u piżijiet eċċessivi. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss għal dawk l-entitajiet li jiddeċiedu, jew li huma marbuta b’reġimi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi rilevanti oħra, li jikkalkulaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija jew tal-passiġġieri li jibdew jew jintemmu fit-territorju tal-Unjoni u jiżvelaw din l-informazzjoni. Konsegwentement, dan jinkludi servizzi li l-punti tal-oriġini jew tad-destinazzjoni tagħhom jinsabu f’pajjiż terz. Fil-fatt, sabiex jiġi żgurat li s-servizzi tat-trasport rilevanti kollha jiġu kkontabilizzati u jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-entitajiet tat-trasport u tal-hubs tal-Unjoni u l-entitajiet tat-trasport u tal-hubs minn pajjiżi terzi, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għas-servizzi tat-trasport li jibdew u jintemmu barra mit-territorju tal-Unjoni, iżda li jieqfu fl-Unjoni sabiex jimbarkaw jew jiżbarkaw il-passiġġieri jew biex titgħabba jew tinħatt il-merkanzija.
(10)
Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-entitajiet li jikkalkulaw u jiżvelaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport, b’mod partikolari l-operaturi tat-trasport, l-organizzaturi tas-servizzi tat-trasport u l-operaturi tal-hubs, kif ukoll għall-ispedituri li jirrappreżentaw kategorija speċifika ta’ utenti tat-trasport li jordnaw servizzi tat-trasport biex iċaqalqu l-merkanzija tagħhom lejn jew minn postijiet deżinjati u li, skont is-sitwazzjoni, jistgħu jieħdu wkoll ir-rwol ta’ operatur tat-trasport, organizzatur tas-servizzi tat-trasport jew intermedjarju tad-data. Jenħtieġ li l-iżviluppaturi ta’ għodod ta’ kalkolu esterni, l-iżviluppaturi ta’ bażijiet ta’ data ta’ partijiet terzi u l-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li jipprovdu servizzi ta’ appoġġ għall-kalkolu jew għall-verifika tad-data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport ikunu marbuta b’regoli speċifiċi relatati, rispettivament, maċ-ċertifikazzjoni ta’ għodod ta’ kalkolu esterni, mal-kontroll tekniku tal-kwalità tal-valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u mal-attivitajiet ta’ verifika u mal-proċeduri ta’ akkreditazzjoni. Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll għal dawk l-intermedjarji tad-data li jikkalkulaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport u jiżvelaw din l-informazzjoni. Meta l-intermedjarji tad-data sempliċiment jiksbu jew jikkombinaw data tal-output tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u mbagħad jiżvelaw tali data tal-output, jenħtieġ li jkunu marbuta biss b’regoli rilevanti relatati mal-komunikazzjoni u t-trasparenza tad-data żvelata dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, biex tiġi żgurata l-komparabbiltà ta’ dik id-data tal-output fis-suq.
(11)
Il-kalkolu u l-iżvelar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettqu b’mod diżaggregat, fil-livell tas-servizzi tat-trasport, f’konformità mal-metodoloġija għall-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport imsemmija f’dan ir-Regolament. Konsegwentement, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax meta l-kalkolu u l-iżvelar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jitwettqu f’forma aggregata. Dan jinkludi sitwazzjonijiet fejn l-iżvelar obbligatorju ta’ informazzjoni relatata mal-ambjent għar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà u l-istabbiliment ta’ kontijiet ambjentali għal finijiet statistiċi tkun derivata minn atti legali oħra tal-Unjoni, bħal dawk stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u d-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li jkun possibbli li tintuża l-informazzjoni miksuba abbażi ta’ dan ir-Regolament biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ rapporti konsolidati dwar l-emissjonijiet meħtieġa skont liġijiet applikabbli oħra tal-Unjoni, dment li l-metodoloġiji rispettivi u d-data miġbura jkunu kompatibbli biżżejjed.
(12)
Metodoloġija xierqa għall-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport hija waħda mill-aspetti ewlenin tal-qafas armonizzat tal-Unjoni stabbilit b’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-metodoloġija tiżgura li l-kalkoli tal-emissjonijiet imwettqa tul katina tat-trasport jipprovdu data komparabbli u preċiża dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, billi ssegwi sett wieħed ta’ passi metodoloġiċi. Jenħtieġ li l-metodoloġija tqis ukoll b’mod adegwat il-ħtiġijiet tas-suq tat-trasport, sabiex jiġu evitati kumplessità żejda, piżijiet u kostijiet eċċessivi, b’mod partikolari għall-SMEs, u jenħtieġ li tkun fattibbli għall-partijiet ikkonċernati.
(13)
Jenħtieġ li l-istandard EN ISO 14083:2023 - Greenhouse gases — Quantification and reporting of greenhouse gas emissions arising from transport chain operations (l-“istandard EN ISO”) (Gassijiet serra — Il-kwantifikazzjoni u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tal-katina tat-trasport), ippubblikat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni f’April 2023, ikun il-metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport skont dan ir-Regolament. Il-promozzjoni tal-applikazzjoni tiegħu fl-Unjoni trawwem il-kompatibbiltà internazzjonali tal-kontabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tiffaċilita aktar allinjament globali tal-metodoloġija applikata. L-analiżi tal-Kummissjoni wriet li l-istandard EN ISO huwa l-aktar standard rilevanti u proporzjonat fl-indirizzar tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, inkluż biex tiżdied l-adozzjoni mis-suq u għall-komparabbiltà tad-data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Il-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jitwettaq fuq bażi “mill-estrazzjoni sal-użu”, li tinkludi l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw mill-provvista tal-enerġija u mill-użu tal-vetturi matul l-operazzjonijiet tat-trasport u tal-hubs.
(14)
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u l-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni tal-Istati Membri, hija impenjata li tiżgura aċċess sħiħ għal dan ir-Regolament.
(15)
L-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja ġeneralment jitqiesu li jinkludu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-estrazzjoni sal-użu, u l-emissjonijiet mill-produzzjoni, il-manutenzjoni u r-rimi tal-vetturi, kif ukoll mill-infrastruttura relatata mat-trasport fejn ikun rilevanti, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2279 (8). Madankollu, valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tista’ twassal għal kostijiet għoljin tal-implimentazzjoni u tesponi lill-entitajiet tat-trasport u tal-hubs għal kumplessità kontabilistika, b’mod partikolari għall-emissjonijiet li jirrigwardaw l-infrastruttura relatata mat-trasport. Għal raġunijiet ta’ proporzjonalità u ta’ kamp ta’ applikazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jirrikjedix l-użu ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja mingħajr valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, bl-objettiv li għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament tinżamm referenza għal standards rikonoxxuti globalment, jenħtieġ li l-progress miksub fi ħdan l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni jiġi rrappurtat, bħala parti minn dik il-valutazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dan ir-Regolament.
(16)
Jenħtieġ li tingħata attenzjoni biex ma jkunx hemm devjazzjoni mill-għażliet metodoloġiċi tal-istandard EN ISO, sabiex jiġu evitati inkonsistenzi fil-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport fis-suq, speċjalment fil-kuntest tal-ktajjen tat-trasport internazzjonali. Madankollu, huwa xieraq li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għal aġġustament possibbli tal-istandard EN ISO mill-perspettiva tal-politiki tal-Unjoni, inkluż il-leġiżlazzjoni imminenti. Jekk il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tikkonkludi li emenda għall-istandard jew għal komponent tiegħu toħloq riskju ċar ta’ inkompatibbiltà mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament jew ma’ liġi applikabbli oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari mar-Regolament (UE) 2021/1119, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu l-inizjattivi leġizlattivi meħtieġa, fil-forma ta’ atti delegati, biex tipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ dik l-emenda. Jekk dik il-valutazzjoni turi riskju li emenda għall-istandard jew għal komponent tiegħu jista’ joħloq żbilanċi bla bżonn fil-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport f’segmenti speċifiċi tas-suq jew twassal għal diskrepanzi bejn dak l-istandard u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament jew dawk ta’ liġi applikabbli oħra tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu l-inizjattivi leġizlattivi meħtieġa, fil-forma ta’ atti ta’ implimentazzjoni, biex titlob lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni biex jirrevedi l-istandard kif xieraq.
(17)
Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni mhux preċiża fis-suq, jista’ jkun meħtieġ li tiġi ċċarata l-metodoloġija komuni fir-rigward tal-parametri u tas-suppożizzjonijiet rilevanti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra użati għall-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra qabel ma jiġi pprovdut servizz. L-istess japplika għal parametri tekniċi rilevanti oħra relatati mal-allokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jew mal-aggregazzjoni tal-elementi tad-data fejn l-użu ta’ dawk il-parametri ma jkunx iċċarat b’mod espliċitu f’dik il-metodoloġija komuni.
(18)
Għall-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport jistgħu jintużaw diversi tipi ta’ data tal-input, inkluż data primarja u sekondarja. L-użu ta’ data primarja jwassal għar-riżultati l-aktar affidabbli u preċiżi, u għalhekk jenħtieġ li jingħata prijorità biex tiġi prevista l-adozzjoni gradwali ta’ dik id-data primarja fil-proċessi tal-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Jista’ jagħti l-każ li d-data primarja ma tkunx tista’ tinkiseb jew tkun għalja b’mod projbittiv għal ċerti partijiet ikkonċernati, speċjalment l-SMEs. Għalhekk, jenħtieġ li l-użu ta’ data sekondarja jkun permess taħt kundizzjonijiet ċari. Madankollu, sabiex tinkiseb kontabbilizzazzjoni aktar preċiża tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, jenħtieġ li Stat Membru jkun jista’ jipprevedi li l-użu ta’ data primarja jkun obbligatorju għal operazzjonijiet ta’ trasport fit-territorju tiegħu minn entitajiet tat-trasport u tal-hubs, li n-numru ta’ impjegati tagħhom jaqbeż limitu speċifiku stabbilit mil-liġi nazzjonali, fejn is-servizz tat-trasport jibda u jispiċċa fit-territorju tiegħu. Sabiex ma jfixklux is-servizzi tat-trasport internazzjonali u l-iżvilupp tal-SMEs, jenħtieġ li l-Istati Membri ma japplikawx tali rekwiżit għal operazzjonijiet ta’ trasport transfruntieri, inkluż għal operazzjonijiet ta’ trasport fi tranżitu mit-territorji tagħhom, jew għall-SMEs.
(19)
Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintroduċu inċentivi ta’ natura amministrattiva, finanzjarja jew operazzjonali biex jistimulaw l-użu ta’ data primarja.
(20)
Fir-rigward tad-data sekondarja, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ servizz tat-trasport jistgħu jiġu kkalkulati bl-użu ta’ valuri prestabbiliti jew ta’ data mmudellata. Jenħtieġ li l-valuri prestabbiliti jiġu stabbiliti u li d-data mmudellata tiġi żviluppata u aġġornata b’mod newtrali u oġġettiv, abbażi ta’ sorsi fdati u parametri adegwati. Jenħtieġ li l-bażijiet ta’ data ma jkunx fihom valuri prestabbiliti li jwasslu biex l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw jiġu strutturalment sottovalutati meta mqabbla mal-valuri magħrufa tad-dinja reali ta’ servizzi komparabbli. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-bażijiet ta’ data ta’ partijiet terzi ma jirċevux valutazzjoni pożittiva wara l-kontroll tekniku tal-kwalità.
(21)
Jenħtieġ li tiġi stabbilita bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni ta’ valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjoni ta’ gassijiet serra (“bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni”) biex titjieb il-komparabbiltà tad-data tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dik il-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni tipprovdi biżżejjed granularità u tirrifletti l-ispeċifiċitajiet settorjali, reġjonali u nazzjonali fl-Unjoni kollha, u jenħtieġ li tinkludi tabelli separati għal kull mod ta’ trasport. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni tiġi aġġornata regolarment, u jenħtieġ li tivvaluta fuq bażi annwali jew aktar ta’ spiss il-ħtieġa għal aġġornamenti. Id-data dwar it-trasport marittimu jenħtieġ li tiġi derivata mill-bażi ta’ data “THETIS-MRV” u kkomplementata, fejn applikabbli, b’sorsi oħra ta’ informazzjoni bħall-bażi ta’ data FuelEU. Madankollu, minħabba l-ispeċifiċitajiet settorjali, reġjonali u nazzjonali ta’ dawk il-valuri prestabbiliti fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li jkunu permessi bażijiet ta’ data u settijiet ta’ data rilevanti oħra operati minn partijiet terzi, bil-kundizzjoni li jsirilhom kontroll tekniku tal-kwalità fil-livell tal-Unjoni.
(22)
Meta tiġi stabbilita l-intensità tal-emissjoni ta’ gassijiet serra ta’ servizz tat-trasport, il-fatturi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-vetturi tal-enerġija tat-trasport huma meħtieġa li jiksbu stimi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriflettu l-ammont ta’ enerġija użata f’perspettiva “mill-estrazzjoni sal-użu”. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni b’valuri prestabbiliti tal-fatturi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (“bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni”) tal-vetturi tal-enerġija tat-trasport biex jiġu ggarantiti l-komparabbiltà u l-kwalità tad-data tal-input.
(23)
Jenħtieġ li jiġi mħeġġeġ approċċ abbażi tal-post, dment li jiġi żgurat sett ta’ valuri tal-intensità aġġornati u preċiżi għall-Istati Membri differenti, meta jiġu kkwantifikati emissjonijiet relatati mal-użu ta’ elettriku abbażi ta’ valuri aġġornati u preċiżi tal-intensità tal-emissjoni għal kull Stat Membru. Fejn xieraq u fejn ikun żviluppat biżżejjed, jista’ jiġi applikat approċċ ibbażat fuq is-suq, dment li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness J tal-istandard EN ISO.
(24)
Jenħtieġ li, fejn disponibbli u xieraq, il-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni u l-bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni, jinkludu valuri prestabbiliti maqbula mill-Unjoni, jew fl-interess tal-Unjoni, fil-livell internazzjonali. Minħabba l-ispeċifiċitajiet settorjali, reġjonali u nazzjonali fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li l-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni u l-bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni jirriflettu t-tipi ta’ vetturi u l-vetturi tal-enerġija tat-trasport użati tipikament fl-Unjoni, f’xi wħud mill-Istati Membri jew fl-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li l-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni u l-bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni jirriflettu wkoll il-karatteristiċi uniċi ta’ Stati Membri differenti.
(25)
Jenħtieġ li l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni u l-bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni, kif ukoll il-kontroll tekniku tal-kwalità tal-bażijiet ta’ data u tas-settijiet ta’ data operati minn partijiet terzi jitwettqu minn korp newtrali u kompetenti li jopera fil-livell tal-Unjoni. B’kont meħud tal-mandat tagħha, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tipprovdi l-assistenza teknika meħtieġa għall-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament. Fejn meħtieġ, jenħtieġ li din il-ħidma tiddependi mill-kontributi ta’ korpi settorjali oħra tal-Unjoni, u tiġi appoġġata minnhom, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Fejn ikun neċessarju, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’input addizzjonali u volontarju.
(26)
Jenħtieġ li jkun possibbli li tintuża data mmudellata jekk tkun ibbażata fuq mudell stabbilit f’konformità mal-metodoloġija komuni u, fejn rilevanti, dispożizzjonijiet oħra dwar l-użu ta’ data sekondarja u ta’ għodod ta’ kalkolu stabbiliti f’dan ir-Regolament.
(27)
Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jirrikjedu l-ġbir, il-kejl, il-kalkolu u r-rappurtar annwali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-bastimenti u mill-inġenji tal-ajru, rispettivament. Ir-Regolament (UE) 2015/757 u d-Direttiva 2003/87/KE huma sa ċertu punt komplementari għal dan ir-Regolament, speċjalment f’termini tal-produzzjoni ta’ data dwar il-fjuwil maħruq bħala input għall-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet ta’ servizzi tat-trasport, għad-distanza vvjaġġata jew l-ammont ta’ merkanzija li nġarret. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li tintuża data tal-input għall-ġenerazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport li joriġinaw mill-implimentazzjoni ta’ oqfsa leġiżlattivi oħra, bħar-Regolament (UE) 2019/631 (11), (UE) 2019/1242 (12), (UE) 2023/1805 (13), jew (UE) 2023/2405 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Billi huwa xieraq li ssir referenza għal standard komuni fl-atti legali rilevanti kollha tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tiżgura l-kompatibbiltà u l-konsistenza ta’ dan ir-Regolament mal-atti legali eżistenti tal-Unjoni u ma’ inizjattivi futuri. B’mod partikolari jenħtieġ li, fl-inizjattivi imminenti u fi kwalunkwe leġiżlazzjoni sekondarja, il-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tirrikjedi li kwalunkwe kontabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport b’mod diżaggregat tkun ibbażata fuq il-metodoloġija komuni msemmija f’dan ir-Regolament.
(28)
Bil-fini li jiġi ffaċilitat il-ġbir ta’ data preċiża, il-kalkoli sussegwenti, u l-użu ta’ data primarja mill-SMEs, jenħtieġ li l-għoti ta’ aċċess għal data ta’ ġol-vettura jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta’ kwalunkwe proposta leġiżlattiva futura relatata mal-aċċess għad-data ta’ ġol-vettura.
(29)
Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u biex tiġi limitata l-kumplessità tal-kalkoli filwaqt li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi għodda ta’ kalkolu online simplifikata, mingħajr ħlas, aċċessibbli mill-pubbliku u faċli biex tintuża, imfassla b’mod partikolari għall-operaturi tat-trasport mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Jenħtieġ li l-għodda ta’ kalkolu tiġi żviluppata f’konformità mal-metodoloġija komuni stabbilita f’dan ir-Regolament, sabiex l-użu tagħha jiżgura l-korrettezza tal-kalkolu mwettaq. Jenħtieġ li tiffaċilita l-kalkoli bbażati fuq data primarja, u jenħtieġ li tippermetti l-użu ta’ data sekondarja rilevanti, inkluż fatturi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u, fejn disponibbli, valuri prestabbiliti għall-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra derivati mill-bażijiet ta’ data rikonoxxuti skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tkun issupplimentata b’manwal li jgħin fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jispjega kif tiffunzjona l-għodda ta’ kalkolu. Jenħtieġ li l-għodda ta’ kalkolu tiġi aġġornata perjodikament. Jenħtieġ li tindirizza l-lakuni fid-data fil-katina tal-informazzjoni, tippromwovi kontabbilizzazzjoni uniformi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għas-servizzi tat-trasport l-aktar tipiċi, ittejjeb it-trasparenza u l-komparabbiltà tad-data, u tikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni u l-inċentivar tal-adozzjoni tal-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont dan ir-Regolament.
(30)
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti metriċi komuni biex tiġi espressa d-data tal-output tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li huma l-bażi tal-komparabbiltà ta’ dik id-data u li tippermetti valutazzjoni komparattiva effettiva ta’ diversi servizzi tat-trasport. Jenħtieġ li l-metriċi komuni jippermettu wkoll komunikazzjoni ċara minn fornitur tad-data u fehim preċiż ta’ dik il-komunikazzjoni minn riċevitur tad-data.
(31)
Jenħtieġ li kwalunkwe informazzjoni diżaggregata dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ servizz tat-trasport li tiġi żvelata lil parti terza għal finijiet kummerċjali jew regolatorji f’konformità ma’ dan ir-Regolament tinkludi b’mod indispensabbli u prominenti d-data tal-output stabbilita skont ir-regoli speċifiċi għall-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport stabbiliti b’dan ir-Regolament. Jistgħu jiżdiedu elementi addizzjonali tad-data, li jservu finijiet oħra għajr dawk definiti skont dan ir-Regolament, meta rilevanti.
(32)
L-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra qabel il-forniment ta’ servizz tat-trasport huwa kruċjali biex iħeġġeġ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq informazzjoni valida mill-entitajiet pubbliċi, l-intrapriżi u l-konsumaturi, u jinfluwenza l-akkwist pubbliku mill-awtoritajiet pubbliċi u d-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ entitajiet tat-trasport u tal-hubs li jipprovdu u jorganizzaw dawk is-servizzi tat-trasport fis-suq. Għalhekk jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatata ma’ servizz tat-trasport speċifiku tiġi żvelata, kull meta jkun possibbli, qabel il-forniment tas-servizz tat-trasport. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi żvelata informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra wara l-forniment tas-servizz tat-trasport, b’mod partikolari fejn il-komunikazzjonijiet bejn l-intrapriżi jeħtieġ li jkollhom livell aktar dettaljat ta’ informazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ktajjen loġistiċi u r-relazzjonijiet kuntrattwali tas-sottokuntrattar, jew għall-fini tal-użu ta’ data primarja.
(33)
Sabiex jagħtu prova tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data li jikkalkulaw u jiżvelaw data tal-output dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ servizz tat-trasport ikunu jistgħu jipprovdu evidenza biex jissostanzjaw id-data tal-output. Jenħtieġ li dik l-evidenza tiġi pprovduta skont ir-regoli dwar ir-rappurtar fil-livell ta’ servizz tat-trasport stabbiliti bl-istandard EN ISO, u jenħtieġ li tkun disponibbli fuq talba ta’ awtorità kompetenti, bħal qorti, jew parti terza oħra jekk dan ikun meħtieġ skont obbligi legali jew kuntrattwali separati.
(34)
Sakemm ma japplikawx arranġamenti separati, jenħtieġ li intermedjarju tad-data li jiġbor informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ servizz tat-trasport minn entitajiet tat-trasport u tal-hubs jew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċirilevanti oħra, u jiżvelaha fis-suq, ma jitqiesx responsabbli jekk dik l-informazzjoni tikser xi wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament b’rabta mal-kalkolu u mal-verifika tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport, u maċ-ċertifikazzjoni tal-għodod ta’ kalkolu. Madankollu, l-intermedjarju tad-data jenħtieġ li jagħmel ħiltu biex jevita li jiżvela informazzjoni mhux preċiża jew mhux korretta, u jenħtieġ li jirrispetta r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament relatati mad-data tal-output tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u mal-komunikazzjoni u mat-trasparenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-intermedjarju tad-data jipprovdi s-sors ta’ dik l-informazzjoni biex jippermetti li jiġi identifikat il-fornitur tal-informazzjoni kkonċernat.
(35)
L-għodod ta’ kalkolu esterni li huma pprovduti fis-suq minn parti terza għall-użu kummerċjali u mhux kummerċjali usa’ jistgħu jiffaċilitaw il-kontabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport, u b’hekk jappoġġaw l-adozzjoni tagħha minn gruppi usa’ ta’ partijiet ikkonċernati. Jenħtieġ li l-għodod ta’ kalkolu esterni jiġu ċċertifikati biex jiggarantixxi li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, speċjalment fir-rigward tal-użu tal-metodoloġija komuni u ta’ sett xieraq ta’ data tal-input.
(36)
Jenħtieġ li sistema mfassla kif xieraq għall-verifika tal-konformità tad-data tal-output tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra żvelata fis-suq u l-proċessi ta’ kalkolu sottostanti mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament iżżid sostanzjalment il-fiduċja fl-affidabbiltà u l-preċiżjoni ta’ dik id-data. B’mod speċifiku, jenħtieġ li tistabbilixxi kundizzjonijiet dettaljati li jirregolaw il-verifika, irrispettivament minn jekk ikunx ikkonċernat servizz ta’ darba jew regolari, inkluż il-frekwenza xierqa tal-kontrolli, u l-arranġamenti proċedurali, filwaqt li jitqiesu kif xieraq in-natura u l-iskala tas-servizzi tat-trasport ikkonċernati u l-ħtieġa li jiġu evitati piżijiet amministrattivi sproporzjonati. Jenħtieġ li l-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data li jkunu għaddew mill-valutazzjoni tal-konformità jkunu intitolati jiksbu prova tal-konformità, li tkun rikonoxxuta b’mod komuni fl-Unjoni kollha. Meta tiġi inkluża data primarja, jenħtieġ li l-prova tal-konformità tirrikonoxxi l-inklużjoni tagħha, speċjalment biex tinċentiva l-ġbir u l-użu ta’ data primarja minn kwalunkwe entità kkonċernata minn dan ir-Regolament. Il-verifika tad-data tal-output jenħtieġ li tinkludi l-komparabbiltà ta’ tali data tal-output, inkluż fir-rigward tal-kalkolu tad-distanza, fejn id-devjazzjonijiet mid-distanza taċ-ċirku l-kbir u l-iqsar distanza fattibbli jenħtieġ li jiġu vverifikati għall-konsistenza tagħhom mal-istandard EN ISO.
(37)
Il-piż amministrattiv marbut mal-verifika jista’ jkun sproporzjonat għal intrapriżi iżgħar u għalhekk jenħtieġ li jiġi evitat. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-SMEs jiġu eżentati mir-rekwiżiti relatati mal-verifika, dment li dawk l-SMEs ma jkunux jixtiequ jiksbu prova tal-konformità. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-intrapriżi l-kbar iqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità meta jikkunsidraw li jitolbu l-verifika tal-konformità mis-sħab tal-katina tal-valur, b’mod partikolari mill-SMEs.
(38)
L-atti legali tal-Unjoni fis-settur tat-trasport diġà jistabbilixxu regoli dwar ir-rekwiżiti ta’ verifika tal-emissjonijiet, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2015/757 u (UE) 2023/1805 għas-settur marittimu, u d-Direttiva 2003/87/KE għas-settur tal-avjazzjoni. Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jenħtieġ li l-verifikaturi akkreditati skont dawk l-atti jitqiesu akkreditati skont dan ir-Regolament biex iwettqu attivitajiet ta’ verifika fis-settur rilevanti li joperaw fih, dment li jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali maħturin bl-intenzjoni tagħhom li jwettqu tali attivitajiet ukoll skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità jkunu entitajiet legali indipendenti u kompetenti, akkreditati minn korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni stabbiliti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 dwar l-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità japplika orizzontalment, inkluż għall-verifikaturi akkreditati skont ir-Regolamenti (UE) 2015/757 u (UE) 2023/1805 u d-Direttiva 2003/87/KE u għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditati skont dan ir-Regolament. Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 ikopri wkoll sitwazzjonijiet fejn il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jkollhom l-awtorità jieħdu miżuri xierqa jekk korp ta’ valutazzjoni tal-konformità ma jibqax kompetenti biex iwettaq attività speċifika ta’ valutazzjoni tal-konformità jew jekk ikun kiser serjament l-obbligi tiegħu.
(39)
Meta d-data tal-output diżaggregata dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport tkun diġà ġiet ivverifikata f’konformità ma’ regoli speċifiċi stabbiliti minn atti legali oħra tal-Unjoni, inkluż, għas-settur marittimu, ir-Regolament (UE) 2015/757 u l-atti delegati adottati abbażi tiegħu jew ir-Regolament (UE) 2023/1805 u l-atti delegati adottati abbażi tiegħu, u, għas-settur tal-avjazzjoni, id-Direttiva 2003/87/KE u l-atti ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tagħha, jenħtieġ li d-data inkwistjoni titqies li ġiet ivverifikata skont dan ir-Regolament.
(40)
Sabiex ikun possibbli l-funzjonament effiċjenti ta’ dan ir-Regolament u biex jiġi ssupplimentat b’regoli addizzjonali fejn hemm bżonn, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-valutazzjoni ta’ emenda għall-istandard EN ISO, u, fejn meħtieġ, tipprojbixxi l-applikazzjoni tiegħu, il-valutazzjoni u l-esklużjoni ta’ ċerti elementi tal-metodoloġija komuni, l-adattament tal-metriċi komuni għad-data tal-output dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-istabbiliment ta’ metodi u kriterji ulterjuri għallakkreditazzjoni tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (16). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(41)
Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar talbiet lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni biex jirrevedi l-istandard EN ISO, il-kjarifika tal-metodoloġija komuni, l-istabbiliment ta’ regoli u kundizzjonijiet biex jitwettaq il-kontroll tekniku tal-kwalità tal-bażijiet ta’ data ta’ partijiet terzi, l-istabbiliment tal-għodda ta’ kalkolu tal-UE, iċ-ċertifikazzjoni ta’ għodod ta’ kalkolu esterni, u l-verifika tad-data tal-output. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).
(42)
Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-inċentivar tal-bidla fl-imġiba mill-korpi pubbliċi, mill-intrapriżi u mill-konsumaturi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-servizzi tat-trasport, permezz tal-adozzjoni u l-użu ta’ data komparabbli u affidabbli dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri mingħajr ma jirriskjaw li jintroduċu ostakli amministrattivi fuq is-suq intern li jinvolvu kostijiet u piż amministrattiv addizzjonali għall-industriji iżda jista’ pjuttost, minħabba l-effett ta’ armonizzazzjoni tal-metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport stabbilita f’dan ir-Regolament, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-kontabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport li jibdew jew jintemmu fit-territorju tal-Unjoni, fejn tiġi kkalkulata u żvelata informazzjoni diżaggregata dwar dawk l-emissjonijiet, fuq bażi kuntrattwali jew volontarja għal finijiet kummerċjali, jew fejn tali kalkolu u żvelar ikunu meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli.
Dan ir-Regolament japplika għal:
(a)
l-operaturi tat-trasport, l-organizzaturi tas-servizzi tat-trasport u l-operaturi tal-hubs;
(b)
l-intermedjarji tad-data;
(c)
l-iżviluppaturi ta’ għodod ta’ kalkolu;
(d)
l-iżviluppaturi ta’ bażijiet ta’ data ta’ partijiet terzi; u
(e)
il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“gass serra” tfisser kostitwent gassuż tal-atmosfera, kemm naturali kif ukoll antropoġeniku, li jassorbi u jarmi radjazzjoni f’tul ta’ mewġa speċifiku fl-ispettru tar-radjazzjoni infraħamra emessa mill-wiċċ tad-dinja, mill-atmosfera u mis-sħab;
(2)
“emissjoni ta’ gassijiet serra” tfisser ir-rilaxx ta’ gass serra fl-atmosfera espress f’massa ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju;
(3)
“kontabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra” tfisser l-azzjonijiet imwettqa għall-kwantifikazzjoni, permezz ta’ kejl u kalkoli, u użati għar-rapportar, tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra;
(4)
“servizz tat-trasport” tfisser it-trasport ta’ merkanzija jew ta’ passiġġier minn oriġini għal destinazzjoni; servizz tat-trasport jista’ jimplika element wieħed jew aktar tal-katina tat-trasport li jeħtieġu kemm operazzjonijiet tat-trasport u operazzjonijiet tal-hub;
(5)
“operazzjoni tat-trasport” tfisser it-tħaddim ta’ vettura sabiex jiġu ttrasportati l-passiġġieri u/jew il-merkanzija;
(6)
“operazzjoni tal-hub” tfisser operazzjoni sabiex jiġu ttrasferiti merkanzija jew passiġġieri minn ġo hub;
(7)
“katina tat-trasport” tfisser sekwenza ta’ elementi tat-trasport relatati mal-merkanzija jew ma’ (grupp ta’) passiġġier(i) li, meta jittieħdu flimkien, jikkostitwixxu l-moviment tagħha minn oriġini sa destinazzjoni;
(8)
“element tal-katina tat-trasport” tfisser taqsima ta’ katina tat-trasport li fiha l-merkanzija jew (grupp ta’) passiġġier(i) jinġarr minn vettura waħda jew jgħaddi minn hub wieħed;
(9)
“data primarja” tfisser il-valur kwantifikat ta’ proċess jew attività miksuba minn kejl dirett jew ta’ kalkolu bbażat fuq kejl dirett;
(10)
“data sekondarja” tfisser jew data mmudellata jew valuri prestabbiliti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti biex jitqiesu data primarja, inkluż data minn bażijiet ta’ data u letteratura ppubblikata, fatturi prestabbiliti tal-valuri għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-inventarji nazzjonali, data kkalkulata, stimi jew data rappreżentattiva oħra u data miksuba minn proċessi indikaturi jew minn stimi;
(11)
“organizzatur ta’ servizzi tat-trasport” tfisser entità li tipprovdi servizzi tat-trasport li fihom l-operazzjoni ta’ xi elementi tal-katina tat-trasport tiġi sottokuntrattata lil entità waħda jew aktar li toperahom;
(12)
“operatur tat-trasport” tfisser entità li twettaq operazzjonijiet tat-trasport li jinvolvu l-ġarr ta’ merkanzija jew ta’ passiġġieri, jew it-tnejn li huma;
(13)
“operatur tal-hub” tfisser entità li twettaq operazzjonijiet tal-hub li jinvolvu l-ġarr ta’ merkanzija jew ta’ passiġġieri;
(14)
“entitajiet tat-trasport u tal-hub” tfisser organizzatur tas-servizz tat-trasport, operatur tat-trasport u operatur tal-hub;
(15)
“intermedjarju tad-data” tfisser persuna ġuridika jew fiżika li tipprovdi informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport li jibdew jew jintemmu fit-territorju tal-Unjoni, iżda li ma tipprovdix jew ma torganizzax dawk is-servizzi;
(16)
“intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju” jew “SMEs” tfisser mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u intrapriżi ta’ daqs medju, kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (18).
(17)
“valur prestabbilit” tfisser valur tad-data sekondarja meħud minn sors ippubblikat, li jitqies bħala prestabbilit fejn ikun hemm nuqqas ta’ data primarja jew immudellata;
(18)
“vettur tal-enerġija” tfisser sustanza jew fenomenu li jista’ jintuża għall-produzzjoni ta’ xogħol mekkaniku jew ta’ tisħin jew biex jiġu operati proċessi kimiċi jew fiżiċi;
(19)
“data mmudellata” tfisser data sekondarja stabbilita bl-użu ta’ mudell li jqis id-data primarja u/jew il-parametri rilevanti għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ operazzjoni tat-trasport jew operazzjoni tal-hub, inkluż bl-użu ta’ mudell ipprovdut permezz ta’ għodda ta’ kalkolu;
(20)
“data tal-output” tfisser data diżaggregata dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ servizz tat-trasport stabbilita bl-użu tal-metodoloġija komuni u d-data tal-input kif stipulat minn dan ir-Regolament;
(21)
“vettura” tfisser mezz għat-trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanzija, jew tat-tnejn, fil-modi kollha tat-trasport;
(22)
“attività ta’ gassijiet serra” tfisser attività li tirriżulta f’emissjoni ta’ gassijiet serra;
(23)
“data dwar attività ta’ gassijiet serra” tfisser kejl kwantitattiv ta’ attività ta’ gassijiet serra;
(24)
“intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra” tfisser koeffiċjent li jirrelata l-attività tat-trasport jew l-attività tal-hub mal-emissjoni ta’ gassijiet serra;
(25)
“fattur ta’ emissjoni tal-gassijiet serra” tfisser koeffiċjent li jirrelata d-data dwar l-attività ta’ gassijiet serra mal-emissjoni ta’ gassijiet serra;
(26)
“emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-estrazzjoni sal-użu” tfisser emissjonijiet li jirrappreżentaw l-impatt tal-gassijiet serra li jirriżulta mill-użu ta’ vetturi u l-operat tal-hubs tat-trasport, u mill-forniment tal-enerġija lil dawk is-servizzi;
(27)
“għodda ta’ kalkolu” tfisser applikazzjoni, mudell jew software li jippermettu l-kalkolu awtomatiku tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ servizz tat-trasport;
(28)
“għodda ta’ kalkolu esterna” tfisser għodda ta’ kalkolu li hija pprovduta fis-suq minn parti terza għall-użu kummerċjali jew mhux kummerċjali wiesgħa;
(29)
“ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju (CO2e)” tfisser unità għat-tqabbil tal-forza radjattiva ta’ gass serra ma’ dik tad-diossidu tal-karbonju;
(30)
“korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità” tfisser korp tal-valutazzjoni tal-konformità kif definit fl-Artikolu 2(13) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;
KAPITOLU II
METODOLOĠIJA KOMUNI
Artikolu 3
Metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport
1. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-metodoloġija komuni skont it-tifsira tal-EN ISO 14083:2023 - Gassijiet serra — Il-kwantifikazzjoni u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tal-katina tat-trasport (l-“istandard EN ISO”), fil-verżjoni aġġornata tiegħu, kif speċifikat f’dan il-Kapitolu.
2. Mhux aktar tard mit-3 ta’ Diċembru 2033, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa għal aġġustament ta’ kwalunkwe komponent tal-istandard EN ISO.
3. Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru, tniedi kontroll tal-konformità biex tivvaluta kwalunkwe emenda għall-istandard EN ISO u l-ħtieġa għal aġġustament sussegwenti.
4. B’deroga mill-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tidentifika emendi għall-istandard EN ISO jew għal kwalunkwe komponent tiegħu msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li joħolqu riskju ċar ta’ inkompatibbiltà mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u mal-liġi applikabbli oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari mar-Regolament (UE) 2021/1119, u li għalhekk ma għandhomx japplikaw.
5. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex titlob lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni jirrevedi l-istandard EN ISO, abbażi tar-riżultat tal-valutazzjoni previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-kontroll tal-konformità previst fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).
6. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati biex jiċċaraw il-metodoloġija komuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tagħha fis-suq fir-rigward tal-approċċ għad-determinazzjoni ta’ parametri xierqa rilevanti għall-emissjonijiet għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra qabel ma jiġi pprovdut servizz tat-trasport, u, meta applikabbli, li jistabbilixxu parametri tekniċi oħra relatati mal-allokazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra jew mal-aggregazzjoni tal-elementi tad-data li ma humiex spjegati b’mod espliċitu f’dik il-metodoloġija komuni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).
KAPITOLU III
DATA TAL-INPUT U SORSI TAGĦHA
Artikolu 4
L-użu ta’ data primarja u sekondarja
1. L-entitajiet tat-trasport u tal-hub u l-intermedjarji tad-data għandhom jagħtu prijorità lill-użu ta’ data primarja għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport.
Stat Membru jista’ jipprevedi li l-użu ta’ data primarja jkun obbligatorju għal operazzjonijiet ta’ trasport li jitwettqu fit-territorju tiegħu minn entitajiet tat-trasport u tal-hub, li n-numru ta’ impjegati tagħhom jaqbeż limitu speċifiku stabbilit mil-liġi nazzjonali, fejn is-servizz ta’ trasport jibda u jispiċċa fit-territorju tiegħu. L-Istat Membru ma għandux japplika tali rekwiżit għall-operazzjonijiet tat-trasport transfruntieri, inkluż għall-operazzjonijiet tat-trasport fi tranżitu mit-territorju tiegħu, jew għall-SMEs.
2. Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu inċentivi amministrattivi, finanzjarji jew operazzjonali biex jistimulaw l-użu ta’ data primarja.
3. L-użu ta’ data sekondarja għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ servizz tat-trasport għandu jkun permess fil-qafas tal-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
fejn il-valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra huma derivati minn:
(i)
bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni tal-valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (“bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni”), kif imsemmija fl-Artikolu 5; jew
(ii)
bażijiet ta’ data u settijiet tad-data tal-valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra operati minn partijiet terzi, f’konformità mal-Artikolu 6;
(b)
fejn il-valuri prestabbiliti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-vetturi tal-enerġija tat-trasport huma derivati mill-bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni dwar il-fatturi prestabbiliti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (“bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni”), kif imsemmi fl-Artikolu 7;
(c)
fejn d-data mmudellata tiddependi fuq mudell stabbilit f’konformità mal-metodoloġija komuni msemmija fl-Artikolu 3(1), u, fejn xieraq, f’konformità mal-kundizzjonijiet għall-użu ta’ data sekondarja stipulati fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu, u mad-dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ għodod ta’ kalkolu stipulati fl-Artikoli 8 u 11.
F’konformità mal-metodoloġija komuni, meta l-entitajiet tat-trasport u tal-hub iwettqu kalkolu ex ante tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ servizz tat-trasport speċifiku, huma jistgħu jużaw valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjoni tal-gassijiet serra stabbiliti abbażi ta’ data primarja minn servizz tat-trasport ta’ karatteristiċi simili mwettqa mill-istess entitajiet fis-sena ta’ qabel il-kalkolu ex ante.
4. Meta l-entitajiet tat-trasport u tal-hub u l-intermedjarji tad-data jużaw bħala data tal-input id-data primarja li diġà tkun intużat bħala bażi biex tiġi stabbilita data tal-output li tkun ġiet ivverifikata skont atti legali oħra tal-Unjoni minn korp akkreditat imsemmi fl-Artikolu 16, il-verifika msemmija fl-Artikolu 12(1) ma għandhiex tkun meħtieġa tindirizza s-sorsi tad-data tal-input użata għall-kalkolu kif imsemmi fl-Artikolu 13(2), il-punt (b).
5. Meta jikkalkulaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-elettriku kkunsmat, l-entitajiet tat-trasport u tal-hub u l-intermedjarji tad-data jistgħu jagħżlu li jużaw l-approċċ ibbażat fuq is-suq minflok id-data sekondarja bbażata fuq il-post, dment li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness J tal-istandard EN ISO.
Artikolu 5
Bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni tal-valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra
1. Il-Kummissjoni, bl-assistenza teknika tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u, fejn meħtieġ, b’kontribut addizzjonali u volontarju tal-Istati Membri, għandha sat-2 ta’ Diċembru 2029 tistabbilixxi bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tinkludi fil-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għat-tipi ta’ vetturi tipikament użati fl-Unjoni, f’xi wħud mill-Istati Membri jew fl-Istati Membri kollha.
2. Fejn disponibbli u xieraq, il-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni għandha tinkludi valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra miftiehma mill-Unjoni, jew fl-interess tal-Unjoni, fil-livell internazzjonali.
3. Il-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni għandha tinkludi tabella separata għal kull mod ta’ trasport, b’mod partikolari għall-valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tat-tbaħħir marittimu. Id-data dwar it-tbaħħir marittimu għandha tinkiseb mill-bażi ta’ data THETIS-MRV u tiġi kkomplementata, fejn applikabbli, minn sorsi oħra ta’ informazzjoni, bħall-bażi ta’ data FuelEU stabbilita skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2023/1805.
4. Meta tfassal il-valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-Kummissjoni għandha:
(a)
tapplika l-approċċ ibbażat fuq il-post previst fil-metodoloġija komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) u, fejn xieraq, tqis il-karatteristiċi uniċi ta’ Stati Membri differenti;
(b)
tqis il-fatturi tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jkunu ġew iddeterminati f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).
5. Il-Kummissjoni għandha, bl-għajnuna teknika tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, tiżgura l-manutenzjoni, l-aġġornament regolari, l-iżvilupp kontinwu, u livell xieraq ta’ sigurtà, tal-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni skont il-paragrafu 1, filwaqt li tqis l-evoluzzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp teknoloġiku fis-settur tat-trasport, u kwalunkwe approċċ metodoloġiku ġdid għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-kompatibbiltà u l-konsistenza tal-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni mal-atti legali eżistenti tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, tal-inqas fuq bażi annwali, il-ħtieġa li taġġorna l-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni.
Kull meta l-valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jinsabu fil-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni jiġu aġġornati, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tagħmel il-valuri prestabbiliti aġġornati disponibbli għall-pubbliku. L-entitajiet tat-trasport u tal-hub u l-intermedjarji tad-data għandhom jużaw l-aħħar data disponibbli biex jikkalkulaw u jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi żmien 18-il xahar mid-data li fiha l-aġġornament isir disponibbli għall-pubbliku.
L-obbligu li jintużaw il-valuri prestabbiliti aġġornati msemmija fit-tieni subparagrafu għandu japplika biss għal data tal-output ġdida li għandha tiġi kkalkulata u żvelata wara l-aġġornament, mingħajr ma tkun meħtieġa r-reviżjoni retroattiva tal-informazzjoni diġà ppubblikata.
6. L-aċċess mill-pubbliku għall-bażi ta’ data ewlenija tal-Unjoni, sabiex jiġu kkonsultati jew jintużaw il-valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, għandu jkun mingħajr ħlas, u jkun ipprovdut fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Artikolu 6
Bażijiet tad-data u settijiet tad-data tal-valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra operati minn partijiet terzi
1. Żviluppatur ta’ bażi ta’ data jew sett tad-data ta’ parti terza għandu jissottometti applikazzjoni lill-Kummissjoni għal kontroll tekniku tal-kwalità tal-valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra inklużi f’dik il-bażi ta’ data jew sett tad-data. Il-Kummissjoni, bl-assistenza teknika tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandha tivvaluta dik l-applikazzjoni billi twettaq tali kontroll tekniku tal-kwalità f’konformità mal-metodoloġija komuni msemmija fl-Artikolu 3(1).
2. Għandhom jintużaw biss bażijiet ta’ data u settijiet tad-data ta’ parti terza ta’ valuri għall-intensitajiet tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jkunu ġew ivvalutati b’mod pożittiv skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-fini tad-derivazzjoni ta’ data sekondarja f’konformità mal-Artikolu 4(3), il-punt (a)(ii). Il-Kummissjoni għandha tippubblika u żżomm lista aġġornata tal-bażijiet ta’ data li jistipulaw il-valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mħaddma minn partijiet terzi li jkunu ġew ivvalutati b’mod pożittiv. Dik il-lista aġġornata għandha tkun disponibbli għall-pubbliku fuq sit web iddedikata.
3. L-obbligu għal kontroll tekniku tal-kwalità stabbilit fil-paragrafu 1 għandu japplika mit-3 ta’ Diċembru 2031. Valutazzjoni pożittiva skont il-paragrafu 2 għandha tkun valida għal sentejn.
4. Mhux aktar tard mit-2 ta’ Ġunju 2030, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli u kundizzjonijiet dettaljati għat-twettiq tal-kontroll tekniku tal-kwalità msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u kundizzjonijiet għal valutazzjoni pożittiva skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. L-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw il-perjodu ta’ żmien li fih għandhom jitwettqu l-kontrolli tekniċi tal-kwalità. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).
Artikolu 7
Bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni tal-valuri prestabbiliti għall-fatturi tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra
1. Il-Kummissjoni, bl-assistenza teknika tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u, fejn meħtieġ, bil-kontribut addizzjonali u volontarju tal-Istati Membri, tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u ta’ korpi settorjali oħra tal-Unjoni, għandha, sat-2 ta’ Ġunju 2028, tistabbilixxi bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex fil-bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni tinkludi valuri prestabbiliti għall-fatturi tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għal vetturi tal-enerġija tat-trasport tipikament użati fl-Unjoni, f’xi wħud mill-Istati Membri jew fl-Istati Membri kollha.
2. Meta tfassal il-valuri prestabbiliti għall-fatturi ta’ emissjoni tal-gassijiet serra, il-Kummissjoni għandha tapplika l-approċċ ibbażat fuq il-post previst fil-metodoloġija komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) u, fejn xieraq, tqis il-karatteristiċi uniċi ta’ Stati Membri differenti.
Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tqis il-fatturi tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jkunu ġew iddeterminati f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001.
3. Fejn disponibbli u xieraq, il-bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni għandha tinkludi valuri prestabbiliti għall-fatturi tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra miftiehma mill-Unjoni, jew fl-interess tal-Unjoni, fil-livell internazzjonali.
4. Il-Kummissjoni għandha, bl-għajnuna teknika tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, tiżgura l-manutenzjoni, l-aġġornament regolari u l-iżvilupp kontinwu, u livell xieraq ta’ sigurtà, tal-bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li tqis il-ħtieġa għal aġġustamenti għal kwalunkwe komponent għall-istandard kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), l-evoluzzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp teknoloġiku fis-settur tat-trasport, u approċċi metodoloġiċi ġodda għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-kompatibbiltà u l-konsistenza tal-bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni mal-atti legali eżistenti tal-Unjoni.
Kull meta l-valuri prestabbiliti għall-fatturi tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jinsabu fil-bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni jiġu aġġornati, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tagħmel il-valuri aġġornati disponibbli għall-pubbliku. L-entitajiet tat-trasport u tal-hub u l-intermedjarji tad-data għandhom jużaw l-aħħar data disponibbli biex jikkalkulaw u jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi żmien 18-il xahar mid-data li fiha l-aġġornament isir disponibbli għall-pubbliku.
L-obbligu li jintużaw il-valuri prestabbiliti aġġornati msemmija fit-tieni subparagrafu għandu japplika biss għal data tal-output ġdida li għandha tiġi kkalkulata u żvelata wara l-aġġornament, mingħajr ma tkun meħtieġa r-reviżjoni retroattiva tal-informazzjoni diġà ppubblikata.
5. L-aċċess mill-pubbliku għall-bażi ta’ data ċentrali tal-Unjoni, sabiex jiġu kkonsultati jew jintużaw il-valuri prestabbiliti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-vetturi tal-enerġija tat-trasport, għandu jkun mingħajr ħlasu pprovdut fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Artikolu 8
Għodda ta’ kalkolu tal-UE
1. Sat-2 ta’ Ġunju 2030, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, biex tiżgura li għodda ta’ kalkolu tal-UE simplifikata, faċli għall-utent u mingħajr ħlas, li tiffaċilita l-kalkoli bbażati fuq data primarja u li tippermetti l-użu ta’ valuri prestabbiliti għall-intensitajiet tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u, fejn disponibbli u rilevanti, ta’ valuri prestabbiliti għall-fatturi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, f’konformità mal-Artikolu 4(3), il-punti (a) u (b), rispettivament, issir aċċessibbli mill-pubbliku għall-operaturi tat-trasport u tkun imfassla biex tappoġġa b’mod partikolari lill-operaturi tat-trasport mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Dik l-għodda ta’ kalkolu tal-UE għandha tiġi aġġornata perjodikament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).
2. Meta l-operaturi tat-trasport jużaw l-għodda ta’ kalkolu tal-UE għall-istabbiliment tad-data tal-output, il-verifika msemmija fl-Artikolu 12(1) ma għandhiex tkun meħtieġa tindirizza l-korrettezza tal-kalkolu mwettaq kif imsemmi fl-Artikolu 13(2), il-punt (c).
3. Sabiex titrawwem l-applikazzjoni mifruxa tal-istandard EN ISO mill-operaturi tat-trasport, u b’mod partikolari mill-SMEs, l-għodda ta’ kalkolu tal-UE għandha tkun akkumpanjata minn manwal, li jgħin lill-SMEs fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li jispjega b’mod ċar kif għandhom jintużaw il-funzjonalitajiet tal-għodda ta’ kalkolu tal-UE. Dak il-manwal għandu jkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
KAPITOLU IV
DATA TAL-OUTPUT U TRASPARENZA
Artikolu 9
Stabbiliment ta’ data tal-output dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ servizz tat-trasport
1. Id-data tal-output għandha tiġi stabbilita bl-użu tal-metodoloġija komuni u tad-data tal-input f’konformità mal-Artikoli 3 sa 7.
2. Id-data tal-output tista’ tiġi stabbilita bl-użu ta’ għodod ta’ kalkolu. L-għodod ta’ kalkolu esterni għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11.
3. Id-data tal-output bħala minimu għandha tikkonsisti f’massa totali ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju (CO2e) għal kull servizz tat-trasport, u, fir-rigward ta’ tip ta’ servizz tat-trasport ikkonċernat, f’mill-inqas waħda mill-metriċi komuni li ġejjin:
(a)
massa ta’ CO2e għal kull tunnellata-kilometru, jew unitajiet ekwivalenti, għat-trasport tal-merkanzija;
(b)
massa ta’ CO2e għal kull tunnellata, jew unitajiet ekwivalenti, għat-throughput tal-hub tal-merkanzija;
(c)
massa ta’ CO2e għal kull kilometru tal-passiġġieri, jew unitajiet ekwivalenti, għat-trasport tal-passiġġieri;
(d)
massa ta’ CO2e għal kull passiġġier, jew unitajiet ekwivalenti, għat-throughput tal-hub tal-passiġġieri.
4. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 17 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi jikkumplimentaw il-lista ta’ metriċi komuni għad-data tal-output imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 10
Komunikazzjoni u trasparenza
1. L-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data għandhom jiżvelaw id-data tal-output b’mod ċar u mhux ambigwu, kull meta possibbli, qabel il-forniment ta’ servizz tat-trasport jew il-konklużjoni ta’ kuntratt tat-trasport. Meta l-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data jiżvelaw id-data tal-output, fil-komunikazzjoni li takkumpanja dak l-iżvelar għandhom jinkludu d-dikjarazzjoni “Emissjonijiet tal-gassijiet serra kkalkulati f’konformità mar-Regolament (UE) 2026/1030” f’mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u fejn possibbli, anki f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jitwettaq is-servizz.
2. L-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data jistgħu jagħżlu li juru b’mod viżibbli l-informazzjoni li ġejja:
(a)
jekk id-data tagħhom hijiex soġġetta għall-verifika msemmija fl-Artikolu 12(1);
(b)
jekk użawx esklużivament data primarja għall-kalkoli tagħhom tad-data tal-output;
(c)
jekk użawx l-għodda ta’ kalkolu tal-UE msemmija fl-Artikolu 8.
3. Meta d-data tal-output tinkiseb u tiġi żvelata minn intermedjarju tad-data li ma jikkalkulax l-emissjonijiet abbażi ta’ arranġamenti separati, għandhom japplikaw il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 9(3). Meta jiżvelaw id-data tal-output, l-intermedjarju tad-data għandu jinkludi referenza għas-sors ta’ dik id-data tal-output.
4. Meta tintuża data primarja, l-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data għandhom ikunu intitolati jikkomunikaw dak il-fatt lil kwalunkwe parti terza dment li l-użu tad-data primarja jkun ġie aċċertat f’konformità mal-verifika prevista fl-Artikoli 12 u 13.
5. L-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data li jikkalkulaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandhom ikunu jistgħu jipprovdu evidenza li tissostanzja kif ġiet stabbilita d-data tal-output. Dik l-evidenza għandha tingħata f’konformità mal-metodoloġija komuni msemmija fl-Artikolu 3(1), u:
(a)
għandha sservi bħala bażi għall-valutazzjoni tal-verifika mwettqa f’konformità mal-Artikoli 12 u 13;
(b)
għandha ssir disponibbli fuq talba ta’ awtorità kompetenti, maħtura skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, jew ta’ parti terza oħra sakemm japplikaw obbligi legali jew kuntrattwali separati;
(c)
meta l-verifika titwettaq f’konformità mal-Artikoli 12 u 13, din għandha tinkludi referenza għall-prova tal-konformità msemmija fl-Artikolu 13(6), u l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-korp tal-valutazzjoni tal-konformità li jkun fassal il-prova tal-konformità;
(d)
meta d-data tal-output tiġi stabbilita permezz tal-użu ta’ għodda ta’ kalkolu esterna msemmija fl-Artikolu 9(2), din għandha tinkludi referenza għal dik l-għodda ta’ kalkolu.
6. Id-data tal-output u l-evidenza msemmija fil-paragrafu 5 għandhom jiġu stabbiliti b’mod ċar u mhux ambigwu, f’mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Meta jkun possibbli, dawn għandhom ikunu disponibbli fil-forma ta’ weblink, kodiċi QR jew ekwivalenti.
7. Id-data personali għandha tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).
8. Kwalunkwe riċevitur tad-data tal-output u tal-evidenza msemmija fil-paragrafu 5 għandu jieħu miżuri biex jiżgura l-kunfidenzjalità tad-data kummerċjali rilevanti li tiġi pproċessata u kkomunikata f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u jiżgura li tali data tal-output u evidenza tkun tista’ tiġi aċċessata, ipproċessata u żvelata biss meta tkun awtorizzata.
KAPITOLU V
MIŻURI KOMPLEMENTARI
Artikolu 11
Ċertifikazzjoni tal-għodod ta’ kalkolu esterni
1. L-għodod ta’ kalkolu esterni) għandhom jiġu ċċertifikati minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità kif imsemmi fl-Artikolu 14.
2. L-iżviluppaturi ‘tal-għodda ta’ kalkolu esterni għandhom jissottomettu applikazzjoni lil korp tal-valutazzjoni tal-konformità kif imsemmi fl-Artikolu 14 li għandu jivvaluta l-konformità tal-għodda ta’ kalkolu esterna mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 9. Fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva, il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu joħroġ ċertifikat tal-konformità tal-għodda ta’ kalkolu esterna ma’ dan ir-Regolament. Iċ-ċertifikat għandu jkun validu għal sentejn. Fil-każ ta’ valutazzjoni negattiva, il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jipprovdi r-raġunijiet għall-valutazzjoni negattiva lill-applikant.
3. Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità kkonċernat għandu jżomm lista aġġornata tal-għodod ta’ kalkolu esterni li huwa jkun iċċertifika u ta’ dawk li għalihom ikun irrestrinġa, issospenda jew irtira ċ-ċertifikazzjoni. Huwa għandu jagħmel din il-lista disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tiegħu u għandu jikkomunika l-indirizz ta’ dak is-sit web lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.
4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web uffiċjali tagħha lista aċċessibbli faċilment tal-għodod ta’ kalkolu esterni kollha li ġew iċċertifikati f’konformità mal-paragrafi 1 u 2, kif ukoll link għas-siti web imsemmija fil-paragrafu 3.
5. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-għodod ta’ kalkolu esterni, u dwar iċ-ċertifikat tal-konformità relatat, inklużi regoli dwar ir-restrizzjoni, it-tiġdid, is-sospensjoni u l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).
KAPITOLU VI
VERIFIKA TAD-DATA TAL-EMISSJONIJIET TA’ GASSIJIET SERRA U TAL-KALKOLI
Artikolu 12
Kamp ta’ applikazzjoni tal-verifika
1. Il-konformità tad-data tal-output imsemmija fl-Artikolu 9 mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 9 għandha tiġi vverifikata minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità kif imsemmi fl-Artikolu 14.
2. Il-paragrafu 1 għandu japplika għall-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data li jikkalkulaw l-emissjonijiet, bl-eċċezzjoni tal-SMEs. L-SMEs jistgħu jgħaddu minn verifika skont dan ir-Regolament fuq talba tagħhom.
Artikolu 13
Attivitajiet ta’ verifika
1. Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità msemmi fl-Artikolu 14 għandu jivverifika l-affidabbiltà, il-kredibbiltà, l-aderenza u l-preċiżjoni tad-data tal-output żvelata minn entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data li jikkalkulaw l-emissjonijiet.
2. Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jivverifika l-konformità tad-data tal-output żvelata mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 9, u abbażi tal-evidenza msemmija fl-Artikolu 10(5). Dik il-verifika għandha tindirizza:
(a)
il-metodoloġija tal-kalkolu użata;
(b)
is-sorsi tad-data tal-input użati għall-kalkolu;
(c)
il-korrettezza tal-kalkolu mwettaq;
(d)
il-metriċi komuni applikati.
3. Meta jintużaw għodod ta’ kalkolu esterni, il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jqis iċ-ċertifikati ta’ konformità rispettivi tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 11(2).
4. Meta l-verifika tidentifika kalkoli skorretti jew nuqqas ta’ konformità mal-Artikoli 3 sa 9, il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jinforma lill-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data kkonċernati b’dan mingħajr dewmien żejjed. Dawk l-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data għandhom minn hemm ’il quddiem jikkoreġu l-kalkolu jew jirrimedjaw kwalunkwe nuqqas ta’ konformità sabiex jippermettu t-tlestija tal-verifika.
5. L-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data għandhom jipprovdu lill-korp tal-valutazzjoni tal-konformità bi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tippermettilu jwettaq il-verifika. Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità jista’ jwettaq kontrolli matul il-verifika biex jiddetermina l-affidabbiltà tad-data u tal-kalkoli.
6. Mat-tlestija tal-verifika, il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jfassal, meta xieraq, prova tal-konformità li tikkonferma li d-data tal-output tikkonforma mar-rekwiżiti relevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament u li tispeċifika jekk l-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data jużawx data primarja.
7. Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità kkonċernat għandu jfassal u jżomm lista aġġornata tal-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data li jkunu għaddew mill-verifika skont dan l-Artikolu. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jinnotifika dik il-lista lill-Kummissjoni.
8. F’każijiet fejn id-data tal-output tkun diġà ġiet ivverifikata skont atti legali oħra tal-Unjoni li jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-verifika tad-data tal-output, u li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, tali data tal-output għandha titqies li tkun ġiet ivverifikata skont dan l-Artikolu.
9. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-verifika tad-data tal-output, il-frekwenza xierqa ta’ dik il-verifika u l-prova tal-konformità relatata. Dawk ir-regoli għandhom jinkludu dispożizzjonijiet relatati mal-evidenza msemmija fl-Artikolu 10(5), u d-drittijiet ta’ komunikazzjoni relatati mal-użu ta’ data primarja msemmija fl-Artikolu 10(4). Meta tistabbilixxi dawk ir-regoli, il-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq kriterji oġġettivi, inkluż in-natura u l-iskala tas-servizz tat-trasport ikkonċernat, ir-riskju relattiv ta’ nuqqas ta’ konformità, u l-ħtieġa li jiġu evitati piżijiet amministrattivi sproporzjonati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).
KAPITOLU VII
AKKREDITAZZJONI
Artikolu 14
Korpi tal-valutazzjoni tal-konformità
1. Il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom jiġu akkreditati biex iwettqu l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ verifika msemmija fl-Artikoli 11, 12 u 13.
2. Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jkun indipendenti mill-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u mill-intermedjarji tad-data li japplikaw għall-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ verifika msemmija fl-Artikoli 11, 12 u 13.
3. Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ verifika ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda attività li tista’ tkun f’kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew mal-integrità tagħhom b’rabta mal-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ verifika.
4. Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tiegħu għandhom iwettqu l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ verifika bl-ogħla livell ta’ integrità professjonali u l-kompetenza teknika meħtieġa u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u inċentiv, b’mod partikolari finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet, speċjalment fir-rigward ta’ persuni jew ta’ gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet.
5. Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu l-għarfien espert, it-tagħmir u l-infrastruttura meħtieġa biex iwettaq l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ verifika li b’rabta magħhom ikun ġie akkreditat.
6. Il-persunal ta’ korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-attivitajiet taċ-ċertifikazzjoni u tal-verifika.
7. Meta korp tal-valutazzjoni tal-konformità jissottokuntratta attivitajiet speċifiċi konnessi maċ-ċertifikazzjoni jew mal-verifika, jew jirrikorri għal sussidjarju, huwa għandu jieħu responsabbiltà sħiħa għall-attivitajiet mwettqa minn sottokuntratturi u minn sussidjarji jkunu fejn ikunu stabbiliti dawk l-attivitajiet, inkluż billi jivvaluta u jimmonitorja l-kwalifiki tas-sottokuntrattur jew tas-sussidjarja u l-ħidma mwettqa minnhom.
Artikolu 15
Proċeduri ta’ akkreditazzjoni
1. Il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu akkreditati minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008.
2. Kull Stat Membru għandu jiddeżinja awtorità li għandha żżomm lista aġġornata tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità akkreditati. Dawk l-awtoritajiet nazzjonali maħturin għandhom jagħmlu dik il-lista disponibbli għall-pubbliku fuq sit web uffiċjali tal-gvern. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li tali dmir għandu jitwettaq mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.
3. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-lista ta’ korpi tal-valutazzjoni tal-konformità akkreditati, flimkien mal-informazzjoni ta’ kuntatt rilevanti kollha.
4. Meta ma tkun stabbilita l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-akkreditazzjoni tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità f’dan ir-Regolament, għandu japplika r-Regolament (KE) Nru 765/2008.
5. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 17 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi metodi u kriterji ulterjuri għall-akkreditazzjoni tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità.
Artikolu 16
Verifika skont atti legali oħra tal-Unjoni inkluż is-settur marittimu u tal-avjazzjoni
1. Il-verifikaturi akkreditati skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/757 u l-atti delegati adottati abbażi tiegħu, jew skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2023/1805 u l-atti delegati adottati abbażi tiegħu, jistgħu jwettqu l-attivitajiet ta’ verifika tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-verifikaturi għandhom jitqiesu akkreditati skont l-Artikoli 14 u 15 ta’ dan ir-Regolament biex iwettqu l-attivitajiet ta’ verifika għas-settur marittimu.
2. Il-verifikaturi akkreditati skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE u l-atti ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tagħha, jistgħu jwettqu l-attivitajiet ta’ verifika tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-verifikaturi għandhom jitqiesu akkreditati skont l-Artikoli 14 u 15 ta’ dan ir-Regolament biex iwettqu l-attivitajiet ta’ verifika għas-settur tal-avjazzjoni.
3. Il-verifikaturi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinfurmaw lill-awtorità msemmija fl-Artikolu 15(2) bl-intenzjoni tagħhom li jwettqu l-attivitajiet ta’ verifika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità skont dan ir-Regolament qabel ma jwettqu l-ewwel verifika tagħhom skont dan ir-Regolament.
KAPITOLU VIII
ATTI DELEGATI U TA’ IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 17
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(4), l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 15(5) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mill-1 ta’ Ġunju 2026.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3(4), l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 15(5) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(4), l-Artikolu 9(4) jew l-Artikolu 15(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 18
Proċedura ta’ Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
KAPITOLU IX
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 19
Evalwazzjoni u rapport
Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tal-objettiv li jsegwi u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-3 ta’ Diċembru 2034.
Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jinkludi:
(a)
analiżi tal-konsegwenzi għall-entitajiet tat-trasport u tal-hubs u l-intermedjarji tad-data rigward il-kostijiet amministrattivi relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;
(b)
valutazzjoni ta’ kif jista’ jiġi inċentivat aktar l-użu ta’ data primarja;
(c)
analiżi tal-effetti ta’ rekwiżit obbligatorju li jiġu kwantifikati u żvelati l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, f’konformità ma’ dan ir-Regolament kif applikabbli għall-entitajiet tat-trasport u tal-hubs;
(d)
valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-kontabbilizzazzjoni tat-tniġġis tal-arja kkawżat mis-servizzi tat-trasport;
(e)
valutazzjoni tal-azzjonijiet meħuda biex jiġi żgurat li dan ir-Regolament ikun kompletament aċċessibbli;
(f)
analiżi ta’ kif l-intermedjarji tad-data jiżvelaw id-data tal-output skont dan ir-Regolament u l-effetti possibbli ta’ dak l-iżvelar fuq l-għażliet magħmula mill-korpi pubbliċi, l-intrapriżi u l-konsumaturi;
(g)
valutazzjoni tal-fattibbiltà li l-metodoloġija komuni tiġi ssupplimentata biex jitqiesu wkoll l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-produzzjoni, il-manutenzjoni u r-rimi tal-vetturi; tali valutazzjoni għandha tinkludi rapport dwar il-progress li jkun sar fl-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni biex jiġi żviluppat standard aċċettat globalment ibbażat fuq l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Għandu japplika mit-2 ta’ Diċembru 2030.
Madankollu, l-Artikolu 3(4), (5) u (6), l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u (3), l-Artikolu 9(4), l-Artikolu 11(5), l-Artikolu 13(9) u l-Artikolu 15(5) għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strażburgu, id-29 ta’ April 2026.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. RAOUNA
(1) ĠU C, C/2024/890, 6.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/890/oj.
(2) ĠU C, C/2024/1982, 18.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1982/oj.
(3) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (ĠU C, C/2025/1313, 13.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1313/oj) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-26 ta’ Frar 2026 (ĠU C, C/2026/2277, 17.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2277/oj). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2026 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1119/oj).
(5) Id-Direttiva (UE) 2024/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024 li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar (ĠU L, 2024/825, 6.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/825/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej (ĠU L 192, 22.7.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/691/oj).
(7) Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2464/oj).
(8) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2279 tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-użu tal-metodi tal-Impronta Ambjentali għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet (ĠU L 471, 30.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2021/2279/oj).
(9) Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/757/oj).
(10) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).
(11) Ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/631/oj).
(12) Ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 202, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1242/oj).
(13) Ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1805/oj).
(14) Ir-Regolament (UE) 2023/2405 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwi għal trasport bl-ajru sostenibbli (ReFuelEU Aviation) (ĠU L, 2023/2405, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2405/oj).
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/765/oj).
(16) Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj).
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).
(18) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2003/361/oj).
(19) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj).
(20) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1030/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top